28.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Novembru 2011 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (Ir-Renju Unit) — Ir-Renju Unit) — Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs The Rank Group PLC
(Kawżi magħquda C-259/10 u C-260/10) (1)
(Tassazzjoni - Sitt Direttiva tal-VAT - Eżenzjonijiet - Artikolu 13B(f) - Imħatri, lotteriji u logħob ieħor tal-ażżard jew bi flus - Prinċipju ta’ newtralità fiskali - Bingo mekkanizzat bir-rebħ imħallas fi flus (‘mechanised cash bingo’) - Slot machines - Prattika amministrattiva differenti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi - Metodu ta’ difiża bbażat fuq id-diliġenza dovuta (‘due diligence’))
2012/C 25/14
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (Ir-Renju Unit)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
Konvenuta: The Rank Group PLC
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(f) tad-Direttiva 77/388/KEE: Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) — Eżenzjoni ta’ mħatri, lotteriji u logħob ieħor tal-ażżard jew tal-flus — Bingo mekkanizzat bir-rebħ imħallas fi flus (“mechanised cash bingo”) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal trattament differenti fir-rigward tal-VAT bejn prestazzjonijiet u servizzi identiċi mill-perspettiva tal-konsumatur jew li jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur — Differenza fit-trattament skont l-ammont li jkun intlagħab u l-ammont tal-premju — Ksur tal-prinċipju tan-newtralità fiskali?
Dispożittiv
(1)
Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li trattament differenti fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi jew simili mill-perspettiva tal-konsumatur u li jissodisfaw l-istess bżonnijiet tiegħu huwa biżżejjed sabiex jistabbilixxi ksur ta’ dan il-prinċipju. Għalhekk, tali ksur ma jirrikjedix li barra minn hekk tiġi stabbilita wkoll l-eżistenza effettiva ta’ kompetizzjoni bejn is-servizzi inkwistjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-imsemmi trattament differenti.
(2)
Fil-preżenza ta’ trattament differenti bejn żewġ logħbiet tal-ażżard fir-rigward tal-għoti ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud skont l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn iż-żewġ logħbiet jiffurmaw parti minn kategoriji ta’ liċenzjar differenti u li huma suġġetti għal sistemi legali differenti fir-rigward tal-kontroll u tar-regolamentazzjoni.
(3)
Sabiex jiġi evalwat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jekk żewġ tipi ta’ slot machines humiex simili u jeħtiġux l-istess trattament fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi vverifikat jekk l-użu ta’ dawn it-tipi huwiex paragunabbli mill-perspettiva tal-konsumatur medju u jissodisfax l-istess bżonnijiet tiegħu, peress li l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma b’mod partikolari l-limiti minimi u massimi tal-imħatri u tar-rebħ kif ukoll l-opportunitajiet tar-rebħ.
(4)
Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli ma tistax titolb ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fuq ċerti provvisti ta’ servizzi billi tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju, meta l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru kkonċernat ikunu ttrattataw, fil-prattika, provvisti ta’ servizzi simili bħala prestazzjonijiet eżenti, minkejja li dawn ma jkunux eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.
(5)
Il-prinċipju tan-newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li jkun għamel użu mis-setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 13(B)(f) tas-Sitt Direttiva 77/388 u li jkun eżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-mezzi kollha biex jintlagħab il-logħob tal-ażżard, filwaqt li jkun eskluda minn tali eżenzjoni kategorija ta’ apparat li jissodisfa ċerti kriterji, ma jistax jopponi, kontra talba għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud ibbażata fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju, il-fatt li kien aġixxa bid-diliġenza dovuta għall-iżvilupp ta’ tip ġdid ta’ apparat li ma kienx jissodisfa dawn il-kriterji.
(1) ĠU C 209, 31.07.2010.
Full & Egal Universal Law Academy