2.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 194/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Mejju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Augstākās tiesas Senāts – ir-Repubblika tal-Litwanja) — Andrejs Eglītis, Edvards Ratnieks vs Latvijas Republikas Ekonomikas ministrija
(Kawża C-294/10) (1)
(Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Artikolu 5(3) - Kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira - Eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens fil-każ ta’ ċirkustanzi straordinarji - Implementazzjoni, mit-trasportatur tal-ajru, tal-miżuri kollha raġonevoli sabiex jipprevjeni ċirkustanzi straordinarji - Pjanifikazzjoni ta’ riżorsi fiż-żmien opportun sabiex tkun tista’ tiġi żgurata t-titjira wara li tali ċirkustanzi jintemmu)
2011/C 194/09
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Augstākās tiesas Senāts
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Andrejs Eglītis, Edvards Ratnieks
Konvenuta: Latvijas Republikas Ekonomikas ministrija
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Augstākās tiesas Senāts - Interpretazzjoni tal Artikoli 5(3) u 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10) - Kanċellazzjoni ta’ titjira l-ewwel minħabba l-għeluq tal-ispazju tal-ajru, minħabba problemi ta’ sistemi ta’ radar u ta’ avjazzjoni, u wara minħabba l-iskadenza taż-żmien massimu ta’ xogħol awtorizzat tal-ekwipaġġ tat-titjira - Teħid, mit-trasportatur tal-ajru, tal-miżuri kollha raġonevoli sabiex jiġu evitati ċ-ċirkustanzi straordinarji
Dispożittiv
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasportatur tal-ajru, peress li huwa obbligat jimplementa l-miżuri kollha raġonevoli sabiex jipprevjeni ċirkustanzi straordinarji, għandu b’mod raġonevoli, fl-istadju tal-pjanifikazzjoni tat-titjira, jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ta’ dewmien marbut mal-eventwali fatt li jseħħu tali ċirkustanzi. Konsegwentement, huwa għandu jipprevedi ċerta riżerva ta’ żmien li tippermettilu, jekk possibbli, li jopera t-titjira kollha kemm la darba ċ-ċirkustanzi straordinarji jintemmu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li timponi, skont miżuri raġonevoli, li tiġi ppjanata, b’mod ġenerali u indifferenzjat, riżerva ta’ żmien minima applikabbli indistintivament għat-trasportaturi tal-ajru kollha fis-sitwazzjonijiet kollha meta jseħħu ċirkustanzi straordinarji. L-evalwazzjoni tal-kapaċità tat-trasportatur tal-ajru li jiżgura t-titjira skedata kollha kemm hi fil-kundizzjonijiet ġodda li jirriżultaw mill-fatt li jseħħu dawn iċ-ċirkustanzi għandha ssir filwaqt li jiġi żgurat li t-tul tar-riżerva ta’ żmien rikjesta ma jkollhiex il-konsegwenza li twassal it-trasportatur tal-ajru li jġarrab sagrifiċċji intollerabbli fir-rigward ta’ kapaċitajiet tal-impriża tiegħu fil-mument rilevanti. L-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament ma japplikax fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni.
(1) ĠU C 221, 14.08.2010.
Full & Egal Universal Law Academy