12.11.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 331/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-22 ta’ Settembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Vyriausiasis Administracinis Teismas — ir-Repubblika tal-Litwanja) — Genovaitė Valčiukienė, Julija Pekelienė, Lietuvos žialiųjų judėjimas, Petras Girinskis u Laurynas Arimantas Lašas vs Pakruojo rajono savivaldybės, Šiaulių visuomenės sveikatos centras u Šiaulių regiono aplinkos apsaugos departamentas
(Kawża C-295/10) (1)
(Direttiva 2001/42/KE - Stima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent - Pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali - Artikolu 3(3) - Dokumenti ta’ ppjanar tat-territorju fuq livell lokali li jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda - Stima skont id-Direttiva 2001/42/KE eskluża mid-dritt nazzjonali - Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri - Artikolu 3(5) - Rabta mad-Direttiva 85/337/KEE - Arikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42/KE)
2011/C 331/07
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Genovaitė Valčiukienė, Julija Pekelienė, Lietuvos žialiųjų judėjimas, Petras Girinskis u Lauryinas Arimantas Lašas
Konvenuti: Pakruojo rajono savivaldybės, Šiaulių visuomenės sveikatos centras u Šiaulių regiono aplinkos apsaugos departamentas
fil-preżenza ta’: Sofita UAB, Oltas UAB, Šiaulių apskrities viršininko administracija, Rimvydas Gasparavičius u Rimantas Pašakinskas
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas — Interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 11 tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157) kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248) — Rekwiżit jew le li ssir stima skont id-Direttiva 2001/42/KE, wara li tkun saret stima skont id-Direttiva 85/337/KEE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li ma hemmx bżonn ta’ stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent għal dokumenti marbuta mal-ippjanar tal-art fuq livell lokali jekk dawn tal-aħħar jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, meta moqri flimkien mal-Artikolu 3(3) tagħha, għandu jiġi interpetat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi b’mod daqstant ġenerali u mingħajr eżami ta’ kull każ li stima skont l-imsemmija direttiva ma sseħħx meta pjanijiet li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali jkunu jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda.
(2)
L-Artikolu 11(1) u (2) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpetat fis-sens li stima ambjentali mwettqa skont id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 ma jneħħix l-obbligu li ssir tali stima skont id-Direttiva 2001/42. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk stima li twettqet skont id-Direttiva 85/337, kif emendata, tistax titqies bħala l-espressjoni ta’ proċedura koordinata jew konġunta u jekk din tkoprix diġà r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2001/42. Jekk jirriżulta li dan ikun il-każ, allura ma jibqax jeżisti l-obbligu li titwettaq stima ġdida skont din l-aħħar direttiva.
(3)
L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, jipprovdu għal proċeduri koordinati jew konġunti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttivi 2001/42 u 85/337, hekk kif emendata.
(1) ĠU C 221, 14.08.2010.
Full & Egal Universal Law Academy