18.8.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 250/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Ġunju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ The Person Appointed by the Lord Chancellor — ir-Renju Unit) — The Chartered Institute of Patent Attorneys vs Registrar of Trade Marks
(Kawża C-307/10) (1)
(Trade marks - Approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri - Direttiva 2008/95/KE - Identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni tat-trade mark - Eżiġenzi ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni - Użu tal-intestaturi tal-klassijiet tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks - Ammissibbiltà - Firxa tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark)
2012/C 250/02
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
The Person Appointed by the Lord Chancellor
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: The Chartered Institute of Patent Attorneys
Konvenut: Registrar of Trade Marks
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — High Court of Justice (Queen’s Bench Division) — Interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (verżjoni kodifikata) (ĠU L 299, p. 25) — Klassifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi għar-reġistrazzjoni — Livell ta’ kjarezza u ta’ preċiżjoni rikjest fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi koperti bi trade mark
Dispożittiv
Id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandha tiġi interpretata fis-sens li din teżiġi li l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni permezz tat-trade mark jiġu identifikati mill-applikant bi kjarezza u bi preċiżjoni biżżejjed sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu, fuq din il-bażi biss, jiddeterminaw il-firxa tal-protezzjoni kkonferita mit-trade mark.
Id-Direttiva 2008/95 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tipprekludix l-użu tal-indikazzjonijiet ġenerali tal-intestaturi ta’ klassijiet tal-klassifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, adottat fil-konferenza diplomatika ta’ Nice fil-15 ta’ Ġunju 1957, rivedut l-aħħar f’Genève fit-13 ta’ Mejju 1977 u emendat fit-28 ta’ Settembru 1979, sabiex jiġu identifikati l-prodotti u s-servizzi li għalihom hija mitluba l-protezzjoni permezz tat-trade mark sakemm tali identifikazzjoni tkun ċara u preċiża biżżejjed.
L-applikant għal trade mark nazzjonali li juża l-indikazzjonijiet ġenerali kollha tal-intestatura ta’ klassi partikolari tal-klassifikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tal-imsemmi Ftehim ta’ Nice sabiex jidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom tintalab il-protezzjoni tat-trade mark għandu jippreċiża jekk l-applikazzjoni tiegħu tirrigwardax il-prodotti jew is-servizzi kollha elenkati fil-lista alfabetika ta’ din il-klassi jew biss lil xi wħud minn dawn il-prodotti jew servizzi. Fil-każ fejn l-applikazzjoni tkun tirrigwarda biss lil xi wħud mill-prodotti jew servizzi msemmija, l-applikant ikun marbut li jippreċiża liema prodotti jew servizzi li jiffurmaw parti mill-klassi msemmija huma koperti.
(1) ĠU C 246, 11.09.2010.
Full & Egal Universal Law Academy