28.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Novembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Finanzgericht Hamburg — il-Ġermanja) — Gebr. Stolle GmbH & Co. KG (C-323/10, C-324/10 u C-326/10), Doux Geflügel GmbH (C-325/10) vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas
(Kawżi magħquda C-323/10 sa C-326/10) (1)
(Regolament (KEE) Nru 3846/87 - Agrikoltura - Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni - Laħam tat-tjur - Tjur tal-ispeċi Gallus domesticus imsewwija u mnittfa)
2012/C 25/18
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Finanzgericht Hamburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Gebr. Stolle GmbH & Co. KG (C-323/10, C-324/10 u C-326/10), Doux Geflügel GmbH (C-325/10)
Konvenut: Hauptzollamt Hamburg-Jonas
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Finanzgericht Hamburg — Interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87, tas-17 ta’ Diċembru 1987, li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjoni tal-esportazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 7, p. 325), kif emendat bir Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2765/1999, tas-16 ta’ Diċembru 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 28, p. 108) — Intestatura 0207 12 90 — Tjur tal-ispeċi Gallus domesticus imnittfa, iżda mhux kompletament imsewwija kif previst f’din l-intestatura tan-nomenklatura
Dispożittiv
(1)
Is-subintestatura 0207 12 90 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87, tas-17 ta’ Diċembru 1987, li jistabbilixxi nomenklatura ta’ prodotti agrikoli għal rifużjoni tal-esportazzjoni, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2091/2005, tal-15 ta’ Diċembru 2005, li jippubblika, għall-2006, in-nomenklatura tal-prodotti agrikoli għall-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, għandha tiġi interpretata fis-sens li karkassa ta’ tjur li taqa’ taħt din is-subintestatura għandha tkun kompletament imsewwija b’tali mod li jkun ta’ preġudizzju għall-klassifikazzjoni tariffarja tagħha li parti mill-imsaren jew mit-trakea, pereżempju, tkun għadha mwaħħla mal-karkassa fi tmiem il-proċess mekkaniku ta’ tbattil.
(2)
Il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2765/1999, tas-16 ta’ Diċembru 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “kompożizzjoni irregolari” jawtorizza l-preżenza ta’ mhux iktar minn erba’ ġewwieni biss f’karkassa, fost dawk imsemmija minnu, ta’ tip wieħed jew iktar, sakemm it-total ta’ erbgħa jiġi osservat.
(3)
Is-subintestatura 0207 12 10 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandha tiġi interpretata fis-sens li karkassa ta’ tjur li fiha wieħed mill-ġewwieni msemmija f’din is-subintestatura, jiġifieri l-għonq, il-qalb, il-fwied jew il-qanżħa, ikun preżenti iktar minn darba ma taqax taħt din is-subintestatura.
(4)
Is-subintestatura 0207 12 10 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni għall-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, karkassa ta’ tjur li, fi tmiem il-proċess mekkaniku ta’ tnittif, ikun għad hemm imwaħħal magħha xi rix żgħir, rix li jiksi t-tjur, ponot tar-rix u pil, taqa’ taħt din is-subintestatura sakemm dawn il-fdalijiet ta’ rix ikunu kompatibbli mal-karatteristika ta’ tiġieġa għax-xiwi u ma’ kwalità tajba, ġenwina u li tista’ tiġi kkummerċjalizzata.
(5)
Il-kodiċi tal-prodott 0207 12 90 9990 tal-Anness I tar-Regolament Nru 3846/87, kif emendat bir-Regolament Nru 2765/1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li karkassa ta’ tjur li t-trakea tkun għadha mwaħħla mal-għonq ma taqax taħt il-kodiċi ta’ dan il-prodott.
(6)
Waqt kontroll doganali intiż sabiex jiġi stabbilit jekk il-prodotti ppreżentati għall-esportazzjoni humiex konformi mal-intestatura tariffarja indikata fid-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, ir-riżultati ta’ eżami parzjali japplikaw għall-prodotti kollha tad-dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 70(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Ma jistax jiġi aċċettat marġni ta’ żball li jippermetti l-kunsiderazzjoni li anomalija ma hijiex ta’ preġudizzju għall-ħlas lura.
(1) ĠU C 209, 31.07.2010
ĠU C 274, 09.10.2010.
Full & Egal Universal Law Academy