30.7.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 226/7
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Ġunju 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof — l-Awstrija) — Zollamt Linz Wels vs Laki DOOEL
(Kawża C-351/10) (1)
(Kodiċi doganali tal-Komunità - Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali - Artikoli 555(1)(ċ) u 558(1) - Vettura li daħlet f’territorju doganali taħt il-proċedura ta’ importazzjoni temporanja b’eżenzjoni totali tad-dazji fuq l-importazzjoni - Vettura użata għat-traffiku intern - Użu irregolari - Tnissil tad-dejn doganali - Awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiġbru d-dazji doganali)
2011/C 226/12
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Zollamt Linz Wels
Konvenut: Laki DOOEL
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Verwaltungsgerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikoli 204(1)(a) u 215 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), tal-Artikoli 555(1)(ċ) u 558(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif ukoll tal-Artikolu 61 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) — Trasport bit-triq ta’ merkanzija fl-Unjoni Ewropea — Użu ta’ vettura mhux awtorizzata fl-Istat Membru li hija ddestinata lejh il-merkanzija — Post tat-tnissil tad-dejn doganali — Kompetenza tal-Istat Membru tal-oriġini jew tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.
Dispożittiv
L-Artikoli 555(1) u 558(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2001, tal-4 ta’ Mejju 2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-irregolarità fl-użu ta’ vettura importata fl-Unjoni Ewropea taħt il-proċedura ta’ eżenzjoni totali tad-dazji doganali u użata fit-traffiku intern għandha titqies bħala kkostitwita fil-mument tal-mogħdija mill-fruntiera tal-Istat Membru li fih il-vettura tintuża bi ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tat-trasport, jiġifieri, meta jkun hemm nuqqas ta’ awtorizzazzjoni għall-ħatt mill-Istat Membru fejn isir il-ħatt, bl-awtoritajiet ta’ dan l-Istat jkunu kompetenti sabiex jiġbru l imsemmija dazji.
(1) ĠU C 274, 09.10.2010.
Full & Egal Universal Law Academy