28.1.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/16
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Novembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad — il-Bulgarija) — Petar Aladzhov vs Zamestnik director na Stolichna direktsia na vatreshnite raboti kam Ministerstvo na vatreshnite raboti
(Kawża C-434/10) (1)
(Moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni - Direttiva 2004/38/KE - Projbizzjoni ta’ tluq mit-territorju nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ dejn fiskali - Miżura li tista’ tiġi ġġustifikata minħabba ordni pubbliku)
2012/C 25/26
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia-grad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Petar Aladzhov
Konvenut: Zamestnik director na Stolichna direktsia na vatreshnite raboti kam Ministerstvo na vatreshnite raboti
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Administrativen sad Sofia-grad — Interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) — Restrizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni — Projbizzjoni għal persuna fiżika, bħala rappreżentant ta’ kumpannija kummerċjali debitriċi, milli titlaq mit-territorju nazzjonali minħabba li ma ġewx irkuprati djun ta’ natura pubblika ta’ “ammont għoli” — Miżura ġġustifikata mill-protezzjoni tal-ordni pubbliku
Dispożittiv
(1)
Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix liġi ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtorità amministrattiva tipprojbixxi lil ċittadin ta’ dan l-Istat milli jitlaq minnu minħabba li dejn fiskali tal-kumpannija li huwa wieħed mid-diretturi tagħha ma tħallasx, bil-kundizzjoni doppja, madankollu, li l-miżura inkwistjoni kienet intiża sabiex tikkumbatti, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari min-natura jew mill-ammont ta’ dan id-dejn, theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li għandha impatt fuq interess fundamentali tas-soċjetà u li dan l-għan li jrid jiġi milħuq ma huwiex biss intiż għal skopijiet ekonomiċi. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li din il-kundizzjoni doppja hija sodisfatta.
(2)
Anki fuq il-preżunzjoni li l-miżura ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju, bħal dik li tikkonċerna lil P. Aladzhov fil-kawża prinċipali, kienet ġiet adottata b’osservanza għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, dawk li huma previsti fl-Artikolu 27(2) jipprekludu tali miżura,
—
jekk hija bbażata biss fuq l-eżistenza tad-dejn fiskali tal-kumpannija li r-rikorrent huwa wieħed mid-diretturi tagħha, u minħabba din il-kwalità biss, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni speċifika tal-aġir personali tal-persuna kkonċernata u mingħajr ebda riferiment għal xi theddid li dan jikkostitwixxi għall-ordni pubbliku, u
—
jekk il-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju ma hijiex adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija trid tilħaq u teċċedi dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li tressqet quddiemha.
(1) ĠU C 317, 20.11.2010.
Full & Egal Universal Law Academy