22.9.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 287/6
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Judecătoria Călărași — ir-Rumanija) SC Volksbank România S.A. vs Autoritatea Națională pentru Protecția Consumatorilor — Comisariatul Județean pentru Protecția Consumatorilor Călărași
(Kawża C-602/10) (1)
(Protezzjoni tal-konsumaturi - Ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi - Direttiva 2008/48/KE - Artikoli 22, 24 u 30 - Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva - Applikabbiltà għal ftehim mhux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tal-imsemmija direttiva - Obbligi mhux previsti mill-istess direttiva - Limitu tal-kummissjonijiet bankarji li jistgħu jinġabru mill-persuna li ssellef - Artikoli 56 TFUE, 58 TFUE u 63 TFUE - Obbligu ta’ implementazzjoni, fid-dritt nazzjonali, ta’ proċeduri adegwati u effikaċi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ kwistjonijiet)
2012/C 287/09
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Judecătoria Călărași
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SC Volksbank România S.A
Konvenuta: Autoritatea Națională pentru Protecția Consumatorilor — Comisariatul Județean pentru Protecția Consumatorilor Călărași
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Judecătoria Călărași — Interpretazzjoni tal-Artikoli 22(1), 24(1), 30(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66) — Interpretazzjoni tal-Artikoli 56, 58 u 63(1) TFUE — Applikazzjoni rationae temporis tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni — Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jiġu stabbiliti proċeduri adegwati u effettivi ta’ soluzzjoni bonarja ta’ tilwim — Applikazzjoni rationae materiae tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni — Obbligi addizzjonali fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu, li ma humiex ipprovduti mid-direttiva
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħha ftehim ta’ kreditu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandhom bħala suġġett l-għoti ta’ kreditu ggarantit permezz ta’ beni immobbli, minkejja li tali ftehim huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din tal-aħħar.
(2)
L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tagħha b’mod li din il-miżura tapplika wkoll għal ftehim ta’ kreditu, bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva u li kienu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżura nazzjonali.
(3)
L-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva fid-dritt intern timponi obbligi, mhux previsti mill-imsemmija direttiva, fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu f’dak li jirrigwarda t-tipi ta’ kummissjonijiet li dawn tal-aħħar jistgħu jirċievu fil-kuntest tal-ftehim ta’ kreditu għall-konsum li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura, anki jekk tali obbligi ma humiex previsti mill-imsemmija direttiva.
(4)
Ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi lill-istabbilimenti ta’ kreditu milli jiġbru ċerti kummissjonijiet bankarji.
(5)
L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola li tifforma parti mill-miżura nazzjonali intiża li tittrasponi din id-direttiva li, fil-qasam tal-kwistjonijiet dwar krediti għall-konsum, tippermetti lill-konsumaturi li jikkuntattjaw direttament awtorità għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li sussegwentement tista’ timponi sanzjonijiet fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu għal ksur ta’ din il-miżura nazzjonali, mingħajr ma tkun irrikorriet qabel għall-proċeduri ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal tali kwistjonijiet.
(1) ĠU C 89, 19.03.2011
Full & Egal Universal Law Academy