26.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/16
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari mis-Supremo Tribunal Administrativo — il-Portugall) — Secilpar — Sociedade Unipessoal SL vs Fazenda Pública
(Kawża C-199/10) (1)
(L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Artikoli 56 KE u 58 KE - Taxxa fuq id-dividendi - Taxxa f’ras il-għajn - Leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tipprovdi għall-eżenzjoni tad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji residenti)
2011/C 63/30
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Qorti tar-rinviju
Supremo Tribunal Administrativo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Secilpar — Sociedade Unipessoal SL
Konvenuta Fazenda Pública
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Supremo Tribunal Administrativo — Kompatibbiltà mal-Artikoli 12 KE, 43 KE, 56 KE, 58(3) KE (attwalment l-Artikoli 18, 49, 63 u 65(3) TFUE) u mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147), ta’ leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali dwar it-taxxa fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija residenti lil kumpannija benefiċjarja mhux residenti li għandha sehem ta’ inqas minn 25 % fil-kapital tal-kumpannija li qed tqassam id-dividendi — Taxxa f’ras il-għajn b’rata ta’ 15 % prevista minn ftehim dwar it-taxxa doppja konkluż bejn iż-żewġ Stati inwkistjoni — Eżenzjoni tad-dividendi mħallsa lill-kumpanniji residenti
Dispożittiv
L-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema fiskali li tirriżulta minn ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn żewġ Stati Membri, li jipprovdi għal taxxa f’ras il-għajn ta’ 15 % fuq id-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru lil kumpannija benefiċjarja stabbilita fl-Istat Membru l-ieħor, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ewwel Stat Membru jeżenta minn din it-taxxa d-dividendi mħallsa lil kumpannija benefiċjarja residenti. Kien ikun mod ieħor biss li kieku t-taxxa f’ras il-għajn setgħet tiġi imputata fuq it-taxxa dovuta fit-tieni Stat Membru fuq id-differenza fid-dħul mit-taxxa. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tali newtralizzazzjoni tad-differenza fid-dħul mit-taxxa ssirx b’applikazzjoni tal-provvedimenti kollha tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja u dwar il-preklużjoni tal-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul, konkluż fis-26 ta’ Ottubru 1993 bejn ir-Repubblika Portugiża u r-Renju ta’ Spanja.
(1) ĠU C 195, 17.07.2010
Full & Egal Universal Law Academy