10.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/8
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Jannar 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Højesteret — id-Danimarka) — Infopaq International A/S vs Danske Dagblades Forening
(Kawża C-302/10) (1)
(Drittijiet tal-awtur - Soċjetà tal-informazzjoni - Direttiva 2001/29/KE - Artikolu 5(1) u (5) - Xogħlijiet letterarji u artistiċi - Riproduzzjoni ta’ siltiet qosra minn xogħlijiet letterarji - Artikli tal-istampa - Riproduzzjonijiet temporanji u tranżitorji - Proċess tekniku li jikkonsisti fl-iskanjar diġitali ta’ artikli segwit minn konverżjoni f’fajl ta’ test, mill-ipproċessar elettroniku tar-riproduzzjoni, mill-ħażna ta’ parti minn din ir-riproduzzjoni u mill-istampar tagħha - Atti ta’ riproduzzjoni provviżjori li jikkostitwixxu parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku - Għan ta’ dawn l-atti li jikkonsisti fl-użu legali ta’ xogħol jew suġġett protett - Sinjifikat ekonomiku indipendenti tal-imsemmija atti)
2012/C 73/12
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Højesteret
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Infopaq International A/S
Konvenuta: Danske Dagblades Forening
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Højesteret — Interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5(1) u (5) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) — Kumpannija li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti li twettaq sommarji ta’ artikli ta’ gazzetti permezz tal-iskannjar — Ħażna ta’ silta ta’ artiklu li tikkonsisti f’kelma ta’ riċerka flimkien mal-ħames kelmiet li jippreċedu u l-ħames kelmiet ta’ wara — Atti ta’ riproduzzjoni provviżjori li jikkostitwixxu parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-atti ta’ riproduzzjoni temporanji magħmula matul proċess imsejjaħ “ta’ ksib ta’ data”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali,
jissodisfaw il-kundizzjoni li dawn l-atti għandhom ikunu parti integrali u essenzjali minn proċess teknoloġiku, minkejja l-fatt li jintroduċu u jagħlqu l-proċess u jinvolvu intervent uman;
jikkonformaw mal-kundizzjoni li l-atti ta’ riproduzzjoni għandhom isegwu għan wieħed, jiġifieri li jippermettu użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor;
jissodisfaw il-kundizzjoni li dawn l-atti ma għandhomx sinjifikat ekonomiku indipendenti peress li, minn naħa, bl-implementazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet ma jinkiseb l-ebda benefiċċju addizzjonali, lil hinn minn dak miksub mill-użu legali tax-xogħol protett u, min naħa l-oħra, l-atti ta’ riproduzzjoni ma jwasslux għal bidla fix-xogħol.
(2)
L-Artikolu 5(5) tad Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, l-atti ta’ riproduzzjoni temporanji magħmula matul proċess imsejjaħ “ta’ ksib ta’ data”, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjoni li timponi li l-atti ta’ riproduzzjoni la jistgħu jagħmlu ħsara lill-isfruttament normali tax-xogħol u lanqas jikkawżaw dannu mhux ġustifikat lill-interessi leġittimi tad-detentur tad-dritt.
(1) ĠU C 221, 14.08.2010.
Full & Egal Universal Law Academy