10.3.2012
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 73/10
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Novembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Chancery Division) — Ir-Renju Unit) — University of Queensland, CSL Ltd vs Comptroller-General of Patents, Designs and Trade Marks
(Kawża C-630/10) (1)
(L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3), tar-Regoli tal-Proċedura - Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem - Ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari - Regolament (KE) Nru 469/2009 - Artikolu 3 - Kundizzjonijiet għall-kisba ta’ ċertifikat - Kunċett ta’ “prodott protett minn privattiva bażika fis-seħħ” - Kriterji - Eżistenza ta’ kriterji addizzjonali jew differenti għal prodott mediċinali li jinkludi iktar minn ingredjent attiv jew għal tilqima kontra numru ta’ mard (“Multi-disease vaccine” jew “tilqima multivalenti”))
2012/C 73/16
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice (Chancery Division)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: University of Queensland, CSL Ltd
Konvenut: Comptroller-General of Patents, Designs and Trade Marks
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — High Court of Justice (Chancery Division) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU L 152, p. 1) — Kundizzjonijiet għall-kisba taċ-ċertifikat — Kunċett ta’ “prodott protett minn privattiva bażika fis-seħħ” — Kriterji — Eżistenza ta’ kriterji addizzjonali jew differenti għal prodott mediċinali li jinkludi iktar minn ingredjent attiv wieħed jew għal tilqima kontra numru ta’ mard (“Multi-disease vaccine” jew “tilqima multivalenti”)
Dispożittiv
(1)
L-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinal, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-dipartimenti kompetenti għall-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru joħorġu ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari li jirrigwarda ingredjenti attivi li ma humiex imsemmija fil-kliem tat-talbiet tal-privattiva bażika invokata insostenn ta’ applikazzjoni bħal din.
(2)
L-Artikolu 3(b) tar-Regolament Nru 469/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra previsti f’dan l-artikolu jkunu wkoll sodisfatti, dan ma jipprekludix li d-dipartimenti kompetenti għall-proprjetà industrijali ta’ Stat Membru joħorġu ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal ingredjent attiv, li jikkorrispondi għal dak li jidher fil-kliem tat-talbiet għall-privattiva bażika invokata, meta l-prodott mediċinali li għalih ġiet ippreżentata l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq insostenn tat-talba għal ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari jinkludi, mhux biss dan l-ingredjent attiv, iżda wkoll prinċipji attivi oħra.
(3)
Fil-każ ta’ privattiva bażika li tkopri proċess ta’ produzzjoni ta’ prodott, l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 469/2009 jipprekludi li ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari jinħareġ għal prodott differenti minn dak li jidher fil-kliem tat-talbiet ta’ din il-privattiva li huwa prodott mill-proċess ta’ produzzjoni inkwistjoni. Il-punt dwar jekk dan il-proċess jippermettix il-produzzjoni diretta tal-prodott huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.
(1) ĠU C 89, 19.03.2011
Full & Egal Universal Law Academy