KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MAZÁK
ippreżentati fl-14 ta’ April 2011 (1)
Kawża C-2/10
Azienda Agro-Zootecnica Franchini sarl
u
Eolica di Altamura Srl
vs
Regione Puglia
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Puglia (l-Italja))
“Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Natura 2000 – Direttiva 2001/77/KE – Sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – Regoli nazzjonali – Projbizzjoni ta’ tqegħid ta’ turbini tar-riħ mhux intiżi għall-konsum proprju f’siti li jiffurmaw parti min-netwerk ekoloġiku Natura 2000 – Assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent”
I – Introduzzjoni
1. Dan ir-rinviju gal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku (2), tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (3), tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Għasafar”) (4), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitats”) (5).
2. Ir-rinviju sar fil-proċeduri bejn Azienda Agro-Zootecnica Franchini sarl u Eolica di Altamura srl (il-“kumpanniji rikorrenti”) min-naħa waħda, u r-Regione Puglia, min-naħa l-oħra, rigward ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni biex jitqegħdu turbini tar-riħ fuq art li tifforma parti mill-Park Nazzjonali ta’ Alta Murgia, żona protetta klassifikata bħala sit ta’ importanza Komunitarja u żona ta’ protezzjoni speċjali “pSIC/ZPS IT 9120007 Murgia Alta”. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi, inter alia, it-tqegħid ta’ turbini tar-riħ mhux maħsuba għall-konsum proprju f’Siti ta’ Importanza Komunitarja (SIK) u f’Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni (ŻSP) li jiffurmaw parti min-netwerk ekoloġiku Natura 2000.
II – Il-kuntest legali
A – Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
3. L-Artikolu 191 TFUE (li kien l-Artikolu 174 KE) jipprovdi:
“1. Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:
– Is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent;
– il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;
– l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;
– il-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b’mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.
2. Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta’ l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.
[…]”
4. L-Artikolu 192(1) TFUE (li kien l-Artikolu 175 KE) jipprovdi:
“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni sabiex twettaq l-objettivi msemmija fl-Artikolu 191.”
5. L-Artikolu 193 TFUE (li kien l-Artikolu 176 KE) jipprovdi li “[i]l-miżuri protettivi adottati skond l-Artikolu 192, m’għandhomx jimpedixxu lil xi Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar iebsa. Dawn il-miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattati. Dawn għandhom jiġu mgħarrfa lill-Kummissjoni.”
6. L-Artikolu 194(1) TFUE jipprovdi:
“Fil-kuntest ta’ l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b’ kont meħud tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib ta’ l-ambjent, il-politika ta’ l-Unjoni fil-qasam ta’ l-enerġija għandha timmira li, fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri:
(a) tassigura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija;
(b) tassigura s-sigurtà tal-provvista ta’ l-energija fl-Unjoni;
(ċ) tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta’ l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli; u
(d) tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ l-enerġija.”
1. Id-Direttiva 2001/77
7. Il-premessi 1 sa 3 għad-Direttiva 2001/77 jipprovdu:
“(1) Il-potenzjal għall-isfruttament ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mhux użata biżżejjed fil-preżent. Il-Komunità tirrikonoxxi l-bżonn li tħeġġeġ sorsi ta’ enerġija rinovabbli bħala miżura prioritarja billi l-isfruttment tagħhom jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Barra dan, dan jista’ joħloq ukoll impjiegi lokali, ikollu impatt pożittiv fuq il-koeżjoni ambjentali, jikkontribwixxi għas-sigurezza tal-provista u jagħmilha possibbli li jintlaħqu l-miri ta’ Kyoto iktar malajr. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun zgurat li dan il-potenzjal huwa sfruttat aħjar fil-qafas tas-suq intern ta’ l-elettriku.
(2) Il-promozzjoni ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli hija prijorità kbira tal-Komunità kif imfissra fil-White Paper fuq Sorsi ta’ Enerġija rinovabbli (minn hawn ’il quddiem Imsejħa bħala l-“White Paper”) għal raġunijiet ta’ sigurtà u diversifikazzjoni tal-provista ta’ l-enerġija, ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ koeżjoni soċjali u ekonomika. Dan kien imseddaq mill-Kunsill fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 1998 fuq sorsi ta’ enerġija rinovabbli, u mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq il-White Paper.
(3) L-użu akbar ta’ enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli jikkostitwixxi parti importanti tal-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Protokoll ta’ Kyoto tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Bidla fil-Klima, u ta’ kull pakkett ta’ politika biex jitħarsu l-impenji.”
8. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/77 jipprovdi:
“L-Istati Membri jew il-korpi kompetenti maħtura mill-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-qafas eżistenti leġislattiv u regolatorju fir-rigward ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jew proċeduri oħra preskritti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/92/KE, li huma applikabbli għall-impjanti ta’ produzzjoni għall-eletrriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, biex:
– inaqqsu l-ostakoli regolatorji u mhux regolatorju għaż-żieda fil-produzzjoni ta’ l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli,
– iwittu u jħaffu proċeduri fil-livell xieraq amministrattiv, u
– jiżguraw li r-regoli huma oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, u jqisu bis-sħiħ il-partikolaritajiet tad-diversi teknoloġiji tas-sorsi ta’ enerġija rinovabbli.”
9. L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Proċeduri amministrattivi, regolamenti u kodiċijiet”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull regola nazzjonali li tikkonċerna l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar li huma applikati għal impjanti u trasmissjoni assoċjata u infrastrutturi tan-netwerk tad-distribuzzjoni għall-produzzjoni tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u għall-proċess ta’ trasformazzjoni tal-bijomassa f’bijokarburanti jew prodotti tal-enerġija oħra, jkunu proporzjonati u meħtieġa.
L-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jieħdu l-passi adatti biex jiżguraw li:
[…]
(ċ) il-proċeduri amministrattivi huma simplifikati u mgħaġġla fil-livell amministrattiv xieraq;
(d) ir-regoli li jirregolaw l-awtorizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-liċenzjar ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonali, ma jiddiskriminawx bejn l-applikanti u jikkunsidraw bis-sħiħ il-partikolaritajiet ta’ teknoloġiji individwali ta’ enerġija rinnovabbli;
[…]
(f) jiġu stabbiliti proċeduri ta’ awtorizzazzjoni simplifikati u inqas impenjattivi, anke permezz ta’ notifikazzjoni ssempliċi jekk tiġi permessa mill-qafas regolatorju applikabbli, għal proġetti iżgħar u għal strumenti deċentralizzati għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, fejn xieraq.
[…]”
2. Id-Direttiva dwar l-Għasafar
10. L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jipprovdi li “[l]-istati membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni għall-ispeċi li ssir referenza għalihom fl-artikolu 1 fil-livell li jikorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi għal dak il-livell.”
11. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar l-Għasafar jipprovdi li, fid-dawl tal-ħtiġiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jippreservaw, iżommu jew jirripristinaw diversità suffiċjenti u żoni ta’ habitats għall-ispeċi kollha tal-għasafar selvaġġi fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat KE. Skont l-Artikolu 3(2)(a), il-miżuri biex tiġi ppreżervata, tinżamm jew tiġi rripristinata diversità suffiċjenti u żoni ta’ habitats b’mod partikolari jinkludu l-ħolqien ta’ żoni protetti.
12. L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Għasafar jirrikjedi li l-Istati Membri jikklassifikaw it-territorji li jikkorrispondu għall-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet bħala Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni.
13. L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Għasafar jipprovdi li:
“Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-istati membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-istati membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitats.”
14. L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Għasafar jipprovdi li “[l]-istati membri jistgħu jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti minn dawk li hemm provvduti f’din id-direttiva.”
3. Id-Direttiva dwar il-Habitats
15. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprovdi li għandu jiġi stabbilit netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ “Natura 2000”, li għandu jinkludi ż-Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni kklassifikati mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Għasafar.
16. L-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprovdi li:
“2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.
3. Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.
4. Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.
Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”
17. Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-Habitats, “[l]-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-[Direttiva dwar l-Għasafar] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond [id-Direttiva dwar l-Għasafar], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard”.
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
18. L-Artikolu 1(1226) tal-Liġi Nru 296, tas-27 ta’ Diċembru 2006, (Legge 27 dicembre 2006 n. 296, legge finanziaria per il 2007) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Finanzjarja għall-2007”) (6), jipprovdi li sabiex jiġu evitati proċeduri ulterjuri dwar ksur, ir-Reġjuni u l-Provinċji Awtonomi ta’ Trento u Bolzano jridu jadottaw jew jikkonkludu l-adozzjoni tal-miżuri stabbiliti mill-Artikoli 4 u 6 tar-regolament ipprovdut bid-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 357, tat-8 ta’ Settembru 1997, kif sussegwentement emendat fi żmien tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dik il-liġi, abbażi tal-kriterji uniformi minimi stabbiliti bid-Digriet tal-Ministru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar.
19. L-Artikolu 5(1) tad-Digriet tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Baħar, tas-17 ta’ Ottubru 2007, li jistipula kriterji uniformi minimi biex jiġu stabbiliti miżuri ta’ konservazzjoni fir-rigward ta’ Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni (ŻSK) u Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni (ŻSP) (Decreto del Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare 17 ottobre 2007, recante criteri minimi uniformi per la definizione di misure di conservazione relative a Zone speciali di conservazione (ZSC) e a Zone di protezione speciale (ZPS)) (7) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Ministerjali”) jipprovdi li r-Reġjuni u l-Provinċji Awtonomi jridu jadottaw fir-rigward taż-ŻPS il-projbizzjonijiet li ġejjin:
“[…]
(l) il-kostruzzjoni ta’ turbini tar-riħ ġodda, ħlief għal dawk li fid-data tal-adozzjoni tal-att preżenti, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tkun diġà bdiet permezz tal-preżentazzjoni tal-proġett. L-organi kompetenti għandhom jevalwaw l-effetti tal-proġett, billi jagħtu qies taċ-ċikli bioloġiċi tal-ispeċi li fir-rigward tagħhom is-sit ġie nnominat, wara konsultazzjoni mal-INFS (Istitut Nazzjonali għal Fawna selvaġġa). Sforzi għas-sostituzzjoni u modernizzazzjoni, inklużi dawk teknoloġiċi, li ma jinvolvux żieda fl-impatt fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-ŻPS kif ukoll turbini tar-riħ għall-konsum proprju b’saħħa globali sa 20 kW għandhom wkoll jiġu eżentati.”
20. L-Artikolu 2 tal-Liġi Reġjonali Nru 31 tal-Puglia, tal-21 ta’ Ottubru 2008, li tistabbilixxi regoli għal produzzjoni minn sorsi rinnovabbli u għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li jniġġżu, u regoli ambjentali (Legge regionale della Puglia 21 ottobre 2008, N°31, recante norme in materia di produzione di energia da fonti rinnovabili e per la riduzione di immissioni inquinanti e in materia ambientale) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 31”) jipprovdi:
“[…]
(6) B’mod konformi mal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 92/43/KEE, flimkien mal-Artikoli 4 u 6 tar-regolament li jimplementaha pprovdut bid-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 357, tat-8 ta’ Settembru 1997, kif emendat […] huwa pprojbit li jitqegħdu turbini tar-riħ li ma humiex maħsuba għall-konsum proprju f’SIK u f’ŻSP li jiffurmaw parti min-netwerk ekoloġiku Natura 2000 […]
[…]
(8) Il-projbizzjoni stabbilita fil-[paragrafi] 6 u 7 iktar ’il fuq testendi għal żona ta’ lqugħ ta’ 200 metru.”
III – Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domanda magħmula għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari
21. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Eolica di Altamura akkwistat id-dritt li tibni wind farm mhux maħsub għall-konsum proprju (jiġifieri, huwa maħsub biex jipproduċi elettriku għal skopijiet kummerċjali), li kellu jinbena fuq art ta’ Azienda Agro-Zootecnica Franchini. Dik l-art tifforma parti mill-Park Nazzjonali ta’ Alta Murgia, żona protetta kklassifikata bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja u Żona ta’ Protezzjoni Speċjali “pSIC/ZPS IT 9120007 Murgia Alta”. L-applikazzjonijiet għal permess għall-bini ta’ wind farm ġew irrifjutati mill-entità inkarigata mill-Park u mir-Regione Puglia (Reġjun ta’ Puglia), bid-deċiżjonijiet tal-1 ta’ Settembru 2006 u tal-4 ta’ Lulju 2007 rispettivament. Ir-rifjut tar-Reġjun ta’ Puglia kien ibbażat fuq l-Artikolu 6(3)(a) tar-Regolament Reġjonali Nru 16 tal-4 ta’ Ottubru 2006 li jipprovdi, fir-rigward ta’ fejn jitqegħdu turbini tar-riħ, li Siti ta’ Importanza Komunitarja u Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni konformi mad-Direttivi tal-Habitat u tal-Għasafar huma kkunsidrati bħala totalment “mhux xierqa” u l-Artikolu 14(2)(a) ta’ dak ir-regolament reġjonali li jipprovdi li fin-nuqqas ta’ pjan regolatorju għal turbini tar-riħ dawk is-siti huma kkunsidrati li “ma humiex adekwati”. Il-kumpanniji rikorrenti kkontestaw ir-rifjuti u r-regolament reġjonali li kienu bbażati fuqhom quddiem il-qorti tar-rinviju, u f’dak l-istadju inizjali l-azzjoni tagħhom irnexxiet. Madankollu, filwaqt li dawk il-proċeduri kienu pendenti, ġie adottat ir-Regolament Reġjonali Nru 15/2008, li kien jobbliga lill-kumpanniji rikorrenti biex iressqu kawża għall-annullament ulterjuri.
22. Fil-proċeduri prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju, il-kumpanniji rikorrenti qegħdin jitolbu l-annullament tal-Artikoli 5(1)(n), 5(4) u 5(4)(a) tar-Regolament Reġjonali Nru 15/2008. L-Artikolu 5(1)(n) jipprojbixxi inter alia l-bini ta’ turbini tar-riħ ġodda ġewwa s-siti Natura 2000. Il-kumpanniji rikorrenti jsostnu, inter alia, li kien hemm ksur tal-prinċipji inklużi fid-Direttiva 2001/77. Regione Puglia ssostni li l-kawża għandha tkun iddikjarata bħala inammissibbli jew infondata.
23. Matul il-proċeduri prinċipali, daħlet fis-seħħ il-Liġi Reġjonali Nru 31. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-projbizzjoni ta’ turbini tar-riħ li ma jkunux maħsuba għall-konsum proprju b’mod konformi mal-Artikolu 2(6) tal-Liġi Reġjonali Nru 31, tapplika għat-talba għal awtorizzazzjoni u kompatibbiltà ambjentali ppreżentata mill-kumpanniji rikorrenti mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dik il-liġi (jiġifieri, mit-8 ta’ Novembru 2008) indipendentement minn kwalunkwe evalwazzjoni speċifika tal-impatt jew effett ambjentali.
24. Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunale Amministrativo Regionale per la Puglia ddeċieda, permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Jannar 2010, li jissospendi l-proċeduri u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:
“Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-paragrafu 1226 tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 296 tas-27 ta’ Diċembru 2006, tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet tal-Ministeru għall-Ambjent u għall-Protezzjoni tat-territorju u tal-baħar tas-17 ta’ Ottubru 2007 u tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 2 tal-Liġi Reġjonali Nru 31 ta’ Puglia, tal-21 ta’ Ottubru 2008, huma kompatibbli mad-dritt [tal-Unjoni] u, b’mod partikolari mal-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttivi 2001/77/KE u 2009/28/KE (dwar l-enerġija rinnovabbli) u mid-Direttivi 1979/409/KE u 1992/43/KE (dwar il-protezzjoni tal-għasafar u tal-habitats naturali), inkwantu dawn jipprojbixxu assolutament u bla distinzjoni, li turbini tar-riħ mhux intiżi għall-konsum proprju jitqiegħdu f’siti ta’ importanza għall-Komunità (SIK) u f’żoni speċjali ta’ protezzjoni (ŻSP) li jikkostitwixxu n-netwerk ekoloġiku “NATURA 2000”, minflok ma jiġi previst li ssir stima adegwata tal-effetti ambjentali li tanalizza l-impatt tal-proġett maħsub fuq is-sit speċifikament ikkonċernat bl-intervent?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-kumpanniji rikorrenti u mill-Kummissjoni. Saret seduta fl-10 ta’ Frar 2011 li matulha l-kumpanniji rikorrenti, ir-Reġjun ta’ Puglia u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
V – Evalwazzjoni
A – Kwistjoni preliminari
26. Huwa evidenti li r-rinviju jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, hija madankollu għandha l-ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt dan id-dritt li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-kompatibbiltà bil-għan li taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha (8).
B – Fis-sustanza
27. Fil-fehma tiegħi, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tiffoka fuq jekk id-Direttiva dwar l-Għasafar, id-Direttiva dwar il-Habitats, id-Direttiva 2001/77 u d-Direttiva 2009/28 jeskludux l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri nazzjonali li jikkonsistu fi projbizzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, tal-bini ta’ turbini tar-riħ f’siti li jiffurmaw parti minn netwerk ekoloġiku Natura 2000, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-impatt ta’ proġett individwali fuq sit partikolari.
28. Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li, suġġett għal verifika tal-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni inkwistjoni hija limitata fl-iskop peress li din preżentement tapplika biss għat-turbini tar-riħ u mhux għal mezzi oħra ta’ produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli (9).
29. Barra minn hekk, jidher li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni fir-rigward tat-turbini tar-riħ hija limitata peress li tapplika biss għall-kostruzzjoni ta’ turbini tar-riħ ġodda pjuttost milli għal dawk eżistenti (10). Il-projbizzjoni tidher ukoll li ma hijiex applikabbli għal turbini tar-riħ għall-konsum proprju b’saħħa globali sa 20 kW (11). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni u r-Regione Puglia enfasizzaw l-iskop limitat tal-projbizzjoni inkwistjoni.
30. Fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju, il-kumpanniji rikorrenti u l-Kummissjoni jikkonstataw korrettement li l-klassifikazzjoni ta’ żona bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja (12) jew Żona Speċjali ta’ Protezzjoni (13) li tifforma parti min-netwerk ekoloġiku Natura 2000 ma twassalx biex il-kostruzzjoni kollha hemmhekk tkun ipprojbita skont id-Direttivi tal-Għasafar u tal-Habitats.
31. L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitats, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tagħha (14), jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiġu evitati, fis-Siti ta’ Importanza Komunitarja u fiż-Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni, id-deterjorazzjoni tal-habitats u t-tfixkil sinjifikanti tal-ispeċi li għalihom huma stabbiliti dawn iż-żoni. L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats jipprovdi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jawtorizzaw pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikanti, wara li jaċċertaw irwieħhom, permezz ta’ evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-progett fuq is-sit, li ma huwiex ser jaffettwa ħażin l-integrità tas-sit. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tistabbilixxi proċedura intiża sabiex tiżgura, permezz ta’ evalwazzjoni minn qabel, li pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikanti, ikun awtorizzat biss sa kemm ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit (15).
32. Għalhekk, sabiex jiġi approvat pjan jew proġett għal Siti ta’ Importanza Komunitarja u Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni, trid tiġi mwettqa preliminarjament stima individwali ta’ dak il-pjan jew proġett b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats.
33. Fil-każ inkwistjoni, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi, f’ċerti ċirkustanzi, il-kostruzzjoni ta’ turbini tar-riħ fis-sit inkwistjoni mingħajr stima individwali bil-quddiem tal-pjan jew proġett li għandu x’jaqsam ma’ dik il-kostruzzjoni li ssir b’mod konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats u l-konstatazzjoni konkreta ta’ impatt negattiv fuq is-sit. Għalhekk nikkunsidra li sabiex tiġi mwieġba d-domanda rrinvjata, irid jiġi stabbilit jekk, u jekk ikun il-każ taħt liema kundizzjonijiet, il-liġi tal-Unjoni tippermettix l-introduzzjoni ta’ miżuri protettivi nazzjonali iktar iebsa minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats li jipprojbixxu f’ċerti ċirkustanzi l-kostruzzjoni ta’ turbini tar-riħ f’siti Natura 2000 fin-nuqqas ta’ stima individwali tal-pjan jew proġett li għandu x’jaqsam ma’ tali kostruzzjoni u konstatazzjoni tal-impatt negattiv.
34. B’mod konformi mal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri protettivi iktar iebsa minn dawk previsti minn dik id-Direttiva. Filwaqt li l-ebda kundizzjonijiet ma huma imposti b’mod espliċitu fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, fil-fehma tiegħi, tali miżuri protettivi iktar iebsa jridu jikkonformaw mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
35. Id-Direttiva dwar il-Habitats ma tinkludix dispożizzjoni simili għall-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. Madankollu, kif indikat mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha, peress li l-bażi legali tad-Direttiva dwar il-Habitats kien l-Artikolu 130 S KE (sussegwentement l-Artikolu 175 KE u issa l-Artikolu 192 TFUE), l-Artikolu 130 T KE (sussegwentement l-Artikolu 176 KE u issa l-Artikolu 193 TFUE) kienet applikabbli. L-Artikolu 193 TFUE jippermetti l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri protettivi nazzjonali iktar iebsa sa kemm ikunu kompatibbli mat-Trattati, jiġifieri t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (16) u jkunu notifikati lill-Kummissjoni.
36. Fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm l-ebda informazzjoni rigward in-notifika lill-Kummissjoni ta’ miżuri protettivi iktar iebsin.
37. Madankollu, mill-portal internet EUR-Lex jidher li d-Digriet Ministerjali kien innotifikat lill-Kummissjoni bħala miżura nazzjonali li timplementa kemm id-Direttiva dwar il-Habitats u dik tal-Għasafar (17). Għalhekk, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-Kummissjoni kienet informata bl-obbligu impost fuq ir-reġjuni u l-provinċji awtonomi b’mod konformi mal-Artikolu 5(1)(l) tad-Digriet Ministerjali inkwistjoni biex tkun ipprojbita, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, il-kostruzzjoni ta’ turbini tar-riħ ġodda f’siti li jiffurmaw parti min-netwerk ta’ Natura 2000.
38. F’kull każ, fil-fehma tiegħi, il-ksur tal-obbligu li tiġi nnotifikata l-Kummissjoni b’mod konformi mal-Artikolu 193 TFUE ma jikkostitwix difett proċedurali sostanzjali b’tali mod li jirrendi lill-miżuri nazzjonali inkwistjoni li jkunu iktar iebsa invalidi jew mhux applikabbli għall-individwi. L-Artikolu 193 TFUE sempliċement jeħtieġ li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni. Fl-Artikolu 193 TFUE ma hemm stabbilit l-ebda limitu ta’ żmien jew proċedura għall-moniteraġġ mill-Unjoni ta’ miżuri protettivi nazzjonali iktar iebsa (18). Barra minn hekk, l-Artikolu 193 TFUE ma jagħmilx l-implementazzjoni ta’ dawk il-miżuri suġġetta għal qbil tal-Kummissjoni jew għan-nuqqas ta’ oġġezzjoni tagħha. Għalhekk jidher li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri bl-Artikolu 193 TFUE huwa maħsub li jiżgura li l-Kummissjoni tkun informata bil-miżuri protettivi nazzjonali rigward l-ambjent li huma iktar iebsa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal dak il-qasam. Din in-notifika tgħamilha possibbli għall-Kummissjoni li tivvaluta jekk il-miżuri protettivi nazzjonali humiex kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, u li tieħu miżuri xierqa, jekk ikun meħtieġ. Madankollu, la l-formulazzjoni u lanqas l-iskop tal-Artikolu 193 TFUE ma jsostnu l-konstatazzjoni li n-nuqqas tal-Istati Membri li josservaw l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, minnu nnifsu jirrendi illegali il-miżuri protettivi nazzjonali inkwistjoni (19).
39. Minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti mill-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u mill-Artikolu 193 TFUE lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri protettivi iktar iebsin minn dawk adottati mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom b’mod konformi fl-ewwel lok, mal-politika ambjentali u tal-enerġija tal-Unjoni (20), li b’mod konformi mal-Artikoli 191 u 194 TFUE tfittex, inter alia, li tippreżerva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità tal-ambjent, li tiġġieled it-tibdil fil-klima, u li tippromwovi l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli u fit-tieni lok, mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.
40. Fil-fehma tiegħi, il-projbizzjoni inkwistjoni tidher li hija konformi mal-għanijiet tal-politika ambjentali tal-Unjoni.
41. Il-qorti tar-rinviju indikat fid-digriet tar-rinviju li d-Digriet Ministerjali u għalhekk, inter alia, il-projbizzjoni inkluża fl-Artikolu 5(1)(l) tiegħu kienet adottata abbażi tad-delega ta’ poteri bis-saħħa tal-Artikolu 1(1226) tal-Liġi Finanzjarja tal-2007, sabiex jiġu evitati proċeduri oħra ta’ ksur kontra r-Repubblika Taljana wara l-ħruġ ta’ opinjoni motivata mill-Kummissjoni kontra l-Italja fil-proċeduri ta’ ksur Nru 2006/2131 li jirrigwardaw, inter alia, l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Direttiva dwar l-Għasafar li jistabbilixxu li għandhom jittieħdu miżuri xierqa sabiex tiġi ppreżervata, tinżamm jew tiġi rripristinata diversità suffiċjenti u żoni ta’ habitats għall-ispeċji kollha, flimkien ma’ miżuri ta’ konservazzjoni speċjali (21). L-ebda spjegazzjoni oħra tar-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-projbizzjoni inkwistjoni ma ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.
42. Għalhekk, jidher li suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni f’ċerti ċirkustanzi li jinbnew turbini tar-riħ ġodda fis-siti ta’ Natura 2000 issegwi l-istess għanijiet tad-Direttivi tal-Għasafar u tal-Habitats u b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) sa (3) tad-Direttiva dwar il-Habitats, jiġifieri l-konservazzjoni ta’ ċerti habitats u speċi u l-prevenzjoni tad-deterjorament tal-habitats naturali u disturb sinifikanti tal-ispeci inkwistjoni. F’dak ir-rigward nosserva li waqt is-smigħ, il-Kummissijoni indikat, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li żewġ speċi ta’ għasafar li huma sensittivi ħafna għat-turbini tar-riħ huma preżenti fis-sit inkwistjoni. Barra minn hekk, waqt is-smigħ, ir-Regione Puglia ddikjara li numru kbir ta’ għasafar li huma s-simbolu tas-sit inkwistjoni ġew maqtula mit-turbini tar-riħ (li jinsabu barra mis-sit).
43. Barra minn hekk, waqt is-smigħ, il-Kummissjoni għamlet referenza għal-Linji Gwida tagħha tal-2010 għall-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ fin-netwerk Natura 2000 (22) u r-riskji ppreżentati mit-turbini tar-riħ. Il-lista kunsiderevoli ta’ impatti potenzjali ta’ żviluppi fl-enerġija mir-riħ fuq in-natura u fuq l-annimali selvaġġi deskritti f’dawk il-linji gwida jinkludu r-riskju ta’ kolliżjoni, disturbi u spostament (telf tal-użu tal-habitat), effetti ta’ ostaklu (il-wind farms jistgħu iġiegħlu lill-għasafar jew lill-mammiferi li jbiddlu d-direzzjoni) u telf jew degradazzjoni tal-habitat.
44. Nosserva wkoll li l-effetti ambjentali li rriżultaw minn wind farm partikolari li kien mibni mingħajr stima korretta tal-effetti ambjentali tiegħu ġew deskritti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑215/06 (23).
45. Nikkunsidra li anki l-projbizzjoni inkwistjoni tidher li tikkonforma mal-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni.
46. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-Direttivi 2001/77 u 2009/28 jesprimu preferenza ċara favur l-iżvilupp tal-użu ta’ enerġija rinnovabbli peress li din tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent, il-protezzjoni ta’ eko-sistemi mill-perikli li jirriżultaw minn tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir tal-ekonomiji lokali. Skont il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/77 jobbliga lill-Istati Membri li jnaqqsu l-ostakli regolatorji u mhux regolatorji għaż-żieda fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iwittu u jħaffu l-proċeduri fil-livell xieraq amministrattiv, u jiżguraw li r-regoli jkunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, u jqisu b’mod sħiħ il-partikolaritajiet tad-diversi teknoloġiji tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
47. Fil-fehma tiegħi, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma jistabbilixxu ebda prijorità bejn il-politika ambjentali u l-politika tal-enerġija tal-Unjoni. Madankollu, l-Artikolu 194(1) TFUE jipprovdi li l-politika tal-enerġija tal-Unjoni għandha tagħti qies tal-bżonn li jiġi ppreżervat u mtejjeb l-ambjent (24). L-Artikolu 191(1) TFUE jagħmel referenza għall-għan li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima.
48. L-ewwel u t-tieni premessi fil-preambolu għad-Direttiva 2001/77 jagħmlu referenza għall-ħtieġa li jiġu promossi s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħala miżura ta’ prijorità u l-promozzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli ta’ enerġija bħala prijorità għolja tal-Komunità (25). Madankollu, fil-fehma tiegħi, b’mod kuntrarju għall-argumenti tal-kumpanniji rikorrenti, il-leġiżlatura tal-UE ma rieditx tiffavorixxi dawn l-għanijiet fuq l-għanijiet (ambjentali) l-oħra kollha, iżda riedet tippromwovi l-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli ta’ enerġija sabiex tipproteġi l-ambjent u tikkonforma mal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Bidla fil-Klima (26), sabiex tiżgura s-sigurtà tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvista u anki l-koeżjoni soċjali u ekonomika (27). Il-miżuri prinċipali biex jinkisbu dawn l-għanijiet jinkludu l-istabbiliment bid-Direttiva 2001/77 ta’ miri indikattivi mhux vinkolanti għall-konsum ta’ elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli (28) u t-tneħħija tal-burokrazija mill-proċeduri amministrattivi biex jinkiseb permess għal bini ta’ impjanti li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (29).
49. Għalkemm il-kumpanniji rikorrenti sostnew li l-“pSIC / ZPS IT 9120007 Murgia Alta” hija ġeografikament estensiva ħafna, ma hemm l-ebda evidenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-projbizzjoni limitata fuq il-kostruzzjoni ta’ ċerti turbini tar-riħ f’siti ta’ Natura 2000 fil-Puglia fixklet il-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi rinnovabbli ta’ enerġija f’livell nazzjonali jew reġjonali. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonstatat li l-Puglia hija wieħed mir-reġjuni fl-Italja bl-ikbar numru ta’ turbini tar-riħ: hija l-ewwel reġjun f’termini ta’ kapaċità u t-tieni wara Sqallija fir-rigward tan-numru ta’ stallazzjonijiet.
50. Tabilħaqq meta jkunu kkunsidrati l-provi ppreżentati mill-Kummissjoni rigward il-livell kurrenti ta’ elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli ta’ enerġija fuq livell nazzjonali (30) u l-preżenza qawwija ta’ turbini tar-riħ fil-Puglia, jidher li abbażi tal-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-kisba fil-futur tal-mira mandatorja ta’ 17 % fir-rigward tal-Italja għall-2020 stabbilita bid-Direttiva 2009/28 ma hijiex imfixkla mill-projbizzjoni inkwistjoni.
51. Fil-fehma tiegħi, huwa meħtieġ ukoll li jiġi eżaminat jekk il-projbizzjoni inkwistjoni tiksirx ir-regoli dwar it-tnaqqis tal-burokrazija stabbiliti bl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/77.
52. Jiena nqis, fin-nuqqas li jitressqu pretensjonijiet kuntrarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u suġġett għall-verifika tal-qorti tar-rinviju, li l-projbizzjoni inkwistjoni li hija ddefinita bil-liġi hija biżżejjed trasparenti u oġġettiva. Barra minn hekk, minħabba l-iskop apparentament limitat tal-projbizzjoni inkwistjoni (31), ma hemm l-ebda evidenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-għan li jitnaqqsu l-ostakoli regolatorji jew mhux regolatorji għaż-żieda fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u li jittwittew u jitħaffu l-proċeduri kienu mfixkla fil-livell reġjonali jew nazzjonali.
53. Fir-rigward tal-kwistjoni tad-diskriminazzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li l-konformità mal-prinċipju ta’ trattament ugwali teżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sa kemm dan it-trattament ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (32).
54. Fil-kuntest tal-proċeduri prinċipali, ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali minħabba trattament differenti jippreżupponi li s-sitwazzjonijiet ikkunsidrati huma paragunabbli fir-rigward tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Meta tkun evalwata l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni huwa neċessarju li jkunu kkunsidrati l-prinċipji u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli li fil-każ tal-proċeduri prinċipali huma bbażati fuq il-politika ambjentali tal-Unjoni (33). Il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent timmira lejn, b’mod konformi mal-Artikolu 191(2) TFUE, livell għoli ta’ protezzjoni u b’mod partikolari hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva (34).
55. Il-kumpanniji rikkorenti jsostnu li żviluppi industrijali oħra minbarra wind farms fuq is-sit inkwistjoni ma humiex suġġetti għal projbizzjoni ekwivalenti iżda għandhom, fejn applikabbli, jkunu evalwati skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitats (35).
56. Ma hemm ebda evidenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Reġjonali Nru 31 ġew maħruġa awtorizzazzjonijiet biex jinbnew wind farms kummerċjali f’“pSIC/ZPS IT 9120007 Murgia Alta” favur operaturi oħra li ma humiex il-kumpanniji rikorrenti.
57. Barra minn hekk, minħabba l-effetti allegatament negattivi li jistgħu jirriżultaw f’siti Natura 2000 u b’mod partikolari fis-sit inkwistjoni b’mod speċifiku mill-bini u mill-operazzjoni ta’ wind farms (36), jidher li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-projbizzjoni ma hijiex diskriminatorja. F’dak ir-rigward, ma hemm l-ebda evidenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li żviluppi industrijali oħra għandhom l-allegati effetti potenzjali paragunabbli ta’ ħsara kollha fuq dawn is-siti (37) bħall-bini u l-operazzjoni ta’ wind farms. Madankollu, din hija xi ħaġa li fl-aħħar mill-aħħar għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju.
58. Fil-fehma tiegħi, il-projbizzjoni inkwistjoni għandha tkun konformi wkoll mal-prinċipju tal-proporzjonalità li jirrikjedi li l-miżuri adottati ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija b’mod leġittimu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni; meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandu jsir rikors għal dik l-inqas oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati ma’ dawn l-għanijiet (38). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tħares li l-miżura ta’ projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. F’dak ir-rigward, inqis li l-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra, inter alia, l-iskop apparentement limitat tal-projbizzjoni peress li din tidher li tapplika għal żona ġeografika limitata u definita, għal sors wieħed biss ta’ enerġija rinnovabbli partikolari u tapplika biss għal wind farms ġodda li huma ta’ skala kummerċjali (39).
VI – Konklużjoni
59. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domanda rrinvjata mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Puglia b’dan il-mod:
Id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Settembru 2001, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabli fis-suq intern tal-elettriku, id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u li sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ma jeskludux l-adozzjoni minn Stat Membru ta’ miżuri nazzjonali iktar iebsin li jipprojbixxu l-kostruzzjoni f’sit Natura 2000 ta’ turbini tar-riħ li ma humiex maħsuba għall-konsum proprju sa kemm din il-projbizzjoni tkun konformi mal-politika ambjentali u enerġetika tal-Unjoni, li ma tmurx kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan segwit, liema materji għandhom jiġu stabbiliti mill-qorti tar-rinviju.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 21.
3 – ĠU L 140, p. 16.
4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98.
5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.
6 – GURI Nru 299 tas-27 ta’ Diċembru 2006, SO Nru 244.
7 – GURI Nru 258 tas-6 November 2007.
8 – Sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, Ġabra p. I‑3913, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
9 – F’dak ir-rigward nosserva li filwaqt li d-Direttiva 2001/77 tiddefinixxi “sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” bħala “sorsi ta’ enerġija mhux fossili (riħ, mix-xemx, ġeotermali, mewġ, frugħ, enerġija mill-ilma, biomassa, gass tal-miżbla, gass mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ u biogassijiet)” l-ebda preferenza partikolari ma hija inkluża f’dik id-direttiva għal xi sors partikolari. Għalhekk, kif indikat mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu fil-prinċipju jagħżlu s-sorsi ta’ enerġija li jikkunsidraw li huma l-iktar xierqa. Skont il-Kummissjoni, la d-Direttiva 2001/77 u lanqas id-Direttiva 2009/28 ma jistabbilixxu xi prijorità bejn sorsi differenti ta’ enerġija rinnovabbli. Ara l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/77.
10 – Ara l-punt 19 iktar ’il fuq. Milli jidher, is-sostituzzjoni u l-immodernizzar ta’ turbini tar-riħ eżistenti ġewwa s-siti Natura 2000 huma wkoll permessi sa kemm jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet.
11 – Ara l-punti 19 u 20 iktar ’il fuq.
12 – Ara t-tifsira fl-Artikolu 1(k) tad-Direttiva tal-Habitats. Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Habitats fir-rigward tat-twaqqif ta’ netwerk ekoloġiku ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt it-titolu Natura 2000, li jinkludi Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni kklassifikati mill-Istati Membri b’mod konformi mad-Direttiva dwar l-Għasafar.
13 – Ara l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva dwar l-Għasafar li jipprovdi għall-ħolqien mill-Istati Membri ta’ żoni protetti. Ara l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-Għasafar li jikkonċerna l-għażla taż-żoni l-iktar xierqa biex jiġu kklassifikati bħala Żoni Speċjali ta’ Protezzjoni.
14 – L-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43 jissostitwixxi l-obbligi li joriġinaw mill-Artikolu 6(2) sa (4) ta’ dik id-Direttiva għal dawk li joriġinaw mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409. Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑304/05, Ġabra p. I‑7495, punt 104).
15 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punti 32 sa 34). Wara evalwazzjoni tal-effetti li ssir konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Habitats u fl-eventwalità ta’ evalwazzjoni negattiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-għażla li jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni tal-pjan jew tal-proġett jew jagħtu l-awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 6(4) ta’ dik id-direttiva, sa kemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni jiġu osservati. Ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑239/04, Ġabra p. I‑10183, punt 25).
16 – Ara l-Artikolu 1 UE. Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe (6/03, Ġabra p. I‑2753, punti 58 u 59). Fil-punt 58 tas-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “fil-kuntest tal-politika komunitarja dwar l-ambjent, sa fejn miżura nazzjonali għandha l-istess għanijiet bħal direttiva, il-fatt li wieħed imur lil hinn mill-kundizzjonijiet minimi stabbiliti f’din id-Direttiva huwa previst u awtorizzat mill-Artikolu 176 KE taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”
17 – Il-preambolu għad-Digriet Ministerjali inkwistjoni jgħamel referenza, inter alia, għall-Artikolu 1(1226) tal-Liġi Finanzjarja tal-2007, u jidher li huwa parti minn dak id-Digriet.
18 – Ara b’kuntrast ma’ dan is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, Ġabra p. I‑2201, punti 47 sa 55). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Unilever (C‑443/98, Ġabra p. I‑7535).
19 – Ara b’analoġija s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1989, Enichem Base et (380/87, Ġabra p. 491).
20 – It-titolu separat dwar l-Enerġija inkluż fl-Artikolu 194 TFUE ġie introdott bit-Trattat ta’ Lisbona. Ara madankollu, l-Artikolu 2 KE li jirreferi għall-iżvilupp sostenibbli ta’ attivitajiet ekonomiċi u l-Artikolu 3(1)(u) KE li jipprovdi li l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu miżuri fil-qasam tal-enerġija.
21 – Dawk il-proċeduri laħqu l-quċċata tagħhom fil-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C‑573/08 (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, p. I‑217), li peress li naqset milli tagħmel it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar fil-liġi Taljana b’mod li jikkonforma għal kollox ma’ dik id-direttiva, u billi naqset li tagħmel it-traspożizzjoni tal-Artikolu 9 ta’ dik id-direttiva b’mod li jiżgura li d-derogi adottatti mill-awtoritajiet kompetenti Taljani jikkonformaw mal-kundizzjonijiet u mar-rekwiżiti msemmija f’dak l-Artikolu, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 sa 7, 9 sa 11, 13 u 18 tad-direttiva.
22 – Ara, “Guidance on wind energy and Natura 2000”, disponibbli minn .
23 – Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġabra p. I‑4911).
24 – Nosserva li l-bażi legali tad-Direttiva 2001/77 hija l-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192(1) TFUE) u l-bażi legali tad-Direttiva 2009/28 huwa primarjament l-Artikolu 175(1) KE.
25 – L-ebda għan ma jingħata prijorità bl-artikoli ta’ dik id-direttiva.
26 – Ara l-premessa 3 fil-Preambolu għad-Direttiva 2001/77.
27 – Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta ta’ dik id-Direttiva COM(2000) 279 finali, 2000/116 (COD) u l-White Paper dwar sorsi rinnovabbli ta’ enerġija COM(97) 599 finali, imsemmija fit-tieni premessa għall-preambolu għad-Direttiva 2001/77. L-introduzzjoni fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tgħid li “id-Direttiva tipproponi li l-Istati Membri jiġu rikjesti li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-livell ta’ [elettriku ġġenerat b’mod rinnovabbli] jiżviluppa b’mod konformi mal-għanijiet enerġetiċi u ambjentali meħuda fil-livell kemm nazzjonali u anki Komunitarju”. Il-Punt 2.1 jistabbilixxi li “[l-]promozzjoni ta’ sorsi rinnovabbli ta’ enerġija hija prijorità Komunitarja għolja, għal raġunijiet ta’ sigurtà u diversifikazzjoni ta’ provvista ta’ enerġija, għal raġunijiet ta’ protezzjoni ambjentali u għal raġunijiet ta’ koeżjoni soċjali u ekonomika.”
28 – L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28 jistabbilixxi miri u miżuri nazzjonali globali għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Madankollu, peress li l-Istati Membri ma kinux meħtieġa li, b’mod konformi mal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/28 jagħmlu t-traspożizzjoni tal-Artikolu 3 sal-5 ta’ Diċembru 2010, jidher li dik id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għat-tilwima fil-proċedimenti prinċipali.
29 – L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/77.
30 – Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li fl-2006, 18.3 % tal-elettriku kkunsmat fl-Italja kien prodott minn sorsi rinnovabbli.
31 – Ara l-punti 28 u 29 iktar ’il fuq.
32 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et (44/94, Ġabra p. I‑3115, punt 46).
33 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq.
34 – Ara f’dan is-sens is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 30).
35 – Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-kumpanniji rikorrenti ma sofrew u lanqas jallegaw li saret xi diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità.
36 – Ara l-punt 42 u s-segwenti, iktar ’il fuq.
37 – B’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi uniċi u tal-iskop tagħhom.
38 – Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 1992, Debus (C‑13/91 u C‑113/91, Ġabra p. I‑3617, punt 16), u sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96).
39 – Ara l-punti 28 u 29 iktar ’il fuq.
Full & Egal Universal Law Academy