KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fl-14 ta’ April 2011 (1)
Kawża C‑53/10
Land Hessen
vs
Franz Mücksch OHG
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]
“Ambjent – Kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi – Distanzi xierqa bejn stabbilimenti fejn hemm sustanzi perikolużi u bini u żoni li jintużaw mill-pubbliku”
1. F’sitwazzjoni fejn ikun ingħata permess għal żvilupp preliminari sabiex jinfetaħ ċentru fejn jinbiegħu l-prodotti relatati mal-ġnien fuq plott li qabel kien okkupat minn impjant tar-riċiklaġġ tal-metall u f’żona li diġà fiha ħwienet għall-bejgħ bl-imnut jew bl-ingrossa, ħwienet tax-xogħol u lukanda, iżda li huwa viċin ta’ stabbiliment fejn hemm sustanzi perikolużi u li għaldaqstant huwa kopert mid-Direttiva SEVESO II (2), il-Bundesverwaltungsgericht Ġermaniża (il-Qorti Federali Amministrattiva) tistaqsi dwar l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet tal-ippjanar.
2. Il-kwistjonijiet imqajma jikkonċernaw l-obbligu li jiġi żgurat li titfassal u tiġi implementata politika li tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn li, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, jinżammu distanzi xierqa bejn stabbilimenti li jkunu ta’ periklu u binjiet u żoni li jintużaw mill-pubbliku.
3. Dan l-obbligu japplika biss fuq livell ta’ ppjanar dwar l-użu tal-art (3) – jiġifieri, il-politika li tikkonċerna l-użu ġenerali tal-art fuq żoni wesgħin delimitati – jew anki għal meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ ppjanar individwali? U, fejn bħalissa l-pubbliku għandu aċċess għal binja li ġiet identifikata bħala f’“żona perikoluża” madwar xi stabbiliment, il-bdil fl-użu f’dik iż-żona għandu josserva l-għan li, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, jinżammu distanzi xierqa, jew huwa biżżejjed li jiġi żgurat sempliċiment li l-użu l-ġdid ikun konsistenti mas-sitwazzjoni eżistenti?
4. Dawn il-kwistjonijiet qamu f’kuntest fejn, minn naħa waħda, ma kien sar ebda pjan dwar l-użu tal-art għaż-żona rilevanti u, min-naħa l-oħra, id-dritt nazzjonali jeżiġi li jingħata permess għal żvilupp meta jiġi kkonstatat li l-iżvilupp josserva ċerti rekwiżiti speċifiċi. F’dan il-każ, b’mod partikolari, l-iżvilupp ma jeħtieġx li jkun hemm rekwiżiti iktar stretti dwar il-prevenzjoni tal-inċidenti fuq l-istabbiliment eżistenti.
Id-Direttiva SEVESO II
5. L-Artikolu 1 jipprovdi li “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu evitati inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi u l-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u għall-ambjent, bil-ħsieb li tiżgura livelli għoljin ta’ protezzjoni fil-Komunità kolha b’mod konsistenti u effettiv”. Il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi li jiżguraw li l-operaturi ta’ stabbilimenti fejn il-kwantità ta’ sustanzi perikolużi speċifiċi tkun iktar minn dik speċifikata, jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa sabiex jevitaw l-inċidenti u li jkun hemm pjanijiet ta’ emerġenza f’każ li xorta waħda jseħħu xi inċidenti. Ħsieb ieħor huwa, madankollu, li l-istabbilimenti kkonċernati jkunu ppożizzjonati b’mod li jillimitaw il-konsegwenzi ta’ tali inċidenti.
6. F’dan ir-rigward, il-premessa 4 tipprovdi li, “fid-dawl tad-disgrazzji ta’ Bhopal u l-Belt tal-Messiku, li wrew il-periklu li jista’ jiġri meta siti [perikolużi] u djar jkunu viċin xulxin ħafna, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ottubru 1989 sejħet sabiex il-Kummissjoni tinkludi fid-Direttiva 82/501/KEE [(4)] disposizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontroll fuq l-ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art meta jiġu awtorizzati [in]installazzjonijiet ġodda u meta jseħħ żvilupp urban madwar installazzjonijiet eżistenti”.
7. Skont il-premessa 22, “biex ikun hemm aktar protezzjoni għal żoni residenzjali, żoni ta’ użu pubbliku sostanzjali u oħrajn ta’ interess jew sensittività naturali partikolari, huwa meħtieġ li l-politika dwar l-użu ta’ l-art u/jew xi politika rilevanti oħra li tkun applikata fl-Istati Membri tikkunsidra l-bżonn, fuq perjodu twil ta’ żmien, biex tinżamm distanza kif jixraq bejn dawn iż-żoni u l-istabbilimenti li jippreżentaw dawn il-perikoli u, fejn ikunu kkonċernati stabbilimenti eżistenti, biex jikkunsidraw miżuri tekniċi oħra biex ir-riskju għall-persuni ma jiżdiedx”.
8. L-Artikolu 12 tad-direttiva għandu t-titolu “Ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art”. L‑Artikolu 12(1) jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għanijiet biex ikunu evitati aċċidenti serji u li jillimitaw il-konsegwenzi ta’ dawn l-inċidenti ikunu kkunsidrati fil-politika tagħhom dwar l-użu ta’ l-art u/jew xi politika rilevanti oħra. Huma għandhom jissuktaw dawn l-għanijiet billi jagħmlu kontrolli fuq:
(a) il-post partikolari ta’ stabbilimenti ġodda,
(b) modifiki għal stabbilimenti eżistenti koperti bl-Artikolu 10 [(5)],
(ċ) żviluppi ġodda bħalma huma sistemi ta’ trasport, postijiet iffrekwentati mill-pubbliku u żoni residenzjali li jkunu fil-qrib ta’ stabbilimenti eżistenti, fejn il-post partikolari jew l-iżviluppi jkunu tali li jżidu r-riskju u l-konsegwenzi ta’ xi aċċident serju.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-politika tagħhom dwar l-użu ta’ l-art u/jew xi politika rilevanti oħra u l-proċeduri li jwasslu għall-implimentazzjoni ta’ din il-politka jikkunsidraw il-bżonn, fuq medda ta’ perjodu twil ta’ żmien, li jżommu distanzi xierqa bejn l-istabbilimenti koperti b’din id-Direttiva u ż-żoni residenzjali, żoni ta’ użu pubbliku u żoni ta’ sensittività naturali jew interess partikolari, u, fil-każ ta’ stabbilimenti eżistenti, tal-bżonn għal aktar miżuri tekniċi f’konformità ma’ l-Artikolu 5 [(6)] biex ma jiżdidux ir-riskji għan-nies” (7).
Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża rilevanti
9. Il-paragrafu 1(3) tal-Kodiċi tal-Bini Ġermaniż (8) jeżiġi li l-muniċipji jfasslu pjanijiet ta’ żvilupp dwar l-użu tal-art malli, u sa fejn, huwa meħtieġ għall-iżvilupp urban. Il-paragrafu 1(7) jeżiġi li meta l-istess pjanijiet jitfasslu, għandhom jiġu bbilanċjati d-diversi interessi pubbliċi u privati kollha.
10. Il-paragrafu 34 tal-Kodiċi tal-Bini għandu t-titolu “Permissibbiltà ta’ proġetti f’żoni mibnija”; is-subparagrafu 1 jipprovdi li:
“F’żoni mibnija, proġett ikun permissibbli jekk, skont it-tip u l-portata tal-użu tal-binja, il-metodu ta’ kostruzzjoni u l-plott li fuqu tkun ser tinbena, dan ikun konformi mal-ambjent immedjat ta’ madwaru u jkun ġie żgurat li ser ikollu s-servizzi. Ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tajbin ta’ għajxien u tax-xogħol għandhom ikunu sodisfatti; id-dehra ġenerali tal-lokalità ma għandhiex tiġi ppreġudikata”.
11. Huwa paċifiku li, fejn f’żona partikolari ma jkun sar ebda pjan ta’ żvilupp dwar l-użu tal-art, l-awtoritajiet tal-ippjanar ma jistgħux jirrifjutaw permess għal żvilupp preliminari meta l-proġett ikun jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 34 tal-Kodiċi tal-Bini; la huma meħtieġa u lanqas jistgħu jibbilanċjaw għal darba oħra l-interessi pubbliċi u privati, kif inhu obbligatorju li jsir meta jitfassal pjan ta’ żvilupp.
12. Meta jkunu involuti proġetti u miżuri sinjifikattivi fuq livell reġjonali, il-paragrafu 50 tal-Liġi Federali fuq il-Protezzjoni kontra t-Tniġġis (9) jeżiġi li l-art li tintgħażel sabiex isir użu partikolari minnha tiġi protetta bħala żona, u dan sabiex jiġu evitati, kemm jista’ jkun, l-effetti negattivi għall-ambjent u l-effetti, li jiġu kkaġunati b’inċidenti kbar f’żoni industrijali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SEVESO II (10), fuq żoni li jintużaw esklużivament jew b’mod predominanti għal raġunijiet residenzjali u fuq żoni oħra li jeħtieġu protezzjoni, b’mod partikolari żoni li jintużaw mill-pubbliku, rotot importanti tat-traffiku, żoni tad-divertiment, b’mod partikolari żoni ta’ konservazzjoni importanti jew sensittivi, u binjiet li jintużaw mill-pubbliku.
13. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 3 tar-Regolament Nru 12 li jimplementa l-Liġi fuq il-Protezzjoni kontra t-Tniġġis (11) jeżiġi li, b’mod partikolari, l-operaturi ta’ stabbilimenti li jkunu ta’ riskju jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa kemm sabiex jipprevjenu inċidenti kbar u kif ukoll sabiex inaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti tal-inċidenti kbar.
Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula
14. Franz Mücksch OHG (iktar ’il quddiem “Mücksch”) ingħatat permess preliminari għal żvilupp (12) mill-belt ta’ Darmstadt sabiex tibni ċentru fejn jinbiegħu l-prodotti relatati mal-ġnien, bi spazju għall-bejgħ tal-kejl ta’ 9 368 m², fuq plott li qabel kien jintuża minn impjant tar-riċiklaġġ tal-metall, li hija għandha f’żona industrijali fin-naħa tal-Lbiċ tal-belt. Iż-żona ta’ madwaru tinkludi ħwienet għall-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, ħwienet tax-xogħol u lukanda. Il-plott huwa kkonfinat min-naħa tat-tramuntana bil-binarji tal-ferrovija, li warajhom hemm binja industrijali proprjetà ta’ Merck KG aA (iktar ’il quddiem “Merck”), li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva SEVESO II u r-Regolament Nru 12 li jimplementa l-Liġi dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis (13). Jidher li għaż-żona kkonċernata ma kien tfassal l-ebda pjan ta’ żvilupp dwar l-użu tal-art (14), u lanqas ma jidher li l-proġett huwa “sinjifikattiv fuq livell reġjonali” fis-sens tal-paragrafu 50 tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis.
15. Merck ippreżentat oġġezzjoni għall-permess preliminari għal żvilupp, li fuqha l-Land Hessen (l-awtorità reġjonali li fit-territorju tagħha hemm Darmstadt) trid tiddeċiedi. Mücksch titlob li l-oġġezzjoni tiġi miċħuda.
16. Matul il-kors tal-proċedura, tfassal rapport dwar l-impatt tal-iżvilupp, li stabbilixxa l-limiti ta’ konformità fir-rigward tal-perikli potenzjali identifikati tas-sit ta’ Merck, billi ġie bbażat fuq il-gwida pprovduta mill-Ministru Federali tal-Ambjent. Il-plott ta’ Mücksch jinsab kompletament fi ħdan il-limiti ta’ konformità.
17. Fl-ewwel istanza, il-Land Hessen intalbet tiċħad l-oġġezzjoni ta’ Merck. L-appelli ppreżentati minn Merck u mil-Land Hessen ġew miċħuda, u dawn l-istess partijiet reġgħu appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju fuq punt ta’ liġi. Huma jsostnu li l-qorti ta’ appell ma interpretatx id-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-Direttiva SEVESO II, li fil-fehma tagħhom l-Artikolu 12(1) tagħha jipprekludi li l-proġett ta’ Mücksch jingħata permess.
18. Il-Bundesverwaltungsgericht tgħid li, taħt id-dritt nazzjonali, meħud waħdu, il-kostruzzjoni ta’ ċentru fejn jinbiegħu l-prodotti relatati mal-ġnien huwa permess, u l-appelli għandhom jiġu miċħuda. Iċ-ċentru huwa “konformi” mal-ambjent ta’ madwaru fis-sens tal-paragrafu 34(1) tal-Kodiċi tal-Bini, u l-binjiet tal-madwar, inklużi dawk ta’ Merck, ittieħdu inkunsiderazzjoni; jekk jinbena, ir-rekwiżiti li r-regoli dwar il-prevenzjoni ta’ inċidenti kbar jimponu fuq Merck ma jinbidlux. Barra minn hekk, il-proġett jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għajxien u xogħol tajjeb. Lanqas ma hemm xi raġunijiet li minħabba fihom għandu jiġi rrifjutat il-permess, minħabba raġunijiet li jirriżultaw mil-Liġi dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis. Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-awtorità tal-ippjanar li f’dawn iċ-ċirkustanzi ma hijiex diskrezzjonali, għandha tkun favorevoli.
19. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva SEVESO II jeżiġix li l-bdil fl-użu tal-art fil-qrib ta’ stabbiliment kopert mid-direttiva għandux josserva “distanza xierqa”. Jekk dan huwa l-każ, id-dritt nazzjonali jkun irid jiġi interpretat u applikat skont dak ir-rekwiżit. F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 12(1) jikkonċernax biss il-livell tal-politika tal-ippjanar dwar l-użu tal-art jew jikkonċernax ukoll l-applikazzjoni speċifika tar-regoli ta’ ppjanar f’każijiet individwali. Fil-każ tal-aħħar, huwa importanti li jkun magħruf jekk, f’ċirkustanzi fejn l-użu tal-art huwa mħallat bħalma huwa f’dan il-każ, id-direttiva tipprekludix il-bdil fl-użu li ma jkunx jiffavorixxi l-għan li fuq perijodu twil ta’ żmien jinżammu distanzi xierqa, jew jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jeżiġu li dak il-bdil fl-użu jkun suġġett għall-għoti ta’ permess jiħdux inkunsiderazzjoni dak l-għan b’mod suffiċjenti.
20. Il-Bundesverwaltungsgericht b’hekk għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1. L-Artikolu 12(1) tad-[Direttiva SEVESO II] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligi li dan jimponi fuq l-Istati Membri, b’mod partikolari l-obbligu li fil-politika tagħhom dwar l-użu tal-art u fil-proċeduri ta’ implementazzjoni ta’ din il-politika jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonn, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti minn din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini użat mill-pubbliku, japplikaw biss għall-awtoritajiet responsabbli għall-ippjanar dwar l-użu tal-art u li jkunu mitluba jiddeċiedu dwar dan l-użu fuq il-bażi ta’ bbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati kkonċernati, jew japplikaw ukoll għall-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għall-kostruzzjoni, li għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ kompetenza limitata [jieħdu deċiżjoni li ma hijiex ibbażata fuq diskrezzjoni] dwar l-awtorizzazzjoni ta’ proġett f’żona li diġà hija mibnija?
2. Jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva ‘SEVESO II’ japplika wkoll għall-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għall-kostruzzjoni, li għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ kompetenza limitata [jieħdu deċiżjoni li ma hijiex ibbażata fuq diskrezzjoni] dwar l-awtorizzazzjoni ta’ proġett f’żona li diġà hija mibnija:
L-obbligi diġà msemmija jinkludu l-projbizzjoni li tiġi awtorizzata l-kostruzzjoni ta’ bini użat mill-pubbliku li - fid-dawl tal-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-ippjanar tal-użu tal-art - mhuwiex separat permezz ta’ distanza xierqa minn stabbiliment eżistenti, meta fil-fatt numru ta’ bini komparabbli użat mill-pubbliku diġà jinsab f’distanza mill-istabbiliment li mhijiex ikbar, jew li mhijiex ħafna ikbar, meta l-proġett il-ġdid ma jimponi ebda rekwiżit addizzjonali fuq l-operatur f’termini ta’ limitazzjoni tal-konsegwenzi ta’ inċident u meta r-rekwiżiti marbuta mas-saħħa fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-akkomodazzjoni [għajxien] jkunu sodisfatti?
Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda:
Leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-kostruzzjoni ta’ bini użat mill-pubbliku għandha neċessarjament tiġi awtorizzata f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fid-domanda preċedenti, tieħu suffiċjentement inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li tinżamm distanza xierqa?”
21. Mücksch, Merck, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea, li kollha kienu rrappreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2011, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.
Kunsiderazzjonijiet
22. Kif ġie nnutat diġà, id-digriet tar-rinviju jqajjem żewġ kwistjonijiet bażiċi. L-ewwel nett, l-Artikolu 12(1) tad-direttiva jimponi obbligi biss fuq il-livell ta’ ppjanar dwar l-użu tal-art, jew ukoll fuq il-livell ta’ deċiżjonijiet individwali sabiex jingħata jew jiġi rrifjutat permess għal proġetti partikolari (domanda 1)? It-tieni nett, sa fejn jistgħu dawk l-obbligi jipprekludu l-awtorizzazzjoni, b’mod partikolari l-awtorizzazzjoni li ma hijiex ibbażata fuq diskrezzjoni, ta’ proġett li ma jnaqqasx – fil-fatt, saħansitra jżid – il-preżenza tal-membri tal-pubbliku fil-qrib ta’ stabbiliment li jkun ta’ riskju, minkejja li xorta waħda hemm binjiet fil-viċin li jintużaw mill-pubbliku u l-proġett ma jeħtieġ ebda miżuri ta’ sigurtà oħra (domandi 2 u 3)? Ser nanalizza issa dawn il-kwistjonijiet wara xulxin.
Il-livell li fih japplikaw l-obbligi
23. L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva SEVESO II jeżiġi inter alia li l-Istati Membri “jiżguraw li l-għanijiet sabiex ikunu evitati inċidenti serji u li jillimitaw il-konsegwenzi ta’ dawn l-inċidenti ikunu kkunsidrati fil-politika tagħhom dwar l-użu ta’ l-art u/jew xi politika rilevanti oħra” u li “l-politika tagħhom dwar l-użu ta’ l-art u/jew xi politika rilevanti oħra u l-proċeduri li jwasslu għall-implimentazzjoni ta’ din il-politka” jikkunsidraw il-bżonn, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, li jżommu distanzi xierqa bejn l-istabbilimenti koperti b’din id-Direttiva u l-binjiet u żoni ffrekwentati mill-pubbliku.
24. Dan il-kliem jagħmilha ċara mill-ewwel li l-obbligi jkopru mhux biss il-politika dwar l-użu tal-art imma wkoll “xi politika rilevanti oħra”. Tali politika oħra ma tistax ħlief tinkludi lil dik il-politika li tirregola l-għoti jew ir-rifjut ta’ permessi individwali għal żvilupp, li huma ta’ rilevanza assoluta għall-politika dwar l-użu tal-art. Huwa ċar ukoll li l-“proċeduri li jwasslu għall-implimentazzjoni ta’ din il-politka” għandhom jikkunsidraw il-bżonn, fuq medda ta’ perjodu twil ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa. Għal darba oħra, tali proċeduri ma jistgħux ħlief jinkludu dawk il-proċeduri li jwasslu għall-għoti jew ir-rifjut tal-permessi għal żvilupp f’każijiet individwali, li jikkostitwixxu l-implementazzjoni tal-politika ta’ ppjanar, par excellence.
25. Fid-dawl ta’ din it-tifsira ċara, irid ikun hemm raġuni verament qawwija sabiex wieħed ikun jista’ jikkonkludi li l-Artikolu 12(1) tad-direttiva ma jikkonċernax id-deċiżjonijiet individwali ta’ ppjanar kif ukoll il-politika ġenerali dwar l-użu tal-art.
26. Mücksch tipprova tislet din ir-raġuni qawwija mir-riferimenti rripetuti li hemm għall-“politika” u “ppjanar” fid-direttiva, fix-xogħol preparatorju u fil-linji gwida tal-Kummissjoni (15), kif ukoll min-natura tal-għan ikkonċernat li huwa espliċitament intiż għal fuq medda ta’ żmien twil. Il-Gvern Ġermaniż iressaq argumenti simili, għalkemm jirrikonoxxi li l-Artikolu 12(1) jista’ jaffettwa d-deċiżjonijiet individwali fil-qasam tal-ippjanar meta politika ta’ għoti jew ta’ użu tal-artijiet jew pjan ta’ okkupazzjoni tal-artijiet ma tkunx ġiet globalment stabbilita għal żona partikolari.
27. Dawn l-argumenti ma humiex bla bażi, iżda ma naħsibx li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li l-Artikolu 12(1) ma jimponix obbligi wkoll fuq il-livell ta’ deċiżjonijiet individwali ta’ ppjanar, indipendentement mill-fatt jekk ikunx sar pjan ġenerali jew le.
28. Fil-fatt huwa ċar li d-direttiva tikkontempla – u anki teżiġi – sistema fejn jiġu mfittxija l-għanijiet tal-Artikolu 12 u dan permezz, fl-ewwel lok, ta’ ppjanar dwar l-użu tal-art (il-livell tal-politika). Huwa meħtieġ approwċ koerenti u kkoordinat sabiex dawn l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu, mentri r-rekwiżit li kien jikkonċerna prinċipalment lid-deċiżjonijiet individwali ma setax jissodisfa faċilment tali approwċ. Min-naħa l-oħra, malli jiġi implementat tali approwċ koerenti u kkoordinat, wieħed jistenna li d-deċiżjonijiet individwali ta’ ppjanar jibdew jimxu miegħu u l-għanijiet jibdew jintlaħqu fil-prattika, mhux fit-teorija biss.
29. Madankollu, wieħed jista’ jimmaġina mill-ewwel ċirkustanzi fejn dan ix-xenarju ma japplikax. Fil-fatt, fil-każ tal-kawża prinċipali, ma kien tfassal l-ebda pjan dwar l-użu tal-art għaż-żona kkonċernata. F’każijiet oħrajn, jista’ jkun li tfassal pjan iżda jista’ jkun li rriżulta li ma ħax inkunsiderazzjoni biżżejjed il-bżonn li jinżammu distanzi xierqa. Jew, skont x’jipprovdu d-dispożizzjonijiet nazzjonali, il-pjan dwar l-użu tal-art jista’ jkun li ma jimponix limitazzjonijiet obbligatorji fuq l-awtoritajiet responsabbli mid-deċiżjonijiet fuq l-applikazzjonijiet individwali għall-permess għall-iżvilupp.
30. Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-direttiva jeżiġi espliċitament li l-Istati Membri jiżguraw, b’mod partikolari, li l-bżonn, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa jittieħed fil-fatt inkunsiderazzjoni fil-proċeduri li jimplementaw il-politika rilevanti tagħhom. Dan jista’ jfisser biss li s-sistema nazzjonali, indipendentement minn kif hija taħdem fid-dettall, għandha tiżgura li l-bżonn inkwistjoni jittieħed inkunsiderazzjoni f’xi ħin – u l-iktar tard, fl-istadju finali – fil-proċedura li twassal għall-għoti jew ir-rifjut ta’ kull applikazzjoni individwali ta’ żvilupp fil-viċinanza ta’ stabbiliment kopert bid-direttiva. Kieku dan ma kienx hekk, kien ikun hemm ir-riskju li d-direttiva jitneħħielha kull effett reali f’dan ir-rigward.
31. Irrid nagħmilha ċara, madankollu, li din il-konklużjoni bl-ebda mod ma tnaqqas mir-rekwiżit primarju li jiġi żgurat li l-bżonn li jinżammu distanzi xierqa jittieħed debitament inkunsiderazzjoni fil-livell iktar ’il fuq, jiġifieri dak tal-ippjanar dwar l-użu tal-art (16).
Il-portata tal-obbligu rilevanti
32. Mill-analiżi tiegħi dwar l-ewwel kwistjoni jirriżulta li l-awtoritajiet responsabbli mill-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ Mücksch għandhom, meta jiddeċiedu jekk għandhomx jilqgħu jew jirrifjutaw l-applikazzjoni, “jikkunsidraw il-bżonn, fuq medda ta’ perjodu twil ta’ żmien, li jżommu distanzi xierqa” bejn il-binja ta’ Merck u ċ-ċentru ta’ Mücksch fejn jinbiegħu l-prodotti relatati mal-ġnien.
33. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf b’mod iktar preċiż x’jinvolvi dak l-obbligu qabel ma hija tkun tista’ tiddeċiedi fuq l-appell. Fil-preżentazzjoni u fl-ispjegazzjonijiet tagħha tad-domandi 2 u 3, hija tidentifika numru ta’ fatturi li jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward: (i) il-fatt li ma tfassal l-ebda pjan dwar l-użu tal-art, b’mod li l-kompetenza tal-awtorità li tagħti l-permessi hija limitata għall-verifika li l-Kodiċi tal-Bini jkun ġie osservat; (ii) il-fatt li ċ-ċentru fejn jinbiegħu l-prodotti relatati mal-ġnien huwa konformi mal-Kodiċi tal-Bini u għaldaqstant għandu jkun awtorizzat taħt id-dritt nazzjonali; (iii) il-fatt li, indipendentement minn jekk il-proġett isirx jew le, il-binjiet u ż-żoni l-oħra fil-viċinanza humiex jew ikomplux ikunu ffrekwentati mill-pubbliku; (iv) il-fatt li jekk isir il-proġett, dan iwassal għal iktar, u mhux inqas, frekwentazzjoni mill-pubbliku; u (v) il-fatt li, jekk isir il-proġett, ma jiġux imposti iktar rekwiżiti ta’ sigurtà fuq Merck milli li kieku l-proġett ma jsirx.
34. Minn dawn il-fatturi, (i) u (ii) huma rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk il-qafas proċedurali nazzjonali, li jeżiġi deċiżjoni favorevoli f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-każ preżenti, huwiex konformi mar-rekwiżiti tad-direttiva. Il-fatturi (iii), (iv) u (v), min-naħa l-oħra, jikkonċernaw ir-rekwiżiti sostantivi, iktar milli proċedurali, tad-direttiva; il-kwistjoni hija dwar jekk dawn il-fatturi, wieħed wieħed jew flimkien, jistgħux jeżiġu deċiżjoni pożittiva jew negattiva f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-każ fil-kawża prinċipali.
35. Qabel ma nikkunsidra dawn iż-żewġ settijiet ta’ fatturi, jidhirli li jkun ta’ għajnuna li jiġi eżaminat b’iktar reqqa l-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni.
Il-kliem tal-Artikolu 12(1) tad-direttiva
36. L-aħħar rapport tal-istudju dwar l-istima tal-impatt li sar qabel il-proposta kurrenti sabiex tiġi sostitwita d-Direttiva SEVESO II (17) jipprovdi li d-direttiva “tinkludi rekwiżiti fuq ippjanar dwar l-użu tal-art għal impjanti ġodda u rekwiżit miktub b’mod vag ‘biex jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn li fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien jinżammu distanzi xierqa’ li jista’ jinkludi l-impjanti eżistenti” (traduzzjoni mhux uffiċjali). Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta (18) jipprovdi li “l-kwistjoni tal-istabbilimenti eżistenti li jinsabu diġà fil-viċinanza immedjata ta’ żoni residenzjali u żoni oħra ffrekwentati mill-pubbliku, li qegħda tiġi indirizzata fuq livell nazzjonali minn ċerta Stati Membri, ma hijiex koperta fil-preżent”. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
37. Għalkemm jista’ jkun leġittimu li r-rekwiżit jiġi deskritt bħala “miktub b’mod vag”, ma naqbilx li hemm xi dubju dwar jekk dan japplikax għall-istabbilimenti eżistenti. Huwa jirreferi espliċitament għall-“istabbilimenti koperti b’din id-direttiva” u ma hemmx dubju li d-direttiva tkopri l-istabbilimenti eżistenti. Fil-fatt, fl-ebda stadju f’dawn il-proċeduri ma tressqet xi fehma oħra.
38. Madankollu, huwa minnu li jeħtieġ li ssir ftit eseġesi.
39. Fl-ewwel lok, l-espressjoni “distanzi xierqa” tippermetti ħafna lok għal interpretazzjoni. Dan huwa kemm naturali kif ukoll inevitabbli, peress li ma jistax ikun hemm limiti preċiżi, assoluti u oġġettivi għaż-“żona perikoluża” madwar xi stabbiliment u, fi kwalunkwe każ, tali limiti jvarjaw skont, inter alia, in-natura tar-riskju u tal-miżuri ta’ sigurtà implementati. Għaldaqstant, kull meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn li jinżammu d-distanzi msemmija, tkun trid tiġi evalwata d-distanza rilevanti. L-evalwazzjoni tista’ ssir in abstracto, skont iċ-ċirkustanzi, skont kriterji standardizzati bbażati fuq fatturi rilevanti, jew in concreto għal każ b’każ jekk dan ikun meħtieġ fuq il-livell tal-permessi tal-iżvilupp individwali. Hija tista’ twassal għal limitu arbitrarju u assolut (pereżempju, projbizzjoni kontra l-frekwentazzjoni mill-pubbliku tal-art jew tal-bini f’ċerta distanza mill-istabbiliment) jew inkella tieħu approwċ iktar flessibbli bbażat fuq ċirkustanzi speċifiċi (bħalma huma l-karatteristiċi ġeografiċi, id-direzzjonijiet tar-riħ li jonfoħ l-iktar spiss jew il-frekwenza u l-intensità tal-użu mill-pubbliku). Jidher li ebda approwċ minn dawn ma hu prekluż mid-direttiva.
40. Imbagħad, l-espressjoni “fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien” mhux biss hija indefinita minnha nfisha, iżda tista’ tirreferi wkoll għal data ta’ skadenza fil-futur li ma hijiex definita, jew għall-bżonn li jinżammu d-distanzi xierqa fuq bażi essenzjalment permanenti. Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni enfasizzat l-aħħar interpretazzjoni, u ssuġġeriet li l-Istati Membri għandhom jippreservaw id-distanzi xierqa eżistenti, kemm issa u kemm għall-futur. Jidhirli li fil-fatt iż-żewġ interpretazzjonijiet jikkonverġu u li l-kliem jista’ joqgħod għaż-żewġ interpretazzjonijiet. Għaldaqstant, meta d-distanzi xierqa jkunu osservati diġà, hemm bżonn li dawn jinżammu għall-futur (għal medda ta’ perijodu twil ta’ żmien); fejn l-istess distanzi ma jkunux osservati, hemm bżonn li jiġu introdotti bħala għan fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien. Madankollu, f’ebda każ ma hemm espress terminu definit.
41. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li, kif inhu miktub l-Artikolu 12(1), il-“bżonn” li jinżammu distanzi xierqa minnu nnifsu ma jikkostitwixxix obbligu jew rekwiżit impost fuq l-Istati Membri jew l-awtoritajiet tagħhom. Dak li l-Istati Membri huma meħtieġa li jagħmlu huwa li jiżguraw li l-politika u l-proċeduri ta’ implementazzjoni tagħhom “jieħdu inkunsiderazzjoni” dak il-bżonn. Fi kliem ieħor, il-bżonn inkwistjoni għandu, sabiex ngħidu hekk, jiddaħħal fil-karta tal-bilanċ; il-bżonn għandu jiġi bbilanċjat kontra bżonnijiet u interessi rilevanti oħra meta tiġi żviluppata u implementata l-politika kkonċernata. Dan il-proċess ma jwassalx għal deċiżjonijiet awtomatiċi prestabbiliti mil-liġi u li wieħed jasal għalihom bis-sempliċi applikazzjoni ta’ xi formula.
Ir-rekwiżiti proċedurali tad-direttiva
42. Il-karatteristiċi tas-sitwazzjoni li tinsab quddiem il-qorti tar-rinviju huma dawn li ġejjin. Taħt id-dritt Ġermaniż, meta għal xi żona partikolari ma jkun tfassal l-ebda pjan għall-użu tal-art, l-awtorità responsabbli sabiex tieħu d-deċiżjonijiet fuq l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp f’dik iż-żona għandha teżamina kull applikazzjoni għall-konformità tagħha mal-Kodiċi tal-Bini u ma’ ċerti dispożizzjonijiet oħra. Hija ma għandha ebda diskrezzjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni fatturi oħra – bħalma huwa l-bżonn, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa – iżda għandha tapprova l-applikazzjoni (tal-inqas għal dak li jikkonċerna l-permess għall-iżvilupp preliminari) jekk tirriżulta dik il-konformità. Peress li fil-każ tal-kawża prinċipali ġiet ikkonstatata tali konformità, kellu bilfors jinħareġ il-permess preliminari.
43. Skont l-analiżi tiegħi, din is-sitwazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 12(1) tad-direttiva. Din id-dispożizzjoni tikkontempla li, b’mod ġenerali, iridu jitfasslu pjanijiet dwar l-użu tal-art. Meta jkunu tfasslu dawn il-pjanijiet, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonn li jinżammu d-distanzi xierqa. Meta l-istess pjanijiet ma jkunux tfasslu, dak il-bżonn irid jittieħed inkunsiderazzjoni – flimkien ma’ rekwiżiti oħra imposti mill-Kodiċi tal-Bini jew minn xi leġiżlazzjoni applikabbli oħra – matul il-proċedura li twassal għall-għoti jew għar-rifjut tal-permess għall-iżvilupp individwali. Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.
44. Konsegwentement, jidhirli li l-Bundesverwaltungsgericht għandha, kif tgħid hija stess, tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali tagħha b’mod li tagħti effett lid-direttiva. Fi kwalunkwe każ, l-approvazzjoni awtomatika inkwistjoni ma tidhirx li hija kompatibbli mad-direttiva.
45. Madankollu, dan ma jistax ifisser li l-permess għall-iżvilupp għandu jiġi rrifjutat. Rifjut li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-bżonn li jinżammu d-distanzi xierqa ma jkunx iktar validu minn approvazzjoni mogħtija taħt l-istess ċirkustanzi. Għaldaqstant, meta l-awtorità kompetenti tieħu deċiżjoni ġdida filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn inkwistjoni, hija jkollha tiddeċiedi x’piż tagħti lit-tliet fatturi l-oħra msemmija fid-digriet tar-rinviju, jiġifieri, il-preżenza ta’ binjiet oħra u żoni li jintużaw mill-pubbliku, iż-żieda fin-numru ta’ persuni li jiffrekwentaw il-viċinanzi tal-istabbiliment ta’ Merck u n-nuqqas ta’ xi bżonn li jiġi impost rekwiżit fuq Merck sabiex tintroduċi iktar miżuri ta’ sigurtà jekk il-proġett ta’ Mücksch jiġi approvat.
Rekwiżiti sostantivi tad-direttiva
46. Fil-każ tal-kawża prinċipali, ir-rapport tal-impatt identifika żona madwar l-istabbiliment ta’ Merck, li jista’ jingħad li l-konfini tagħha tqiesu li jirrappreżentaw “distanza xierqa” għall-finijiet tad-direttiva (19). Iż-żona tkopri art b’użu mħallat u tinkludi numru ta’ binjiet u żoni oħra użati mill-pubbliku (20). Fil-preżent, għaldaqstant, it-tip ta’ distanza xierqa kkontemplata mid-direttiva ma tidhirx li nżammet. Madankollu, meta ma tkun meħtieġa ebda deċiżjoni fir-rigward tal-użu tal-binjiet u żoni eżistenti, ma jkunx hemm bżonn li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bżonn li, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, jinżammu tali distanzi (jekk mhux permezz tal-ordnijiet sommarji tal-esproprjazzjoni jew ta’ twaqqigħ, li ma humiex ikkontemplati fid-direttiva).
47. Min-naħa l-oħra, dak il-bżonn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat il-proġett ta’ Mücksch, li jinvolvi l-bdil tal-użu ta’ plott f’dik iż-żona. L-użu preżenti tal-plott, bħala impjant tar-riċiklaġġ tal-metall, jista’ jiġi preżunt li jinvolvi l-preżenza regolari tal-impjegati sabiex joperaw l-impjant, flimkien mal-frekwentazzjoni inqas regolari ta’ persuni li jikkunsinnaw materjal sabiex jiġi rriċiklat jew li jiġbru prodotti rriċiklati. Jidher li ċ-ċentru propost għall-bejgħ tal-prodotti relatati mal-ġnien x’aktarx jinvolvi frekwentazzjoni ikbar min-naħa tal-membri tal-pubbliku bħala klijenti (potenzjali), mingħajr xi tnaqqis probabbli fin-numru tal-impjegati jew fil-kunsinni. Il-preżenza ta’ iktar nies fiż-“żona perikoluża” madwar l-istabbiliment ta’ Merck, filwaqt li ovvjament ma taffettwax ir-riskju li jseħħ xi inċident, tista’ fil-fatt trendi l-konsegwenzi tal-inċident iktar serji kieku dan kellu jseħħ. Madankollu, huwa paċifiku li l-miżuri ta’ sigurtà meħuda minn Merck fil-preżent huma meqjusa xierqa anki jekk il-frekwentazzjoni mill-pubbliku fiż-żona tiżdied sal-punt antiċipat, f’każ li l-proġett ta’ Mücksch kellu jkompli. Dan jista’ jindika jew li ż-żieda fil-frekwentazzjoni hija marġinali fil-kuntest taż-żona industrijali b’mod inġenerali (li, għandu jiġi mfakkar diġà fiha ħwienet għall-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa, ħwienet tax-xogħol u lukanda) jew inkella li l-miżuri ta’ sigurtà implementati jirrappreżentaw iktar mill-minimu mitlub.
48. Jidhirli li dawn il-fatturi kollha huma rilevanti għall-kunsiderazzjoni li għandha tagħmel l-awtorità tal-ippjanar fir-rigward tal-bżonn, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa. Madankollu, ebda wieħed minnhom ma jidher li huwa deċiżiv għar-riżultat finali ta’ dik il-kunsiderazzjoni.
49. Il-fatt li l-proġett ma jaffettwax in-natura ġenerali taż-żona, bħala żona b’użu mħallat li ser tibqa’ inevitabbilment żona b’użu mħallat għaż-żmien li ġej, u l-fatt li Merck ma jkollhiex tieħu miżuri ta’ sigurtà iktar stretti jekk l-istess proġett jitkompla, jidhru li jindikaw li l-proġett huwa minn tal-inqas kompatibbli mal-istatus quo. Min-naħa l-oħra, iż-żieda possibbli fis-severità tal-konsegwenzi ta’ xi inċident li jista’ jseħħ ma tidhirx li hija kompatibbli b’mod daqshekk ovvju mal-għan li fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien jinżammu distanzi xierqa; min-naħa l-oħra, bħala regola ġenerali, jidher li l-proġetti li jnaqqsu dik is-severità huma preferuti.
50. Fid-dawl ta’ dak li għadu kif intqal, ma nista’ nsib xejn fl-Artikolu 12(1) tad-direttiva li jimponi r-rifjut awtomatiku tal-permess għall-iżvilupp ta’ xi proġett li jwassal direttament għal żieda fil-frekwentazzjoni tal-pubbliku taż-“żona perikoluża” madwar stabbiliment li jaħżen sustanzi perikolużi. Fil-fatt, tali żieda tista’ tkun li ma tkunx dejjem inkompatibbli mal-għan tal-medda twila taż-żmien: pereżempju, iż-żieda fil-frekwentazzjoni f’parti waħda miż-żona, jekk miżjuda ma’, pereżempju, tnaqqis fil-frekwentazzjoni f’parti oħra jew mat-tluq gradwali tal-binjiet residenzjali miż-żona (21), tista’ tippermetti miżuri ta’ prevenzjoni u evakwazzjoni iktar effettivi sabiex jiġu implementati, u għaldaqstant tikkontribwixxi għall-għanijiet ġenerali tad-direttiva. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li anki wara li jkunu ġew stabbiliti l-parametri tal-“bżonn, fuq medda ta’ perjodu twil ta’ żmien, li jżommu distanzi xierqa”, dak il-bżonn minnu nnifsu huwa sempliċiment wieħed – għalkemm importanti ħafna – mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tkun qiegħda tittieħed deċiżjoni. Fil-fatt, kieku d-direttiva kellha tinkludi projbizzjoni assoluta ta’ dan it-tip, ikun diffiċli jintwera kif it-tieni bżonn, li l-istess subparagrafu jeżiġi li jittieħed inkunsiderazzjoni – jiġifieri l-bżonn “fil-każ ta’ stabbilimenti eżistenti, [...] għal aktar miżuri tekniċi f’konformità ma’ l-Artikolu 5 sabiex ma jiżdidux ir-riskji għan-nies” – jista’ spiss ikun rilevanti.
51. Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li d-Direttiva SEVESO II toħloq ċertu bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tal-operaturi ta’ stabbilimenti li jippreżentaw riskju (li jikkonċernaw prinċipalment il-miżuri ta’ sigurtà u l-pjanijiet ta’ emerġenza) u dawk tal-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mis-sorveljar ta’ dawk l-istabbilimenti u r-riskji riżultanti (inkluża r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-ippjanar sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni li, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, jinżammu distanzi xierqa). L-approwċ meħud minn Merck f’dawn il-proċeduri, li jkun jeħtieġ li jingħata piż ikbar lill-interessi tal-operaturi ta’ stabbilimenti li jkunu ta’ riskju, jidhirli li jxaqleb wisq il-bilanċ favur l-operaturi.
52. Nikkonkludi, għaldaqstant, li l-fatturi li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju fil-kuntest tad-domandi 2 u 3, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ Mücksch, ma jistgħux minnhom infushom ikunu deċiżivi sabiex jistabbilixxu r-riżultat ta’ dik l-evalwazzjoni iżda għandhom jiġu bbilanċjati kontra xulxin u kontra kull kunsiderazzjoni rilevanti oħra meta tkun qed tittieħed deċiżjoni.
Konklużjoni
53. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht f’dan is-sens:
L-interpretazzjoni tajba tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ inċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi hija li,
(1) il-bżonn, fuq medda ta’ perijodu twil ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn l-istabbilimenti fejn hemm sustanzi perikolużi u, b’mod partikolari, bini u żoni ta’ użu pubbliku għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss meta jiġu stabbiliti l-pjanijiet dwar l-użu tal-art fuq livell ta’ politika iżda wkoll matul kull proċedura li tinvolvi l-evalwazzjoni ta’ proġetti speċifiċi u matul kull deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata jew jiġi rrifjutat permess għall-iżvilupp individwali;
(2) fejn il-permess għall-iżvilupp jintalab għal proġett individwali f’żona li fir-rigward tagħha ma tkun ġiet stabbilita ebda politika jew pjan dwar l-użu tal-art, l-awtorità li ntalbet tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni għandha tiżgura li tieħu inkunsiderazzjoni dak il-bżonn;
(3) b’dan il-mod, dik l-awtorità għandha tikkunsidra fatturi bħalma huma l-preżenza ta’ bini u żoni eżistenti użati mill-pubbliku fil-qrib tal-istabbiliment ikkonċernat, il-fatt li l-proġett ikun ser iwassal għal frekwentazzjoni ikbar taż-żona jew il-fatt li hija ma tkunx ser timponi iktar rekwiżiti ta’ sigurtà fuq l-istabbiliment ikkonċernat; madankollu, tali fatturi individwali ma humiex deċiżivi minnhom infushom fuq ir-riżultat tal-applikazzjoni għall-iżvilupp.
1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 – Id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 2, p. 410; iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEVESO II” jew id-“direttiva”). Il-laqam magħruf tad-direttiva jirriżulta minn inċident fejn ġew rilaxxjati dijossini industrijali fir-raħal Taljan ta’ Seveso fl-1976, li xpruna l-predeċessur tagħha, id-Direttiva tal-Kunsill 82/501/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1982 dwar il-perikoli ta’ inċidenti kbar ta’ ċerti attivitajiet industrijali (ĠU 1982, L 230, p. 1; id-“Direttiva SEVESO I”). Id-direttiva ġiet emendata f’diversi okkażjonijiet (ara, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il quddiem). Proposta sabiex din tiġi sostitwita (Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi COM(2010) 781 finali) ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Kunsill fil-21 ta’ Diċembru 2010.
3 – Għal diskussjoni dwar xi jfisser l-“ippjanar dwar l-użu tal-art” u t-terminoloġija differenti użata fid-diversi Stati Membri, ara t-taqsima 2.1 tal-Land use planning guidelines in the context of Article 12 of the SEVESO II Directive 96/82/EC as amended by Directive 105/2003/EC, Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, Istitut għall-Protezzjoni u s-Sigurtà taċ-Ċittadini, Diviżjoni tal-Evalwazzjoni tal-Perikli, Settembru 2006.
4 – Id-Direttiva SEVESO I (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq).
5 – L-Artikolu 10 jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f'każ li jkun hemm modifikazzjoni fi stabbiliment, l-operatur għandu jirrevedi, fejn meħtieġ, il-politika ta’ prevenzjoni minn inċidenti serji, u s-sistemi u l-proċeduri ta’ mmaniġġjar u r-rapport tas-sigurtà.
6 – L-Artikolu 5 jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-operatur (1) jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jipprevjeni inċidenti kbar u sabiex jillimita l-konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u għall-ambjent u (2) sabiex jagħti prova li huwa jkun ħa l-miżuri neċessarji.
7 – It-tieni subparagrafu kif emendat permezz tad-Direttiva 2003/105/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 398). Iktar milli emenda sostantiva, din tidher li hija “kjarifika” kif imsemmi fil-premessa 14 tad-direttiva li temenda; qabel, il-“bini [...] ta’ użu pubbliku”, “rotot kbar tat-trasport sakemm jista’ jkun” u “oqsma ta’ rikreazzjoni” ma kinux jidhru fil-lista taż-żoni li fir-rigward tagħhom għandhom jinżammu d-distanzi xierqa.
8 – Baugesetzbuch (BauGB), tal-2004.
9 – Gesetz zum Schutz vor schädlichen Umwelteinwirkungen durch Luftverunreinigung, Geräusche, Erschütterungen und ähnliche Vorgänge (Bundes-Immissionsschutzgesetz or BImSchG), tal-2002.
10 – Taħt l-Artikolu 3(5) tad-direttiva “aċċident kbir” tfisser “okkorrenza bħalma huma xi emissjoni kbira, ħruq, jew splużjoni li tiġi kkawżata minn żviluppi mhux ikkontrollati waqt l-operat ta’ kwalunkwe stabbiliment kopert b’din id-Direttiva, u li jwassal għal periklu serju għas-saħħa tal-bniedem u/jew ta’ l-ambjent, immedjat jew mhux, ġewwa jew barra l-istabbiliment, u li jkun jinvolvi sustanza perikoluża jew saħansitra aktar minn waħda”.
11 – Zwölfte Verordnung zur Durchführung des Bundes Immissionsschutzgesetzes (12. BlmSchV), tal-2005.
12 – “Bauvorbescheid”; il-Gvern Ġermaniż jispjega fl-osservazzjonijiet tiegħu li dan huwa tip ta’ deċiżjoni preliminari vinkolanti li s-soltu tikkonċerna biss l-osservanza tal-liġijiet tal-ippjanar. Hija tipprovdi ċerta ċertezza legali iżda minnha nnifisha ma tawtorizzax li jinbeda x-xogħol tal-bini.
13 – Waqt is-seduta ntqal li hemm kwantitajiet sinjifikattivi tal-gass tossiku klorin li huma maħżuna fil-bini u li jintużaw fil-produzzjoni ta’ kristalli likwidi b’mod partikolari.
14 – Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Ġermaniż jgħid li huwa rari li rekwiżit sabiex jitfassal pjan iwassal għal obbligu vinkolanti sabiex dan isir.
15 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq.
16 – Fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C-36/10, sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) fejn il-Kummissjoni sostniet, mingħajr kontestazzjoni fuq dan il-punt mill-Istat Membru, li ma kienx suffiċjenti li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva SEVESO II jiġi traspost billi jiġi stabbilit li l-bżonn li jinżammu distanzi xierqa jittieħed inkunsiderazzjoni biss fl-istadju ta’ meta jittieħdu d-deċiżjonijiet fuq l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp.
17 – Impact assessment study into possible options for amending the SEVESO Directive, Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Ambjent, Settembru 2010 , p. 94. Il-proposta leġiżlattiva hija ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 iktar ’il fuq.
18 – SEC(2010) 1590 finali, taqsima 2.5, p. 13.
19 – Ara l-punt 16 iktar ’il fuq. Kif osservajt diġà, ma jistax ikun hemm definizzjoni fissa ta’ dik li tikkostitwixxi distanza xierqa, iżda hija għandha timplika ċertu marġni ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-awtorità li tkun qiegħda tiddeterminaha u, fejn ikun il-każ, il-qrati li jirrevedu tali determinazzjoni.
20 – Huwa paċifiku li l-istabbiliment ta’ Merck kien jinsab oriġinarjament f’distanza ikbar mill-belt, li partijiet minnha resqu viċin tiegħu – li fakkret lill-aġent tal-Gvern Ġermaniż li, kif qal fis-seduta, ftakar f’Birnam Wood li resaq lejn Dunsinane (Macbeth, Att 5).
21 – F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li s-soltu l-akkomodazzjoni residenzjali tintuża 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, filwaqt li l-bini industrijali u kummerċjali huwa ffrekwentat għal perijodi iktar limitati.
Full & Egal Universal Law Academy