KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fis-26 ta’ Mejju 2011 (1)
Kawżi Magħquda C-89/10 u C-96/10
Q-Beef NV
vs
Belgische Staat
u
Frans Bosschaert
vs
Belgische Staat
Vleesgroothandel Georges Goossens en Zonen NV
Slachthuizen Goossens NV
[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Belġju)]
“Taxxi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Talba għal ħlas lura – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni – Intermedjarji – Termini differenti”
I – Introduzzjoni
1. Iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari (2), ippreżentati mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Belġju), jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-irkupru ta’ pagament mhux dovut.
2. Dawn il-kwistjonijiet tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn Q-Beef NV (iktar ‘’il quddiem “Q-Beef”), kumpannija b’kummerċ fil-bhejjem u l-Istat Belġjan, u kawża bejn F. Bosschaert, bidwi u l-Istat Belġjan, minn naħa, kif ukoll Vleesgroothandel Georges Goossens en Zonen NV u Slachthuizen Goossens NV (żewġ kumpanniji li iktar ‘‘il quddiem se jissejħu l-“istabbilimenti Goossens”), min-naħa l-oħra. L-imsemmija kawżi jirrigwardaw talba għar-rimbors ta’ kontribuzzjonijiet li Q-Beef u F. Bosschaert ħallsu lill-Fond tas-Saħħa u tal-Produzzjoni tal-Annimali (iktar ‘’il quddiem il-“Fond tal-1987”), minħabba li dawn inġabru bi ksur tad-dritt Komunitarju.
3. Essenzjalment, it-tliet domandi magħmula f’dawn il-kawżi jirrigwardaw it-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu u, fil-kawża Bosschaert, fejn jeżistu intermedjarji bejn id-debitur u l-Istat, l-effetti tat-termini ta’ preskrizzjoni b’tul ta’ żmien differenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, ipprovdiet ġurisprudenza suffiċjentement abbundanti biex tagħti indikazzjonijiet dwar l-ewwel u t-tieni domandi; madankollu, jidhirli li t-tielet domanda hija għalkollox ġdida u teħtieġ analiżi iktar fil-fond.
4. Qabel xejn, għandu jiġi osservat li dawn il-kawżi jsemmu żewġ massimi ferm magħrufa fis-sistemi legali kollha: minn naħa, il-fatt li d-drittijiet jiksbuhom dawk li jishru u mhux dawk li jorqdu (iura vigilantibus, non dormientibus prosunt) u, min-naħa oħra, li ħadd ma jista’ jinvoka l-imġiba ħażina tiegħu (nemo auditur propriam turpitudinem allegans) (3). Jidhirli li l-ġurisprudenza eżistenti twassal għal risposti bbażati fuq l-ewwel prinċipju. Madankollu, din is-soluzzjoni jkollha bħala konsegwenza li l-Istat Belġjan jista’ jibbenefika mill-approċċ inkonsistenti li adotta mill-bidu tas-snin 90, jiġifieri li ma jagħtix kumpens għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-azzjoni illegali tiegħu fir-rigward tal-individwi.
5. Fir-rigward tal-kuntest fattwali u ġuridiku, iż-żewġ kawżi għandhom ċertu xebh mas-sentenzi Lornoy et, Claeys kif ukoll Demoor et (4) tal-1992 u mas-sentenza van Calster et (5) tal-2003.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Liġi tal-1998 u s-sentenza van Calster et
6. Il-Liġi tat-23 ta’ Marzu 1998 tirrigwarda l-ħolqien ta’ Fond Baġitarju għas-saħħa u għall-kwalità tal-annimali u tal-prodotti magħmula mill-annimali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1998”) (6).
7. Din il-liġi tissostitwixxi skema u fond maħluqa fl-1987. L-imsemmija skema li kienet taħlita ta’ għajnuna u ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji, mhux innotifikata lill-Kummissjoni, kienet ġiet iddikjarata inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni b’deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1991 u mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Lornoy et, Claeys kif ukoll Demoor et, iċċitati iktar ’il fuq, mogħtija fl-1992.
8. B’ittri ta’ Diċembru 1995 u ta’ Mejju 1996, ir-Renju tal-Belġju nnotifika abbozz ta’ miżuri leġiżlattivi intiżi biex titħassar l-iskema tal-1987 u tiġi sostitwita bi skema ġdida. Dan l-abbozz, li kellu jsir il-Liġi tal-1998, ġie ddikjarat, mingħajr riservi, bħala kompatibbli mas-suq komuni b’deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 1996.
9. L-Artikolu 5 tal-Liġi tal-1998 jipprevedi li l-Fond tal-1998 ikun iffinanzjat, b’mod partikolari, bil-kontribuzzjonijiet imposti fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jipproduċu, jipproċessaw, jittrasportaw, jinnegozjaw, ibigħu jew jikkummerċjalizzaw annimali jew prodotti magħmula mill-annimali.
10. Il-Liġi tal-1998 ma hijiex applikabbli biss għall-ġejjieni, imma tinkludi wkoll ċerti dispożizzjonijiet li jissostitwixxu b’effett retroattiv l-iskema tal-1987.
11. L-Artikolu 14 tal-Liġi tal-1998, li beda jipproduċi l-effetti tiegħu mill-1 ta’ Jannar 1988 (7), jimponi kontribuzzjonijiet fuq il-biċċeriji u l-esportaturi. L-artikolu jiddefinixxi, b’mod retroattiv, seba’ perijodi differenti mill-1 ta’ Jannar 1988, fejn jispeċifika l-ammonti dovuti għal kull wieħed minnhom.
12. L-Artikolu 15 tal-Liġi tal-1998, min-naħa tiegħu, li beda jipproduċi l-effetti tiegħu mill-1 ta’ Jannar 1993 (8), jimponi kontribuzzjonijiet fuq dawk li huma responsabbli mill-azjendi agrikoli fejn jinżammu l-majjali.
13. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 17 tal-Liġi tal-1998 jipprevedi tpaċija ex lege bejn id-djun fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imħallsa abbażi tal-iskema tal-1987 u l-kontribuzzjonijiet dovuti abbażi tal-iskema tal-1998 kif ġej:
“Skont il-każ, it-tpaċija għandha ssir ex lege bis-sempliċi saħħa ta’ liġi bejn l-ammonti li huma dovuti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14, 15 u 16 u l-ammonti mħallsa abbażi ta’ [d-Digriet tal-1987], […]”
14. Skont l-Artikolu 18 tal-Liġi tal-1998:
“[…]
Fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni jew tal-produzzjoni ta’ qabel il-qtil jew l-esportazzjoni, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji stabbiliti fl-Artikolu 14 jgħaddu kollha fuq il-produttur. Dan it-trasferiment isir meta jiġi stabbilit il-prezz bejn il-partijiet kemm meta jinbigħu l-annimali kif ukoll meta jiġu pprovduti servizzi mill-biċċerija jew mill-esportatur.
Din il-kontribuzzjoni obbligatorja ma tistax titniżżel fuq il-fattura jew fuq id-dokument imsemmi mill-Artikolu 4 tad-Digriet Irjali Nru 22 tal-15 ta’ Settembru 1970, dwar skema speċifika applikabbli għall-operaturi agrikoli fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
Dawn il-kontribuzzjonijiet obbligatorji għandhom jitħallsu mill-biċċeriji mhux iktar tard mill-aħħar jum tax-xahar li jsegwi dak tal-qtil jew tal-ittra reġistrata tal-Amministrazzjoni. Huma għandhom jitħallsu mill-esportaturi lill-Amministrazzjoni mhux iktar tard mill-aħħar jum tax-xahar li jsegwi dak tal-ittra reġistrata ta’ din l-Amministrazzjoni.
Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji msemmija fl-Artikolu 15 huma dovuti kull sena. Huma jitħallsu lill-Amministrazzjoni fi żmien tletin jum li jsegwu t-talba għall-ħlas mibgħuta b’ittra reġistrata.
[…]”
15. L-Artikolu 21 tal-Liġi tal-1998 jipprovdi li:
“Dawn li ġejjin huma b’dan imħassra:
1. l-Artikolu 32(2) u (3) tal-Liġi tal-24 ta’ Marzu 1987 dwar is-saħħa tal-annimali, emendata bil-Liġijiet tad-29 ta’ Diċembru 1990, tal-20 ta’ Lulju 1991, tas-6 ta’ Awwissu 1993, tal-21 ta’ Diċembru 1994 u tal-20 ta’ Diċembru 1995; […]”.
16. Skont l-Artikolu 23 tal-Liġi tal-1998, din tidħol fis-seħħ dak inhar tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Moniteur belge, ħlief, b’mod partikolari, għall-Artikoli 14 u 15 tal-imsemmija liġi. Din tal-aħħar ġiet ippubblikata fit-30 ta’ April 1998.
17. Wara li diġà sarulha domandi dwar din il-Liġi tal-1998, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(3) KE [li sar l-Artikolu 108(3) TFUE] u dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1996. Fil-kuntest tas-sentenza van Calster et (9), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li:
– l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, li jinġabru kontribuzzjonijiet li jiffinanzjaw speċifikatament skema ta’ għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, sa fejn l-imsemmija kontribuzzjonijiet jiġu imposti b’effett retroattiv għal perijodu preċedenti d-data ta’ din id-deċiżjoni;
– id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1996 ma tinvolvix l-approvazzjoni tal-effett retroattiv tal-Liġi tal-1996, dwar il-ħolqien ta’ Fond Baġitarju għas-saħħa u għall-kwalità tal-annimali u tal-prodotti magħmula mill-annimali.
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-irkupru ta’ pagament mhux dovut u dwar il-preskrizzjoni
18. L-Artikolu 1376 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jistabbilixxi dan li ġej:
“Min jirċievi bi żball jew xjentement dak li mhux dovut lilu huwa obbligat iħallas lura lil min għamel il-ħlas dak li rċieva indebitament.”
19. L-Artikolu 2262a(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:
“L-azzjonijiet personali kollha jaqgħu bil-preskrizzjoni wara għaxar snin
B’deroga mill-ewwel subparagrafu, kull azzjoni għall-kumpens ta’ dannu bbażata fuq responsabbiltà mhux kuntrattwali taqa’ bil-preskrizzjoni wara ħames snin mill-jum ta’ wara dak li fih il-persuna leża saret taf bid-dannu jew bil-fatt li d-dannu sar iktar gravi u bl-identità tal-persuna responsabbli.
[…]”.
20. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li din id-dispożizzjoni ġiet introdotta fil-Kodiċi Ċivili biss bil-Liġi tal-10 ta’ Ġunju 1998, li emendat ċerti dispożizzjonijiet fil-qasam tal-preskrizzjoni. Qabel, kienet tiġi applikata r-regola ġenerali li kienet tipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena. Għall-kawżi li nbdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, dan it-terminu kien ukoll imnaqqas għal għaxar snin, peress li d-dispożizzjonijiet tranżitorji inklużi fl-Artikolu 10 ta’ din il-liġi kienu jipprevedu li dan it-terminu l-ġdid jibda jiddekorri biss mid-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri fis-27 ta’ Lulju 1998.
21. L-Artikolu 2244 tal-Kodiċi Ċivili jiddefinixxi l-kawżi prinċipali ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni:
“Taħrika, ordni jew sekwestru nnotifikati lill-persuna li ma għandux jitħalla jagħmel użu minn preskrizzjoni, huma interruzzjoni ċivili.
Taħrika tinterrompi l-preskrizzjoni sakemm tingħata deċiżjoni definittiva. […]”.
22. Skont il-qorti tar-rinviju, fil-prinċipju, l-awtoritajiet pubbliċi huma suġġetti għat-termini ta’ preskrizzjoni tad-dritt komuni, għall-inqas skont l-Artikolu 2227 tal-Kodiċi Ċivili:
“L-Istat, l-istabbiliment pubbliċi u l-komuni huma suġġetti għall-istess preskrizzjonijiet bħall-individwi, u jistgħu wkoll jikkontestawhom”.
23. L-Artikolu 100 tal-Liġijiet ikkoordinati, tas-17 ta’ Lulju 1991, dwar il-kontabbiltà tal-Istat jipprovdi li (10):
“Huma preskritti u definittivament estinti favur l-Istat, mingħajr preġudizzju għar-revoki stabbiliti minn dispożizzjonijiet legali, regolamentari jew kuntrattwali oħrajn dwar il-kwistjoni:
1. id-djun li, filwaqt li kellhom jitressqu skont il-modalitajiet stabbiliti bil-liġi jew bir-regolament, ma tressqux f’terminu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar tas-sena baġitarja li nħolqu matulha;
2. id-djun li, filwaqt li tressqu fit-terminu previst fil-punt 1, ma ġewx awtorizzati mill-Ministeri fit-terminu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar tas-sena li tressqu matulha;
3. kwalunkwe dejn ieħor li ma ġiex awtorizzat fit-terminu ta’ għaxar snin mill-1 ta’ Jannar tas-sena li nħoloq matulha.
Madankollu, id-djun li jirriżultaw mis-sentenzi jibqgħu suġġetti għall-preskrizzjoni ta’ għaxar snin; huma għandhom jitħallsu bl-intervent tal-Caisse des dépôts et consignations”.
24. Skont l-Artikolu 101 ta’ din il-liġi “il-bidu ta’ azzjoni legali jissospendi l-preskrizzjoni sakemm tingħata deċiżjoni definittiva”.
25. Skont il-qorti tar-rinviju, ħlief għal dispożizzjonijiet legali kuntrarji, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin japplika, b’mod ġenerali, għad-djun kollha dovuti mill-Istat. Huwa b’hekk li azzjoni bbażata fuq l-Artikolu 1382 tal-Kodiċi Ċivili mressqa kontra l-awtoritajiet pubbliċi u bbażata fuq l-illegalità tal-adozzjoni jew tal-eżekuzzjoni ta’ digriet ministerjali hija suġġetta għat-terminu ta’ ħames snin (11).
26. Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Artikolu 100(1) tal-Liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà tal-Istat japplika wkoll għad-djun ibbażati fuq ħlas mhux dovut.
27. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll li l-Cour d’arbitrage (Qorti tal-Arbitraġġ) iddeċidiet, f’diversi sentenzi, filwaqt li bbażata ruħha fuq il-ħidmiet parlamentari li, billi ssuġġetta l-azzjonijiet kontra l-Istat għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, il-leġiżlatur kien adotta miżura li ma kinitx sproporzjonata għall-għan mixtieq, jiġifieri li l-kontijiet tal-Istat jingħalqu f’terminu raġonevoli.
28. Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 2257(2) tal-Kodiċi Ċivili, il-preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-infurzar ta’ garanzija tibda tiddekorri minn meta tiġi miċħuda t-talba prinċipali.
III – Il-kawżi prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
A – Il-kawża Q-Beef (C-89/10)
29. Q-Beef hija impriża Belġjana li hija involuta fil-kummerċ tal-annimali. Bejn Jannar 1993 u April 1998, hija ħallset diversi kontribuzzjonijiet fil-Fond tal-1987, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-1987, wara li esportat xi annimali.
30. Billi l-iskema tal-1998 ssostitwiet retroattivament dik tal-1987, dawn il-kontribuzzjonijiet imħallsa minn Q-Beef ġew “ikkonfermati” mill-iskema l-ġdida u t-tpaċija saret ex lege meta l-iskema tal-1998 daħlet fis-seħħ, jiġifieri fit-30 ta’ April 1998 (12).
31. Fit-2 ta’ April 2007, Q-Beef ressqet kontra l-Istat Belġjan talba sabiex jitħallsu lura l-kontribuzzjonijiet li hija kienet ħallset bejn Jannar 1993 u April 1998, minħabba l-illegalità tal-iskema tal-1998.
32. Fir-rigward tal-preskrizzjoni, skont il-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 100(1) tal-Liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà tal-Istat, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin beda jiddekorri, għad-dejn ta’ Q-Beef dovut mill-Istat Belġjan, mill-1 ta’ Jannar tas-sena baġitarja li matulha nħoloq, f’dan il-każ is-sena tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-1998, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 1998, u skada fil-31 ta’ Diċembru 2002 f’nofsillejl. Peress li fit-2 ta’ April 2007 infetħet kawża kontra l-Istat Belġjan, id-dejn ta’ Q-Beef dovut mill-Istat Belġjan kien preskritt fid-dawl tad-dritt intern Belġjan (13). Skont din il-qorti, is-sentenza van Calster et kellha biss effett dikjaratorju fir-rigward tad-dritt nazzjonali u ma tagħtix lok biex tiddekorri l-preskrizzjoni.
33. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1) Id-dritt [tal-Unjoni] jipprekludi lil qorti nazzjonali milli tapplika terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fis-sistema legali [ordinament ġuridiku] nazzjonali għad-dejn dovut mill-Istat, fir-rigward ta’ azzjonijiet għall-irkupru ta’ taxxi li tħallsu lil Stat Membru skont sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxa u li mhux biss irriżulta li kienet parzjalment illegali, iżda wkoll parzjalment inkompatibbli mad-dritt [tal-Unjoni], u li tħallsu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ sistema ġdida ta’ għajnuna u ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji li tissostitwixxi l-ewwel sistema u li, permezz ta’ deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat[h]a kompatibbli mad-dritt Komunitarju, iżda mhux sa fejn dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu imposti retroattivament għal perijodu qabel id-data ta’ din id-deċiżjoni?
(2) Id-dritt [tal-Unjoni] jipprekludi lil Stat Membru milli jkun jista’ jinvoka, b’suċċess, termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali li huma partikolarment favorih meta mqabbla mad-dritt komuni nazzjonali, sabiex jiddefendi ruħu fil-proċeduri mressqa kontrih minn individwu, bl-għan li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li dan tal-aħħar għandu taħt it-Trattat KE, bħal fil-każ deskritt mill-qorti nazzjonali, fejn dawn it-termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali partikolarment favorevoli għandhom il-konsegwenza li jirrendu impossibbli l-irkupru ta’ taxxi li tħallsu lil Stat Membru skont sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxa li mhux biss irriżulta li kienet parzjalment illegali, iżda wkoll parzjalment inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, u li l-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt Komunitarju ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja […] biss wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali partikolarment favorevoli, anki jekk l-illegalità kienet teżisti preċedentement?”
B – Il-kawża Bosschaert (C-96/10)
34. Frans Bosschaert jaħdem bħala bidwi u bħala tali ilu jrabbi l-majjali sa mill-1970. Abbażi tal-iskema tal-1987 u matul il-perijodu ta’ bejn l-1989 u l-1996, huwa ħallas kontribuzzjonijiet intiżi għall-Fond tal-1987 fir-rigward tal-annimali maqtula f’ismu. F. Bosschaert kien iħallas il-kontribuzzjonijiet lil Vleesgroothandel Georges Goossens en Zonen NV, li min-naħa tagħha kienet tittrażmettihom lil Slachthuizen Goossens NV, li fl-aħħar nett kienet tittrasferithom fl-imsemmi Fond.
35. Billi l-iskema tal-1998 ssostitwiet retroattivament dik tal-1987, dawn il-kontribuzzjonijiet imħallsin minn F. Bosschaert ġew “ikkonfermati” mill-iskema l-ġdida u t-tpaċija saret ex lege minn meta din daħlet fis-seħħ, jiġifieri fit-30 ta’ April 1998 (14).
36. Skont il-qorti tar-rinviju, abbażi taċ-ċitazzjonijiet tat-30 u tal-31 ta’ Lulju 2007, F. Bosschaert ippreżenta dan ir-rikors quddiem il-qorti Belġjana biex jitlob prinċipalment ir-rimbors mill-Istat Belġjan tal-kontribuzzjonijiet li kien ħallas matul il-perijodu bejn l-1989 u l-1996, minħabba li dawn ġew imposti fuqu illegalment, billi l-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea.
37. Sussidjarjament, u sa fejn jirriżulta li huwa impossibbli li jingħata bidu għal azzjoni kontra l-Istat Belġjan, ir-rikorrent jitlob li l-istabbilimenti Goossens jiġu kkundannati b’mod konġunt u in solidum mal-Istat Belġjan biex jirrimborsaw l-ammonti kkonċernati.
38. Fir-rigward tal-preskrizzjoni, l-istess bħall-kawża Q-Beef, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-azzjoni diretta ta’ F. Bosschaert (ippreżentata fil-31 ta’ Lulju 2007) u dik tal-istabbilimenti Goossens (ippreżentata fil-21 ta’ Novembru 2007) kontra l-Istat Belġjan huma preskritti minħabba t-terminu ta’ preskrizzjoni speċjali ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 100(1) tal-Liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà tal-Istat, li beda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 1998 u skada fil-31 ta’ Diċembru 2002. Hija tikkunsidra wkoll li s-sentenza van Calster et hija sempliċement dikjaratorja, peress li hija ma tikkostitwix in-natura mhux dovuta tal-pagamenti li saru, peress li kull ma tagħmel huwa li tikkonstata li t-taxxi kienu illegali sa fejn huma kienu imposti retroattivament.
39. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minħabba li r-rikorsi ppreżentati minn F. Bosschaert kontra l-istabbilimenti Goossens huma kkwalifikati bħala azzjonijiet personali, huma jaqgħu bil-preskrizzjoni wara għaxar snin. Dan it-terminu ta’ għaxar snin beda jiddekorri biss fis-27 ta’ Lulju 1998, id-data meta daħlet fis-seħħ il-Liġi, tal-10 ta’ Ġunju 1998, li introduċiet dan it-terminu l-ġdid ta’ għaxar snin għall-kawżi bejn l-individwi. Dan it-terminu, b’hekk, iddekkorra sa tmiem Lulju 2008, jiġifieri ferm wara li ngħatat is-sentenza Van Calster et, li jwassal għall-konklużjoni li l-imsemmija rikorsi ma jistgħux jaqgħu bil-preskrizzjoni.
40. Fir-rigward tar-rikorsi indiretti għall-infurzar ta’ garanzija kontra l-Istat Belġjan ippreżentati mill-istabbilimenti Goossens fil-21 ta’ Novembru 2007, dawn ma kinux preskritti, għaliex huma saru wara r-rikorsi ppreżentati minn F. Bosschaert fit-30 u fil-31 ta’ Lulju 2007 (15).
41. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari, fejn l-ewwel u t-tielet waħda huma identiċi rispettivament għall-ewwel u għat-tieni domandi tal-kawża Q-Beef, iċċitati preċedentement, u li t-tieni waħda minnhom hija fformulata kif ġej:
“(2) Id-dritt [tal-Unjoni] jipprekludi li, meta Stat Membru jimponi taxxi fuq individwu li, min-naħa tiegħu, għandu jgħaddi [jitrasferixxi] dawn it-taxxi lil individwi oħra li magħhom jeżerċita attività kummerċjali f’settur fejn l-Istat Membru impona sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxi, iżda li din is-sistema sussegwentement irriżultat mhux biss parzjalment illegali iżda wkoll parzjalment inkompatibbli mad-dritt [tal-Unjoni], dawn l-individwi jkunu, skont dispożizzjonijiet nazzjonali, suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni iqsar għal dak li jikkonċerna l-irkupru, fir-rigward tal-Istat Membru, ta’ kontribuzzjonijiet li jmorru kontra d-dritt Komunitarju, filwaqt li għandhom terminu ta’ preskrizzjoni itwal għall-irkupru tal-istess kontribuzzjonijiet fir-rigward ta’ individwu li jintervjeni bħala intermedjarju, bir-riżultat li dan l-intermedjarju eventwalment isib ruħu f’sitwazzjoni fejn azzjoni mibdija kontrih ma tkunx preskritta, bil-kontra ta’ dik mibdija kontra l-Istat Membru u li għaldaqstant dan l-intermedjarju jista’ jkollu azzjoni mibdija kontrih minn operaturi oħra u li, skont il-każ, ikollu jsejjaħ lill-Istat Membru bħala garanti, iżda ma jistax jirkupra fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru l-imposti [il-kontribuzzjonijiet] li hu stess ħallas direttament lil dan tal-aħħar?”
C – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
42. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-6 ta’ April 2010, il-Kawżi C-89/10 u C-96/10 ġew magħquda għall-iskopijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali, kif ukoll tas-sentenza.
43. Q-Beef, F. Bosschaert, l-istabbilimenti Goossens, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
44. Il-partijiet ikkonċernati kollha kienu rrappreżentati waqt is-seduta li saret fit-3 ta’ Frar 2011.
IV – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
45. Qabel xejn, fir-rigward tal-irkupru ta’ pagament mhux dovut fid-dritt tal-Unjoni, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li bħala prinċipju l-Istati Membri huma marbutin jirrimborsaw taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (16).
46. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll diversi drabi li l-Istati Membri għandhom soluzzjonijiet differenti għall-problema tal-irkupru indebitu ta’ taxxi imħallsa. Barra minn hekk, anki fl-istess Stat Membru jista’ jkollok iktar minn soluzzjoni waħda, skont it-tipi differenti ta’ piżijiet u ta’ taxxi inkwistjoni.
47. Din id-differenza bejn is-sistemi nazzjonali tirriżulta, b’mod partikolari, min-nuqqas ta’ regolamenti tal-Unjoni dwar l-irkupru ta’ taxxi nazzjonali mħallsa indebitament . F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Istat Membru li għandu jagħżel il-qrati u t-tribunali li għandhom ġurisdizzjoni u li jistabbilixxi regoli proċedurali dettaljati biex jirregolaw rikorsi għas-salvagwardja ta’ drittijiet li individwi jgawdu taħt id-dritt Komunitarju sakemm, minn naħa, dawn ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet domestiċi simili (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, sakemm dawn ir-regoli ma jagħmlux l-eżerċizzju ta’ drittijiet Komunitarji prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (17).
B – L-ewwel domanda fil-kawżi Q-Beef u Bosschaert
48. B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, previst fl-ordinament ġuridiku nazzjonali għad-djun dovuti mill-Istat, għal azzjonijiet għall-irkupru ta’ taxxi li tħallsu bi ksur tad-dritt Komunitarju abbażi ta’ sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxi.
49. Fir-rigward tat-termini stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, dawn ma għandhomx ikunu stipulati b’tali mod li fil-prattika jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb il-kumpens, skont il-prinċipju ta’ effettività (18).
50. Fir-rigward ta’ dan il-prinċipju tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tal-iffissar ta’ termini raġonevoli taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali, li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata (19). Fil-fatt, termini bħal dawn ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċili l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.
51. L-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-termini ssir każ b’każ. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin jidher raġonevoli (20). Fiċ-ċirkustanzi tas-sentenza Recheio – Cash & Carry, iċċitata iktar ’il fuq, anki terminu ta’ 90 jum kien ikkunsidrat bħala raġonevoli (21).
52. F’dan il-każ, terminu ta’ preskrizzjoni li huwa ta’ erba’ sa ħames snin, skont id-data meta nħoloq l-obbligu (22), għandu jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement twil biex persuna taxxabbli, bl-għarfien sħiħ tal-fatti inkwistjoni, tieħu d-deċiżjoni li tippreżenta rikors għall-annullament u li tissodisfa għal dan l-għan il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji.
53. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, fil-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tapplika t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, previst fl-ordinament ġuridiku nazzjonali għad-dejn dovut mill-Istat, fir-rigward ta’ azzjonijiet għall-irkupru ta’ taxxi li tħallsu illegalment lil Stat Membru skont sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxi.
C – It-tieni domanda fil-kawża Q-Beef u t-tielet domanda fil-kawża Bosschaert
54. B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tipprova ssir taf, essenzjalment, jekk il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-inkompatibbiltà tan-natura retroattiva tal-Liġi tal-1998 mad-dritt tal-Unjoni, f’sentenza mogħtija wara rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandhiex effett fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst mid-dritt nazzjonali fir-rigward ta’ azzjoni għal irkupru ta’ kontribuzzjonijiet li huma kontra d-dritt Komunitarju.
55. Fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din id-domanda fil-prinċipju taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Is-soluzzjonijiet, f’dan ir-rigward, jistgħu jvarjaw: il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu jista’ jiġi ddeterminat direttament mid-data tal-ħlas, abbażi ta’ din id-data (23) jew, bħal f’dan il-każ, b’relazzjoni għad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida.
56. Għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha li ngħatatilha mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt Komunitarju, tikkjarifika u tispeċifika, meta jkun neċessarju, is-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ (24). Fi kliem ieħor, sentenza preliminari ma għandhiex valur kostituttiv iżda valur purament dikjarattiv, bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data li fiha daħlet fis-seħħ ir-regola interpretata (25).
57. Fil-kawża prinċipali, skont il-qorti nazzjonali, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri fl-1 ta’ Jannar 1998 u jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2002. Ċertament, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu, formalment, jiġi qabel l-adozzjoni, il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni, li seħħew rispettivament f’Marzu u f’April 1998. Madankollu, dan ma jagħmilx l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rikors impossibbli, kif turi l-kawża van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq. F’dan il-każ, l-iffissar xi ftit retroattiv ta’ dan it-terminu madankollu ħalla perijodu ta’ żmien li jidhirli li huwa suffiċjenti sabiex jiġi ppreżentat rikors.
58. Għaldaqstant, il-fatt li s-sentenza van Calster et iċċitata iktar ’il fuq, tmur lura biss għall-2003, per se, ma jaffettwax il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, li skont il-qorti nazzjonali beda jiddekorri fl-1 ta’ Jannar 1998.
59. Għandu jitfakkar li huwa ferm rari li l-Qorti tal-Ġustizzja intervjeniet fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-termini ta’ preskrizzjoni. Huwa biss fis-sentenza Emmott li hija għamlet dan billi ffissat il-bidu “aċċettabbli” tat-terminu ta’ preskrizzjoni bħala d-data tat-traspożizzjoni sħiħa tad-direttiva, billi ġie ppreċiżat li r-rikorrenti kienet ġiet għalkollox miċħuda minn azzjoni effettiva (26).
60. Din ma hijiex il-kwistjoni hawnhekk, sa fejn l-approċċ adottat fil-kawża Emmott ġie ppreċiżat b’mod ċar mill-ġurisprudenza sussegwenti, b’mod partikolari mis-sentenza Fantask et (27), li dan l-aħħar ġiet ikkonfermata mis-sentenza Danske Slagterier (28), jiġifieri li r-rikorrenti ma jistgħux jagħmlu użu mis-soluzzjoni adottata fil-kawża Emmott. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod ċar li s-soluzzjoni adottata fis-sentenza Emmott kienet iġġustifikata minn ċirkustanzi li kienu partikolari għal dik il-kawża, fis-sens li t-terminu ta’ dekadenza kien iwassal biex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlef għal kollox id-dritt tagħha għal trattament ugwali taħt direttiva Komunitarja (29).
61. Il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu b’hekk jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Ċertament, fid-dritt intern, huwa possibbli li dan il-bidu tad-dekorrenza jiġi marbut ma’ avvenimenti differenti bħal deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Din hija soluzzjoni li ma hijiex ġdida fi ħdan l-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tanalizza l-leġiżlazzjoni Franċiża f’dan ir-rigward fis-sentenza Roquette Frères u hemmhekk ikkonfermat din il-possibbiltà (30). Madankollu, normalment għandu jkun l-Istat Membru li jagħżel tali possibbiltà u, b’mod ċar, il-Belġju ma għamilx din l-għażla f’dan il-każ.
62. Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, u minkejja li s-sentenza van Calster et ingħatat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal din id-domanda li, fil-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lil Stat Membru milli jkun jista’ jinvoka termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali li huma partikolarment favorih meta mqabbla mad-dritt komuni nazzjonali, sabiex jiddefendi ruħu fil-proċeduri mressqa kontrih minn individwu, bl-għan li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li dan tal-aħħar għandu taħt it-TFUE.
63. Madankollu, jidhirli li hija neċessarja l-aħħar preċiżazzjoni għaliex, għar-raġunijiet li se nispjega iktar ‘l isfel, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Istat Membru ma jistax jinvoka terminu ta’ preskrizzjoni favurih jekk l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali flimkien mal-eżistenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni jistgħu jwasslu biex persuna tiġi miċħuda totalment mill-possibbiltà li tinvoka drittjietha quddiem il-qrati nazzjonali (31).
D – It-tieni domanda tal-kawża Bosschaert
1. Analiżi
64. Din id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, li jikkonċerna l-azzjoni għall-irkupru ta’ kontribuzzjonijiet li huma kontra d-dritt tal-Unjoni li, skont dispożizzjonijiet nazzjonali, huwa itwal għall-azzjoni kontra individwu minn dak għall-azzjoni kontra l-Istat Membru. L-individwu li intervjena bħala intermedjarju, li għadda fuq individwu ieħor it-taxxi li ġew imposti fuqu mill-Istat, b’hekk jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn l-azzjoni għall-irkupru ta’ taxxi li huma kontra d-dritt Komunitarju ma tkunx preskritta fir-rigward tiegħu, filwaqt li tkun preskritta fir-rigward tal-Istat Membru (32).
65. Skont il-qorti tar-rinviju, l-individwi, f’dan il-każ, lanqas ma għandhom il-possibbiltà li jagħtu bidu għal azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut kontra l-Istat, minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames snin, li l-bidu tad-dekorrenza tiegħu kien iffissat fil-bidu tas-sena baġitarja li matulha nħoloq l-obbligu. Għaldaqstant, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, la F. Bosschaert u lanqas l-istabbilimenti Goossens ma jistgħu jirċievu r-rimbors direttament mill-Istat minħabba l-irkupru ta’ pagament mhux dovut (33).
66. Madankollu, F. Bosschaert, li ħallas il-kontribuzzjonijiet tiegħu lill-Istat permezz tal-istabbilimenti Goossens, għandu jkun jista’ jirkupra dawn il-kontribuzzjonijiet mingħand dawn tal-aħħar billi t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli bejn l-individwi, fir-rigward tal-irkupru ta’ pagament mhux dovut huwa ta’ għaxar snin.
67. Barra minn hekk, jekk l-istabbilimenti Goossens kienu kkundannati jirrimborsaw il-kontribuzzjonijiet mhux dovuti lil F. Bosschaert, huma setgħu, skont il-qorti tar-rinviju, jirkupraw dawn is-somom mingħand l-Istat, billi jibdew minflok azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut, li taqa’ bil-preskrizzjoni wara ħames snin, azzjoni għall-infurzar ta’ garanzija fir-rigward ta’ obbligu personali.
68. Fir-rigward tal-konformità ta’ din is-sitwazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi nnotat dan li ġej.
69. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, lanqas biss issemma trattament differenti bejn is-sitwazzjonijiet “nazzjonali” u s-sitwazzjonijiet “Komunitarji”. B’hekk, jidher li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tissodisfa dan il-kriterju.
70. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, is-sitwazzjoni tidher ukoll pjuttost ċara fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti.
71. Fis-sentenza Prisco u CASER, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “id-dritt Komunitarju ma jipprojbixxix lil Stat Membru li jipprekludi terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin, għal azzjonijiet għar-rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju, li jidderoga mis-sistema komuni tal-azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut bejn l-individwi, suġġetta għal terminu iktar favorevoli, sakemm dan it-terminu ta’ dekadenza japplika bl-istess mod għall-azzjonijiet għar-rimbors ta’ dawn it-taxxi li huma bbażati fuq id-dritt Komunitarju u għal dawk li huma bbażati fuq id-dritt nazzjonali” (34).
72. Fid-dawl ta’ din is-sentenza, hemm lok li tingħata risposta fis-sens li d-dritt Komunitarju ma jipprojbixxix lil Stat Membru li jipprekludi terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin, għal azzjonijiet għar-rimbors ta’ kontribuzzjonijiet miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju, li jidderoga mis-sistema komuni tal-azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut bejn l-individwi, suġġetta għal terminu iktar favorevoli, sakemm dan it-terminu ta’ dekadenza japplika bl-istess mod għall-azzjonijiet għar-rimbors ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet li huma bbażati fuq id-dritt Komunitarju u għal dawk li huma bbażati fuq id-dritt nazzjonali.
73. Madankollu, dan l-approċċ għandu jiġi kkwalifikat fil-każ li l-kontribuzzjonijiet tħallsu lill-Istat permezz ta’ intermedjarju u fejn bejn l-individwi huwa applikabbli terminu ta’ għaxar snin, filwaqt li t-terminu applikabbli fir-rigward tal-Istat huwa ta’ ħames snin.
74. Każ bħal dan ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk l-intermedjarju, li kellu jirrimborsa l-pagament mhux dovut lil individwu ieħor, jibbenefika minn terminu raġonevoli biex fil-fatt ikun jista’ jitlob mingħand l-Istat l-ammonti li ġew rimborsati b’dan il-mod. Sussidjarjament, in-nuqqas ta’ koerenza tat-termini ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni, peress li l-konsegwenzi tal-illegalità imputabbli lill-Istat ikunu sostnuti mill-interemedjarju, li ma kellux possibbiltà legali li jevita li jitrasferixxi l-kontribuzzjonijiet fuq il-klijenti tiegħu.
75. F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, tali azzjoni għall-infurzar ta’ garanzija fil-prinċipju għandha tkun possibbli u għandha saħansitra tirnexxi.
76. Billi dawn il-kundizzjonijiet ġew sodisfatti, jidhirli li konsegwentement, is-sitwazzjoni hija konformi mad-dritt tal-Unjoni.
2. Riflessjonijiet addizzjonali
77. Anki jekk diġà introduċejt xi elementi bi tweġiba għal din il-kwistjoni, jidhirli li huwa meħtieġ li nagħmel xi riflessjonijiet addizzjonali.
a) Fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ dekadenza u t-tul tiegħu
78. Iktar ’il fuq ipproponejt li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tat-terminu ta’ dekadenza ta’ ħames snin li l-bidu tad-dekorrenza tiegħu huwa l-bidu tas-sena baġitarja li matulha nħoloq l-obbligu.
79. Għaldaqstant, eskludejt introduzzjoni mill-ġdid tas-soluzzjoni adottata fis-sentenza Emmot, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri l-proposta tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data li tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
80. Madankollu, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija b’mod preliminari u li tiċċara sitwazzjoni ġuridika, bħas-sentenza van Calster et iċċitata iktar ’il fuq, jista’ jkollha ċertu effett f’każijiet eċċezzjonali, anki wara li jkun skada t-terminu ta’ dekadenza.
81. Il-leġiżlazzjoni dwar it-termini ta’ preskrizzjoni tad-djun dovuti mill-Istat Belġjan għandha bħala konsegwenza li s-sentenza preliminari van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fl-2003 ma għandhiex effett erga omnes, billi d-djun ta’ persuni oħrajn li jinsabu fl-istess sitwazzjoni ġuridika se jkunu preskritti.
82. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess ikkonstatat, fis-sentenza van Calster et, li bir-retroattività tal-Liġi tal-1998, il-leġiżlatur Belġjan ried jirrimedja għall-konsegwenzi li rriżultaw mill-ksur tal-obbligu tan-notifika minn qabel tal-miżura ta’ għajnuna li tirriżulta mil-Liġi tal-1987 (35).
83. Il-Gvern Belġjan, min-naħa tiegħu, kien iddefenda pożizzjoni oħra fil-kawża van Calster et u l-qorti suprema tal-pajjiż, il-Cour d’arbitrage, kienet approvat ir-retroattività tal-Liġi tal-1998 (36). L-operaturi ekonomiċi kkonċernati kollha, ħlief għal E. van Calster u r-rikorrenti l-oħra, mid-dehra kkunsidraw li kien inutli li tiġi kkontestata l-leġiżlazzjoni u konsegwentement ma ppreżentawx rikors sabiex il-ħlasijiet li saru jiġu rimborsati lilhom.
84. Wara s-sentenza van Calster et iċċitata iktar ’il fuq, ir-Renju tal-Belġju, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, ma pprovax jirrimedja għas-sitwazzjoni eżistenti b’mod li jġibha konformi mad-dritt Komunitarju. Anzi, billi jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, huwa qed jikkonferma r-rieda tiegħu li jżomm il-ħlasijiet miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.
85. Fi kwalunkwe każ, deher ċar li l-Gvern Belġjan bl-ebda mod ma seta’ jiġġustifika n-nuqqas ta’ rimbors (37).
86. Fil-fehma tiegħi, sabiex ikun żgurat l-effett erga omnes tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali għandha tkun tista, b’mod eċċezzjonali u minkejja l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, tiddikjara ammissibbli talba għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut, anki jekk hija tressqet wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu, sakemm din it-talba tkun tressqet f’terminu raġonevoli wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun ikkonstatat l-inkompatibbiltà.
87. Dan għandu jkun possibbli b’mod partikolari fil-każ li l-Istat Membru, b’mod attiv u diversi darbi, ipprova jimpedixxi l-implementazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, skont l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex fil-każ kuntrarju, l-Istat Membru seta’ japprofitta ruħu b’mod mhux xieraq mill-azzjoni illegali tiegħu, u dan imur kontra l-massima nemo auditur propriam turpitudinem allegans. Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja pprevediet tali possibbiltà fil-każijiet fejn in-nuqqas ta’ azzjoni tar-rikorrent, li jkun suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni, kien ikkawżat minn informazzjoni mhux eżatta mogħtija deliberatament mill-awtoritajiet nazzjonali (38).
88. Nixtieq nenfasizza n-natura eċċezzjonali ta’ din il-possibbiltà. Inżid li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli ta’ terminu għandha ssir mill-qorti nazzjonali, imma fil-fehma tiegħi, din hija kwistjoni ta’ xhur iktar milli ta’ snin (39). F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhomx jibbenefikaw minn tali eċċezzjoni meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma ppreżentaw ir-rikorsi tagħhom biss diversi snin wara s-sentenza van Calster et iċċitata iktar ’il fuq.
b) Fir-rigward tal-passività eventwali tal-Istat Membru ladarba tkun ġiet ikkonstatata l-inkompatibbiltà
89. Kwistjoni oħra hija jekk Stat Membru għandux obbligu, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ lealtà, li jieħu azzjoni sabiex jirrimedja l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ladarba din tkun ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja.
90. Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1991 (40), ir-Renju tal-Belġju kien probabbilment informat b’mod sħiħ bl-inkompatibbiltà tal-iskema tal-1987 fir-rigward b’mod partikolari tal-produtturi nazzjonali u tal-esportaturi. L-awtoritajiet Belġjani jidher li pprovaw jirrimedjaw għan-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ notifika (41) lill-Kummissjoni tal-iskema tal-1987, billi pprovdew għat-tpaċija retroattiva u awtomatika ta’ kull taxxa dovuta skont l-iskema l-ġdida tal-1998 bis-somom li tħallsu preċedentement lill-Istat. Din ir-retroattività tal-iskema, li fis-sentenza van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kinitx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, tiżvela, fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ dubji serji dwar il-bona fide tar-Renju tal-Belġju f’dan il-każ.
91. Jidhirli li l-Istat Belġjan ma għamel xejn volontarjament biex jirrimborsa s-somom indebitament miġbura, minkejja li xejn fid-dritt tal-Unjoni ma jimpedixxi lill-Istat Membru milli jaġixxi b’mod attiv.
92. Ma jidhirlix li huwa eskluż li l-Istat Membru għandu jaġixxi b’mod attiv sabiex jirrimborsa s-somom indebitament miġbura, għall-inqas fil-każijiet fejn l-ammont illegali jista’ jiġi ddefinit b’mod ċar jew jista’ jiġi ddefinit b’mod approssimattiv, kif ukoll fil-każijiet fejn il-partijiet ikkonċernati huma numru kbir ta’ individwi li sofrew telf minimu li ma jiġġustifikax ir-riskju li jidħlu individwalment għall-ispejjeż sinjifikattivi inerenti għal kwalunkwe proċedura ġudizzjarja (42).
93. Din hija prattika li d-dritt tal-Unjoni żgur li ma jipprekludix. Anzi, hija għandha tkun inkoraġġuta, jekk mhux ukoll mitluba. F’ċerti oqsma, huma saħansitra previsti proċeduri speċifiċi għal dan il-għan. Evidentement, l-għanijiet sottostanti huma differenti u l-proċeduri ma jkunux l-istess. Madankollu, għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni, il-kwistjoni hija ferm importanti, fuq kollox meta s-somom involuti jistgħu jkunu pjuttost negliġibbli u skoraġġanti sabiex jinbdew diversi azzjonijiet legali għal irkupru individwali inċert (43).
94. Issa, fil-fehma tiegħi, il-prinċipju ta’ lealtà jobbliga lill-Istat Belġjan sabiex jiġbed il-konklużjonijiet xierqa mis-sentenza van Calster et iċċitata iktar ’il fuq,u jiffaċilita l-eżekuzzjoni tagħha, jekk ikun il-każ bl-intervent tal-leġiżlatur nazzjonali.
95. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti trattament iktar favorevoli lill-Istat bħala debitur meta pparagunat ma’ kwalunkwe debitur ieħor, irrispettivament min-natura tad-dejn jew minn kwalunkwe ċirkustanza oħra. Dan jista’ jkun iġġustifikat min-neċessità li l-kontijiet jingħalqu malajr.
96. Issa, fid-dawl tas-sentenza Zouboulidis vs Il-Greċja (44), tali ġustifikazzjoni, jiġifieri l-interess li jsir clearance fil-pront mill-obbligi tal-Istat, ma hijiex suffiċjenti biex l-Istat jingħata terminu iqsar ta’ preskrizzjoni. Il-Qorti Ewropew tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonstatat f’dan ir-rigward ksur tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea tas-Salvagwardja tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), dwar id-dritt għar-rispett tal-proprjetà. Din il-konstatazzjoni għandha tiġi applikata wkoll abbażi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (45).
97. Madankollu, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ sa ħames snin fir-rigward tal-irkupru ta’ pagament mhux dovut marbut ma’ taxxi jidhirli li huwa pjuttost ġeneruż iktar milli qasir wisq. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri bħala partijiet kontraenti għall-KEDB, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma għandha tinterpreta l-imsemmija karta li teskludi l-applikazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fil-leġiżlazzjoni Belġjana għall-obbligi tal-Istat.
V – Konklużjoni
98. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej id-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel:
“1) Fil-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lil qorti nazzjonali milli tapplika t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-ordinament ġuridiku nazzjonali għad-dejn dovut mill-Istat, fir-rigward ta’ azzjonijiet għall-irkupru ta’ taxxi li tħallsu lill-Istat Membru kkonċernat skont sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxi.
2) Fil-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lil Stat Membru milli jkun jista’ jinvoka termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali li huma partikolarment favorih meta mqabbla mad-dritt komuni nazzjonali, sabiex jiddefendi ruħu fil-proċeduri mressqa kontrih minn individwu, bl-għan li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li dan tal-aħħar għandu taħt it-TFUE, meta l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni biss wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali partikolarment favorevoli u dan anki jekk l-illegalità kienet teżisti qabel.
3) Fil-kundizzjonijiet tal-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li, meta Stat Membru jimponi taxxi fuq individwu li, min-naħa tiegħu, għandu jitrasferixxi dawn it-taxxi lil individwi oħra li magħhom jeżerċita attività kummerċjali, dawn l-individwi jkunu, skont dispożizzjonijiet nazzjonali, suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni iqsar għall-irkupru, fir-rigward tal-Istat Membru, ta’ kontribuzzjonijiet li jmorru kontra d-dritt Komunitarju, filwaqt li għandhom terminu ta’ preskrizzjoni itwal għall-irkupru tal-istess kontribuzzjonijiet fir-rigward ta’ individwu li jintervjeni bħala intermedjarju, bir-riżultat li dan l-intermedjarju eventwalment isib ruħu f’sitwazzjoni fejn azzjoni mibdija kontrih ma tkunx preskritta, bil-kontra ta’ dik mibdija kontra l-Istat Membru u li għaldaqstant dan l-intermedjarju jista’ jkollu azzjoni mibdija kontrih minn operaturi oħra u li, skont il-każ, ikollu jsejjaħ lill-Istat Membru bħala garanti, u biss jekk huwa jista’ jirkupra fil-konfront ta’ dak l-Istat Membru l-kontribuzzjonijiet li huwa stess ikun ħallas direttament lil dan tal-aħħar.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Skont il-Gvern Belġjan, dawn il-kawżi jirrappreżentaw biss tnejn mit-879 kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju li tressqu fil-kuntest tal-Liġijiet tal-24 ta’ Marzu 1987 dwar is-saħħa l-annimali, u tat-23 ta’ Marzu 1998 dwar il-ħolqien ta’ Fond Baġitarju għas-saħħa u għall-kwalità tal-annimali u tal-prodotti magħmula mill-annimali. Is-somom mitluba f’dawn il-kawżi jammontaw għal total provviżorju ta’ EUR 119-il miljun.
3 – L-ewwel waħda hija magħrufa fid-dritt Ingliż, fir-rigward tal-kunċett ta’ ekwità (“equity”), fil-forma vigilantibus non dormientibus aequitas subvenit. It-tieni waħda hija, min-naħa tagħha, ferm magħrufa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Skont awtur, hija saħansitra l-massima l-iktar iċċitata mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Avukati Ġenerali tagħha (ara A. Masson, “Usages et réflexivité du latin à la Cour de justice des Communautés européennes”, Revue trimestrielle de droit européen, 2007, Nru 4, p. 609 sa 633).
4 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et (C-17/91, Ġabra p. I-6523), Claeys (C-114/91, Ġabra p. I-6559), kif ukoll Demoor et (C-144/91 u C-145/91, Ġabra p. I-6613).
5 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249).
6 – Moniteur belge, tat-30 ta’ April 1998, p. 13469.
7 – Ara l-Artikolu 23 tal-Liġi tal-1998.
8 – Ara l-Artikolu 23 tal-Liġi tal-1998.
9 – Iċċitata iktar ’il fuq (punti 65 u 77).
10 – Moniteur belge, tal-21 ta’ Awwissu 1991, p. 17960.
11 – Ara, inter alia, is-sentenza tal-Cour de cassation tal-14 ta’ April 2003.
12 – Ara l-Artikoli 14, 17 u 21 tal-Liġi tal-1998.
13 – Madankollu, jekk it-terminu applikabbli kien ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-1998, jiġifieri mit-30 ta’ April 1998, rikors ippreżentat fit-2 ta’ April 2007 ikun sar qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.
14 – Ara l-Artikoli 14, 17, 21 u 23 tal-Liġi tal-1998.
15 – Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
16 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et (C-192/95 sa C-218/95, Ġabra p. I-165, punt 20); u tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry (C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 15).
17 – Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-irkupru ta’ pagament mhux dovut, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C-231/96, Ġabra p. I-4951, punt 34); u Recheio – Cash & Carry, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17), kif ukoll, b’mod ġenerali, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C-240/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48); u tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 46).
18 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C-445/06, Ġabra p. I-2119, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile (C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2010, Barth (C-542/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28); tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 35); u Aprile, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19).
21 – Punt 18 tas-sentenza.
22 – Iddefinit fl-Artikolu 100 tal-Liġijiet ikkoordinati (imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
23 – Kif inhuwa l-każ fl-Artikolu 100 tal-Liġijiet ikkoordinati.
24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana (61/79, Ġabra p. 1205, punt 16); [tal]-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Telekom (C-50/96, Ġabra p. I-743, punt 43); tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, Ġabra p. I-837, punt 21), u tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 35).
25 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Richardson (C-137/94, Ġabra p. I-3407, punt 33); Kempter, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35); u tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C-292/04, Ġabra p. I-1835, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott (C-208/90, Ġabra p. I-4269, punt 21).
27 – Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1997, Fantask et (C-188/95, Ġabra p. I-6783, punt 51).
28 – Ara s-sentenza Danske Slagterier, iċċitata iktar ‘’il fuq (punt 54).
29 – Ara wkoll is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Haahr Petroleum (C-90/94, Ġabra p. I-4085, punt 52); u tas-17 ta’ Lulju 1997, Texaco u Olieselskabet Danmark (C-114/95 u C-115/95, Ġabra p. I-4263, punt 48).
30 – Sentenza tat-28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères (C-88/99, Ġabra p. I-10465, punt 37).
31 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Barth (punt 33) u Aprile (punti 43 sa 45).
32 – Il-qorti tar-rinviju tidher li qed tikkunsidra li hemm differenza fit-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli. Il-Gvern Belġjan, min-naħa l-oħra, filwaqt li kkwalifika dawn il-kawżi bħala li jirrigwardaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, ta opinjoni oħra waqt is-seduta: huwa sostna li t-termini ta’ preskrizzjoni kienu tal-istess tul, jiġifieri ħames snin, anki jekk il-bidu tad-dekorrenza ħabat f’dati xi ftit differenti. Għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju kkwalifikat dawn il-kawżi bħala li jirrigwardaw l-irkupru ta’ pagament mhux dovut (condictio indebiti). Ara, dwar il-kwistjoni tal-kwalifika, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 201).
33 – Għandu jiġi nnotat li Q-beef, li ħallset il-kontribuzzjonijiet direttament lill-Istat, ma hijiex ikkonċernata minn din id-domanda preliminari.
34 – Ara s-sentenzi Edis, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39); Aprile, iċċitata iktar ’il fuq (punt 34); u tal-10 ta’ Settembru 2002, Prisco et CASER (C-216/99 u C-222/99, Ġabra p. I-6761, punt 70).
35 – Sentenza van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59). Fil-punt 60, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet dan li ġej: “Teknika leġiżlattiva ta’ din ix-xorta ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mal-obbligu ta’ notifika impost mill-Artikolu 93(3) tat-Trattat. Fil-fatt, jekk tiġi aċċettata, l-Istati Membri jistgħu jimplementaw immedjatament pjan ta’ għajnuna mill-Istat mingħajr ma jinnotifikawh u l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ notifika jistgħu jiġi evitat bir-revoka tal-miżura ta’ għajnuna kif ukoll billi din terġa’ tiġi introdotta fl-istess ħin b’effett retroattiv”.
36 – Ara l-punt 16 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentati fl-10 ta’ April 2003 fil-kawża van Calster et (iċċitata iktar ’il fuq).
37 – Sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland (C-24/95, Ġabra p. I-1591).
38 – Ara s-sentenzi Barth, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36); u tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C‑326/96, Ġabra p. I-7835, punt 34).
39 – Pereżempju, għandu jingħad li, fil-kawża Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-kumpannija kkonċernata għamlet talba għall-ħlas ta’ ċerti somom madwar xahrejn wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tat interpretazzjoni favuriha (ara l-punt 14 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ippreżentati fis-17 ta’ Ġunju 2003 fil-kawża Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq).
40 – Xi ħaġa li, inċidentalment, ma ġietx ikkontestata mir-Renju tal-Belġju.
41 – Anki waqt is-seduta, l-aġent tal-Gvern Belġjan ikkwalifika n-nuqqas ta’ notifika sempliċement bħala difett proċedurali. Fil-fehma tiegħi, huwa ferm iktar gravi minn hekk: din l-omissjoni tikkorrispondi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fundamentali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.
42 – Pereżempju, għandha tissemma l-azzjoni li ttieħdet abbażi tas-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Finlandiża mad-dritt tal-Unjoni. Ladarba l-qorti tar-rinviju tat id-deċiżjoni definittiva tagħha (sentenza tal-Qorti Amministrattiva Suprema, tat-22 ta’ Diċembru 2004, KHO:2004:117), ġiet adottata liġi dwar kumpens. Mill-ħidmiet preparatorji għal din il-liġi jirriżulta li hija ġiet adottata sabiex ikun żgurat rimbors effettiv (ara wkoll l-abbozz tal-Gvern 57/2005).
43 – Il-premessa 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) tipprovdi li f’każijiet ta’ għajnuna illegali li ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha terġa’ titqajjem kompetizzjoni effettiva; billi għal dan il-għan huwa meħtieġ li l-għajnuna, li tinkludi l-imgħax, għandha tinġieb lura mingħajr dewmien.
44 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta’ Ġunju 2009, Zouboulidis vs Il‑Greċja (36963/06, punti 33 sa 37). F’dik il-kawża, kienu involuti djun kontra l-Istat Elleniku li, f’ċerti każijiet, kienu jaqgħu bil-preskrizzjoni wara sentejn, filwaqt li d-djun favur dak l-Istat kienu suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni li kien bejn darbtejn u għaxar darbiet itwal. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet f’dan ir-rigward li r-regoli tal-preskrizzjoni privileġġjati li kien jibbenefika minnhom l-Istat Elleniku ma kinux kompatibbli mal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tal-4 ta’ Novembru 1950.
45 – L-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għall-proprjetà.
Full & Egal Universal Law Academy