KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fis-17 ta’ Marzu 2011 (1)
Kawża C-101/10
Gentcho Pavlov
Gregor Famira
vs
Ausschuss der Rechtsanwaltskammer Wien
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission (l-Awstrija)]
“Relazzjonijiet barranin – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni – Effett dirett – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini tal-Bulgarija mill-iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità – Kunċett ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol – Kompatibbiltà”
1. Id-domanda prinċipali mqajma permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija dik jekk ċittadin Bulgaru li, qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, iċċaħħad mill-iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires fl-Awstrija, kienx il-vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità pprojbita skont il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija min-naħa l-oħra, iffirmat fl-1 ta’ Marzu 1993 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija”) (2).
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija
2. L-Artikolu 7(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jipprovdi li “[l]-assoċjazzjoni tinkludi perjodu ta’ transizzjoni ta’ żmien massimu ta’ 10 snin maqsum f’żewġ stadji suċċessivi, kull wieħed fil-prinċipju jdum ħames snin. L-ewwel stadju għandu jibda meta l-Ftehim jidħol fis-seħħ”.
3. L-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jipprovdi li:
“Bla ħsara għall-kondizzjonijiet u modalitajiet applikabbli f’kull Stat Membru:
– it-trattament akkordat lill-ħaddiema ta’ nazzjonalità Bulgara, impjegati legalment fit-territorju ta’ Stat Membru għandu jkun ħieles minn kull diskriminazzjoni bażata fuq in-nazzjonalità, fir-rigward tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u rimunerazzjoni [jew it-tkeċċija], kif imqabbla maċ-ċittadini tiegħu stess”.
4. L-Artikolu 42(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jipprovdi li:
“Waqt li jingħata kont tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru, bla ħsara għall-leġiżlazzoni u għar-rigward tar-regoli fis-seħħ f’dak l-Istat Membru fiż-żona tal-mobilità tal-ħaddiema,
– il-faċilitajiet eżistenti ta’ l-aċċess għall-impieġ għall-ħaddiema tal-Bulgarija akkordati mill-Istati Membri taħt patti ta’ Ftehim bilaterali għandhom jinżammu u possibbilment jitjiebu,
– l-Istati Membri l-oħra għandhom jikkonsidraw favorevolment il-possibbilità tal-konklużjoni ta’ patti simili ta’ Ftehim”.
5. L-Artikolu 45(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, li hu mdaħħal fil-kapitolu intitolat “Stabbiliment”, jipprovdi li “[k]ull Stat Membru għandu jagħti, mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, għall-istabbiliment ta’ kumpaniji u ċittadini Bulgari u għall-operazzjoni ta’ kumpaniji u ċittadini Bulgari stabbiliti fit-territorju tagħha [tiegħu], trattament mhux inqas favorevoli minn dak akkordat għall-kumpaniji u ċittadini tagħha [tiegħu] stess, ħlief għall-kwistjonijiet imsemmija f’Anness XVa”.
6. L-Artikolu 45(5)(a)(i) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jiddefinixxi l-istabbiliment “fir-rigward ta’ ċittadini, id-dritt biex jibdew u jagħmlu attivitajiet ekonomiċi bħala persuni li jaħdmu għal rashom u biex jistabbilixxu u jamministraw impriżi, b’mod partikolari kumpaniji, li huma jikkontrollaw effettivament. Impieg għal rashom u impriżi tan-negozju minn ċittadini m’għandux iwassal sat-tfittix jew il-bidu ta’ impiegi fis-suq tax-xogħol jew jagħti dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Parti l-oħra. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu ma japplikawx għal dawk li ma humiex esklusivament persuni li jaħdmu għal rashom.”
7. L-Artikolu 45(5)(ċ) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jiddikjara li l-attivitajiet ekonomiċi “b’mod partikolari [j]inkludu attivitajiet ta’ karattru industrjali, attivitajiet ta’ karattru kummerċjali, attivitajiet ta’ nies tas-sengħa jew attivitajiet professjonisti”.
8. L-Artikolu 47 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jipprovdi li “[b]il-għan li tkun aktar faċli għaċ-ċittadini tal-Komunità u ċ-ċittadini Bulgari li jibdew u jsegwu attivitajiet professjonali regolati fil-Bulgarija u l-Komunità rispettivament, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jeżamina liema passi huma meħtieġa li jittieħdu biex jipprovdu għar-rikonoxximent komuni ta’ kwalifiki. Dan jista’ jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għal dan il-għan.”
9. L-Artikolu 59(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jipprovdi li “[g]ħall-għan tat-Titolu IV, ebda ħaġa fil-Ftehim m’għandha tipprevjeni lill-Partijiet milli japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti fir-rigward id-dħul u l-qagħad, xogħol, kondizjonijiet tax-xogħol, u stabbiliment ta’ persuni naturali u l-provvista ta’ servizzi, b’dan illi, meta jsir dan, huma ma japplikawhomx f’mod li jannulla jew ifixkel il-benefiċċji li jitkattru għal xi Parti taħt it-termini ta’ dispożizzjonji speċifika tal-Ftehim. […]”
B – Il-kuntest ġuridiku nazzjonali
10. Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-professjoni ta’ avukat u l-aċċess għal din il-professjoni fl-Awstrija jinsabu rispettivament fil-liġi dwar l-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat (Rechtsanwaltsprüfungsgesetz (3), iktar ’il quddiem ir-“RAPG”) u fir-regolament li jirrigwarda l-professjoni ta’ avukat (Österreichische Rechtsanwaltsordnung (4), iktar ’il quddiem ir-“RAO”).
1. Ir-RAPG
11. L-Artikolu 1 tar-RAPG jipprovdi li “[l]-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat għandu juri l-kapaċitajiet u l-konoxxenzi tal-kandidat neċessarji biex jeżerċita l-professjoni ta’ avukat, b’mod partikolari l-kapaċità tiegħu li jibda u jieħu ħsieb il-proċeduri relatati mal-kawżi ta’ natura pubblika u privata fdati lil avukat kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jipprepara dokumenti u opinjonijiet legali u jippreżenta b’mod ordnat bil-miktub jew oralment l-elementi ġuridiċi u fattwali ta’ kawża”.
12. L-Artikolu 2(1) tar-RAPG jipprovdi li “[l]-eżami ta’ avukat jista’ jsir wara l-kisba tad-Doktorat der Rechte jew, għad-detenturi ta’ Diplomstudium fis-sens tal-Liġi tat-2 ta’ Marzu 1978 […] dwar l-istudji tal-liġi, wara l-kisba tal-Magisterium der Rechtswissenschaften u wara perijodu ta’ prattika ta’ tliet snin, li għall-inqas disa’ xhur minnhom f’qorti u għall-inqas sentejn f’uffiċċju legali”.
2. Ir-RAO
13. L-Artikolu 1(1) tar-RAO jipprovdi li “[s]abiex persuna teżerċita l-professjoni ta’ avukat […], mhix meħtieġa ħatra minn xi awtorità, iżda għandha sempliċement tipprova li l-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfatti u tiġi iskritta fil-lista ta’ avukati.”
14. Skont l-Artikolu 1(2) tar-RAO, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti huma:
“a) in-nazzjonalità Awstrijaka;
[…]
d) il-perijodu ta’ prattika, skont il-modalitajiet u ż-żmien previsti mil-liġi;
e) is-suċċess fl-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat;
[…]”.
15. L-Artikolu 2 tar-RAO huwa redatt kif ġej:
“1. il-perijodu ta’ prattika meħtieġ biex tkun eżerċitata l-professjoni ta’ avukat jikkonsisti neċessarjament f’attività ġuridika fi ħdan qorti jew uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u ma’ avukat; […] Il-perijodu ta’ prattika ma’ avukat ma jistax jiġi kkunsidrat ħlief jekk din l-attività hija eżerċitata bħala attività professjonali prinċipali mingħajr ma tkun ostakolata minn attività professjonali oħra […].
2. Il-perijodu ta’ prattika fis-sens tal-paragrafu 1 għandu jkun ta’ ħames snin, li għall-inqas disa’ xhur minnhom fi ħdan qorti jew uffiċju ta’ prosekutur pubbliku u għall-inqas tliet snin ma’ avukat fl-Awstrija.
[…]”.
16. L-Artikolu 1(3) tar-RAO jipprovdi li “[n]-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor firmatarju tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera hija kkunsidrata bħala ekwivalenti għan-nazzjonalità Awstrijaka”.
17. L-Artikolu 15 tar-RAO jipprovdi:
“1. Meta r-rappreżentazzjoni minn avukat hija meħtieġa mil-liġi, l-avukat jista’ jibgħat sabiex jirrapreżentah, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, fi kwalunkwe qorti u quddiem kwalunkwe amministrazzjoni, anki avukat stagiaire awtorizzat biex jirrappreżenta avukat u li jkun qed jagħmel il-prattika tiegħu miegħu; madankollu mhux permess li avukat stagiaire jiffirma applikazzjonijiet lill-qrati jew lill-amministrazzjonijiet.
2. Avukat stagiaire li jkun għadda mill-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat jista’ jirrapreżenta klijent. […]
3. Meta r-rappreżentazzjoni minn avukat ma hijiex meħtieġa mil-liġi, l-avukat jista’ jibgħat sabiex jirrapreżentah, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, fi kwalunkwe qorti u quddiem kwalunkwe amministrazzjoni, avukat stagiare li jkun qed jagħmel il-prattika tiegħu miegħu; madankollu mhux permess li avukat stagiaire jiffirma applikazzjonijiet għal qrati jew għal amministrazzjoni.
4. Il-Kummissjoni tal-Avukati għandha tagħti lil avukat stagiaire li jkun qed jagħmel il-prattika tiegħu ma’ avukat ċertifikati li jawtorizzaw ir-rappreżentanza legali sabiex jaġixxi bħala sostitut għal avukat fis-sens tal-paragrafu 2 […] jew il-kapaċità tiegħu ta’ rappreżentazzjoni fis-sens tal-paragrafu 3 […].”
18. L-Artikolu 30 tar-RAO li jirregola l-proċedura ta’ iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires jipprovdi kif ġej:
“1. Għall-finijiet ta’ iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires, fil-mument tad-dħul f’uffiċċju ta’ avukati, għandha tintbagħat notifika lill-Kummissjoni, akkumpanjata bi prova ta’ nazzjonalità Awstrijaka u tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-prattika legali, it-tul tal-prattika għandu jiġi kkalkolat b’effett mid-data ta’ meta tiġi riċevuta din id-dikjarazzjoni.
[…]
4. Il-persuni li ma jiġux iskritti fil-lista ta’ avukati stagiaires, jew li isimhom ikun tħassar minn din il-lista, jew li t-taħriġ tagħhom bħala stagiaire jew bħala avukat ma jkunx ġie rrikonoxxut, għandhom id-dritt ta’ appell quddiem il-Kummissjoni Superjuri ta’ Appell u quddiem il-Kummissjoni ta’ Dixxiplina tal-Avukati. […]
5. In-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat ieħor firmatarju tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera hija kkunsidrata bħala ekwivalenti għan-nazzjonalità Awstrijaka”.
II – Il-kwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19. G. Pavlov huwa ċittadin Bulgaru li temm l-istudji tiegħu tal-liġi fi Vjenna, l-Awstrija, skont il-qorti tar-rinviju (5), fl-2002. Huwa kien, mill-2004, impjegat fl-uffiċċju legali ta’ G. Famira, avukat fi Vjenna. G. Pavlov għandu awtorizzazzjoni ta’ stabbiliment skont il-liġi Awstrijaka, u permess biex jaħdem fl-Awstrija.
20. Fit-2 ta’ Jannar 2004, G. Famira u G. Pavlov talbu li G Pavlov jiġi iskritt fil-lista tal-avukati stagiaires. Fl-istess waqt, huma talbu li jinħareġ ċertifikat li huwa jista’ jirrapreżenta quddiem il-qrati abbażi tal-Artikolu 15(3) tar-RAO.
21. Fis-6 ta’ April 2004, l-Ausschuss der Rechtsanwalskammer Wien (Kummissjoni tal-Avukati ta’ Vjenna) permezz ta’ digriet, ċaħdet l-applikazzjoni inkwistjoni abbażi tal-fatt li G. Pavlov ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta’ nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 30 tar-RAO. Fiż-żmien li saret , G. Pavlov ma kienx ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni, lanqas ċittadin taż-Żona Ekonomika Ewropea jew ċittadin Svizzeru, filwaqt li n-nazzjonalità Bulgara li minnha kien igawdi G. Pavlov ma kinitx tippermettilu li huwa jissodisfa, skont l-Ausschuss der Rechtsanwalskammer Wien, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tar-RAO. L-appell kontra dan id-digriet ġie miċħud fil-15 ta’ Ġunju 2004 (6) mill-Ausschuss der Rechtsanwalskammer Wien f’seduta plenarja.
22. Ġie ppreżentat appell kontra dan it-tieni digriet quddiem il-Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission für Rechtsanwälte une Rechtsanwaltsanwärter (Kummissjoni Superjuri Dixxiplinarja tal-Avukati iktar ’il quddiem l-“OBDK”). Fl-1 ta’ Awwissu 2006, dan l-appell ġie miċħud. Fil-fatt, il-OBDK ikkunsidrat li l-professjoni ta’ avukat hija professjoni rregolata u li din il-leġiżlazzjoni twettaq l-effetti tagħha wkoll fir-rigward ta’ avukati stagiaires. Hija ddeċidiet li, skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, id-diskriminazzjoni hija pprojbita biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, imma li, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għal professjonijiet regolati, l-Istati kontraenti għandhom il-possibbiltà li jimplementaw limitazzjonijiet nazzjonali.
23. Ir-rikorrenti ppreżentaw appell quddiemha, u fit-8 ta’ Ottubru 2007, il-Verfassungsgerichtshof (Qorti Kostituzzjonali Awstrijaka) annullat din id-deċiżjoni wara li kkunsidrat li peress li ressqitx talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizja sabiex titlob interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, l-OBDK kienet kisret id-dritt tal-persuni li jilmentaw għal proċeduri quddiem il-qorti ordinarja ggarantit mill-Kostituzzjoni Awstrijaka. Il-kawża ġiet għalhekk irrinvijata quddiem l-OBDK.
24. Fis-17 ta’ Frar 2008, l-OBDK laqgħet parzjalment l-appell ippreżentat kontra d-digriet tal-15 ta’ Ġunju 2004 filwaqt li annullatu flimkien mad-digriet tas-6 ta’ April 2004 fir-rigward tat-tibdil fis-sitwazzjoni ġuridika li rriżultat mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea. Mill-fatt ta’ supervenjenza ta’ dan l-element ġdid, l-OBDK iddeċidiet li s-sitwazzjoni kienet ċara biżżejjed sabiex tiddeċiedi l-kawża mingħajr ma tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizja. Billi għamlet hekk, hija rrinvijat il-kawża quddiem l-Ausschuss der Rechtsanwalskammer Wien sabiex din tiddeċiedi wara li jiġu kkompletati l-proċedimenti. Id-deċiżjoni tas-17 ta’ April 2008 kienet ukoll is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Verfassungsgerichtshof.
25. B’deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2009, il-Verfassungsgerichtshof annullat id-deċiżjoni l-ġdida tal-OBDK tas-17 ta’ Frar 2008. Essenzjalment, hija tikkritika lill-OBDK talli ma ddeterminatx il-kwistjoni li tirrigwarda s-snin 2004 sa 2006 billi naqset milli tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kwistjoni li, minkejja l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007, żammet ir-rilevanza kollha tagħha għal G. Pavlov sa fejn, minn naħa, huwa ma setax jgħaddi mill-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat ħlief wara perijodu ta’ prattika ta’ mhux inqas minn sentejn ma’ avukat (Artikolu 2(1) tar-RAPG), u li, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi iskritt fil-lista ta’ avukati, huwa kien meħtieġ li juri li wettaq perijodu ta’ prattika ma’ avukat ta’ mhux inqas minn tliet snin (skont l-Artikolu 2(2) tar-RAO).
26. Għaldaqstant iffaċċjata b’diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-OBDK iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u, permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju ippreżentata fit-23 ta’ Frar 2010, skont l-Artikolu 267 TFUE, ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 38(1) tal-Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni] kellu jiġi applikat direttament, għall-perijodu bejn it-2 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006, fil-kuntest tal-proċedura għall-iskrizzjoni ta’ ċittadin Bulgaru fil-lista tal-avukati stagiaires?
2) [Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda], l-Artikolu 38(1) tal-Ftehim [ta’ Assoċjazzjoni] jipprekludi, minn naħa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) u (5) [tar-RAO] li teżiġi, fost l-oħrajn, bħala kundizzjoni għall-iskrizzjoni, il-prova taċ-ċittadinanza [tan-nazzjonalità] Awstrijaka jew ta’ ċittadinanza [ta’ nazzjonalità] li titqies ekwivalenti, fir-rigward tat-talba għall-iskrizzjoni fil-lista tal-avukati stagiaires Awstrijaċi u għall-kisba ta’ ċertifikat li jawtorizza r-rappreżentanza legali fis-sens tal-Artikolu 15(3) [tar-RAO] imressqa fit-2 ta’ Jannar 2004, minn ċittadin Bulgaru impjegat ma’ avukat Awstrijak, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda ta’ din it-talba bbażata biss fuq iċ-ċittadinanza, [in-nazzjonalità] minkejja l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra u minkejja l-fatt li l-applikant ġie awtorizzat jistabbilixxi ruħu u għandu permess ta’ xogħol?”
III – Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
27. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u, waqt is-seduta tat-13 ta’ Jannar 2011 ifformolaw ukoll is-sottomissjonijiet orali tagħhom.
IV – Analiżi ġuridika
A – Osservazzjonijiet preliminari fuq il-kwalità ta’ ġurisdizzjoni tal-OBDK
28. Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk l-OBDK tikkostitwixxix qorti skont l-Artikolu 267 TFUE, u għalhekk li tista’ tressaq talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
29. Reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja kellha lok li tiddeċiedi fuq dan il-punt fis-sentenza Koller (7) li fiha hija ddikjarat li “l-OBDK, li huwa paċifiku li l-ġurisdizzjoni tagħha hija obbligatorja, għandha, kif spjega l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-elementi kollha neċessarji sabiex tista’ tiġi kkassifikata bħala qorti fis-sens tal-Artikolu [267 KE]” (8).
30. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li titkompla l-analiżi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tirrispondi lill-qorti tal-rinviju.
B – Fuq l-ewwel domanda
31. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija huwiex dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li għandha effett dirett u jekk għandhiex titqies li kellha dan l-effett matul il-perijodu mit-2 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2006, fil-kuntest tal-proċedura tal-iskrizzjoni ta’ ċittadin Bulgaru fil-lista ta’ avukati stagiaires.
32. Skont ġurisprudenza stabbilita li ma hemmx lok li tiġi kkontestata, dispożizzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Komunità ma’ pajjiżi terzi għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija ta’ effett dirett meta, fid-dawl tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u tan-natura ta’ dan il-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u speċifiku li ma huwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għal intervent ta’ ebda att ulterjuri (9). Huwa f’loku għalhekk li jsir l-eżami tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija fid-dawl ta’ dawn it-tliet kriterji.
33. Fir-rigward tat-termini stess tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, u kif ġustament jirrimarkaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Awstrijak fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq il-punt jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 37(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika tal-Polonja, li huwa fformulat kważi identikament (10) bħall-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija għandux effett dirett (11). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-imsemmi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 37(1) “jistabbilixxi, f’termini ċari, preċiżi u inkundizzjonati, il-projbizzjoni għal kull Stat Membru milli jitratta b’mod diskriminatorju fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu stess, minħabba n-nazzjonalità tagħhom, il-ħaddiema Pollakki msemmija f’din id-dispożizzjoni, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, ir-remunerazzjoni jew it-tkeċċija mill-impjieg. […] Din ir-regola ta’ trattament ugwali tippreskrivi obbligu b’riżultat preċiż, u, essenzjalment, tista’ tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali sabiex jitlob lil din tal-aħħar ma tapplikax dispożizzjonijiet diskriminatorji ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ applikazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward” (12). L-użu tal-frażi “suġġett għal kundizzjonijiet u modalitajiet applikabbli f’kull Stat Membru” ma jistax, għalhekk, jikkontesta din il-konstatazzjoni (13).
34. Fir-rigward tan-natura u tal-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni li tiddikjara li “skont il-premessa 17 u l-Artikolu 1(2), il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu bħala għan it-twaqqif ta’ assoċjazzjoni intiża sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta’ iskambji u ta’ relazzjonijiet ekonomiċi armonjużi bejn il-kontraenti bil-għan li tiffavorixxi l-iżvilupp dinamiku u l-prosperità fir-Repubblika tal-Bulgarija, sabiex tiffaċilita s-sħubija tagħha fil-Komunità. Barra minn hekk, il-fatt li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa intiż essenzjalment sabiex jiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku tal-Bulgarija u għalhekk jinvolvi skwilibriju fl-obbligi assunti mill-Komunità favur il-pajjiż terz ikkonċernat ma hijiex ta’ natura tali li ċċaħħad ir-rikonoxximent minn dan tal-aħħar tal-effett dirett ta’ uħud mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Ftehim” (14).
35. Barra minn hekk, l-Artikolu 59(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija ma huwiex ta’ natura li jipprekludi din il-konklużjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “minn din id-dispożizzjoni biss isegwi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex japplikaw, b’osservanza tal-limitazzjonijiet iffissati mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali” (15). Għalhekk, l-imsemmi artikolu ma jirrigwardax l-implementazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija rigward il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u lanqas mhuwa intiż sabiex jissuġġettaw l-eżekuzzjoni jew l-effetti tal-obbligu ta’ trattament ugwali stabbilit fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) għall-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali addizzjonali (16).
36. Il-kundizzjonijiet kollha imposti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dispożizzjoni inkluża fi ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità tista’ tibbenefika mill-effett dirett huma ssodisfatti fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija.
37. Għalhekk jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Bulgarija jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti minn dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex hija tgawdi mill-effett dirett u għalhekk seta’ jiġi applikat direttament fil-perijodu bejn it-2 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006.
C – Fuq it-tieni domanda
38. L-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità taċ-ċittadini Bulgari li huma ħaddiema, legalment impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru u għal dak li jirrigwarda “l-kondizzjonijiet tax-xogħol u rimunerazzjoni [jew it-tkeċċija]”.
39. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha opportunità li tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà ta’ regola nazzjonali ma’ dispożizzjoni bi kliem simili għal dak tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija. F’każ bħal dan, l-analiżì tagħha kienet tikkonsisti li tiddetermina, minn naħa, jekk ir-regola msemmija kinitx tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol, u min-naħa l-oħra jekk ir-regola kinitx tikkostitwixxi tassew diskriminazzjoni pprojbita mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandha tipproċedi fi tliet stadji: l-ewwel, tiddetermina jekk il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jipprojbixxix tassew id-diskriminazzjoni; imbagħad, għandha teżamina l-portata ta’ din il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, u b’mod partikolari l-fatt jekk din il-portata tistax tkun komparabbli għal dik li tingħata lil dispożizzjoni identika fit-Trattat; u finalment, jekk ingħatat risposta affermattiva liż-żewġ domandi preċedenti, jibqa’ li jiġi vverifikat jekk id-diskriminazzjoni tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata (17).
40. La darba dan mhux każ normali, nipproponi li nibda l-analiżi tiegħi billi neżamina n-natura diskriminatorja tar-rifjut lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, qabel ma niddetermina jekk l-iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires taqax taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tax-xogħol” fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija.
1. Fuq l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità
41. F’din il-kawża, mhux diffiċli li jiġi kkonstatat li fl-Artikolu 38 tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jobbliga lill-kontraenti li ma jiddiskriminawx kontra l-ħaddiema Bulgari minħabba n-nazzjonalità tagħhom. Fir-rigward ta’ jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija jistax jirċievi interpretazzjoni wiesgħa daqs dik li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha stabbilita fl-Artikolu 45(2) TFUE, jiena ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tawtorizzax attitudini simili b’mod sistematiku u komprensiv iżda, għall-kuntrarju, tordnalna li jsir riferiment għall-għan ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet ikkonċernati fil-kuntest proprju tagħha (18). Għalhekk il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza Kondova, li l-interpretazzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza lill-Artikolu 43 KE ma tistax tiġi estiża għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-libertà ta’ stabbiliment (19) ma jippreġudikax l-eżitu tal-analiżi li għandha ssir fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-moviment tal-ħaddiema f’dan l-istess ftehim.
42. Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kellha okkażjoni tindirizza direttament l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, il-ġurisprudenza Pokrzeptowicz-Meyer (20) tista’ tkun utli għall-analiżi tagħna. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddetermina l-portata tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol li jinsabu fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Polonja. Għandu jiġi nnotat li din il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni hija kważi identika għal dik ipprovduta fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija (21), u li, skont il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha similitudni mal-kliem tal-Artikolu 39(2) tat-Trattat KE (22).
43. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad iddikjarat minn paragun tal-għanijiet u tal-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Polonja, minn naħa, u dawk tat-Trattat, min-naħa l-oħra, jirriżulta li ma hemm ebda raġuni sabiex id-dispożizzjoni fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni inkwistjoni tingħata portata differenti minn dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjoni ekwivalenti fit-Trattat.
44. Dan ir-raġunament huwa applikabbli għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, peress li l-għanijiet tiegħu huma paruganabbli għal dawk tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità u l-Polonja qabel l-adeżjoni ta’ din tal-aħħar (23). Ċertament, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża, dispożizzjoni bħal dik tal-imsemmi Artikolu 38 ma tistabilixxix prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema Bulgari fl-Unjoni (24), imma timponi favur tagħhom, minn meta dawn jiġu impjegati legalment fit-territorju ta’ Stat Membru, dritt għal trattament ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-istess portata bħal dik irrikonoxxuta f’termini simili mit-Trattat liċ-ċittadini ta’ Unjoni (25).
45. Barra minn hekk, la l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet ikkonċernati u lanqas id-diskussjonijiet fis-seduta ma ppermettew li tirriżulta raġuni li oġġettivament tiġġustifika t-trattament differenti bejn ċittadini Awstrijaċi u ċittadini Bulgari fir-rigward tal-iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires.
46. Il-konklużjoni intermedja li għandha tinsilet mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti hija din: dan huwa każ ta’ diskriminazzjoni li ma tidhirx li tista’ tkun iġġustifikata. Madankollu, l-għoqda Gordian għadha ma ġietx solvuta, għax il-kwistjoni jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għadha ma ġietx stabbilita.
2. Fuq il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ xogħol”
47. Huwa paċifiku li G. Pavlov għandu “permess ta’ stabbiliment” fis-sens tal-liġi Awstrijaka (26) kif ukoll permess ta’ xogħol fl-Awstrija. Barra minn hekk, G. Pavlov ilu impjegat ma’ G. Famira sa mill-2004. G. Pavlov huwa għalhekk ħaddiem fis-suq tax-xogħol regolari u bħala impjegat jista’, bħala regola, jipprevalixxi ruħu mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija.
48. Mill-proċess jirriżulta wkoll li l-unika raġuni li għaliha l-iskrizzjoni ta’ G. Pavlov fil-lista ta’ avukati stagiaires ġiet miċħuda tikkonsisti fil-fatt li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka, sabiex tkun tista’ ssir din l-iskrizzjoni hija rikjesta n-nazzjonalità Awstrijaka jew nazzjonalità simili għal dik Awstrijaka, li huwa ma għandux.
49. Konsegwentement, sabiex jiġi deċiż jekk l-applikazzjoni ta’ din ir-regola, fil-kawża inkwistjoni, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 38 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, għandu jiġi analizzat jekk din tikkonċernax, jew le, kundizzjoni ta’ xogħol.
50. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi kkunsidrat li, minħabba l-fatt li G. Pavlov kien impjegat minn G. Famira bħala avukat stagiaire, hija waħda mill-kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ avukat stagiaire li jiġi iskritt fil-lista tal-avukati stagiaires għal diversi raġunijiet: minn naħa, l-iskrizzjoni fil-lista tal-avukati stagiaires tindika l-punt tat-tluq tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat iż-żmien tal-prattika u, sa ċertu punt, tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet preliminari sabiex huwa jiġi awtorizzat li jagħmel l-eżami ta’ avukat u għalhekk sabiex jakkwista t-titolu ta’ avukat (27). Min-naħa l-oħra, huwa biss l-avukat stagiaire iskritt li jista’ juża l-poter ta’ rappreżentazzjoni (“kleine Legitmationsurkunde”) li jippermettilu jirrapreżenta l-avukat li miegħu huwa impjegat quddiem il-qrati u l-amministrazzjonijiet (28). Interpretazzjoni simili tista’, barra minn hekk, tiġi kkonfermata mill-fatt li l-awtorità tax-xogħol Awstrijaka kienet awtorizzat lil G. Famira li jimpjega miegħu lil G. Pavlov bħala avukat stagiaire. Konsegwentement, ir-rifjut ta’ iskrizzjoni ta’ persuna fil-lista ta’ avukati stagiaires tista’ tiġi interpretata bħala limitazzjoni fuq l-attivitajiet li din il-persuna tista’ teżerċita fil-kuntest tal-“impjieg” tagħha, u għalhekk bħala li għandha effett dirett fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan is-suġġett, u fost din il-ġurisprudenza, is-sentenza Deutscher Handballbund, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fil-kuntest ta’ rinviju preliminari minn-qorti Ġermaniża, hija eżempju sinjifikattiv.
51. F’din is-sentenza Deutscher Handballbund, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 38 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika Slovakkja (29) ta’ regola nazzjonali ppromulgata mill-federazzjoni Ġermaniża tal-handball li kienet tipprovdi sabiex jinħarġu liċenzji separati lil ċittadini ta’ Stati terzi, bir-riżultat li numru limitat biss ta’ plejers detenturi ta’ din it-tip ta’ liċenzja partikolari setgħu jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet uffiċjali. Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti, ta’ nazzjonalità Slovakka, li kien impjegat legalment ma’ klabb Ġermaniż, kien ikkontesta quddiem il-qrati r-rifjut tat-talba tiegħu sabiex jikseb liċenzja mhux ikkwalifikata bir-riferiment għal ċittadini ta’ pajjiż terz.
52. Wara li kkonfermat l-effett dirett tal-Artikolu 38 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika Slovakkja, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat li l-interpretazzjoni mogħtija lill-Artikolu 48(2) tat-Trattat KE kellha tiġi estiża għall-imsemmi Artikolu 38 (30). Hija kkonkludiet li r-regola sportiva inkwistjoni kienet tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ xogħol sa fejn hija kellha “effett dirett fuq il-parteċipazzjoni fil-logħob tal-kampjonat u tat-tazza ta’ plejer professjonali Slovakk, li kien diġà impjegat legalment skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti” (31).
53. Għalhekk, wieħed jista’ jaħseb li r-rifjut tal-iskrizzjoni ta’ G. Pavlov fil-lista tal-avukati stagiaires jista’ bl-istess mod jiġi interpretat bħala li għandu effett dirett fuq il-parteċipazzjoni tiegħu fl-attivitajiet li huma speċifiċi għal dan l-“impjieg”.
54. Imma, fl-opinjoni tiegħi, din l-invokazzjoni għal din il-ġurisprudenza mhix possibbli minħabba li tippresupponi li l-“impjieg” ta’ G Pavlov, komparabbli ma’ kwalunkwe relazzjoni ta’ impjegat ieħor, hi dik ta’ avukat stagiaire.
55. Ċertament, G. Pavlov ġie impjegat minn G. Famira bħala avukat stagiaire. Madankollu, id-deskrizzjoni ta’ avukat stagiaire li ngħatatlu fil-kuntratt tax-xogħol tiegħu mhix biżżejjed, fil-każ inkwistjoni, biex torbot lill-awtoritajiet nazzjonali. Kif intwera fis-seduta, waħda mir-raġunijiet li għaliha twaqqfet il-Kummissjoni tal-Avukati ta’ Vjenna hija proprju sabiex tivverifika jekk il-persuni li jitolbu li jsiru avukati stagiaires jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha rikjesti mil-liġi nazzjonali sabiex jiġu iskritti bħala tali. Jekk wieħed jikkunsidra li r-relazzjoni kuntrattwali bejn G. Pavlov u G. Famira hija waħedha biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li G. Pavlov huwa diġà “impjegat” bil-klassifikazzjoni ta’ avukat stagiaire, u sabiex jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu ġew affettwati bir-rifjut tal-iskrizzjoni tiegħu fil-lista ta’ avukati stagiaires, dan ikun ifisser li l-organizzazzjonijiet professjonali li lilhom l-Istati Membri jkunu fdaw il-kompiti ta’ verifika huma, fil-fatt u fid-dritt, marbutin bid-deskrizzjoni tal-impjieg imsemmija fil-kuntratt tax-xogħol. Ser ikun reali, allura, ir-riskju li naraw leġiżlazzjoni nazzjonali evitata, biex b’hekk jiġi permess aċċess liberu għall-attivitajiet u għal professjonijiet li huma meqjusa li għandhom ikunu rregolati.
56. Għall-istess raġuni li għadni kemm semmejt fir-rigward ta’ dak li huwa indikat fil-kuntratt ta’ impjieg ta’ G. Pavlov, ma nikkunsidrax li d-deċiżjoni tal-awtorità dwar l-impjiegi li awtorizzat l-impjieg tiegħu bħala avukat stagiaire hija ta’ natura tali li toħloq xi dritt għall-iskrizzjoni fl-imsemmija lista: il-Gvern Awstrijak, ġustament, sostna matul is-seduta li ma taqax fil-kompetenza ta’ dik l-awtorità, iżda fil-kompetenza tal-Kummissjoni tal-Avukati, li tivverifika jekk l-applikant għal dik l-iskrizzjoni jissodisfax ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan is-sens. Mill-perspettiva funzjonali, G. Pavlov ma jistax jiġi kkunsidrat bħala teknikament diġà legalment impjegat bħala avukat stagiaire fil-mument li saret l-applikazzjoni għall-iskrizzjoni tiegħu fil-lista.
57. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tikkonferma l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ xogħol huma stabbiliti mis-sistema legali applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg inkwistjoni u mill-benefiċċji, tanġibbli jew mhux, imħallsa lill-ħaddiema, iżda mhux mill-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal professjoni fihom infushom. Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali intiża biex tipproteġi ħaddiem, li jerġa’ lura fl-impjieg tiegħu mal-impriża li kienet timpjegah qabel, minn żvantaġġi li jirriżultaw minn nuqqas tiegħu minħabba servizz militari, billi, fost l-oħrajn, tipprovdi li l-ħin mgħoddi fil-forzi armati jittieħed inkunsiderazzjoni fit-tul tas-servizz fl-impriża, “taqa’ fil-kuntest ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol” (32); li l-għoti ta’ benefiċċju ta’ espatrijazzjoni biex jikkumpensa għall-iżvantaġġi mġarrba mill-ħaddiem separat mir-residenza tiegħu jikkostitwixxi suppliment tal-paga u “huwa, bħala tali, parti mill-kundizzjonijiet ta’ xogħol” (33); li liġi li kienet tirriżerva għar-riċerkaturi nazzjonali biss l-inklużjoni fl-organizzazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali ta’ Riċerka għandha impatt fuq il-kundizzjonijiet ta’ xogħol peress li dik l-inklużjoni tiddetermina t-tul tal-kuntratt u l-iżvilupp tal-karriera (34); li dispożizzjoni nazzjonali li taħtha ċittadini ta’ Stat terz li miegħu l-Komunità kkonkludiet ftehim ta’ assoċjazzjoni ma jistgħux jimlew impjieg ta’ għalliema ta’ lingwa barranija ħlief b’kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol (35). Din il-firxa ta’ miżuri kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ xogħol” bl-ebda mod ma hija komparabbli mal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-aċċess għal-lista ta’ avukati stagiaires.
58. Fuq dan it-tip ta’ leġiżlazzjoni, kif il-partijiet ma naqsux milli jindikaw, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni li tikkunsidra fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-attività ta’ avukat stagiaire f’kawżi fosthom dik li tat lok għas-sentenza Morgenbesser (36). F’din is-sentenza, hija ddikjarat li l-attività ta’ avukat stagiaire ma hijiex professjoni rregolata separatament mill-professjoni ta’ avukat (37). Għalkemm, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħadet ebda pożizzjoni dwar jekk l-iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires tifformax parti mill- kundizzjonijiet ta’ xogħol, hija madankollu stabbilixxiet li l-attività ta’ avukat stagiaire għandha tiġi kkunsidrata bħala l-parti prattika tat-taħriġ neċessarju sabiex għal aċċess għall-professjoni ta’ avukat (38). Dan it-tagħlim kien diġà mħabbar ukoll bis-sentenza Lawrie-Blum (39), tat-3 ta’ Lulju 1986, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat problema simili ħafna għal dik li tqum f’din il-kawża, għalkemm fuq professjoni differenti.
59. F’din is-sentenza Lawrie-Blum, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi fuq ir-rifjut mill-awtoritajiet Ġermaniżi li jħallu ċittadin Ingliż jaċċedi għall-prattika neċessarja sabiex jgħallem fl-iskejjel sekondarji għar-raġuni biss li ma kellux in-nazzjonalità Ġermaniża. Meta ġiet biex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, hija ma kkunsidratx li din kienet kundizzjoni ta’ xogħol, iżda ddeċidiet minflok li “l-kompletazzjoni tal-prattika u l-pussess tad-diploma tat-tieni eżami tal-Istat huma essenzjali, fil-liġi, fir-rigward ta’ aċċess għall-professjoni ta’ għalliem” (40). Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien għalhekk sofra diskriminazzjoni fl-aċċess għall-impjieg (41), iżda mhux fil-kundizzjonijiet ta’ xogħol tiegħu.
60. Madankollu, din il-ġurisprudenza tiċċara b’mod inekwivokabbli l-portata tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, li ma jkoprix l-aċċess għall-impjieg. Dan il-fatt huwa wkoll ikkonfermat mill-Artikolu 42(1) tal-istess ftehim, għal dak li jirrigwarda l-aċċess għal impjieg minn ċittadini Bulgari, minn naħa waħda, jirreferi għall-ftehim bilaterali f’dan il-qasam, u min-naħa l-oħra, jittama li dan l-aċcess jittejjeb fil-futur (42).
61. L-aċċess għall-attivitajiet ta’ avukat stagiaire sussegwentement avukat fl-Awstrija huwa, barra minn hekk, bla dubju rregolat b’dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regoli nazzjonali li jirriżervaw dawn l-attivitajiet għal persuni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u jċaħħdu l-aċċess lil dawk li ma jissodisfawhomx. Għalhekk dak li jitlob G. Pavlov ma huwiex li huwa jibbenefika minn trattament ugwali fl-impjieg tiegħu, iżda li huwa jkollu aċċess għal professjoni regolata, aċċess li, għaċ-ċittadini Bulgari, qabel l-adeżjoni ta’ pajjiżhom mal-Unjoni Ewropea, ma huwiex irregolat bid-dispożizzjonijiet tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1). Ma huwiex possibbli li minn dan l-artikolu tiġi dedotta l-intenzjoni tal-partijiet firmatarji li jeliminaw kull diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità fir-rigward ta’ aċċess għal ċittadini Bulgari għal professjonijiet regolati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) huwa mdaħħal fil-Kapitolu I tat-Titolu IV tal-Ftehim, intitolat “Moviment ta’ ħaddiema” filwaqt li l-Ftehim ta’ Assoċjazzoni mar-Repubblika tal-Bulgarijia jirreferi għal professjonijiet regolati fl-Artikolu 47, imdaħhal fil-Kapitolu ddedikat lill-istabbiliment. Dan il-fatt huwa indikazzjoni pjuttost ċara li l-partijiet kontraenti ma kellhomx intenzjoni li jirregolaw il-kwistjoni tal-aċċess għal professjonijiet regolati permezz tal-Artikolu 38 tal-Ftehim. Dan l-Artikolu 47 jipprovdi f’waqtu u speċifikament li fil-futur, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiffaċilita l-aċċess għal professjonijiet regolati u l-eżerċizzju tagħhom bl-adozzjoni ta’ miżuri dwar ir-rikonoxximent tad-diplomi. Konsegwentement, minn dan għandu jiġi konkluż li l-Ftehim ma kienx fih, fir-rigward ta’ aċċess għal dawk il-professjonijiet, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni komparabbli ma’ dik li tinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1).
62. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontradetta mill-Artikolu 45 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija li jipprovdi li “kull Stat Membru għandu jagħti, mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, għall-istabbiliment ta' kumpaniji u ċittadini Bulgari u għall-operazzjoni ta' kumpaniji u ċittadini Bulgari stabbiliti fit-territorju tagħha, trattament mhux inqas favorevoli minn dak akkordat għall-kumpaniji u ċittadini tagħha stess”. Meta mqabbla mal-imsemmi Artikolu 45, l-Artikoli 42 u 47 tal-istess ftehim jikkostitwixxu regoli speċjali li, bħala tali, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għall-każ inkwistjoni.
63. Fl-aħħarnett, minkejja li s-sitwazzjoni li qed jiffaċċja G. Pavlov tista’ tkun infeliċi u mhux sodisfaċenti, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex possibbli li jingħad li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija fih dikjarazzjoni ta’ xi prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità li jkun applikabbli fil-konfront tal-eżerċizzju, miċ-ċittadini Bulgari, ta’ attività ekonomika, sa fejn din is-sitwazzjoni mhix koperta bid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-moviment tal-ħaddiema, u lanqas ma tista’ tkun koperta bid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati.
64. Il-Qorti tal-Ġustizzja spiss kienet ġeneruża fl-interpretazzjoni tagħha tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni u xi kultant anki ta’ sħubija. Imma b’mod jew ieħor, l-assimilazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja bejn il-portata tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fi ftehim internazzjonali varji tal-Komunità u dawk li jinsabu fit-Trattat kienet dejjem issib fattur li jorbot fit-test attwali tal-ftehim ikkonċernat. F’din il-kawża, il-fattur li jorbot huwa assenti. Mingħajr dubju aħna bħalissa qed nesperjenzaw il-limitazzjonijiet intrinsiċi għall-prinċipju ta’ assoċjazzjoni tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi li, għalkemm intiż biex jipprepara għal adeżjoni, b’mod ċar ma jipprovdix protezzjoni daqstant globali u komprensiva bħal dik offruta mit-trattati ta’ twaqqif tal-Unjoni. Ħlief biex tingħeleb il-volontà tal-partijiet kontraenti u jittieħed ir-riskju konsegwenti li jitnaqqas l-interess tas-sħubija nfisha, ma jidhirx possibbli li jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri kkommettew lilhom infushom, permezz ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, li jeliminaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità sa u inkluż l-aċċess għal professjonijiet regolati.
65. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u għar-raġunijiet kollha fuq esposti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi li la l-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) u lanqas xi dispożizzjoni oħra tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija ma kienu maħsuba li japplikaw f’sitwazzjoni fejn tiġi miċħuda lil ċittadin Bulgaru, qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea, l-iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprovdi li huma biss iċ-ċittadini Awstrijaċi jew dawk ekwivalenti li jistgħu jidħlu fil-professjoni legali fl-Awstrija.
V – Konklużjoni
66. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission bil-mod kif ġej:
“1) L-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra, jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti minn dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju sabiex din ikollha effett dirett u jista’ għalhekk jiġi applikat direttament fil-perijodu mit-2 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2006.
2) La l-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) u lanqas xi dispożizzjoni oħra tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma kienu maħsuba li japplikaw f’sitwazzjoni fejn tiġi miċħuda lil ċittadin Bulgaru, qabel l-adeżjoni tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea, l-iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tipprovdi li huma biss iċ-ċittadini Awstrijaċi jew dawk ekwivalenti li jistgħu jidħlu fil-professjoni legali fl-Awstrija.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 59, p. 201.
3 – BGBl 556/1985, fil-verżjoni tal-BGBl 71/1999 applikabbli għall-kawża inkwistjoni.
4 – RGBl 96/1868, fil-verżjoni tal-BGBl 128/2004 applikabbli għall-kawża inkwistjoni.
5 – Fl-2004 skont G. Pavlov.
6 – Fis-6 ta’ Lulju 2004 skont G. Pavlov.
7 – Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010 Koller (C‑118/09, p. I‑13627).
8 – Ibid. (punt 23).
9 – Sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2001, Kondova (C‑235/99, Ġabra p. I-6427, punt 31); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-8 ta’ Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam (C‑171/01, Ġabra p. I‑4301, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 37(1) tal-Ftehim Ewropew li jistabilixxi assoċjazzjoni fil-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u l-Polonja, min-naħa l-oħra, konkluż u approvat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni 93/743/Euratom, KEFA, KE tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 1993 (ĠU L 348 tal-31 ta’ Diċembru 1993, p. 1) jiddikjara, fil-fatt li “suġġett għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet applikabbli f'kull Stat Membru: it-trattament li jingħata lil ħaddiema li huma ċittadini tal-Polonja u li huma impjegati legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ma għandhomx ikunu suġġetti ta’ xi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-remunerazzjoni jew it-tkeċċija, meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru rispettiv.”.
11 – Sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq (punti 19 et seq).
12 – Ibid (punti 21 u 22).
13 – Ibid. (punt 23).
14 – Sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq (punti 36 u 37).
15 – Ibid (punt 38).
16 – Għal raġunament simili rigward l-Artikolu 45(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, ara s-sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38).
17 – Ara s-sentenzi Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq; tat-8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C‑438/00, Ġabra. p. I‑4135); Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata iktar ’il fuq; u tat-12 ta’ April 2005, Simutenkov (C‑265/03, Ġabra. p. I‑2579).
18 – Sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1993, Metalsa (C‑312/91, Ġabra. p. I‑3751, punt 11) u Kondova, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52).
19 – Ara s-sentenza Kondova, iċċitata iktar ’il fuq (punti 50 sa 55).
20 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.
21 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
22 – Sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).
23 – Ninnota, f’dan ir-rigward, li kemm l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Polonja, iċċitat iktar ’il fuq, kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Ftehim mal-Bulgarija jelenkaw il-għanijiet imfittxija mill-assoċjazzjoni u dawn l-għanijiet huma simili ħafna. Dwar il-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għanijiet imfittxija mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet
24 – Huwa f’loku li jiġi enfasizzat li, filwaqt li t-Titolu III tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija huwa ntitolat “Moviment Ħieles tal-merkanzija”, it-Titolu IV iġib biss it-titolu ta’ “Moviment tal-ħaddiema, dritt ta’ stabbiliment, prestazzjoni ta’ servizzi”.
25 – Ara, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol inkluża fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Polonja, is-sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq (punti 40 u 41); fir-rigward tad-dispożizzjoni korrispondenti li tinsab fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mar-Repubblika Slovakkja, ara s-sentenza Deutscher Handballbund, iċċitata iktar ’il fuq (punti 34 u 35); fir-rigward tad-dispożizzjoni relatata maċ-ċirkulazzjoni tal-ħaddiema mir-Russja fil-Ftehim ta’ Sħubija iffirmat bejn ir-Russja u l-Komunità Ewropea, ara s-sentenza Simutenkov, iċċitata iktar ’il fuq (punt 6).
26 – Madankollu waqt is-seduta ġie sostnut, u dan mingħajr ma ġie kkontestat mill-partijiet l-oħra kkonċernati preżenti, li dan il-permess ta’ stabbiliment għandu, fil-liġi Awstrijaka, jinftiehem bħala dritt legali li G. Pavlov jistabilixxi r-residenza tiegħu fl-Awstrija mingħajr b’daqshekk ma jkollu aċċess għas-suq tax-xogħol Awstrijak.
27 – F’dan ir-rigward, ir-rappreżentanti ta’ G. Pavlov u G. Famira argumentaw waqt is-seduta li l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat – u għalhekk għal titolu professjonali – ma huwiex determinanti għaliex mhux l-avukati stagiaires kollha jkollhom il-vokazzjoni li jsiru avukati. Madankollu ninnota li għandu jiġi ritenut li r-raġuni wara l-iskrizzjoni fil-lista tal-avukati stagiaires u l-għan finali tagħha jinsab fil-fatt li, darba li l-perijodu ta’ prattika jkun spiċċa u l-kandidat għadda mill-eżami, huwa jkun jista’ jottjeni t-titolu ta’ avukat u jkollu d-dritt li jeżerċita dik il-professjoni.
28 – Abbażi tal-Artikolu 15(3) tar-RAO, fir-rigward tal-każ fejn ir-rappreżentazzjoni minn avukat ma hijiex stabbilita mil-liġi. Ta’ min jinnota li dan il-poter intalab flimkien mat-talba għall-iskrizzjoni fil-lista ta’ avukati stagiaires li saret minn G. Pavlov u G. Famira.
29 – Li huwa kważi identiku mal-kliem użat fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Bulgarija peress li jipprovdi li “Suġġett għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet applikabbli f'kull Stat Membru: - it-trattament li jingħata lil ħaddiema li huma ċittadini tas-Slovakkja u li huma impjegati legalment fit-territorju ta’ Stat Membru għandu jkun liberu minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol, ir-remunerazzjoni jew it-tkeċċija, meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru rispettiv”. [Ftehim li jistabilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika Slovakka, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 359, p. 1)]. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
.
30 – Sentenza Deutscher Handballbund, iċċitata iktar ’il fuq (punti 33 et seq).
31 – Ibid (punt 46). Il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta raġunament simili fis-sentenza Simutenkov, iċċitata iktar ’il fuq (punti 32 u 37).
32 – Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1969, Württembergische Milchverwertung-Südmilch (15/69, Ġabra, p. 363, punt 5).
33 – Sentenza tat-12 ta’ Frar 1974, Sotgiu (152/73, Ġabra, p. 153, punt 8 sal-aħħar). Id-distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u l-paga hija hawnhekk iktar fluwida.
34 – Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (225/85, Ġabra, p. 2625).
35 – Sentenza Pokrzeptowicz-Meyer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).
36 – Sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser (C‑313/01, Ġabra, p. I‑13467).
37 – Ibid. (punt 52); ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Pesla (C‑345/08, Ġabra, p. I‑11677, punt 23).
38 – Sentenzi Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51) u Pesla, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).
39 Sentenza tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum (66/85, Ġabra, p. 2121, punt 6).
40 – Ibid. (punt 6).
41 – Ibid. (punt 8).
42 – Ara l-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
Full & Egal Universal Law Academy