KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fit-3 ta’ Frar 2011 (1)
Kawża C‑122/10
Konsumentombudsmannen KO
vs
Ving Sverige AB
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Marknadsdomstolen (l-Isvezja)]
“Ħarsien tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali – Direttiva 2005/29/KE – Kunċett ta’ stedina għax-xiri – Rekwiżit tal-informazzjoni relatata mal-prodott ikkumerċjalizzat u mal-prezz tiegħu, li tippermetti lil konsumatur jagħmel xirja – Kunċett tal-karatteristiċi tal-prodott – Indikazzjoni tal-prezz inizjali fil-komunikazzjoni kummerċjali ippubblikata fl-istampa – Ommissjonijiet qarrieqa”
I – Introduzzjoni
1. Skont l-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea huwa l-kompitu tal-Unjoni li tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u tiżgura livell għoli għall-ħarsien tagħhom. Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin‑negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal‑Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (2), żgur li għandha l-għan li tippromwovi dan l-għan u li tikkostitwixxi strument effikaċi biex tħares u tissielet kontra l-prattiki kummerċjali żleali.
2. Permezz tad-Direttiva 2005/29, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jissuġġetta lil kummerċjanti għal obbligu elevat ta’ informazzjoni, meta dawn jiddeċiedu li joħorġu komunikazzjoni kummerċjali taħt il-forma partikolari ta’ stedina għax‑xiri. Il-kawża preżenti qed tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex għall-ewwel darba tinterpreta dan il-kunċett.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
3. L-erbatax-il premessa tad-Direttiva 2005/29 tistabbilixxi li “[f]ir-rigward ta’ ommissjonijiet, din id-Direttiva tistabbilixxi numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l-konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali [kummerċjali] informata. Dan it-tagħrif m’għandux jiġi mogħti f’kull reklam, iżda biss fejn il-kummerċjant jagħmel stedina għax-xiri, li huwa kunċett definit b’mod ċar f’din id-Direttiva”.
4. L-Artikolu 1 tad-Diretiva 2005/29 jipprevedi li “[l]-għan ta’ din id‑Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi”.
5. Skont l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, “stedina għax-xiri” tfisser “komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja”.
6. L-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi deċiżjoni kummerċjali bħala “kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir-rigward tal‑prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni”.
7. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, “[l]-Istati Membri la għandhom irażżnu l‑libertà tal-provvista tas-servizzi u lanqas għandhom irażżnu l-moviment liberu ta’ merkanzija għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam approssimat minn din id‑Direttiva”.
8. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/29 jipprovdi:
“1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti.
2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
a) hija kuntrarja għar-rekwiżiti tad-diliġenza professjonali,
u
b) toħloq distorsjoni sostanzjali jew tista’ toħloq distorsjoni sostanzjali fl‑imġieba ekonomika, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li tilħaq jew li lilu tkun indirizzata, jew tal-membru medju tal-grupp meta xi prattika kummerċjali tkun diretta lejn grupp partikolari ta’ konsumaturi.
[…]”
9. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, li jirregola l-ommissjonijiet qarrieqa jipprovdi kif ġej:
“1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l‑konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
2. Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil‑paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
3. Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il‑limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.
4. F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:
a) il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l‑prodott;
b) l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi;
ċ) il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il‑prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;
d) l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni u għat-trattament ta’ l-ilmenti, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad‑diliġenza professjonali;
e) għal prodotti u tranżazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni, l-eżistenza ta’ dan id-dritt.
5. Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il‑kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti”.
B – Id-dritt nazzjonali
10. Id-Direttiva 2005/29 ġiet trasposta fis-sistema legali Svediża permezz tal‑Liġi 2008:486 dwar il-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni (iktar ’il quddiem “il‑liġi dwar il-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni”), li fiha l-Artikolu 12 jirrregola kif ġej l-istediniet għax-xiri:
“Il-miżura ta’ kummerċjalizzazzjoni hija qarrieqa meta l-kummerċjant jistieden, fil-komunikazzjoni kummerċjali, lil konsumaturi biex jixtru prodott speċifiku billi jindika l-prezz, iżda mingħajr ma l-imsemmija komunikazzjoni tkun tinkludi l‑informazzjoni importanti segwenti:
1) il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, fil-miżura meħtieġa u fid-dawl tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat u tal-prodott ikkonċernat,
2) il-prezz u l-prezz tal-prodott individwali, indikati kif stabbilit fl-Artikoli 7 sa 10 [tal-Liġi 2004:347 dwar l-informazzjoni fuq il-prezz],
3) l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-kummerċjant,
4) il-kundizzjonijiet għall-ħlas, kunsinna, għemil u trattament tal-ilmenti, jekk dawn ikunu differenti mill-użu normali fis-settur jew jikkonċernaw il‑prodott inkwistjoni,
5) l-informazzjoni relatata mad-dritt tal-irtirar jew kanċellazzjoni tax-xirja, li skont il-liġi għandha tiġi kkomunikata lil konsumatur.
Il-miżura ta’ kummerċjalizzazzjoni hija wkoll qarrieqa jekk il-kummerċjant jistieden lil konsumaturi, permezz ta’ komunikazzjoni kummerċjali, jixtru għadd ta’ prodotti speċifiċi bl-indikazzjoni ta’ prezz globali, mingħajr ma l-istedina jkun fiha l-informazzjoni importanti, stabbilita fil-punti 1 sa 5 tal-ewwel paragrafu”.
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11. Ving Sverige AB (iktar ’il quddiem “Ving”) torganizza u tikkummerċjalizza vjaġġi regolari fuq titjiriet mikrija, bi prezz li jkun jinkludi kollox. Tbiegħ ukoll, lill-persuni li jkunu qed jivjaġġaw individwalment, il-biljetti tal-ajru u l-ibbukkjar ta’ postijiet fil-lukandi. Il-vjaġġi, il-biljetti u l-ibbukkjar ta’ postijiet jistgħu jinxtraw kemm mill-postijiet tal-bejgħ ta’ Ving kif ukoll minn numru ta’ aġenziji tal-ivjaġġar fl-Isvezja, kif ukoll permezz tat-telefon jew tal‑internet.
12. Fit-13 ta’ Awwissu 2008, Ving ġabet reklam fi Svenska Dagbladet, gazzetta Svediża li toħroġ kuljum, kompost kif ser jingħad: fuq nett u b’ittri kbar, it-test “New York minn SEK 7 820”; taħt, u b’ittri iżgħar, it-test “Titjiriet minn Arlanda ma’ British Airways u żewġt iljieli fil-lukanda Bedford – Prezz għal kull persuna f’kamra għal tnejn, taxxi tal-ajruport inklużi. Lejl supplimentari minn SEK 1 320. Għal ċerti vjaġġi bejn Settembru-Diċembru. Numru limitat ta’ postijiet”. Isfel nett kien hemm indikat l-indirizz tas-sit tal-internet ta’ Ving u n‑numru tat-telefon.
13. Id-direttur ġenerali tal-awtorità Svediża għall-ħarsien tal-konsumaturi huwa wkoll il-medjatur bil-kompitu b’mod partikolari li jiżgura li l-impriżi josservaw il‑liġi dwar il‑prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni. Fil-kwalità tiegħu ta’ medjatur, huwa qies li r-reklam ippubblikat kien komunikazzjoni kummerċjali li tikkostitwixxi stedina għax-xiri b’ommissjoni qarrieqa u dan peress li kienet tirreferi sempliċement għall-prezz inizjali mingħajr ma kienet tippreċiża jew kienet tippreċiża b’mod insuffiċjenti l-karatteristiċi ewlenin tal-prodott propost. Għalhekk, fis-27 ta’ Frar, ippreżenta rikors quddiem il-Marknadsdomstolen (qorti kummerċjali) (l-Isvezja) biex fis-sustanza, Ving tiġi ordnata, biex fil-ħruġ tagħha ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali relatati ma’ vjaġġi kkummerċjalizzati minnha, tindika prezz fiss fir-reklam u tippreċiża iktar il-karatteristiċi ewlenin tal-vjaġġ, bħad-dati u l-għażliet proposti lil konsumaturi, li huma suxxettibbli li jaffetwaw il‑prezz inizjali indikat. Il-medjatur talab ukoll lill-Qorti tar-rinviju timpedixxi lil Ving, suġġetta għall-pagamenti ta’ penali, milli tkompli tirreklama prezzijiet inizjali.
14. Quddiem il-Qorti tar-rinviju, il-medjatur sostna li r-reklam kontenzjuż għandu jikkwalifika bħala stedina għax-xiri u li kien ta’ natura qarrieqa inkwantu kien nieqes minn informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-vjaġġ. Ir-reklam għalhekk mhux konformi mal-Artikolu 12 tal-liġi dwar il-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni. Barra minn hekk, il-karatteristiċi ewlenin tal-vjaġġ huma deskritti b’mod qarrieqi inkwantu kien hemm biss indikazzjoni tal-prezz inizjali. Fl-aħħar nett, ir-reklam ippubblikat minn Ving jikkostitwixxi prattika żleali, inkwantu jbiddel jew huwa suxxettibbli li jbiddel id-dispożizzjoni tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni kummerċjali abbażi tal-għarfien tal-fatti.
15. Ving, min-naħa tagħha, ma tqisx li s-sempliċi pubblikazzjoni tar-reklam, tikkostitwixxi stedina lil konsumaturi biex jixtru prodott speċifiku u tikkontesta għalhekk l-kwalifika tiegħu bħala stedina għax-xiri. Sussidjarjament, Ving issostni quddiem il-Qorti tar-rinviju, li l-karatteristiċi ewlenin tal-prodott kienu indikati b’mod adegwat fid-dawl tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat u l-prodott ikkonċernat. Il-prezz, barra minn hekk, ġie indikat b’mod konformi mal-liġi dwar l-informazzjoni fuq il-prezzijiet li għaliha tirreferi l-liġi dwar il-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni. Ving hija tal-fehma li l-ebda informazzjoni importanti ma tħalliet barra. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li kien hemm xi informazzjoni li tħalliet barra, din ma kinitx tali li tbiddel id-dispożizzjoni tal‑konsumatur li jieħu deċiżjoni kummerċjali abbażi tal-għarfien tal-fatti, u għaldaqstant ir-reklam kontenzjuż ma jikkostitwixxix prattika żleali.
16. Impliċitament tqum il-kwistjoni jekk ir-reklam ippubblikat minn Ving jistax jitqies li huwa stedina għax-xiri u fl-ipotesi ta’ riposta fl-affermattiv, jekk jikkostitwixxix prattika kummerċjali żleali, peress li dawn iż-żewġ kunċetti ġew introdotti fl-ordinament ġuridiku Svediż permezz tat-traspożizzjoni tad‑Direttiva 2005/29.
17. Quddiem din id-diffikultà fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il‑Marknadsdomstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u permezz ta’ deċiżjoni ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2010, skont l‑Artikolu 267 TFUE, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-seba’ domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-kundizzjoni espressa bil-kliem ‘li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja’, fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29/KE […] għandha tiġi interpretata fis-sens li stedina għax-xiri teżisti mill-mument li l‑informazzjoni dwar il-prodott ikkummerċjalizzat u l-prezz tiegħu jkunu disponibbli sabiex il-konsumatur ikun jista' jieħu deċiżjoni li jixtri, jew jeħtieġ li l-komunikazzjoni kummerċjali tinkludi wkoll mezz konkret sabiex jinxtara l-prodott (pereżempju, formula tal-ordni) jew li din tidher viċin tali mezz jew meta jkun hemm tali mezz (pereżempju, reklam barra l‑ħanut)?
2) Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun li l-komunikazzjoni kummerċjali għandha tinkludi mezz konkret sabiex jinxtara l-prodott, din il-kundizzjoni għandha titqies li hija sodisfatta bis-sempliċi fatt li l‑komunikazzjoni tirreferi għal numru tat-telefon jew għal indirizz tal‑Internet fejn il-prodott jista’ jiġi ordnat?
3) L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑kundizzjoni tal-prezz hija sodisfatta jekk il-komunikazzjoni kummerċjali tinkludi prezz inizjali, jiġifieri l-prezz l-iktar baxx li bih il-prodott jew it-tip ta’ prodotti kkummerċjalizzati jista’ jinxtara, meta dan jeżisti f’verżjonijiet oħra, jew b’kontenut differenti, bi prezzijiet li mhumiex indikati?
4) L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑kundizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott hija sodisfatta mill-mument li l‑komunikazzjoni kummerċjali tinkludi rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tal-prodott (‘verbal or visual reference to the product’), b’tali mod li dan jiġi identifikat mingħajr ma jiġi deskritt b’mod ulterjuri?
5) Jekk għad-domanda preċedenti tingħata risposta affermattiva, din tapplika wkoll fil-każ li l-prodott ikkummerċjalizzat jiġi offrut f’verżjonijiet differenti, meta l-komunikazzjoni kummerċjali tirreferi għalihom biss b’isem wieħed komuni?
6) Fil-każ ta’ stedina għax-xiri, l-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li jiġu indikati biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott, jekk fir-rigward tal-kumplament il‑kummerċjant jirreferi għas-sit tal-Internet tiegħu, sakemm dan is-sit jinkludi l-informazzjoni importanti dwar il-karatteristiċi ewlenin tal‑prodotti, il-prezz u l-kundizzjonijiet l-oħrajn, skont ir-rekwiżiti tal‑Artikolu 7(4) [tad-Direttiva 2005/29]?
7) L-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li, sabiex ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-prezz jitqiesu sodisfatti, jiġi ddikjarat prezz inizjali?”
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
18. Il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-gvernijiet tal-Isvezja, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, tal-Olanda, tal-Polonja, tar-Renju Unit u tan-Norveġja, kif ukoll il‑Kummissjoni Ewropea bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.
V – L-analiżi ġuridika
A – Dwar il-kunċett tal-istedina għax-xiri (l-ewwel sal-ħames domandi)
19. Permezz tal-ewwel ħames domandi tagħha, il-Qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja xi preċiżjonijiet dwar il-kunċett tal-“istedina għax-xiri” fis‑sens tad-Direttiva 2005/29. Peress li l-Artikolu 2(i) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-istedina għax-xiri bħala “komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja”, hemm lok li l-ewwel ħames domandi jiġu organizzati skont l-ordni tal-kriterji kif stabbliti fid-definizzjoni tal-imsemmija direttiva.
20. Barra minn hekk, nixtieq preliminarjament nagħmel tliet sensiliet ta’ rimarki.
21. Fl-ewwel lok, nixtieq infakkar li, jekk ma hemm l-ebda dubju li d‑Direttiva 2005/29, li tarmonizza kompletament ir-regoli relatati mal-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi (3), għandha l-għan partikolari li tiżgura l-livell għoli ta’ ħarsien ta’ dawn tal-aħħar (4), il-kummerċjanti lanqas ma huma assenti mill-preokkupazzjonijiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, il-premessa 12 tad-Direttiva 2005/29 tistabbilixxi li “[l]-armonizzazzjoni għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall‑kummerċ [kummerċjanti]. Kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kummerċ [kummerċjanti] ser ikunu jistgħu jserrħu fuq qafas regolatorju wieħed ibbażat fuq kunċetti legali definiti b’mod ċar li jirregolaw l-aspetti kollha ta’ prattiċi [prattiki] kummerċjali żleali fl-UE”. Huwa meħtieġ għalhekk, fl-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2005/29, li wieħed iżomm f’moħħu dan l-għan doppju u jżommm il‑bilanċ li stabbilixxiet f’dan ir-rigward.
22. Sussegwentement, skont id-Direttiva 2005/29, l-istedina għax-xiri hija forma partikolari ta’ pubbliċità li magħha hemm marbut obbligu elevat ta’ informazzjoni, skont l-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva. Jeżistu forom oħra ta’ pubbliċità u l-kummerċjant għalhekk jagħmel għażla konxja li jippubblika stedina għax-xiri, bir-riskju li jkun suġġett għal obbligu elevat ta’ informazzjoni.
23. Il-kompitu ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna teżerċita, għandu, fl-opinjoni tiegħi, jipprova josserva dan l-ekwilibriju doppju: dak bejn id-drittijiet tal-konsumaturi u d-drittijiet tal-kummerċjanti, iżda wkoll dak bejn il-pubbliċità b’mod ġenerali u partikolarment l-istedina għax-xiri. Il‑partijiet kollha interessati li ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, saħħqu fuq ir-riskji marbuta ma’ interpretazzjoni ristrettiva żżejjed tal-kunċett tal-istedina għax-xiri – li tista’ b’hekk tillimita l‑ipotesijiet li fihom jista’ japplika l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 – kif ukoll ma’ interpretazzjoni wiesgħa żżejjed – li tista’ tiskoraġġixxi lil kummerċjanti milli jagħżlu din it-tip partikolari ta’ komunikazzjoni kummerċjali.
24. Fl-aħħar nett, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta, kemm mill-eżiġenzi tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll mill‑prinċipju tat-trattament ugwali, li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma tinkludi l-ebda referenza espliċita għal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, għad-determinazzjoni tas-sens u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi, b’qies għall-kuntest tad‑dispożizzjoni u għall-għan li trid tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti d-dispożizzjoni (5). Peress li d-Direttiva 2005/29 għandha twassal għall‑armonizzazzjoni totali u peress li l-dispożizzjonijiet rilevanti, relatati mal‑istedina għax-xiri, ma jagħmlu l-ebda referenza għad-dritt tal-Istati Membri, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lil dan il-kunċett interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-sistema legali tal-Unjoni (6), billi tinterpreta l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 mhux biss fid-dawl tat-termini tagħha, iżda wkoll tal‑kuntest tagħha u l-għanijiet li l-imsemmija Direttiva trid tilħaq (7).
1. Dwar il-kriterju relatat mal-indikazzjoni adegwata tal-karatteristiċi tal‑prodott (ir-raba’ u l-ħames domanda)
25. Mill-partijiet kollha interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Ving hija l-unika waħda li ssostni li r‑rappreżentazzjoni verbali jew viżiva tal-prodott, mingħajr ma dan ikun deskritt b’mod iktar dettaljat, mhix biżżejjed biex il-kriterju relatat mal-indikazzjoni tal‑karatteristiċi tal-prodott fis-sens tal-Artikolu 2(i), tad-Direttiva 2005/29 ikun sodisfatt u, konsegwentement, biex ikun jista’ jingħad li wieħed għandu quddiemu stedina għax-xiri. Dwar din il-kwistjoni, hemm għadd ta’ elementi li iktar għandhom it-tendenza li jwassluni għal konklużjoni opposta.
26. Il-kliem tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 jeżiġi biss li jiġu indikati l‑“karatteristiċi tal-prodott”, mingħajr ma jippreċiża t-tip jew l-ammont ta’ informazzjoni. Konsegwentement, komunikazzjoni kummerċjali li tinkludi rappreżentazzjoni verbali jew viżiva tal-prodott tista’ tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 relatata mal-indikazzjoni tal‑karatteristiċi tal-prodott.
27. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma setax, fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, jeżiġi iktar preċiżjonijiet u dan minħabba l-fatt li skont it-termini ta’ dan l-istess artikolu, id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott għandha, ftit jew wisq tkun dettaljata, skont il-mezz ta’ komunikazzjoni magħżul mill-kummerċjant. Komunikazzjoni kummerċjali trażmessa fuq ir-radju bil-fors li se jkun fiha anqas dettall dwar il-karatteristiċi tal-prodott, minn waħda simili ppubblikata fuq paġna sħiħa ta’ gazzetta nazzjonali li toħroġ kuljum. Filwaqt li fl-Artikolu 6(1)(b) tad‑Direttiva 2005/29, li jirregola l-azzjonijiet qarrieqa, il-leġiżlatur ippreċiża dak li ried ifisser b’“karatteristiċi ewlenin tal-prodott”(8), mhux l-istess jista’ jingħad għall-karatteristiċi misjuba fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 (9).
28. Konsegwentement, iktar min-natura eżawrjenti tal-karatteristiċi ewlenin jew essenzjali tal-prodott, il-kwistjoni iktar hija waħda li jiġi ddeterminat jekk fir‑rigward tal-prodott ikkonċernat u tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, l‑informazzjoni misjuba fil-komunikazzjoni kummerċjali hijiex suffiċjenti sabiex il‑konsumatur ikun jista’ jidentifika l-prodott. Rappreżentazzjoni tal-prodott li hija biss verbali jew viżiva, tista’ għalhekk, skont il-każ, tkun biżżejjed. Fil-fatt, il‑prodotti la jeħtieġu u lanqas jeżiġu l-istess livell ta’ dettall fil-preżentazzjoni tagħhom; l-istess prodott ma jistax jiġi deskritt bl-istess mod u dan minħabba l‑mezz ta’ komunikazzjoni użat. Konsegwentement, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali li jeżaminaw, għal kull każ, jekk il-komunikazzjoni kummerċjali sottomessa għall-verifika tagħhom, tissodisfax il-kriterji ta’ dan l-ewwel test (10).
29. Indipendentement mill-fatt li jiġi stabbilit jekk l-indikazzjoni tal-prezz inizjali hijiex biżżejjed biex tissodisfa l-kundizzjoni relatata mal-prezz, stabbilita fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 – kwistjoni din li ser tkun is-suġġett ta’ żviluppi ulterjuri – irid jingħad li l-indikazzjoni tal-prezz inizjali tista’ wkoll tippermetti lil konsumatur jifhem li l-prodott li seta’ jindividwalizza, jeżisti f’verżjonijiet oħra, għalkemm tkun qed tintuża referenza komuni. Dan huwa ħsieb li jidher raġonevoli, sakemm, skont il-premessa 18, id-Direttiva 2005/29 “tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja”(11). Konsegwentement, skont in‑natura tal-prodott jew il-forma li tieħu l-indikazzjoni relatata mal-prezz, huwa prevedibbli li wieħed iqis li l-użu, f’komunikazzjoni kummerċjali, ta’ referenza komuni, meta il-prodott jeżisti f’verżjonijiet differenti, jista’ jkun suffiċjenti sabiex jiġi sodisfatt il-kriterju relatat mal-karatteristiċi tal-prodott, fis-sens tal‑Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29.
30. F’dan ir-rigward u mingħajr ma nidħol f’kamp li huwa fdat lill-Qorti tar‑rinviju, nixtieq nenfasizza li l-komunikazzjoni kummerċjali fil-kawża prinċipali ġiet ippubblikata minn Ving fi spazju li jirrappreżenta anqas minn kwart tal-paġna tal-gazzetta magħżula; li hija illustrata minn rappreżentazzjoni tal‑istatwa tal-libertà; li ssemmi l-ajruport tat-tluq, il-belt tad-destinazzjoni, il‑kumpannija tal-ajru, l-isem tal-lukanda tad-destinazzjoni, il-prezz inizjali (12) kif ukoll il-perijodu li matulu tapplika l-offerta, bl-indikazzjoni li l-postijiet huma limitati. Huwa għalhekk abbażi ta’ dawn l-elementi li l-Qorti tar-rinviju jkollha tiddetermina jekk il-konsumatur, quddiem din l-informazzjoni, setax jifforma idea suffiċjentement preċiża tal-prodott offrut. L-interpretazzjoni proposta mill‑Kummissjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29 hija wkoll diretta f’dan is-sens, biex jiġi kkonservat l-effettività kemm tal-Artikolu 2(i) kif ukoll tal-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva (13).
31. F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 2(i) tad‑Direttiva 2005/29 ma jipprekludix l-użu, f’komunikazzjoni kummerċjali, ta’ rappreżentazzjoni verbali jew viżiva tal-prodott, li jista’ jkun biżżejjed biex il‑kundizzjoni relatata mal-karatteristiċi tal-prodott tkun sodisfatta. Lanqas ma jipprekludi, fil-prinċipju, li tintuża referenza komuni għall-prodott, anki jekk mill‑komunikazzjoni kummerċjali jkun jista’ jiġi raġonevolment dedott, li l‑prodott jeżisti f’għadd ta’ verżjonijiet. Madankollu huwa l-kompitu tal-qorti tar‑rinviju li tevalwa, każ każ, jekk fid-dawl tal-prodott ikkonċernat u tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, ir-rappreżentazzjoni u r-referenza komuni użati fil‑komunikazzjoni kummerċjali, jippermettux lil konsumatur medju, normalment infurmat u raġonevolment attent u kawt, jidentifika l-prodott.
2. Dwar il-kriterju relatat mal-indikazzjoni adegwata tal-prezz tal-prodott (it‑tielet domanda)
32. Il-Qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi hawnhekk jekk l-indikazzjoni tal-prezz inizjali hijiex suffiċjenti sabiex jiġi sodisfatt it-tieni element tal-Artikolu 2(i) tad‑Direttiva 2005/29.
33. Il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk ir-referenza għall-prezz inizjali, fil‑komunikazzjoni kummerċjali, tistax tkun biżżejjed biex tiġi sodisfatta l‑kundizzjoni relatata mal-prezz inizjali, hija distinta minn dik li jiġi stabbilit jekk il-prezz inizjali indikat huwiex qarrieqi jew le. L-eżami tal-kundizzjonijiet tal‑Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 għandu jitwettaq b’mod separat, inkwantu dan jikkonċerna l-eżami tal-obbligu tal-informazzjoni taħt l-Artikolu 7(4). Il‑konferma li l-prezz inizjali huwa biżżejjed, sabiex ikun jista’ jingħad li wieħed għandu quddiemu stedina għax-xiri, ma timplikax li r-referenza għall-imsemmi prezz jissodisfa l-obbligu msemmi iktar ’il fuq. Jekk ċerti osservazzjonijiet bil‑miktub sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja kienu, sa mill-fażi tal-eżami tal‑kundizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 2(i), jikkonċernaw il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk il-prezz inizjali huwiex qarrieqi jew le, irid jiġi osservat li dawn l-argumenti ma għandhomx impatt fl-istadju tal-kwalifika tal-istedina għax-xiri.
34. Fir-rigward tal-prezz inizjali, jista’ jsir raġonament simili ħafna għal dak li sar għall-kundizzjoni preċedenti – il-kundizzjoni relatata mal-karatteristiċi tal‑prodott.
35. L-ewwel nett, bl-istess mod li l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 jibqa’ mhux preċiż, għal dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżit relatat mal-karatteristiċi tal-prodott, il-mod ta’ kif huwa abbozzat ir-rekwiżit relatat mal-prezz, lanqas ma joffri wisq preċiżjoni u dan mill-ewwel iwassal biex wieħed jikkonkludi li l‑imsemmija direttiva ma teskludix, fil-prinċipju, li stedina għax-xiri tista’ tagħmel referenza għall-prezz inizjali. In-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-leġiżlatur jippermetti raġonament wiesgħa tar-rekwiżit relatat mal-prezz. Il-Gvernijiet tal‑Ġermanja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tan-Norveġja sostnew, ġustament, illi li kieku l‑Qorti tal‑Ġustizzja kellha tqis li l-indikazzjoni tal-prezz inizjali huwa insuffiċjenti, sabiex il-kundizzjoni relatata mal-prezz titqies li ġiet sodisfatta, ikun biżżejjed li l‑kummerċjanti jindikaw, f’kull waħda mill-komunikazzjonijiet kummerċjali tagħhom, prezz inizjali, biex dawn qatt ma jkunu jistgħu jikkwalifikaw bħala stedina għax-xiri u konsegwentement qatt ma jkunu suġġetti għall-obbligu għoli ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 7(4) tal-imsemmja direttiva. Dan bla dubju jista’ jwassal sabiex jiġi affetwat l-effettività ta’ din id‑dispożizzjoni.
36. Sussegwentement, skont il-prodotti kkonċernati, wieħed jista’ jirrikonoxxi li l-kummerċjant mhux dejjem ikun f’pożizzjoni li jindika l-prezz finali tal‑prodott fil-komunikazzjoni kummerċjali. Din il-possibbiltà, barra minn hekk, ġiet prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni (14). Il-prezz finali ta’ ċerti prodotti kumplessi – bħal vettura – jew prodotti komposti – bħal vjaġġi li jinkludu kemm il-mezz tat‑trasport kif ukoll l-akkomodazzjoni – jista’ jiddependi minn fatturi li fil‑mument meta tinħareġ il-komunikazzjoni kummerċjali ma jkunux fil-kontroll tiegħu (15). Il-prezz inizjali, kif tindika l-espressjoni li tippreċedih, jiġifieri “li jibda minn”, jikkostitwixxi l-orħos prezz, il-prezz l-anqas għoli u inizjali li bih tista’ għallinqas tinxtara waħda mill-verżjonijiet tal-prodott. Fl-istess ħin jindika lill-konsumatur li l-prodott jeżisti f’varjanti oħra, li jistgħu jinxtraw bi prezz ogħla mill-prezz inizjali indikat.
37. Ir-rikonoxximent tar-referenza għall-prezz inizjali (“li jibda minn”), jidhirli għalhekk li huwa għal kollox koerenti mal-proposta tiegħi tal-interpretazzjoni tal‑kundizzjoni relatata mal-karatteristiċi tal-prodott: meta wieħed jirrikonoxxi li komunikazzjoni kummerċjali hija msejsa fuq rappreżentazzjoni verbali jew viżiva, li tagħmel użu minn referenza komuni għal prodott li jeżisti f’verżjonijiet differenti u jwarrab l-ipotesi li l-kummerċjant huwa nieqes mill-kapaċità reali li jikkalkula il-prezz finali, irid ukoll jiġi rikonoxxut, b’mod korollarju, li l‑kummerċjant qiegħed jindika biss il-prezz inizjali, għaliex huwa mhuwiex f’pożizzjoni li jistipula kull prezz li jikkorrispondi għal kull waħda mill‑verżjonijiet eżistenti.
38. L-istedina għax-xiri, skont l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 għandha tindika l-prezz tal-prodott “f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw”. In-nuqqas ta’ preċiżjoni fil-kunċett tal-prezz, flimkien mal-fatt li l-indikazzjonijiet ipprovduti lil konsumatur jistgħu jvarjaw skont il‑mezz użat, jitolbu għal interpretazzjoni wiesgħa tal-kundizzjoni relatata mal‑indikazzjoni tal-prezz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tinħtieġ analiżi għal kull każ partikolari. Għalhekk huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika li l‑indikazzjoni tal-prezz inizjali hija, minn naħa, adegwata għall-mezz ta’ komunikazzjoni użat u min-naħa l-oħra, suffiċjenti sabiex il-konsumatur, wara li jkun identifika l-prodott ikkonċernat, ikun f’qagħda li jifhem li l-prodott deskritt jew rappreżentat jista’ jinxtara bl-imsemmi prezz.
3. Dwar l-espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” (l‑ewwel u t-tieni domandi)
39. Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, il-Qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi jekk l-espressjoni “u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja”, misjuba fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, tikkostitwixxix kriterju supplimentari biex il-komunikazzjoni kummerċjali tkun tista’ titqies bħala stedina għax-xiri, jew jekk hijiex biss il-konkorrenza tal-indikazzjoni adegwata tal‑karatteristiċi tal-prodott u tal-prezz tiegħu, li għandha tkun suffiċjenti sabiex konsegwentement il-konsumatur ikun jista’ jiddeċiedi li jixtri. Qed tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt li jiġi stabbilit jekk, skont l-Atikolu 2(i) tad‑Direttiva 2005/29, stedina għax-xiri għandux neċessarjament ikun fiha mezz konkret sabiex ix-xirja tkun tista’ titwettaq.
40. Fost il-partijiet kollha interessati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil‑miktub, hemm żewġ teżijiet li jmorru kontra xulxin. Minn naħa, il-Gvernijiet tal-Isvezja, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, tal-Polonja, u tan-Norveġja huma tal-istess fehma tal-Kummissjoni fir-rigward tal‑interpretazzjoni mogħtija fil-linji gwida dwar l‑Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 (16), billi jqisu li biex ikun hemm stedina għax‑xiri, la huwa meħtieġ li l-komunikazzjoni kummerċjali tkun tali li tippemetti li effettivament issir ix-xirja u lanqas li jkun hemm aċċess għal tali possibbiltà. L‑espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” turi biss konsegwenza li hija marbuta mal-fatt li l-konsumatur għandu quddiemu l‑informazzjoni suffiċjenti relatata mal-prodott u l-prezz biex jixtri u mhux kriterju supplimentari. Għal Gvernijiet tal-Isvezja, tal-Ġermanja u tal-Polonja trid tiġi stabbilita l‑influwenza li għandha l-komunikazzjoni, li tirreferi għall-karatteristiċi tal‑prodott u l-prezz tiegħu, fuq id-deċiżjoni tax-xiri, li barra minn hekk, mhux bilfors tittieħed wara li l-konsumatur ikun sar jaf bil-komunikazzjoni kummerċjali. Il-kunċett tal-istedina għax-xiri, lanqas ma jeskludi, barra minn hekk, li l‑konsumatur jieħu passi ulterjuri qabel iwettaq ix-xirja effettiva (17). Min-naħa l‑oħra, Ving u l-Gvern Olandiż iqisu li huwa meħtieġ li l-komunikazzjoni tkun fiha mezz konkret għax-xiri. Ma jaqblux madankollu dwar id-definizzjoni tal‑imsemmi mezz: jekk, għal Ving, dan jitlob viċinanza diretta mal-post tal‑bejgħ, għall-Gvern Olandiż, min-naħa l-oħra, numru tat-telefon jew indirizz tas-sit tal-internet jistgħu jkunu biżżejjed biex jikkostitwixxu dawn il-mezzi. Fl‑aħħar nett, il-Gvern tar-Renju Unit jipproponi soluzzjoni medjana. Iqis, min‑naħa tiegħu, li l-istedina għax-xiri twassal sabiex tippermetti jew tiffaċilita d‑deċiżjoni finali tal-konsumatur. Fil-prinċipju u dejjem skont il-Gvern tar-Renju Unit, ir-referenza għall-karatteristiċi tal-prodott u tal-prezz tiegħu mhix ta’ natura tali li tippermetti lil konsumatur jixtri l-prodott. Huma biss dawk il‑komunikazzjonijiet kummerċjali li għandhom impatt mhux negliġibbli fuq id‑deċiżjoni tax-xiri, li għandhom jikkwalifikaw bħala stediniet għax-xiri fis-sens tad-Direttiva 2005/29, sabiex ma tingħatax tifsira wisq estensiva lill-kunċett, li tista’ taffetwa l-ekwilibriju mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bejn l-interessi tal‑konsumaturi u dawk tal-kummerċjanti. Għalhekk huwa l-impatt tal‑komunikazzjoni kummerċjali fuq id-deċiżjoni tax-xiri, li mhux dejjem tista’ tkun immedjata, li jrid jiġi eżaminat, tant li komunikazzjoni kummerċjali li jkun fiha mezz konkret għax-xiri, dejjem tikkostitwixxi stedina għax-xiri, filwaqt li dan ikun iktar rari meta l-komunikazzjonijiet kummerċjali jkunu nieqsa minn dan il‑mezz. Fi kliem ieħor, il-preżenza ta’ mezz konkret għax-xiri mhux element indispensabbli biex wieħed ikollu quddiemu stedina għax-xiri.
41. Min-naħa tiegħi, inqis li interpretazzjoni tal-Artikolu 2(i) tad‑Direttiva 2005/29 li hija biss letterali, għandha tkun fis-sens li l-possibbiltà tax-xirja hija konsegwenza li, għall-konsumatur, tirriżulta mill-fatt li huwa għandu fil-pussess tiegħu l-informazzjoni suffiċjenti biex fl-istess waqt jidentifika l‑prodott u l-prezz. Din ir-rabta tal-kawża (id-disponibbiltà tal-informazzjoni relatata mal-prodott u mal-prezz) mal-effett (li tippermetti x-xirja) hija barra minn hekk espressa permezz tal-użu tal-avverbju “għalhekk”. Jekk wieħed iżomm biss ma’ din l-interpretazzjoni letterali, m’hemmx għalfejn li l-komunikazzjoni kummerċjali jkun fiha jew tkun tindika mezz konkret għax-xiri, biex tkun tikkostitwixxi stedina għax-xiri.
42. Irrid ngħid ukoll illi l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax, fid-definizzjoni tal‑Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 l-espressjoni, għalkemm iddefinita ftit iktar ’il bogħod, ta’ “deċiżjoni kummerċjali” (18), peress li l-kwistjoni hija waħda tal‑possibbiltà tal-konsumatur li jagħmel xirja u mhux tat-teħid ta’ deċiżjoni kummerċjali, li huwa kunċett iktar wiesa’ (19). Fil-fatt id-Direttiva 2005/29 tapplika għall-“prattiċi [prattiki] kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur […] qabel, matul jew wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott” (20). Id‑Direttiva 2005/29 hija fis-sens illi, deċiżjoni kummerċjali tista’ tintervjeni f’mumenti differenti, u ma tistax titnaqqas biss għad-deċiżjoni tax-xiri (21); min‑naħa l-oħra, huwa ċar illi l-istedina għax-xiri dejjem tippreċiedi l-fażi tax‑xirja.
43. L-uniku punt li għad irid jiġi ddeterminat huwa, jekk l-istedina għax-xiri għandhiex bilfors u immedjatament tkun segwita mid-deċiżjoni għax-xiri, jiġifieri li l-konsumatur u l-kummerċjant jgħaddu għal relazzjoni kuntrattwali li torbothom fir-rigward tal-prodott ikkonċernat u dan permezz ta’ mezz konkret għax-xiri, li jkun jinkludi l-istedina għax-xiri. Dan ma jikkonvinċinix għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel, huwa ċar li interpretazzjoni bħal din tnaqqas b’mod sostanzjali l-ipotesijiet li fihom il-komunikazzjoni kummerċjali tkun tista’ tikkostitwixxi stedina għax-xiri. Barra minn hekk, interpretazzjoni li twassal għas‑sens ta’ deċiżjoni għax-xiri, li tkun immedjatament sussegwenti għall‑istedina tax-xiri, mhux faċilment tiġi paċuta mal-ipotesi prevista fl‑Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, li komunikazzjoni kummerċjali jista’ ma jkollhiex l-informazzjoni importanti kollha elenkata jew ma tindikax il-prezz finali (22), li tippresupponi li d-deċiżjoni għax-xiri bilfors trid tiġi posposta għaliex il‑konsumatur m’għandux fil-pussess tiegħu l-elementi kollha suffiċjenti sabiex ikun f’qagħda li jagħmel xirja (23).
44. Huwa diffiċli, fl-opinjoni tiegħi, li wieħed jissuġġetta d-definizzjoni ta’ kunċett awtomomu tad-dritt tal-Unjoni għal elementi suġġettivi, bħat-totalità tal‑parametri psikoloġiċi li huma uniċi għal kull individwu u li se jwassluh sabiex jiddeċiedi, f’mument partikolari, sabiex jixtri jew ma jixtrix xi prodott partikolari. Konsegwentement, l-espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” iktar għandha tinftiehem fis-sens li tistabbilixxi kriterju ġenerali li jippermetti li jiġi stabbilit jekk, oġġettivament, il-konsumatur għandux quddiemu l-informazzjoni suffiċjenti li tippermetti x-xirja. Pereżempju, lil hinn mill‑kundizzjoni relatata mal-informazzjoni dwar il-prodott u l-prezz, l‑Artikolu 2(i) ma jsemmi l-ebda informazzjoni relatata mal-identità tal-venditur. Konsegwentement, jidher ċar li lil hinn minn dak li jirriżulta mill-kliem innifsu tal-Artikolu 2(i), jiġifieri għalkemm mhux espressament rikjesta mill-imsemmi artikolu, din l-informazzjoni, bil-preċiżjazzjonijiet kollha meħtieġa li tinferixxi abbażi ta’ kemm ikun magħruf il-venditur (24), hija ċertament fundamentali sabiex wieħed ikollu quddiemu stedina għax-xiri.
45. Dan stabbilit, il-kundizzjoni espressa bil-kliem “li għalhekk tippermetti l‑konsumatur jagħmel xirja” m’għandhiex tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm biss stedina għax-xiri jekk il-komunikazzjoni kummerċjali tkun tinkludi mezz konkret għax-xiri jew jekk tkun ġiet esposta fil-viċinanza tal-post tal-bejgħ. L‑imsemmija espressjoni għandha, kuntrarjament, tiġi interpretata fis-sens li hija biss dik il-komunikazzjoni kummerċjali li jkun fiha biżżejjed informazzjoni, partikolarment dwar il-prodott, il-prezz u l-identità tal-venditur, fis-sens ta’ dawn il-konklużjonijiet u li tpoġġi lill-konsumatur f’qagħda li jiddeċiedi, li tikkostitwixxi stedina għax-xiri.
46. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha, madankollu, tikkonkludi li l-espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” timplika l-preżenza, fil‑komunikazzjoni kummerċjali, ta’ mezz konkret għax-xiri tal-prodott ikkonċernat, sabiex l-imsemmija komunikazzjoni kummerċjali tkun tista’ tikkostitwixxi stedina għax-xiri, fil-prinċipju, numru tat-telefon jew sit tal-internet jistgħu jitqiesu bħala mezzi konkreti għax-xiri, bil-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika li wieħed jista’ effettivament jipproċedi għax-xiri billi jċempel fuq dak in-numru jew billi jmur fuq l-imsemmi sit.
B – Dwar il-kunċett tal-ommissjoni qarrieqa (is-sitt u s-seba’ domandi)
1. Dwar l-informazzjoni importanti relatata mal-karatteristiċi ewlenin tal‑prodott (is-sitt domanda)
47. Is-sitt domanda tikkonċerna il-punt li jiġi stabbilit jekk, meta wieħed ikollu quddiemu stedina għax-xiri, fis-sens tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, l‑Artikolu 7(4)(a) tal-imsemmija direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li jiġu indikati biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott, jekk il‑kummerċjant jirreferi, għall-kumplament, għas-sit tiegħu tal-internet, kemm-il darba dan is-sit ikun fih l-informazzjoni importanti relatata mal-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, mal-prezz u mar-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 7(4).
48. Irid jitfakkar preliminarjament li d-Direttiva 2005/29 għandha l-għan li tissielet kontra l-prattiki żleali li huma, fil-prinċipju, ipprojbiti (25). Din l-istess direttiva tidentifika żewġ kategoriji distinti ta’ prattiki kummerċjali żleali, li huma l-prattiki kummerċjali qarrieqa u l-prattiki żleali aggressivi (26). Barra minn hekk, il‑leġiżlatur tal-Unjoni annetta mad-Direttiva 2005/29, lista ta’ 31 prattika kummerċjali, meqjusa bħala żleali fi kwalunkwe ċirkustanza. Huma biss dawn il‑prattiki kummerċjali, li jistgħu jitqiesu bħala żleali, mingħajr ma jiġu eżaminati għal kull każ partikolari, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tal‑imsemmija direttiva (27). Preliminarjament irrid ngħid għalhekk, li r-referenza li l‑kummerċjant jagħmel għas-sit tiegħu tal-internet biex tinkiseb informazzjoni importanti, ma tiffurmax parti mil-lista annessa u li għaldaqstant hemm lok li wieħed jipproċedi sabiex tiġi eżaminata d-domanda magħmula fuq il-bażi tal‑Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.
49. L-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva telenka l-informazzjoni meqjusa bħala importanti f’każ ta’ stedina għax-xiri (28). Iktar partikolarment, skont l‑Artikolu 7(4)(a), jikkostitwixxu informazzjoni importanti “il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l-prodott”, u dan kemm-il darba ma jkunux diġà jirriżultaw mill-kuntest (29). L-imsemmi Artikolu 7(4)(a) għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 7(1) li jipprovdi li “[p]rattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal‑karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali [kummerċjali] informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali [kummerċjali] li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”.
50. Id-Direttiva 2005/29 ma tipprovdi l-ebda definizzjoni tal-kunċett tal‑“karatteristiċi ewlenin”. L-Artikolu 7(4) jimplika b’mod ċar li r-referenza għall-karatteristiċi ewlenin tiddependi minn tliet fatturi. L-ewwel nett irid jiġi vverifikat jekk il-karatteristiċi ewlenin jirriżultawx diġà b’mod ċar mill-kuntest (30), f’liema każ ir-referenza supplimentari għall-karatteristiċi ewlenin tal-prodott fil‑komunikazzjoni kummerċjali, b’mod li jsostnu l-istedina għax-xiri, tkun superfluwa. Sussegwentement, din ir-referenza tiddependi wkoll min-natura tal‑prodott u l-mezz ta’ komunikazzjoni użat. L-intensità tal-obbligu tal‑informazzjoni relatat mal-karatteristiċi tal-prodott, li jimponi l-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29, tiddependi għalhekk mis-sempliċità jew il-kumplessità tal‑prodott li fir-rigward tiegħu tkun saret l-istedina għax-xiri, pereżempju, fuq paġna sħiħa ta’ gazzetta ta’ kuljum, jew permezz tar-radju.
51. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29 isemmi biss il‑karatteristiċi ewlenin u dan jeskludi l-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva fis-sens ta’ deskrizzjoni eżawrjenti tal-karatteristiċi kollha tal-prodott fl-istedina għax-xiri (31). Lanqas ma huwa possibbli li l-Artikolu 7(4)(a) jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi referenza eżawrjenti tal-kartteristiċi ewlenin, għaliex dan imur kontra l-possibbiltà li jiġi aġġustat l-obbligu tal-informazzjoni li jistabbilixxi.
52. M’hemm xejn għalhekk li jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tqis li l‑Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29, jiġi interpretat fis-sens li tista’ tiġi indikata biss ir-referenza għal ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva tipprevedi espressament, l-ipotesi li fiha l‑kummerċjant jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ spazju jew ta’ ħin, li jirrestrinġuh li jsemmi biss ċerti karatteristiċi ewlenin, billi jirreferi għal xi mezz ieħor (32). Konsegwentement, il-kummerċjant jista’ fil-prinċipju, jirreferi lil konsumatur għas-sit tiegħu tal-internet, bil-kundizzjoni li l-konsumatur hemmhekk, ikun jista’ jsib l-informazzjoni importanti relatata mal-karatteristiċi ewlenin tal-prodott. Fl‑aħħar nett, fost dawn il-kriterji kollha li jistgħu jvarjaw, (il-kuntest, in-natura tal-prodott, il-mezz ta’ komunikazzjoni użat) jippersisti element ta’ konsistenza: fil-każijiet kollha, il-konsumatur għandu jkun f’qagħda li jieħu deċiżjoni abbażi tal-għarfien tal-fatti. Mill-mument fejn dan ma jibqax possibbli, l-ommissjoni tal‑informazzjoni importanti, stabbilita fl-Artikolu 7(4), issir qarrieqa u l-istedina għax-xiri tkun tikkostitwixxi konsegwentement, prattika kummerċjali żleali. Fid‑dawl tar-rwol mogħti lil qrati nazzjonali permezz tad-Direttiva 2005/29, fl‑implementazzjoni u l-applikazzjoni tagħha, fid-dawl tal-premessa 18 (33) u tar‑referenza li jagħmel l-Artikolu 7(1) għall-kuntest fattwali, huwa ċertament il‑kompitu tagħhom li jsolvu din il-kwistjoni.
53. Għalhekk, l-istedina għax-xiri tista’ tirreferi biss għal ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott ikkonċernat. Il-karatteristiċi ewlenin l-oħra jistgħu jiġu indikati barra l-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-istedina tax-xiri, jekk ir‑referenza għalihom ma tkunx meħtieġa fl-istedina nfisha (fid-dawl tal‑kuntest jew tal-prodott ikkonċernat) ma tkunx possibbli (fid-dawl tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat) u jekk il-kummerċjant jirreferi, għall-kumplament, għas-sit tiegħu tal-internet jew għal mezz ieħor simili, dan l-imsemmi sit jew mezz iridu jippermettu lil konsumatur ikollu aċċess effettiv għall-informazzjoni addizzjonali relatata mal-karatteristiċi ewlenin. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina l-elementi kollha u li tivverifika li fi kwalunkwe każ, l-ommissjoni tar-referenza għal ċerti karatteristiċi ewlenin, fl-istedina għax-xiri, ma kellhiex l-impatt li timpedixxi lill-konsumatur milli tieħu deċiżjoni kummerċjali abbażi tal-għarfien tal-fatti.
2. Dwar l-informazzjoni importanti relatata mal-prezz (is-seba’ domanda)
54. Is-seba’ domanda tikkonċerna l-punt li jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li jiġi indikat l-prezz inizjali, biex ir-rekwiżiti relatati mal-prezz jitqiesu li ġew osservati.
55. Mutatis mutandis, jiena tal-opinjoni li tista’ tiġi applikata attitudni simili għal dik tal-analiżi tal-Artikolu (4)(a) tad-Direttiva 2005/29, għall-eżami tal‑Artikolu 7(4)(ċ) tal-istess direttiva.
56. L-ewwel nett, il-fatt li stedina għax-xiri tirreferi biss għall-prezz inizjali, ma jikostitwixxix prattika kummerċjali meqjusa żleali fi kwalunkwe każ, peress li din iċ-ċirkustanza mhijiex imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2005/29.
57. Barra minn hekk, l-Artikolu (4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 jipprevedi huwa stess l-ipotesi fejn, fid-dawl tan-natura tal-prodott, il-kummerċjant ma jkunx f’qagħda li jikkalkola il-prezz finali b’mod raġonevoli. Madankollu, meta dan ikun il-każ, l-imsemmi artikolu jobbliga lil kummerċjant jirreferi għal mod li bih il-prezz jiġi kkalkolat, kif ukoll, jekk ikun il-każ, għal kwalunkwe spejjeż supplimentari li jista’ jkun li jkollhom jitħallsu mill-konsumatur jew referenza għall-fatt li dawn jistgħu jitħallsu minnu.
58. Għalhekk, il-mod ta’ kif huwa abbozzat l-Artikolu 7(4)(ċ) tad‑Direttiva 2005/29 ma jeskludix, fih innifsu, l-ipotesi li prezz inizjali jista’ jkun biżżejjed sabiex jissodisfa l-kundizzjoni li l-indikazzjoni tal-prezz inizjali għandha tkun segwita minn referenzi supplimentari relatati mal-ispejjeż u mal-persuna li trid tħallashom. Il-kwistjoni minn issa ’l quddiem hija dik li jiġi stabbilit jekk stedina għax-xiri tistax tindika prezz inizjali mingħajr ma tirreferi għal dawn l‑indikazzjonijiet supplimentari jew jekk l-Artikolu 7(4)(ċ) għandux jinqara fis‑sens li meta stedina għax-xiri jkun fiha prezz inizjali, dan bilfors irid ikun akkumpanjat mir-referenzi supplimentari msemmija iktar ’il fuq.
59. F’dan ir-rigward il-Gvern Svediż jissottometti li, kuntrarjament għat-test tal-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29, l-Artikolu 7(4)(ċ) ma jipprevedix tnaqqis fl-obbligu tal-informazzjoni, abbażi tal-limiti inerenti tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, jiġifieri li s-subinċiż (ċ) għandu jingħata interpretazzjoni restrittiva. Madankollu, l-istess bħal fil-każ tas-subinċiż (a), is-subinċiż (ċ) ma jistax jiġi interpretat mingħajr ma wieħed iqis b’mod adegwat it-totalità tal‑Artikolu 7. Irid jingħad li fejn irid jiġi ddeterminat jekk wieħed għandux quddiemu ommissjoni qarrieqa jew le, l-Artikolu 7(3) jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li “[f]ejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il‑limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra”. Il-firxa tal-informazzjoni importanti relatata mal-prezz għandha għalhekk tiġi ddeterminata skont in-natura tal-prodott [l-Artikolu 7(4)(ċ)] iżda wkoll abbażi tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall‑istedina tax-xiri u fid-dawl tal-kumplament tal-informazzjoni sussegwentement ipprovduta mill-kummerċjant [l-Artikolu 7(3) tad‑Direttiva 2005/29].
60. Għalhekk, mingħajr ma nipprevedi l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, li tagħha huwa l-kompitu li tapplika id-dritt tal-Unjoni fil-proċedura fil-kawża prinċipali, hija għandha, meta teżamina jekk ir-referenza esklussiva għall-prezz inizjali fil-komunikazzjoni kummerċjali ta’ Ving, tikkostitwixxix ommissjoni qarrieqa, tivvaluta r-relevanza tal-argumenti tal-intimata fil-kawża prinċipali. Fil‑fatt, Ving ikkonfermat li l-prezz finali tal-prodott li għalih tirreferi l‑imsemmija stedina, jiddependi minn fatturi li, minn naħa, tant huma magħrufa mill-konsumatur medju (34) u min-naħa l-oħra, tant huma kumplessi (35), li r-rekwiżit tal-intelliġibbiltà tal-komunikazzjoni u l-prinċipju li l-portata tal-informazzjoni pprovduta għandha titqies fid-dawl tal-possibbiltajiet offerti mill-mezz ta’ komunikazzjoni magħżul, jeżentaw lil kummerċjant milli jirreferi għalihom.
61. Ving issoktat tindika li l-ispjegazzjonijiet relatati mad-diversi fatturi li jinfluwenzaw il-prezz finali taż-żjara, bħal dik proposta permezz tal‑komunikazzjoni kummerċjali kontenzjuża, kienu disponibbli fuq l-internet u tirreferi għall-eżistenza ta’ sit żviluppat minn assoċjazzjoni tal-konsumaturi. Nippreċiża madankollu li fir-rigward tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/29, mhux biżżejjed li l-informazzjoni importanti li tkun nieqsa fl-istedina għax-xiri, tkun disponibbli permezz ta’ xi mezz ieħor, ikun xi jkun, anzi, it-tqegħid għad‑dispożizzjoni tal-konsumatur tal-informazzjoni importanti li tkun nieqsa, irid ikun attribwit lil azzjoni pożittiva tal-kummerċjant.
62. Fl-aħħar nett, jekk id-Direttiva 2005/29 tippermetti ċerta tolleranza, ma tista’ tiġi ammessa l-ebda ommissjoni ta’ informazzjoni importanti elenkata fl‑Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva, jekk din twassal jew hija suxxettibbli li twassal lil konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li altrimenti ma kienx jieħu. Peress illi l-prezz huwa, fil-prinċipju, determinanti fi ħsieb il‑konsumatur medju, meta dan jiġi biex jieħu deċiżjoni kummerċjali, dan l-aspett għandu wkoll jiġi eżaminat mill-qorti nazzjonali. F’dan ir-rigward, tkun tista’ tqis numru ta’ prodotti li ġew effettivament mibjugħa bil-prezz inizjali (36).
63. Għalhekk, ir-referenza għall-prezz inizjali tista’ tkun biżżejjed biex ir‑rekwiżit relatat mal-obbligu tal-informazzjoni dwar il-prezz, fis-sens tal‑Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 ikun sodisfatt, sakemm ir-referenza għall-mod ta’ kif għandu jiġi kkalkolat il-prezz finali, jew l-ispejjeż supplimentari potenzjali u minn min dawn għandhom jitħallsu, ma tkunx meħtieġa (fid-dawl tal‑kuntest jew tal-prodott ikkonċernat) ma tkunx possibbli (fid-dawl tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat) u jekk il-kummerċjant jirreferi, għall-kumplament, għas-sit tiegħu tal-internet jew għal mezz ieħor simili, dan l-imsemmi sit jew mezz iridu jippermettu lil konsumatur ikollu aċċess effettiv għall-imsemmija referenza. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina l-elementi kollha u tivverifika li fi kwalunkwe każ, l-ommissjoni, fl-istedina għax-xiri, tar-referenza għall-mod ta’ kif għandu jiġi kkalkolat il-prezz finali jew l-ispejjeż supplimentari potenzjali u minn min dawn għandhom jitħallsu, ma kellhiex il-konsegwenza li timpedixxi lil konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali abbażi tal-għarfien tal-fatti.
VI – Konklużjoni
64. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill‑Marknadsdomstolen:
“1) L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal‑konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) ma jipprojbixxix l-użu, f’komunikazzjoni kummerċjali, ta’ rappreżentazzjoni verbali jew viżiva tal-prodott, li tista’ tkun biżżejjed sabiex il-kundizzjoni relatata mal-karatteristiċi tal-prodott tkun sodisfatta. Lanqas ma jipprojbixxi, fil-prinċipju, l-użu ta’ referenza komuni għall-prodott, meta jkun jista’ wkoll jiġi raġonevolment dedott mill-komunikazzjoni kummerċjali li l-prodott jeżisti f’bosta verżjonijiet. Madankollu huwa l‑kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina, għal kull każ partikolari jekk, fid‑dawl tal-prodott ikkonċernat u tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, ir‑rappreżentazzjoni u r-referenza komuni użati fil-komunikazzjoni kummerċjali jippermettux lil komsumatur medju, informat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, jidentifika l-prodott.
2) Huwa wkoll il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika li l-indikazzjoni tal-prezz inizjali huwa, minn naħa, adegwat għall-mezz ta’ komunikazzjoni użat u min-naħa l-oħra, suffiċjenti sabiex l-konsumatur, wara li jkun identifika l-prodott ikkonċernat, ikun f’qagħda li jifhem li l-prodott deskritt jew rappreżentat jista’ jinxtara bl-imsemmi prezz.
3) ‑ Fis-sens tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29/KE, il-kundizzjoni espressa bil-kliem “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” m’għandhiex tiġi interpretata fis-sens li ma teżisti l-ebda stedina għax-xiri ħlief meta l-komunikazzjoni kummerċjali jkun fiha mezz konkret għax-xiri jew jekk tkun ġiet esposta fil-viċinanza ta’ post tal-bejgħ. L-imsemmija espressjoni għandha, kuntrarjament, tiġi interpretata fis-sens li tistabbilixxi kriterju ġenerali li jippermetti li jiġi stabbilit, b’mod oġġettiv, jekk il‑konsumatur għandux quddiemu l-informazzjoni suffiċjenti, relatata mal‑prodott, mal-prezz u mal-venditur, sabiex ix-xirja tkun tista’ titwettaq.
‑ Fl-ipotesi li l-Qorti teżiġi, sabiex komunikazzjoni kummerċjali tkun tista’ titqies bħala stedina għax-xiri, il-preżenza ta’ mezz konkret għax-xiri, allura mbagħad in-numru tat-telefon jew tas-sit tal-internet ikunu jistgħu jitqiesu bħala mezzi konkreti għax-xiri, bil-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika li wieħed ikun jista’ jipproċedi b’mod effettiv għax-xiri billi jċempel fuq l-imsemmi numru tat-telefon jew billi jidħol fl-imsemmi sit.
4) L-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li stedina għax-xiri tista’ ssemmi biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott ikkonċernat. Il-karatteristiċi ewlenin l-oħra jistgħu jiġu indikati barra l‑mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-istedina tax-xiri, jekk r-referenza għalihom fl-istedina nfisha ma tkunx meħtieġa (fid-dawl tal-kuntest tal‑prodott ikkonċernat) ma tkunx possibbli (fid-dawl tal-mezz ta’ komunikazzjoni) u jekk il-kummerċjant jirreferi, għall-kumplament, għas‑sit tiegħu tal-internet jew għal mezz ieħor simili, dan l-imsemmi sit jew mezz iridu jippermettu lil konsumatur ikollu aċċess effettiv għall-bqija tal-informazzjoni relatata mal-karatteristiċi ewlenin. Huwa l-kompitu tal‑qorti tar-rinviju li teżamina dawn l-elementi kollha u tivverifika li, fi kwalunkwe każ, l-ommissjoni, fl-istedina għax-xiri, tar-referenza għal ċerti karatteristiċi ewlenin ma kellhiex il-konsegwenza li tipprojbixxi lil konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali abbażi tal-għarfien tal-fatti.
5) Ir-referenza għall-prezz inizjali tista’ tkun biżżejjed sabiex ir-rekwiżit relatat mal-obbligu tal-informazzjoni dwar il-prezz, fis-sens tal‑Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 ikun sodisfatt, sakemm ir‑referenza għal mod ta’ kif għandu jiġi kkalkolat il-prezz finali jew l‑ispejjeż supplimentari potenzjali u l-persuna li minnha jridu jitħallsu, ma tkunx meħtieġa (fid-dawl tal-kuntest jew tal-prodott ikkonċernat) possibbli (fid‑dawl tal-mezz tal-komunikazzjoni użat) u jekk il-kummerċjant jirreferi, għall-kumplament, għas-sit tiegħu tal-internet jew għal mezz ieħor simili, dan l-imsemmi sit jew mezz iridu jippermettu lil konsumatur ikollu aċċess effettiv għall-imsemmija referenza. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina dawn l-elementi kollha u li tivverifika li, fi kwalunkwe każ, l‑ommissjoni, fl-istedina għax-xiri, tar-referenza għall-mod ta’ kif għandu jiġi kkalkolat il-prezz finali jew l-ispejjeż supplimentari potenzjali u l‑persuna li minnha jridu jitħallsu, ma kellhiex il-konsegwenza li tipprojbixxi lil konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali abbażi tal‑għarfien tal-fatti”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU L 149, p. 22.
3 – Sentenzi tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB (C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 52); tal‑14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C-304/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41), u tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag (C‑540/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).
4 – Ara l-ħames, l-għoxrin u l-erbgħa u għoxrin premessa kif ukoll l-Artikolu 1 tad‑Direttiva 2005/29.
5 – Ara, fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi (C-168/08, Ġabra p. I-6871, punt 38); tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C-174/08, Ġabra p. I‑10567, punt 24), u tat-3 ta’ Diċembru 2009, Yaesu Europe (C-433/08, Ġabra, punt 18).
6 – Is-sentenza Yaesu Europe, iċċitata iktar ’il fuq (punt 23).
7 – Is-sentenza Yaesu Europe, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
8 – Skont l-imsemmi artikolu, il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott jistgħu jkunu “[id]-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, l-aċċessorji, l-assistenza ta’ wara l-bejgħ għall-konsumatur u t-trattament ta’ ilmenti, il-metodi u d-data ta’ manifattura jew tal-provvista, il-kunsinna, l-idoneità għall-għan, l-użu, il-kwantità, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi importanti ta’ eżamijiet jew kontrolli magħmula tal-prodott”.
9 – Niġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, li t-test inizjali tal-proposta tad-direttiva kien jippreċiża, fid-dispożizzjoni li tiddefinixxi l-istedina għax-xiri, li l-kwistjoni kienet waħda ta’ karatteristiċi ewlenin, preċiżjoni li, fil-proċedura għall-adozzjoni tal-imsemmija Direttiva 2005/29, kienet ġiet imħassra [ara l-Artikolu 2(k), tal-proposta tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, dwar prattiċi [prattiki] kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, 97/7/KE u 98/27/KE, COM(2003) 356 finali].
10 – Is-seba’ premessa tad-Direttiva 2005/29 tqis, barra minn hekk li “[g]ħandu jittieħed kont sħiħ tal-kuntest tal-każ individwali konċernat fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari tal-klawsoli ġenerali tagħha”.
11 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1992, X (C‑373/90, Ġabra p. I‑131, punt 15); tat-13 ta’ Jannar 2000, Estée Lauder (C-220/98, Ġabra p. I-117, punti 27 u 30), tat-8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik (C-44/01, Ġabra p. I-3095, punt 55), u tad-19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium (C-356/04, Ġabra p. I-8501, punti 77 u 78). Għalkemm il-konsumatur medju huwa dak li tirreferi għalih id-Direttiva 2005/29, din tal-aħħar tipprovdi wkoll, iżda b’mod iktar preċiż, għall-ħarsien partikolari ta’ konsumaturi li, minħabba l-età, il-mard fiżiku jew mentali jew il‑kredulità tagħhom, huma partikolarment vulnerabbli għal prattika kummerċjali żleali jew prodott li għalih tirreferi (ara d-dsatax-il premessa kif ukoll l-Artikolu 5(3) tad‑Direttiva 2005/29).
12 – Din l-indikazzjoni tal-prezz inizjali, fil-kuntest tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, ser tiġi trattata b’mod partikolari fil-punti 32 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.
13 – Ara d-dokument “Guidance on the implementation/application of directive 2005/29/EC on unfair commercial practices” [SEC(2009) 1666 tat-3 ta’ Diċembru 2009, p. 47] li jistabbilixxi li ladarba wieħed ikollu quddiemu rappreżentazzjoni verbali jew viżiva tal-prodott, ir-rekwiżit relatat mal-karatteristiċi tal-prodott, fis-sens tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, għandu jitqies bħala sodisfatt. Il-Kummissjoni tqis, fil-fatt, li interpretazzjoni differenti tista’ tħajjar lill‑operaturi jipprovdu deskrizzjonijiet vagi, jew iħallu barra xi informazzjoni fl-offerti kummerċjali tagħhom, sabiex iduru mar-rekwiżiti tal-informazzjoni previsti fl-Artikolu 7(4) tad–direttiva msemmija.
14 – Ara l-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29.
15 – Huwa normali, pereżempju, li l-produtturi awtomobilistiċi jillimitaw ruħhom għall-indikazzjoni, fil-komunikazzjonijiet kummerċjali tagħhom, ta’ prezz inizjali, sakemm l-istess mudell ikun disponibbli b’magni differenti u bil-possibbiltà, għall-konsumatur, li jżid numru ta’ aċċessorji. Għal dak li għandu x’jasam mal-vjaġġi, Ving fakkret li l-konferma tal-prezz finali tiddependi essenzjalment minn tliet fatturi: id-data li fiha jsir l-ibbukkjar tal-vjaġġ, il-perijodu tal-vjaġġ ikkonċernat u, mingħajr dubju, id-destinazzjoni.
16 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.
17 – Dwar dan il-punt, l-osservazzjonijiet tal-imsemmija gvernijiet jistgħu jidhru li huma f’kontradizzjoni mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li, skont id-definizzjoni li tipprovdi fil-linji gwida, li għalihom jirreferu fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, tqis li l-istedina għax-xiri “tikkostitwixxi mument determinanti fejn il-konsumatur irid jieħu deċiżjoni kummerċjali. Hija forma intrinsika, diretta u immedjata tal-promozzjoni tal-prodott li tinċita għal reazzjoni impulsiva u għat-teħid ta’ riskju ogħla mill-konsumatur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l‑punt 18 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni u l-punt 2.6.3. in fine tal-imsemmija linji gwida).
18 – Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
19 – Id-Direttiva 2005/29 tistipula kunċetti li jidħlu wieħed fl-ieħor: id-deċiżjoni kummerċjali hija manifestazzjoni partikolari tal-komportament ekonomiku tal-konsumatur (ara b’mod partikolari l-ħdax u t-tlettax-il premessa tad-Direttiva 2005/29) u l-fatt li l-konsumatur ikollu l-possibbiltà li jagħmel xirja, huwa biss eżempju wieħed tad-deċiżjonijiet kummerċjali.
20 – L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29.
21 – L-eżempju li tagħti l-Kummissjoni huwa għal din ir-raġuni ta’ ċertu sinjifikat: ara l-punti 2.1.1 sa 2.1.3 tal-linji gwida ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.
22 – Dawn il-punti ser jiġu eżaminati fl-analiżi tas-sitt u s-seba’ domanda.
23 – Għalhekk, mingħajr l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandi d-dubji tiegħi kemm il-konsumatur medju u standard tad-Direttiva 2005/29, ikun dispost jieħu deċiżjoni li jixtri.
24 – Sabiex il-konsumatur ikun jista’ jixtri, irid ikollu fil-pussess tiegħu l-informazzjoni suffiċjenti sabiex jidentifika l-prodott u l-prezz tiegħu. Iżda huwa wkoll meħtieġ li l-venditur ikun jista’ jiġi identifikat, anki lokalizzat. Skont kemm ikun magħruf il-venditur, xi kultant il-preżenza waħedha tal-logo tkun biżżejjed sabiex il-konsumatur jidentifikah u jassoċjah immedjatament mal-post fejn l-imsemmi prodott ser ikun disponibbli għall-imsemmi prezz. Xi minn daqqiet, il‑venditur ikun anqas magħruf u allura, sabiex ikun jista’ jitqies li l-konsumatur seta’ jidentifika lil venditur, ikun meħtieġ li l-komunikazzjoni kummerċjali jkun fiha wkoll l-informazzjoni relatata mal-lokalizzazzjoni tal-postijiet tal-bejgħ. Huwa, fil-każijiet kollha, element supplimentari u l-impatt tiegħu fuq il-fatt li jiġi stabbilit jekk il-konsumatur kellux verament il‑possibbiltà li jagħmel xirja, irid jiġi eżaminat mill-qrati tar-rinviju.
25 – L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2005/29.
26 – L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2005/29, imbagħad l-Artikoli 6 u 7 (għal prattiki kummerċjali qarrieqa) kif ukoll l-Artikoli 8 u 9 (għal prattiki kummerċjali aggressivi).
27 – Is-sentenza Plus Warenhandelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).
28 – L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2005/29 jindika li “r-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il‑kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti”. Irid jingħad li l-imsemmi anness jirreferi għal Artikolu 3 tad-Direttiva tal‑Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132). Ċertament, l-offerta ta’ Ving hija mingħajr dubju vjaġġ bi prezz li jinkludi kollox. Madankollu, l-Artikolu 3 jelenka biss l-informazzjoni importanti li jrid ikun fih il-fuljett maħruġ mill-organizzatur jew mill-kummerċjant. Peress li l-komunikazzjoni fil-kawża prinċipali mhix ta’ dan it-tip, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/314 mhux rilevanti għal din l-analiżi.
29 – L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 ab initio.
30 – L-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29 ab initio.
31 – Barra minn hekk, li teżiġi mill-kummerċjanti l-għoti ta’ informazzjoni meta din ma tkunx meħtieġa (fid-dawl tal-kuntest jew meta l-konsumatur medju kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa f’qagħda li jifhem u jiddeduċi) jista’ jkollu l-effett li jrendi l‑komunikazzjoni kummerċjali “mhux ċara, mhux intelliġibbli, [jew] ambigwa”, b’mod li l‑imsemmija komunikazzjoni tkun, xi ftit paradossalment, suxxetibbli li tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/29.
32 – L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/29.
33 – Li tipprovdi, fir-rigward tal-kunċett tal-konsumatur medju, li għalih tirreferi d‑Direttiva 2005/29, li “[l]-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jeżerċitaw il-fakultà ta’ ġudizzju tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiddeterminaw ir-reazzjoni tipika tal-konsumatur medju f’każ determinat”.
34 – B’mod partikolari l-attrazzjoni tad-destinazzjoni, il-mument li fih il-konsumatur jagħmel l‑ibbukkjar tal-vjaġġ u l-perijodu magħżul għall-vaganza.
35 – Ving tirreferi b’mod partikolari għall-mod kif il-kumpanniji tal-ajru jistabbilixxu l-prezz għall‑biljetti tal-ajru.
36 – Ving ssostni li 80 % tal-bookings tal-postijiet irreġistrati, ibbenefikaw mill-prezz inizjali indikat fil-komunikazzjoni kummerċjali u li f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-referenza għall-prezz inizjali, meta meqjusa inkonnessjoni man-nuqqas ta’ referenza għall-mod tal-kalkolu, ma kellux l-effett li jqarraq bil-konsumatur fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29. Barra minn hekk, irrid ngħid, li fil-każijiet kollha, li kieku stedina għax-xiri kellha tindika prezz inizjali meta l‑kummerċjant ma jkunx kapaċi jipprovvdi l-prodott ikkonċernat għall-prezz inizjali indikat lil konsumatur, tqum il-kwistjoni jekk prattika bħal din tikkostitwixxix prattika kummerċjali qarrieqa meqjusa żleali fi kwalunkwe ċirkostanza, fis-sens tal-punt 5 tal-Anness I tad‑Direttiva 2005/29.
Full & Egal Universal Law Academy