KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fil-31 ta’ Marzu 2011 (1)
Kawża C‑184/10
Mathilde Grasser
vs
Freistaat Bayern
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja)]
“Direttiva 91/439/KEE – Rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan – Liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru bi ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza – Rifjut ta’ rikonoxximent tal-Istat Membru ospitanti bbażat biss fuq il-ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza”
1. Permezz tad-domanda preliminari preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta, għal darba oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (2).
2. Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/439, il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri huma rrikonoxxuti reċiprokament. Il-ħruġ ta’ dawn il-liċenzji huwa suġġett għall-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan għall-eżistenza ta’ residenza normali fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġha.
3. Għalhekk, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja) tistaqsi jekk Stat Membru jistax jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor meta, fir-rigward ta’ din il-liċenzja, jiġi stabbilit li din inħarġet bi ksur tal-kundizzjoni ta’ residenza.
4. Din il-kwistjoni twassalni, fil-verità, biex niċċara l-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk (3), kif ukoll Zerche et (4), li jipprovdu li l-Istat Membru ospitanti jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa iktar tard minn Stat Membru ieħor jekk ikun stabbilit, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fuq din l-istess liċenzja jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, li, meta nħarġet l-istess liċenzja, id-detentur tagħha, li kien suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja preċedenti, ma kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.
5. Il-karatteristika partikolari tal-kawża prinċipali tirrigwarda l-fatt li, għall-kuntrarju tal-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, M. Grasser, ċittadina Ġermaniża li fil-konfront tagħha l-awtoritajiet Ġermaniżi qegħdin jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-awtoritajiet Ċeki, qatt ma kellha liċenzja tas-sewqan Ġermaniża u għalhekk qatt ma kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan preċedenti. Għalhekk, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk il-ġurisprudenza Wiedemann u Funk, kif ukoll Zerche et, tapplikax għall-każ ta’ M. Grasser.
6. Fil-konklużjonijiet preżenti, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li l-Artikoli 1(2) u (7)(1)(b) tad-Direttiva 91/439 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta li jirrikonoxxi, fuq it-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, jekk ikun stabbilit, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fuq din l-istess liċenzja jew fuq informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja li, meta nħarġet l-imsemmija liċenzja, id-detentur tagħha ma kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
7. Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment tal-persuni fi ħdan il-Komunità jew l-istabbiliment tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuni jkunu kisbu l-liċenzji tas-sewqan tagħhom, id-Direttiva 91/439 stabbilixxiet il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan (5).
8. L-iffissar, f’din id-direttiva, ta’ kundizzjonijiet minimi li abbażi tagħhom tista’ tingħata liċenzja, għandu wkoll l-għan li jtejjeb is-sigurtà fit-toroq fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (6).
9. B’mod partikolari l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva jgħid hekk:
“Il-liċenzji tas-sewqan għandhom, barra minn hekk, jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:
[…]
b) li għandhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzji, jew jistgħu jipproduċu xhieda illi kienu ilhom jistudjaw fih għal mill-inqas sitt xhur [(7)].”
10. Skont l-Artikolu 7(5) tad-direttiva, l-ebda persuna ma jista’ jkollha iktar minn liċenzja tas-sewqan waħda.
11. L-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istat Membru tar-residenza normali jista’ japplika, fil-konfront ta’ detentur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan.
12. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tal-imsemmija direttiva, Stat Membru jista’ jirrifjuta anki li jirrikonoxxi l-validità ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor fil-konfront ta’ persuna li tkun suġġetta, fit-territorju tiegħu, għal xi waħda mill-miżuri hawn fuq imsemmija.
B – Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
13. Il-Liġi dwar l-aċċess ta’ persuni għas-sewqan fit-toroq (Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straβenverkehr), fil-verżjoni fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem, il-“FeV”), tipprovdi, fl-Artikolu 28(1) tagħha, li d-detenturi ta’ liċenzja valida tas-sewqan tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li għandhom ir-residenza normali tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew 7(2) tal-FeV, fil-Ġermanja, huma awtorizzati li jsuqu vetturi awtomobilistiċi fuq it-territorju nazzjonali fil-limiti awtorizzati mil-liċenzji tas-sewqan tagħhom, bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti fl-imsemmi Artikolu 28(2) sa (4).
14. Il-punti 2 u 3 tal-ewwel sentenza u t-tieni sentenza tal-Artikolu 28(4) tal-FeV jipprovdu li din l-awtorizzazzjoni tas-sewqan ma tapplikax għad-detenturi ta’ liċenzji tas-sewqan tal-Unjoni jew taż-ŻEE f’żewġ każijiet. Minn naħa, l-imsemmija awtorizzazzjoni ma tapplikax meta, abbażi tad-dettalji li jinsabu fuq il-liċenzja tas-sewqan jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, fid-data ta’ ħruġ ta’ din il-liċenzja, id-detenturi tagħha kellhom ir-residenza normali tagħhom fuq it-territorju nazzjonali, ħlief jekk dawn kisbu l-imsemmija liċenzja matul residenza ta’ mhux inqas minn sitt xhur bħala studenti. Min-naħa l-oħra, id-detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan tal-Unjoni jew taż-ŻEE ma humiex awtorizzati li jsuqu fuq it-territorju Ġermaniż meta l-liċenzja tagħhom tkun ġiet suġġetta, fuq dan it-territorju, għal miżura ta’ rtirar provviżorja jew definittiva meħuda minn qorti, jew għal miżura ta’ rtirar immedjatament eżekuttiva jew definittiva meħuda minn awtorità amministrattiva, jew meta l-liċenzja tas-sewqan tagħhom tkun ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni definittiva, jew meta ma tkunx ġiet irtirata biss minħabba li huma jkunu, fil-frattemp, irrinunzjaw għaliha.
II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15. M. Grasser, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija ċittadina Ġermaniża u tirrisjedi f’Viereth-Trunstadt (il-Ġermanja). Hija qatt ma kellha liċenzja tas-sewqan Ġermaniża.
16. Fil-31 ta’ Mejju 2006 hija kisbet liċenzja tas-sewqan maħruġa mill-muniċipalità ta’ Pizen (ir-Repubblika Ċeka). Fuq din il-liċenzja tas-sewqan il-belt ta’ Viereth-Trunstadt hija indikata bħala l-post ta’ residenza.
17. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 2009, l-awtorità Ġermaniża kompetenti għall-ħruġ ta’ liċenzji tas-sewqan stiednet lil M. Grasser tippreżenta l-liċenzja tas-sewqan Ċeka tagħha sabiex jitniżżel fuq din il-liċenzja n-nuqqas ta’ dritt tas-sewqan fuq it-territorju Ġermaniż, minħabba li l-kundizzjoni ta’ residenza ma kinitx ġiet osservata meta nħarġet l-imsemmija liċenzja. Din l-awtorità semgħet ukoll lir-rikorrenti sabiex tiddeċiedi dwar it-telfien tad-dritt tagħha li ssuq.
18. Filwaqt li kkontestat id-deċiżjoni tal-imsemmija awtorità, M. Grasser talbitha tagħtiha d-dritt biex tagħmel użu, fuq it-territorju Ġermaniż, mil-liċenzja tas-sewqan Ċeka tagħha minħabba li hija qatt ma kienet kisret ir-regolamenti tat-traffiku. Fin-nuqqas hija talbet biex tinħarġilha liċenzja tas-sewqan Ġermaniża. Dawn iż-żewġ talbiet ġew miċħuda t-tnejn li huma mill-awtorità kompetenti Ġermaniża.
19. B’deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2009, din l-awtorità pprojbiet lil M. Grasser milli tagħmel użu mil-liċenzja tas-sewqan Ċeka tagħha fuq it-territorju Ġermaniż u talbitha tippreżenta din il-liċenzja sabiex jitniżżel fiha n-nuqqas tad-dritt li ssuq. Fin-nuqqas, l-imsemmija liċenzja kellha tiġi kkonfiskata.
20. Fl-1 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti ressqet quddiem il-Verwaltungsgericht Bayreuth (qorti amministrattiva ta’ Bayreuth) rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Settemrbu 2009, din il-qorti laqgħet it-talba ta’ M. Grasser u annullat l-imsemmija deċiżjoni. Il-Verwaltungsgericht Bayreuth ikkunsidrat li l-ksur tal-prinċipju ta’ residenza ma għandux, waħdu, jikkostitwixxi raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-dritt ta’ sewqan fuq it-territorju Ġermaniż. Skont din il-qorti kien hemm bżonn li, barra minn hekk, ir-rikorrenti tkun suġġetta għal miżura ta’ rtirar, sospensjoni, annullament jew restrizzjoni tal-liċenzja tas-sewqan tagħha.
21. Il-Freistaat Bayern, konvenuta fil-kawża prinċipali, appellat mid-deċiżjoni tal-Verwaltungsgericht Bayreuth quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof, li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“L-Artikoli 1(2) u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru ospitanti għandu d-dritt li ma jirrikonoxxix liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, fil-każ fejn [jiġi stabbilit, abbażi ta’] dak li jkun hemm miktub fl-imsemmi dokument [… li seħħ ksur ta]l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmija direttiva, jekk l-Istat Membru ospitanti ma jkunx adotta qabel, fil-konfront tal-persuna li nħarġitilha l-liċenzja tas-sewqan, dispożizzjoni [miżura] skont l-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva”
III – L-analiżi tiegħi
22. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru jistax jirrifjuta li jirrikonoxxi liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor meta jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni misjuba f’din il-liċenzja, li l-kundizzjoni ta’ residenza ma ġietx osservata, għalkemm id-detentur tal-imsemmija liċenzja qatt ma jkun ġie suġġett, fuq it-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan preċedenti.
23. L-ewwel nett infakkar li d-Direttiva 91/439 tfittex li tilħaq żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li tiffaċilita s-sewqan ta’ persuni li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru li ma huwiex dak li fih huma jkunu għamlu l-eżami tas-sewqan tagħhom u, min-naħa l-oħra, li ttejjeb is-sigurtà tat-traffiku fit-toroq (8).
24. Dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġu sseparati. Fil-fatt, il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni jippreżupponi li dawn il-persuni jistgħu jagħmlu dan b’sigurtà.
25. Għalhekk, fil-qasam tas-sigurtà tat-toroq, bil-għan li jiġu sodisfatti dawn l-eżiġenzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li kien meħtieġ li jiġu istitwiti kundizzjonijiet minimi biex il-liċenzji tas-sewqan ikunu jistgħu jinħarġu (9).
26. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/439 jissuġġetta l-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan għall-ħtieġa li l-kandidati jgħaddu minn prova tal-ħiliet fiżiċi u mediċi, kif ukoll minn prova ta’ teorija, u, minbarra dan, għall-ħtieġa ta’ residenza normali fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.
27. B’hekk, il-liċenzji tas-sewqan maħruġa abbażi ta’ dawn il-kundizzjonijiet minimi jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.
28. Hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, fost il-kundizzjonijiet minimi li taħthom jistgħu jinħarġu l-liċenzji tas-sewqan, il-kundizzjoni relattiva għar-residenza normali fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja għandha rwol partikolari fis-sistema istitwita mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
29. Fil-fatt, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wiedemann u Funk, kif ukoll Zerche et, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kundizzjoni ta’ residenza tikkontribwixxi, b’mod partikolari, biex jiġi miġġieled it-“turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan” fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan (10). Barra minn hekk din il-kundizzjoni hija indispensabbli għall-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ ħila għas-sewqan (11). Fil-fatt, l-imsemmija kundizzjoni hija prerekwiżit li jippermetti l-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzj (12). Din hija r-raġuni għaliex il-kundizzjoni ta’ residenza, li tiddeċiedi liema huwa l-Istat li għandu joħroġ il-liċenzja, għandha importanza partikolari meta mqabbla mal-kundizzjonijiet l-oħra imposti mid-Direttiva 91/439 (13).
30. Għalhekk, minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-sigurtà fit-toroq setgħet tiġi mheddha jekk din il-kundizzjoni ma tiġix osservata (14).
31. Waqt is-seduta, l-avukat ta’ M. Grasser issottometta li fil-każ preżenti ma hemm la perikolu imminenti, u lanqas urġenza, għall-kuntrarju tal-każijiet irrinvijati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi Wiedemann u Funk kif ukoll Zerche et, iċċitati iktar ’il fuq. Huwa rrileva li f’dawn il-każijiet, id-detenturi tal-liċenzji tas-sewqan inkwistjoni kienu diġà wrew li kienu ta’ perikolu, għaliex huma kienu suġġetti għall-irtirar tal-liċenzji tas-sewqan preċedenti tagħhom minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku. Min-naħa tagħha, M. Grasser qatt ma kellha, preċedentament, liċenzja tas-sewqan u għalhekk qatt ma kienet suġġetta għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan preċedenti. Minħabba dan, din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli.
32. Jiena naħseb li argument bħal dan ma huwiex aċċettabbli. Huwa jmur kontra l-għanijiet ta’ prevenzjoni tad-Direttiva 91/439.
33. Hekk kif irrilevajt, il-leġiżlatur tal-Unjoni impona kundizzjonijiet minimi għall-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan u dan sabiex jiżgura s-sigurtà fit-toroq fuq it-territorju tal-Unjoni. Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw għall-kandidati kollha għal-liċenzji. F’dan ir-rigward il-kliem tad-Direttiva 91/439 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-kandidati li jagħmlu l-eżami tas-sewqan tagħhom għall-ewwel darba u dawk li jitolbu liċenzja ġdida wara li tkun ġiet irtirata liċenzja preċedenti.
34. Ir-raġuni hija evidenti, jiġifieri li l-istat ta’ perikolu ta’ sewwieq għandu jiġi evalwat qabel il-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan. Ikun inkonċepibbli li wieħed jistenna li sewwieq joħloq inċident biex jiġi ddikjarat li dan huwa ta’ perikolu u biex jittieħdu l-miżuri neċessarji meta jintalab it-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu. Hekk kif irrilevat il-konvenuta fil-kawża prinċipali waqt is-seduta, l-aspetti tas-sigurtà fit-toroq huma rilevanti mhux biss għall-persuni li diġà ħolqu inċident, iżda wkoll għall-kandidati kollha għal-liċenzja tas-sewqan.
35. Għalhekk, skont l-Artikolu 7(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/439, l-istess rekwiżiti minimi għandhom jiġu osservati meta awtorità nazzjonali kompetenti toħroġ l-ewwel liċenzja tas-sewqan.
36. Issa nfakkar li l-kundizzjoni ta’ residenza għandha rwol essenzjali hawnhekk. Jekk din il-kundizzjoni ma tiġix osservata ikun impossibbli, jew, fi kwalunkwe każ, ferm diffiċli għall-awtorità nazzjonali li toħroġ il-liċenzja tas-sewqan biex tivverifika xi wħud mill-kundizzjonijiet imposti minn din id-direttiva. L-ewwel fosthom hija dik tal-uniċità tal-liċenzja tas-sewqan. L-Artikolu 7(5) tal-imsemmija direttiva jipprovdi fil-fatt li l-ebda persuna ma jista’ jkollha iktar minn liċenzja tas-sewqan waħda (15). Peress li għadhom ma jeżistux databases ċentralizzati tal-liċenzji tas-sewqan fil-livell tal-Unjoni, min jekk mhux l-awtoritajiet nazzjonali tal-post ta’ residenza normali tal-kandidat għal-liċenzja tas-sewqan huwa fl-aħjar pożizzjoni li jivverifika li dan il-kandidat ma għandux diġà liċenzja tas-sewqan?
37. L-istess japplika fir-rigward ta’ informazzjoni essenzjali oħra, bħalma hija l-verifika tal-kondotta tal-pulizija sabiex jiġi żgurat li l-passat tal-persuna ma jipprekludix il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan.
38. Din hija r-raġuni għaliex l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ residenza hija l-kundizzjoni indispensabbli li tippermetti l-verifika, fir-rigward tal-kandidat, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet minimi l-oħra imposti mid-Direttiva 91/439.
39. Għalhekk, jekk tinkiser din il-kundizzjoni ta’ residenza meta l-kandidat jagħmel l-eżami tas-sewqan għall-ewwel darba, dan ikollu l-konsegwenza li jkun ta’ ħsara għas-sistema istitwita mil-leġiżlatur tal-Unjoni, bi preġudizzju għas-sigurtà tal-persuni li jużaw it-toroq.
40. Ma’ dan inżid ukoll li matul is-seduta, il-Kummissjoni Ewropea, u, sussegwentement, l-avukat ta’ M. Grasser, qajmu l-fatt li l-indikazzjoni tar-residenza li tinsab fuq il-liċenzja tas-sewqan ta’ M. Grasser setgħet kienet sempliċi żball ta’ kitba, li l-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja seta’ ħa żball meta indika residenza fil-Ġermanja u li għalhekk hija ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni u din il-liċenzja jmissha ġiet rikonoxxuta bħala valida. Fil-fehma tiegħi dan l-argument ma huwiex aċċettabbli.
41. Jekk tali raġunament jiġi aċċettat, l-informazzjoni kollha mogħtija mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja li tidher fuq dokument uffiċjali, f’dan il-każ il-liċenzja tas-sewqan, tista’ tiġi ddubitata. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-informazzjoni li tinsab fuq il-liċenzji tas-sewqan hija informazzjoni inkontestabbli li toriġina mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja (16).
42. Għalhekk, jiena naħseb li meta jista’ jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni misjuba fuq il-liċenzja tas-sewqan infisha jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja, li l-kundizzjoni ta’ residenza imposta mill-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 ma kinitx sodisfatta meta nħarġet din il-liċenzja, l-Istat Membru ospitanti jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi d-dritt tas-sewqan li jirriżulta mill-imsemmija liċenzja.
43. Kontra dan jista’ jitqajjem l-argument li tali soluzzjoni tippreġudika l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li fuqha huwa bbażat il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.
44. Madankollu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan jista’ jassumi l-importanza sħiħa tiegħu biss jekk jiġu sodisfatti u osservati, mill-Istati Membri kollha, il-kundizzjonijiet minimi għall-ħruġ tal-liċenzji tas-sewqan li huma stabbiliti minn direttiva adottata għall-finijiet ta’ armonizzazzjoni. Dan huwa l-qofol innifsu ta’ dan il-prinċipju. L-Istati Membri għandhom fiduċja reċiproka f’xulxin u, b’mod reċiproku, jirrikonoxxu l-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-awtoritajiet tagħhom għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni ħoloq sistema li tippermetti li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha sejrin ikollhom livell ta’ kundizzjonijiet minimi li jirrigwardaw il-ħruġ ta’ dawn il-liċenzji.
45. Għalhekk, meta dan il-livell ta’ kundizzjonijiet minimi ma jiġix osservat, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma jistax jiġi applikat b’mod normali.
46. Minbarra dan inżid li jekk jiġi aċċettat li liċenzja tas-sewqan, bħal dik ta’ M. Grasser, trid tiġi rrikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti anki jekk il-kundizzjoni ta’ residenza ma tkunx ġiet osservata, dan il-fatt ikollu l-effett li jinkuraġġixxi t-“turiżmu tal-liċenzji tas-sewqan”. Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva 91/439 timponi ċertament kundizzjonijiet minimi ta’ ħiliet ta’ sewqan, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jimponu normi iktar stretti minn dawk imsemmija f’din id-direttiva (17). Għalhekk, ikun ta’ vantaġġ ikbar għal persuna li tirrisjedi fi Stat Membru li jimponi tali normi li tagħmel l-eżami fi Stat Membru ieħor li jimponi normi inqas stretti.
47. L-għan tad-Direttiva 91/439 ma huwiex li joffri lil persuna residenti fl-Unjoni forum shopping tal-liċenzji tas-sewqan, iżda huwa li jippermetti lil persuna li għandha liċenzja tas-sewqan tistabbilixxi ruħha fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li ħareġ din il-liċenzja, mingħajr il-bżonn li terġa’ tagħmel xi eżami tas-sewqan ieħor u mingħajr il-bżonn li tbiddel l-imsemmi permess.
48. Jiena naħseb li f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ġie żnaturat mill-funzjoni tiegħu sabiex jiġu evitati r-regoli nazzjonali iktar stretti.
49. Għaldaqstant, minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, jiena tal-fehma li l-Artikoli 1(2) u 7(1)(b) tad-Direttiva 91/439 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta li jirrikonoxxi, fuq it-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fiha jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja li, meta nħarġet l-istess liċenzja, id-detentur tagħha ma kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.
IV – Konklużjoni
50. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof:
“L-Artikoli1(2) u 7(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta li jirrikonoxxi fuq it-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor, meta jiġi stabbilit, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fiha jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li toriġina mill-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja li, meta nħarġet l-istess liċenzja, id-detentur tagħha ma kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja”.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2– ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 7, Vol. 1, p. 317.
3 – C‑329/06 u C‑343/06, Ġabra p. I-4635.
4 – C‑334/06 sa C‑336/06, Ġabra p. I-4691.
5 – Ara l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.
6 – Ara r-raba’ premessa tal-istess direttiva.
7 – Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/439, ir-residenza normali hija l-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f’kull sena kalendarja. Jekk id-detentur tal-liċenzja jkun student f’dan l-Istat Membru, huwa għandu jġib prova li ilu stabbilit għal tal-inqas sitt xhur fl-imsemmi Stat Membru.
8 – Ara l-ewwel premessa ta’ din id-direttiva.
9 – Ara r-raba’ premessa ta’ din id-direttiva.
10 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Wiedemann u Funk (punt 69), kif ukoll Zerche et (punt 66).
11 – Idem.
12 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Wiedemann u Funk (punt 70), kif ukoll Zerche et (punt 67).
13 – Idem.
14 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Wiedemann u Funk (punt 71), kif ukoll Zerche et (punt 68).
15 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Wiedemann u Funk (punt 70), kif ukoll Zerche et (punt 67).
16 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Wiedemann u Funk (punt 72), kif ukoll Zerche et (punt 69). Ara wkoll id-digriet tad-9 ta’ Lulju 2009, Wierer (C-445/08, punt 51).
17 – Ara l-punt 5 tal-Anness III tal-imsemmija direttiva.
Full & Egal Universal Law Academy