KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2011 (1)
Kawża C‑197/10
Unió de Pagesos de Catalunya
vs
Administración del Estado
Coordinadora de Organizaciones de Agricultores y Ganaderos – Iniciativa Rural del Estado Español
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja)]
“Politika agrikola komuni – Skema ta’ pagament uniku – Riżerva nazzjonali – Possibbiltà li jingħataw ammonti ta’ referenza lil bdiewa ġodda – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Għotja limitata għall-bdiewa żgħażagħ – Legalità”
I – Introduzzjoni
1. Il-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“PAK”) għandha b’mod partikolari l-għan li tiżgura dħul xieraq għall-bdiewa (2). Biex tilħaq dan l-iskop, l-Unjoni tbassar, fil-baġit tagħha, intestaturi li minnhom tkun tista’ tingħata għajnuna diretta għal dan id-dħul lill-bdiewa. L-għajnuniet li oriġinarjament kienu konnessi mal-prodott kienu ġew “separati” b’mod progressiv wara r-riforma tal-2003, u ġew miġbura fi “skema ta’ pagament uniku”. L-għan mixtieq huwa li l-bdiewa jkunu ggwidati, fir-rigward tal-għażla tal-prodotti li jistgħu jkabbru, mis-suq u mhux mill-għajnuna pprovduta. L-ammont tal-pagament uniku li bidwi jista’ jistenna li jirċievi huwa bbażat b’mod partikolari (3) fuq l-ammont ta’ għajnuna li kien jirċievi qabel ir-riforma; għal dan il-għan jiġu kkunsidrati s-snin 2000 sal-2002.
2. Sabiex l-operaturi ġodda jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll minn dritt għall-pagament uniku, l-Istati Membri jistgħu jattribwixxulhom ammonti ta’ referenza taħt “riżerva nazzjonali”, ikkostitwita b’mod partikolari mit-tnaqqis fl-ammonti ta’ referenza allokati sa dak iż-żmien lill-benefiċjarji tal-għajnuna. F’dan il-kuntest, it-Tribunal Supremo (Spanja) ressaq domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk l-Istati Membri għandhomx is-setgħa jirrikonoxxu biss, fost il-“bdiewa ġodda” (4), dawk il-bdiewa “żgħażagħ” (li għandhom inqas minn 40 sena) li, meta jibdew l-ewwel attività tagħhom, kienu diġà bbenefikaw minn miżura oħra ta’ għajnuna offruta mill-Unjoni, jiġifieri l-“miżura [għajnuna] għall-istabbiliment” (5), allokata għall-benefiċċju tal-iżvilupp rurali.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 1782/2003 dwar l-iskema ta’ pagament uniku
3. Ir-Regolament Nru 1782/2003 (6) ġabar f’pagament uniku l-parti l-kbira tal-għajnuna maħsuba għad-dħul tal-bdiewa li taqa’ taħt il-qafas tal-politika agrikola komuni u li sa dak iż-żmien kienet assoċjata mal-prodott.
4. Skont il-premessa 29 tar-regolament imsemmi, “[b]iex ikun stabbilit l-ammont li bidwi għandu dritt għalih taħt l-iskema l-ġdida, hu xieraq li ssir referenza għall-ammonti mogħtija lilu matul il-perjodu ta’ referenza. Biex jittieħed kont ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi, għandha tiġi stabbilita riserva nazzjonali. Din ir-riserva tista’ ukoll tintuża biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ bdiewa ġodda fl-iskema. Il-pagament uniku għandu jkun stabbilit fuq livell ta’ razzett”.
5. L-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Eliġibilità”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-bdiewa għandu jkollhom aċċess għall-iskema ta’ pagament uniku jekk:
[…]
(ċ) irċevew dritt għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew permezz ta’ trasferiment.”
6. L-Artikolu 42 tal-istess regolament jistabbilixxi, taħt it-titolu “Riżerva nazzjonali”:
“1. L-Istati Membri [...] għandhom jipproċedu għat-tnaqqis ta’ pesentaġġ lineari ta’ l-ammonti ta’ referenza biex jikkostitwixxu riżerva nazzjonali. Dan it-tnaqqis m’għandux ikun għola minn 3 %.
[…]
3. L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżerva nazzjonali biex jagħtu, bi priorità, ammonti ta’ referenza lill-bdiewa li jibdew l-attività agrikola tagħhom qabel [wara] il-31 ta’ Diċembru 2002, jew fit-2002 imma mingħajr ma jirċievu xi pagament dirett f’dik is-sena, skont kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni.
4. L-Istati Membri għandhom jużaw ir-riżerva nazzjonali biex jistabilixxu, skond kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, ammonti ta’ referenza għall-bdiewa li jsibu rwieħom f’sitwazzjoni speċjali, li għandha tkun definita mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).
5. L-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżerva nazzjonali biex jistabilixxu, skond kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, ammonti ta’ referenza għall-bdiewa f’żoni suġġetti għar-ristrutturazzjoni u/jew programmi ta’ żvilupp relatati ma’ forma jew oħra ta’ intervent pubbliku biex ikun evitat l-abbandun ta’ art u/jew biex jikkompensaw żvantaġġi speċifiċi għall-bdiewa f’dawk iż-żoni.
[...]
7. L-Istati Membri għandhom jipproċedu għal tnaqqis lineari tad-drittijiet f’każ li r-riżerva nazzjonali tagħhom mhix biżżejjed biex tkopri l-każijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4.
[…]”
2. Ir-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 795/2004
7. Skont l-Artikolu 2(k) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ħlas waħdieni [pagament uniku] li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (7), “bdiewa li jibdew attività agrikola” għandha tfisser, għall-finijiet tal-Artikoli 37(2) u 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, “persuna naturali jew ġuridika li ma kellhiex attività agrikola f’isimha proprju u għar-riskju tagħha u li ma kellhiex il-kontroll ta’ persuna ġuridika li teżerċita attività agrikola fil-5 snin li jiġu qabel il-bidu ta’ l-attività agrikola l-ġdida.
Fil-każ ta’ persuna ġuridika, il-persuna/i naturali li jkollhom il-kontroll tal-persuna ġuridika ma jmissux kellhom xi attività agrikola f’isimhom proprju jew għar-riskju tagħhom u lanqas ma jmissu kellhom il-kontroll ta’ persuna ġuridika li teżerċita attività agrikola fil-5 snin li jiġu qabel il-bidu ta’ l-attività agrikola mill-persuna ġuridika”.
L-Artikolu 6(1) tal-istess regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi:
“Fejn Stat Membru jagħmel użu mill-għażliet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 42(3) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, il-bdiewa jistgħu jirċievu, skond il-kondizzjonijiet preskritti f’din it-Taqsima u skond il-kriterji oġġettivi preskritti mill-Istat Membru konċernat, id-drittijiet għall-ħlas mir-riżerva nazzjonali.”
3. Ir-Regolament Nru 1698/2005 dwar l-iżvilupp rurali
8. L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1698/2005 (8), li jifforma parti mit-Titolu IV tiegħu, dwar “Appoġġ għall-iżvilupp rurali”, jipprovdi :
“L-appoġġ immirat għall-kompetittività tas-settur agrikolu u tal-foresterija għandu jikkonċerna:
miżuri mmirati lejn il-promozzjoni tal-għarfien u t-titjib tal-potenzjal uman permezz ta’:
[…]
(ii) l-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ
[…]”
9. L-Artikolu 22 tal-istess regolament, intitolat “Stabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“1. L-appoġġ previst fl-Artikolu 20(a)(ii), għandu jingħata lil persuni li:
a) għandhom inqas minn 40 sena u għall-ewwel darba qegħdin jistabbilixxu azjenda agrikola bħala kapijiet tal-azjenda;
b) għandhom kapaċitajiet u kompetenzi professjonali adegwati;
c) jippreżentaw pjan kummerċjali għall-iżvilupp tal-attivitajiet agrikoli tagħhom.”
B – Il-liġi Spanjola
10. Id-Digriet Irjali 1470/2007, tat-2 ta’ Novembru 2007, dwar it-twaqqif ta’ pagamenti diretti għall-agrikoltura, maħruġ mill-Kunsill tal-Ministri Spanjol fuq proposta tal-Ministru tal-Agrikoltura, tas-Sajd u tal-Ikel (9), għandu l-għan, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi r-regolament bażiku applikabbli, b’mod partikolari,għall-iskema ta’ pagament uniku stabbilita mir-Regolament Nru 1782/2003.
Skont l-Artikolu 9(2) tal-imsemmi digriet irjali:
“Jiksbu drittijiet għall-pagament uniku maħruġa mir-riżerva nazzjonali, bil-kundizzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti:
[…]
b) Il-bdiewa żgħażagħ li bdew l-ewwel attività tagħhom fil-kuntest ta’ programm ta’ żvilupp rurali stabbilit abbażi tar-Regolament [...] Nru 1698/2005 [dwar l-iżvilupp rurali], f’wieħed mis-setturi indikati fl-Anness VI tar-Rgolament [...] Nru 1782/2003, bl-eċċezzjoni tal-produzzjoni taż-żrieragħ, u li ma jkunux diġà bbenefikaw minn drittijiet għall-pagament uniku dderivati mir-riżerva nazzjonali.”
11. Id-Digriet Irjali 1470/2007 tħassar bid-Digriet Irjali 1612/2008, tat-3 ta’ Ottubru 2008, li min-naħa tiegħu tħassar bid-Digriet Irjali 1680/2009, tat-13 ta’ Novembru 2009, iżda t-termini tiegħu ġew riprodotti fiż-żewġ digrieti li ġew warajh.
III – Il-fatti u d-domanda preliminari
12. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Unió de Pagesos de Catalunya hija l-iktar sindakat agrikolu rappreżentattiv tal-Catalunya.
13. Din ippreżentat (10) fis-27 ta’ Ottubru 2008 rikors quddiem it-Tribunal Supremo għall-annullament, b’mod partikolari, tal-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007, sa fejn dan introduċa, għall-bdiewa żgħażagħ li kellhom il-ħsieb li jibbenefikaw mill-pagament uniku, kundizzjoni ġdida li ma kinitx stabbilita fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, li japplika b’mod dirett. Issa, l-imsemmi artikolu ma jissuġġettax il-possibbiltà li bdiewa żgħażagħ jibbenefikaw mill-pagament uniku għall-għoti ta’ għajnuna għall-ewwel attività.
14. It-Tribunal Supremo huwa tal-istess fehma bħall-Unió de Pagesos de Catalunya, jiġifieri li l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 ħoloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li għandha effett diskriminatorju għall-bdiewa żgħażagħ u jmur kontra l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.
15. Wara li kkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża teħtieġ l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiem u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja :
“L-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali Nru 1470/2007, tat-2 ta’ Novembru 2007, li jissuġġetta l-possibbiltà ta’ kisba tal-ħlas tal-pagament uniku mir-riżerva nazzjonali għall-fatt li l-persuni inkwistjoni jkunu bdiewa żagħżagħ li jkunu wettqu l-ewwel pagament [attività] tagħhom fil-kuntest ta’ programm ta’ żvilupp rurali stabbilit abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, huwa konformi mal-Artikolu 42(3) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003?”
16. Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja pparteċipaw il-Coordinadora de Organizaciones de Agricultores y Ganaderos – Iniciativa Rural del Estado Español (iktar ’il quddiem il-“Coordinadora”), il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Ġermanja, tal-Greċja u tal-Awstrija, kif ukoll il-Kummissjoni; il-Gvern Awstrijak issottometta biss osservazzjonijiet bil-miktub, filwaqt li l-partijiet l-oħra esprimew ruħhom kemm bil-miktub kif ukoll oralment.
IV – Analiżi ġuridika
A – Ammissibbiltà tad-domanda preliminari
17. Fid-digriet tar-rinviju tiegħu, it-Tribunal Supremo josserva, minn naħa, li huwa ma għandux l-iċken dubju dwar il-ħtieġa tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003 għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Madanakollu, huwa jindika, min-naħa l-oħra, li l-att impunjat, id-Digriet Irjali 1470/2007, sadanitttant ġie mħassar u li l-kontenut tiegħu ġie inkorporat fid-Digrieti Rjali li daħlu fis-seħħ wara, b’tali mod li d-dispożizzjoni impunjata tibqa’ rilevanti għal każijiet oħra li jistgħu jiġu sottomessi lilu fil-futur dwar din l-istess domanda.
18. Dan iwassal, fl-ewwel lok, sabiex wieħed jistaqsi jekk risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari hijiex realment neċessarja sabiex tinqata’ l-kawża prinċipali, jew jekk tkunx ta’ għajnuna biss għal proċeduri futuri.
19. Dawn il-mistoqsijiet iqumu wkoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Spanjol. Dan tal-aħħar isostni li minħabba li d-Digriet Irjali 1470/2007 sadanittant ġie mħassar, id-domanda preliminari ma għadhiex rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li trid tittieħed dwar ir-rikors ippreżentat mill-Unió de Pagesos de Catalunya fid-dawl tar-revoka ta’ dan id-digriet, u għalhekk ma hijiex ammissibbli.
20. Il-Gvern Spanjol jinvoka ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Supremo li tistabbilixxi li r-rikors dirett indirizzat kontra d-dispożizzjonijiet ġenerali jservi sabiex jitneħħew mill-korp leġiżlattiv dawk id-dispożizzjonijiet illegali mdaħħla mil-leġiżlatur, u mhux sabiex tingħata deċiżjoni dwar drittijiet individwali. Din il-ġurisprudenza tindika li għalhekk rikors dirett jitlef is-sens kollu tiegħu jekk, fil-mument tal-għoti tas-sentenza, id-dispożizzjoni impunjata tkun diġà tneħħiet mill-korp leġiżlattiv b’xi mezz ieħor.
21. Il-Gvern Spanjol iżid jgħid li kien proprju fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza t-Tribunal Supremo ddeċieda li kien tilef is-suġġett tiegħu rikors preċedenti ppreżentat mill-Unió de Pagesos de Catalunya fil-konfront tad-Digriet Irjali li kien jippreċedi d-Digriet Irjali Nru 1470/2007 impunjat fil-kawża ineżami u li tħassar minn dan id-digriet irjali tal-aħħar, u b’hekk għalaq il-proċedura. Barra minn hekk, it-Tribunal Supremo għalaq il-proċedura dwar rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni oħra ta’ bdiewa kontra d-Digriet Irjali 1470/2007 minħabba li dan tħassar bid-Digriet Irjali 1612/2008. Fil-fehma tal-Gvern Spanjol, il-proċedura fil-kawża prinċipali tilfet is-suġġett tagħha u għalhekk għandha tingħalaq.
22. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk talbet lit-Tribunal Supremo sabiex jagħtiha kjarifiki (11) dwar kemm risposta għad-domanda preliminari hija meħtieġa sabiex tinqata’ l-kawża prinċipali.
23. Fit-tweġiba tiegħu, it-Tribunal Supremo jiddikjara li l-annullament tad-Digriet Irjali 1470/2007 ma jdaħħalx inkwistjoni l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari. It-Tribunal Supremo jtenni f’dan ir-rigward, minn naħa, li d-digrieti li ġew warajh fihom l-istess dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tiegħu li rrefera għaliha l-Gvern Spanjol ma hijiex rilevanti f’dan il-każ għaliex it-tħassir inkwistjoni ma seħħx fil-mori tal-proċedura. Ir-rikors tal-Unió de Pagesos de Catalunya jibqa’, fil-fehma tiegħu, wieħed rilevanti.
24. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li biha l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (12).
25. Meta titressaq domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wieħed jassumi, bħala prinċipju, li din hija rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni li trid tittieħed fil-kawża prinċipali (13).
26. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali, u dan biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpetazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (14).
27. Il-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, u mhux li tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (15).
28. Sa fejn, fit-tweġiba tiegħu għat-talbiet għal kjarifiki mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal Supremo jiġġustifika l-ħtieġa li jressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-fatt li d-dispożizzjonijiet materjali tal-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007, li sadanittant tħassar, iddaħħlu mill-ġdid fid-digrieti li ġew warajh, dan pjuttost isaħħaħ l-ewwel impressjoni li r-risposta għal din id-domanda ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali iżda tista’ tkun neċessarja biss għas-soluzzjoni ta’ eventwali rikorsi futuri kontra d-digriet sussegwenti. Id-domanda preliminari tkun għalhekk ipotetika u, b’hekk, inammissibbli.
29. Madankollu, it-Tribunal Supremo spjega wkoll li l-ġurisprudenza tiegħu li tgħid li r-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra digrieti li sadanittant ikunu tħassru b’modi oħra ma jkollhomx suġġett, ma hijiex rilevanti għal din il-kawża għaliex id-Digriet 1471/2007 impunjat ma tħassarx fil-mori ta’ din il-kawża; minn dan huwa jikkonkludi li r-rikors fil-kawża prinċipali jibqa’ rilevanti. Huwa minnu li kien ikun tajjeb li kieku ngħataw spjegazzjonijiet iktar dettaljati dwar il-fatt li, fid-dritt Spanjol, digrieti li jkunu diġà tħassru qabel il-preżentata ta’ rikors jistgħu jiġu ddikjarati nulli filwaqt li dan ma huwiex possibbli meta dawn jitħassru fil-mori tal-kawża. Madankollu, meta wieħed jikkunsidra d-dikjarazzjoni ċara tat-Tribunal Supremo li tgħid li r-rikors tal-Unió de Pagesos de Catalunya għadu rileventi, id-domanda preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża u għalhekk ammissibbli.
B – Risposta għad-domanda preliminari
30. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tixtieq tkun taf jekk Stat Membru jkunx konformi mal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 meta jirriżerva l-possibbiltà, prevista fid-dispożizzjoni msemmija, li l-bdiewa ġodda jingħataw drittijiet għall-pagament uniku dderivati mir-riżerva nazzjonali biss għall-bdiewa żgħażagħ li jkunu wettqu l-ewwel attività tagħhom fil-kuntest ta’ programm ta’ żvilupp rurali stabbilit abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005.
1. L-argumenti tal-partijiet
31. Il-Coordinadora, kif ukoll il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Ġermanja u tal-Awstrija jipproponu risposta affermattiva għal din id-domanda.
32. Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiddeċiedu jekk għandhomx jagħtu għajnuna lill-bdiewa ġodda mir-riżerva nazzjonali. Jekk Stat Membru jagħmel użu minn din il-possibbiltà, il-marġini ta’ diskrezzjoni tiegħu huwa limitat biss bl-obbligu li japplika kriterji oġġettivi, li jiżgura trattament ugwali bejn il-bdiewa, u li jevita distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni. Sakemm Spanja tapplika f’dan ir-rigward il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 għall-għoti ta’ għajnuna għall-istabbiliment tal-bdiewa żgħażagħ, dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw sodisfatti. Il-marġini ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri sabiex jużaw ir-riżerva nazzjonali ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Elbertsen (16).
33. Il-Gvern Spanjol jenfasizza wkoll li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1782/2003, għandha tiġi kkunsidrata l-bidla fl-orjentament tal-politika agrikola komuni li seħħet bir-riforma tal-2003. Minn wara din ir-riforma, iż-żewġ pilastri li sa dak iż-żmien kienet tistrieħ fuqhom il-PAK, jiġifieri l-appoġġ għall-prezzijiet tas-suq u għad-dħul, minn naħa, u l-iżvilupp rurali, min-naħa l-oħra, ma baqgħux iktar separati b’mod ċar iżda, għall-kuntrarju, jikkumplimentaw lil u jikkoinċidu ma’ xulxin, bl-iżvilupp rurali issa jieħu manifestament preċedenza (17). Skont il-Gvern Spanjol, ir-rabta stabbilita mil-leġiżlazzjoni kontenzjuża tikkunsidra preċiżament din ir-realtà.
34. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-Gvern Awstrijak jippreċiża li l-bdiewa żgħażagħ fis-sens tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1698/2005 jixirqilhom jirċievu l-għajnuna b’mod partikolari, u għalhekk ma humiex fl-istess sitwazzjoni bħal bdiewa ġodda oħra. Inugwaljanza fit-trattament tista’ f’kull każ tkun ġustifikata oġġettivament, anki f’sitwazzjonijiet komparabbli, u b’mod partikolari minħabba l-għan li jiġi ffavorit l-iżvilupp rurali. Il-Gvern Ġermaniż lanqas ma jara diskriminazzjoni iżda fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li trid tiddeċiedi dan.
35. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż jirrileva li l-Artikolu 2(k) tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 795/2004 jipprovdi biss definizzjoni minima ta’ operaturi ġodda, li minn fosthom jistgħu jagħżlu l-Istati Membri, skont kriterji oġġettivi. Is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri fid-determinazzjoni ta’ dawn il-kriterji hija evidenti wkoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 795/2004.
36. Il-Gvern Grieg huwa, fil-prinċipju, tal-istess fehma bħall-Coordinadora u bħall-Gvernijiet l-oħra, iżda madankollu jaħseb li l-leġiżlazzjoni Spanjola ma hijiex konformi mal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, minħabba li tikkunsidra biss il-bdiewa żgħażagħ li stabbilixxew l-ewwel azjenda tagħhom permezz ta’ għajnuna fil-kuntest tar-Regolament Nru 1698/2005, mingħajr ma wieħed jista’ jidentifika raġunijiet oġġettivi għaliex ma tingħatax għajnuna wkoll lill-bdiewa żgħażagħ li l-ewwel azjenda tagħhoma bbenefikat minn għajnuna taħt ir-Regolament Nru 1257/1999, li ppreċeda r-Regolament Nru 1698/2005.
37. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 ma huwiex konformi mal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, minħabba li jmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, minn naħa, dan l-artikolu jqis biss lill-bdiewa ġodda li huma wkoll bdiewa żgħażagħ. Min-naħa l-oħra, hemm ukoll diskriminazzjoni fost il-bdiewa żgħażagħ sa fejn huwa meħtieġ li l-ewwel azjenda tagħhom tkun ġiet stabbilita fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali, u li huma jeżerċitaw l-attività tagħhom f’setturi determinati.
2. Analiżi
a) Kummenti preliminari
38. L-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 jissuġġetta l-għoti ta’ drittijiet għall-pagament uniku mir-riżerva nazzjonali għar-rekwiżit li jkunu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet.
39. Fl-ewwel lok, il-bdiewa inkwistjoni jridu jkunu bdiewa żgħażagħ u, fit-tieni lok, l-ewwel attività tagħhom għandha tkun saret fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005. Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, dawn il-kundizzjonijiet jevokaw l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1698/2005, li jipprovdi li l-għajnuna għall-istabbiliment prevista fl-Artikolu 20 (a)(ii) tal-istess regolament għall-bdiewa żgħażagħ (18) għandha tingħata lill-persuni li (a) għandhom inqas minn 40 sena u jkunu qegħdin jistabbilixxu azjenda agrikola għall-ewwel darba bħala kapijiet tal-azjenda, (b) għandhom kapaċitajiet u kompetenzi professjonali adegwati u (ċ) jippreżentaw pjan kummerċjali għall-iżvilupp tal-attivitajiet agrikoli tagħhom.
40. Fit-tielet lok, l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 jeżiġi li l-bidwi żagħżugħ ikun jaħdem f’settur determinat, jiġifieri wieħed minn dawk imniżżlin fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1782/2003, minbarra s-settur tal-produzzjoni taż-żrieragħ. Fir-raba’ lok, il-bidwi żagħżugħ ma jistax ikun irċieva diġà pagamenti mir-riżerva nazzjonali.
41. L-ebda waħda minn dawn l-erba’ kundizzjonijiet ma tissemma fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jużaw ir-riżerva nazzjonali biex jagħtu, bi prijorità, l-ammonti ta’ referenza lill-bdiewa li jibdew jeżerċitaw attività agrikola wara l-31 ta’ Diċembru 2002 jew fl-2002, iżda mingħajr ma jkunu rċevew pagamenti diretti f’dik is-sena, skont kriterji oġġettivi u b’mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jevitaw distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni.
42. Għalkemm fid-digriet tar-rinviju tagħha l-qorti nazzjonali ssemmi l-erba’ kundizzjonijiet li hemm fil-leġiżlazzjoni Spanjola, fid-domanda preliminari ssemmi biss l-ewwel tnejn minn dawn il-kundizzjonijiet. Huwa minħabba f’hekk li ser niffoka essenzjalment fuq dawn l-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li jrid ikun bidwi żagħżugħ li l-ewwel attività tiegħu tkun diġà bbenefikat minn għajnuna fil-qafas tar-Regolament Nru 1698/2005. Ir-risposta għal din id-domanda tista’ tirrendi opportuni jew superfluwi argumenti addizzjonali dwar iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra.
b) Is-setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-“jekk”
43. L-ewwel nett irid jingħad li, skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jiddeċiedu jekk iridux jużaw il-possibbiltà hemm stabbilita jew le. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi b’mod espliċitu li l-Istati Membri “jistgħu” jużaw ir-riżerva nazzjonali sabiex jagħtu, bi prijorità, ammonti ta’ referenza lill-bdiewa ġodda (19). Dan huwa kkonfermat wkoll mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 795/2004, li jgħid: “Fejn Stat Membru jagħmel użu mill-għażliet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 42(3) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 [….]”.
44. Iżda b’hekk la ġie ċċarat jekk l-Istati Membri għandhomx ukoll diskrezzjoni dwar l-istabbiliment tal-metodi għall-għoti ta’ ammonti ta’ referenza, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-grupp tal-benefiċjarji tagħhom, u, jekk l-Istati Membri għandhom tali diskrezzjoni, lanqas ma ġiet iċċarata l-portata tagħha.
c) Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003
45. Qabel ma tkun tista’ tingħata soluzzjoni għall-kwistjoni tas-setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-”kif”, jeħtieġ li l-ewwel nett ikun iddefinit b’mod iktar preċiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003. Kif fil-fatt jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Ministerio Fiscal (20) sostna, fil-proċedura prinċipali, li l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri taħt l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 li jagħtu drittijiet mir-riżerva nazzjonali ma hijiex limitata għall-kategorija tal-bdiewa ġodda hemm imsemmija, liema artikolu sempliċement jipprovdi li din il-kategorija għandha tingħata prijorità.
46. L-għan tar-riżerva nazzjonali, l-istess bħall-istruttura ġenerali tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1782/2003, jimmilitaw kontra din it-teżi.
47. Kif joħrog mill-premessa 29 tar-Regolament, ir-riżerva nazzjonali sservi sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet partikolari, filwaqt li tista’ tintuża wkoll sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta’ bdiewa ġodda fl-iskema ta’ pagament uniku. Madankollu, jekk l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jikkonċernax biss il-bdiewa ġodda iżda l-bdiewa kollha, filwaqt li l-bdiewa ġodda għandhom sempliċement jingħataw prijorità, ikun qiegħed jiġi injorat l-għan partikolari tar-riżerva nazzjonali. Fil-fatt, kuntrarjament għall-paragrafi 4 u 5 tiegħu, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu ma jpoġġi l-ebda delimitazzjoni fuq il-grupp ta’ benefiċjarji. Issa, bħalma qal il-Gvern Grieg, ir-riżerva nazzjonali titlef l-għan tagħha jekk tkun ikkostitwita, fl-ewwel lok, minn tnaqqis lineari fl-ammonti ta’ referenza tal-bdiewa kollha biex imbagħad, fit-tieni lok, tkun irriżervata għall-bdiewa kollha.
48. L-espressjoni “bi priorità” tirreferi pjuttost, kif isostni ġustament il-Gvern Ġermaniż, għar-relazzjoni reċiproka bejn id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 sa 5 tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1782/2003. Fil-fatt, filwaqt li l-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jimponi b’mod imperattiv fuq l-Istati Membri l-obbligu li jużaw ir-riżerva nazzjonali għall-bdiewa li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni speċjali, il-paragrafi 3 u 5 jħallulhom għażla. Il-possibbiltà stabbilita fil-paragrafu 3 tipprevali f’dan ir-rigward fuq dik imsemmija fil-paragrafu 5, li jikkonċerna l-bdiewa f’ċerti żoni. Il-paragrafu 7 jistabbilixxi f’dan ir-rigward li d-drittijiet mir-riżerva nazzjonali għandhom jitnaqqsu b’mod lineari meta ma tkunx biżżejjed biex jiġu koperti l-każijiet previsti fil-paragrafi 3 u 4. Dan iżda ma huwiex previst għall-każijiet ikkontemplati fil-paragrafu 5 ; dawn il-każijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati ħlief meta r-riżerva nazzjonali tkun suffiċjenti għall-każijiet ikkontemplati taħt il-paragrafi 3 u 4.
49. Għalhekk, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 jirreferi esklużivament għall-bdiewa ġodda fis-sens kif iddefinit f’dan ir-regolament. Hija din il-kategorija ta’ persuni li għal darba oħra hija ristretta bl-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007, sa fejn din id-dispożizzjoni nazzjonali tkopri biss lill-bdiewa żgħażagħ li l-ewwel attività tagħhom tkun diġà bbenefikat minn għajnuna taħt il-qafas tar-Regolament Nru 1698/2005 dwar l-iżvilupp rurali.
d) Is-setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-“kif”
50. F’dak li jirrigwarda l-legalità ta’ dan it-tnaqqis fil-grupp tal-benefiċjarji fuq l-iskala nazzjonali, irid jiġi osservat qabel kollox li l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 jħalli wkoll ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fid-determinazzjoni tal-metodi konkreti għall-allokazzjoni tal-ammonti ta’ referenza mir-riżerva nazzjonali. Dan ġej mill-fatt li l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 għandu nuqqasijiet manifesti li jridu jiġu indirizzati, u li dan il-kompitu huwa, tal-inqas parzjalment, tal-Istati Membri.
51. L-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 jinkariga lill-Istati Membri li jagħmlu użu mill-possibbiltà hemm prevista sabiex jagħtu l-ammonti ta’ referenza skont kriterji oġġettivi, filwaqt li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u filwaqt li jevitaw id-distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni. Huwa minnu li l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 795/2004 għandu ċerti regoli dwar il-kalkolu tan-numru u tal-valur tad-drittijiet għall-ħlas li jridu jiġu allokati f’dan ir-rigward. Din id-dispożizzjoni iżda tirreferi wkoll għall-kriterji oġġettivi li jridu jiġu ffissati mill-Istati Membri.
52. Jekk l-Istati Membri huma fid-dmir li jiddeterminaw il-kriterji għall-allokazzjoni ta’ ammont ta’ referenza lill-bdiewa ġodda mir-riżerva nazzjonali, huwa loġiku li għal dan il-għan għandhom ċerta setgħa diskrezzjonali. Wara kollox dan huwa dak li tgħid espliċitament il-premessa 5 tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 795/2004.
53. Irid jingħad ukoll li l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 ma fih ebda element li jindika li l-Istati Membri huma a priori pprojbiti milli jagħmlu għażla fost il-bdiewa ġodda. Il-fatt li l-punt (k) tal-Artikolu 2, intitolat “Definizzjonijiet”, tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 795/2004 jispeċifika min għandu jiġi kkunsidrat bħala bidwi ġdid jew, b’mod iktar preċiż, bħala “bdiewa li jibdew attività agrikola” lanqas ma jeskludi li s-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri tinkludi wkoll il-possibbiltà li mhux il-bdiewa ġodda kollha jitħallew jibbenefikaw mir-riżerva nazzjonali.
54. Meta jużaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom, madankollu, jieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa waħda, il-ħtiġijiet u d-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Regolamenti Nru 1782/2003 u 795/2004 u, min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza rilevanti. Skont din tal-aħħar, l-Istati Membri, meta jadottaw miżuri ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandhom jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom b’osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li fosthom hemm il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni (21). Barra minn hekk, dawn il-miżuri ta’ applikazzjoni għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali (22). Fl-istess ħin, leġiżlazzjoni nazzjonali adottata taħt il-qafas tal-PAK ma tistax tiġi stabbilita jew applikata b’mod li tikkomprometti l-għanijiet tal-PAK (23).
i) Eżistenza ta’ kriterji oġġettivi
55. Il-kriterji tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1698/2005, li fuqhom hija bbażata l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni f’din il-kawża, jiġifieri li jridu jkunu persuni li a) għandhom inqas minn 40 sena u jkunu qegħdin jistabbilixxu azjenda agrikola għall-ewwel darba bħala kapijiet tal-azjenda, (b) għandhom kapaċitajiet u kompetenzi professjonali adegwati u (ċ) jippreżentaw pjan kummerċjali għall-iżvilupp tal-attivitajiet agrikoli tagħhom, huma mingħajr dubju kriterji oġġettivi, b’tali mod li l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 għandha titqies bħala sodisfatta .
ii) Il-prinċipju ta’ trattament ugwali
56. Huwa iktar diffiċli li wieħed iwieġeb għall-kwistjoni ta’ jekk it-tieni rekwiżit tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, jiġifieri li jkun żgurat trattament ugwali bejn il-bdiewa, huwiex imħares b’mod suffiċjenti.
57. Għandu jiġi indikat b’mod partikolari f’dan il-kuntest li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età hija dritt fundamentali, skont l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”) (24), u li din il-projbizzjoni għandha tiġi rrispettata mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 51(1) tal-imsemmija Karta, fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (25).
58. Skont ġurisprudenza stabbilita (26), il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ma hijiex mhix ħlief espressjoni partikolari (27), jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm dan it-trattament ma jkunx ġustifikat b’mod oġġettiv. L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għaldaqstant in-natura komparabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni konċernata (28). Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jifforma parti minnu l-att inkwistjoni (29).
– Paragun tas-sitwazzjonijiet
59. L-iskema ta’ pagament uniku introdotta bir-Regolament Nru 1782/2003 hija intiża prinċipalment, l-istess bħall-għajnuniet assoċjati mal-prodott miġbura f’din l-iskema, sabiex tiggarantixxi dħul xieraq għall-popolazzjoni agrikola (30), għan dan li, skont l-Artikolu 39(1)(b) TFUE (li kien l-Artikolu 33 KE), huwa wieħed mill-għanijiet tal-PAK.
60. Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, li huwa li l-bdiewa ġodda jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ pagament uniku u li b’hekk jiżguralhom dħul xieraq, is-sitwazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ li l-ewwel attività tagħhom issir fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005 ma hijiex differenti minn dik ta’ bdiewa ġodda oħra.
61. L-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 għandu l-għan li jimplementa l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, u għalhekk għandu essenzjalment l-istess għan.
62. Il-Gvern Spanjol jargumenta, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-riżerva nazzjonali hija limitata, u għaldaqstant bilfors li l-aċċess għaliha jrid ikun ristrett. Sa fejn iwettaq din ir-restrizzjoni bl-applikazzjoni tal-kriterji tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1698/2005, id-Digriet Irjali 1470/2007 jikkonforma mal-orjentament il-ġdid tal-PAK, fejn dawk li sa dak iż-żmien kienu ż-żewġ pilastri li tistrieħ fuqhom il-PAK, jiġifieri l-appoġġ għall-prezzijiet tas-suq u għad-dħul, minn naħa, u l-iżvilupp rurali, min-naħa l-oħra, ma baqgħux iktar separati b’mod ċar iżda, għall-kuntrarju, jikkumplimentaw lil u jikkoinċidu ma’ xulxin, bl-iżvilupp rurali issa jieħu manifestament preċedenza..
63. Madanakollu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-iżvilupp rurali ma jistax iwassal sabiex is-sitwazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ li l-ewwel attività tagħhom tkun saret fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1698/2005 tkun differenti mis-sitwazzjoni ta’ bdiewa ġodda oħra mil-lat tal-ħtieġa li jiksbu għajnuna għad-dħul li hija ċentrali għar-Regolament Nru 1782/2003. Dawn l-għanijiet iridu jiġu kkunsidrati biss fil-kuntest tal-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata iktar ’il quddiem, jiġifieri dwar jekk hemmx raġuni oġġettiva għal din id-differenza fit-trattament.
– Eżistenza ta’ raġuni oġġettiva għad-differenza fit-trattament
64. Kif osserva ġustament il-Gvern Spanjol, ir-riżerva nazzjonali hija limitata. Mill-Artikolu 42(1) u (2) tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta li r-riżorsi disponibbli għal dan il-għan ma jistgħux jaqbżu ċertu limitu. Barra minn hekk, kif joħroġ mill-paragrafi 4 u 5 tal-istess artikolu, l-użu tagħha ma huwiex limitat biss għall-għajnuna lill-bdiewa ġodda. Għalhekk jista’ jkun utili, indipendentement mir-regoli ta’ prijorità u ta’ tnaqqis stabbiliti f’dan l-artikolu, li l-possibbiltà, stabbilita fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-benefiċċju tal-iskema ta’ pagament uniku jingħata lill-bdiewa ġodda tiġi ristretta għal kategorija determinata ta’ persuni.
65. Kif josserva l-Gvern Awstrijak, il-grupp ta’ dawk li diġà rċevew għajnuna tal-bdiewa taħt l-Artikoli 20(a)(ii) u 22 tar-Regolament Nru 1698/2005, jistħoqqilhom b’mod partikolari għajnuna minħabba li, permezz tal-persuna u tal-operat tagħhom, jissodisfaw kundizzjonijiet li jindikaw attività agrikola serja u sostenibbli.
66. L-età wkoll tifforma parti minn dawn il-kundizzjonijiet minħabba li jista’ jiġi preżunt, fil-każ ta’ bdiewa żgħażagħ, li huma se jmexxu l-azjenda agrikola tagħhom li jkunu għadhom kif waqqfu għal perijodu ta’ żmien twil biżżejjed sabiex l-investimenti għolja li dan kollu jinvolvi jintraddu lura u sabiex l-attività agrikola tista’ effettivament tiġi eżerċitata b’mod sostenibbli.
67. Fir-rigward tal-limitu tal-età konkreta ta’ inqas minn 40 sena, il-leġiżlatur għandu jkollu, bħalma huwa l-każ fis-setturi tal-politika tax-xogħol u tal-politika soċjali (31), setgħa diskrezzjonali li ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ħlief jekk il-limitu tal-età stabbilit ikun manifestament inadegwat. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Wieħed jista’ fil-fatt jassumi li persuna li għandha inqas minn 40 sena ser tkompli bl-operat tagħha għal żmien twil biżżejjed biex tkun tista’ tikkontribwixxi għal agrikoltura u żvilupp rurali sostenibbli.
68. Il-fatt li l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/200 huwa bbażat fuq il-kriterji tal-għajnuna tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1698/2005 dwar l-iżvilupp rurali huwa barra minn hekk konformi mal-orjentament il-ġdid tal-PAK, kif jargumentaw il-Gvernijiet Spanjol u Awstrijak. Kif jirriżulta mill-premessa 21 tar-Regolament Nru 1782/2003, l-għan li jintlaħaq livell ta’ għajxien tajjeb għall-popolazzjoni agrikola huwa marbut mill-qrib mal-konservazzjoni taż-żoni rurali. Dan ir-regolament jipprovdi wkoll għall-għoti ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali. Dan l-istess regolament fil-fatt jistabbilixxi sistema obbligatorja bil-għan li jkun hemm tnaqqis progressiv fil-ħlasijiet diretti (il-“modulazzjoni”) sabiex jiġu ffrankati flus li jistgħu jintużaw biex jiġu ffinanzjati miżuri ta’ żvilupp rurali (32).
69. B’konsegwenza ta’ dan, billi tipprovdi li l-bdiewa żgħażagħ li jkunu diġà rċevew għajnuna tal-bidu fil-qafas tar-Regolament Nru 1698/2005 biss jistgħu jibbenefikaw mir-riżerva nazzjonali, il-leġiżlazzjoni Spanjola tkompli tikkontribwixxi għall-iżvilupp rurali b’mod konformi mal-oġġettivi ġenerali tal-PAK. Il-possibbiltajiet ta’ suċċess tal-bdiewa li jistħoqqilhom għajnuna u li diġà jkunu bbenefikaw minn għajnuna fil-qafas tal-ewwel attività tagħhom ser jissaħħu iktar, u dan fl-istess ħin ser jiżgura l-użu xieraq u koerenti tal-baġits ta’ għajnuna tal-Unjoni.
70. B’konsegwenza ta’ dan teżisti raġuni oġġettiva leġittima li bħala prinċipju tista’ tiġġustifika d-differenza fit-trattament ineżami hawnhekk fil-konfront tal-bdiewa li l-ewwel attività tagħhom saret fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005, meta mqabbla mal-bdiewa ġodda l-oħra.
71. Il-Gvern Grieg jinnota, madankollu, inugwaljanza illegali fit-trattament minħabba l-fatt li l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 jirreferi biss għall-bdiewa żgħażagħ li l-ewwel attività tagħhom saret fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005, u mhux għal dawk li l-attività tagħhom tkun saret abbażi tar-Regolament Nru 1257/1999, li jistabbilixxi l-istess kundizzjonijiet.
72. L-iskema ta’ għajnuna stabbilita mir-Regolament Nru 1698/2005 issostitwixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, l-iskema stabbilita bis-saħħa tar-Regolament Nru 1257/1999 (33). Ma hemm ebda dubju għalhekk li matul is-sena 2007 bdiewa ġodda u żgħażagħ li kienu rċevew għajnuna għall-ewwel attività tagħhom fil-qafas tal-iskema ta’ appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali għalkemm mhux skont ir-Regolament Nru 1698/2005, kif jeżiġi l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali, iżda skont ir-Regolament preċedenti Nru 1257/1999, li essenzjalment kien jipprevedi l-istess kriterji. Għandu jiġi rikonoxxut, u hawnhekk naqbel mal-Gvern Grieg, li ma jistax jiġi identifikat kif id-data tal-ewwel attività tista’ tikkostitwixxi raġuni oġġettiva li minħabba fiha dawn il-bdiewa ma jistgħux jirċievu fondi mir-riżerva nazzjonali.
73. Mistoqsi dwar dan is-suġġett, il-Gvern Spanjol iddikjara waqt is-seduta li l-leġiżlatur Spanjol huwa obbligat, taħt id-dritt nazzjonali, li jirreferi għar-regolament fis-seħħ tal-Unjoni, iżda li ma rriżultatlu ebda inugwaljanza ta’ trattament ibbażata fuq id-data tal-ewwel attività. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Coordinadora.
74. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 joħloqx effettivament l-inugwaljanza fit-trattament ineżami hawnhekk. Minn naħa, wieħed jista’ jaħseb li l-każijiet ikkonċernati kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni mid-digrieti preċedenti u, min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’tali mod li r-referenza għar-Regolament Nru 1698/2005 tinftiehem ukoll bħala referenza għar-Regolament Nru 1257/1999.
75. Indipendentement minn dan, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk jeżistux ċirkustanzi li juru li huwa sproporzjonat li l-parteċipazzjoni ta’ bdiewa ġodda għar-riżerva nazzjonali tkun limitata għall-bdiewa żgħażagħ biss li għamlu l-ewwel attività tagħhom fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005 (jew, jekk ikun il-każ, tar-Regolament Nru 1257/1999). Mill-proċess ma toħroġ ebda prova insostenn ta’ din it-teżi.
76. Bla ħsara għall-verifika li trid issir mill-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jiġi sostnut li l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 iħares il-prinċipju ta’ trattament ugwali.
iii) Evitar tad-distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni
77. F’dak li jikkonċerna fl-aħħar nett it-tielet rekwiżit tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, jiġifieri li għandhom jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, xejn ma jindika u ebda prova ma tressqet li turi li l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 jwassal għal dawn id-distorsjonijiet.
e) Konklużjoni
78. Minħabba li r-rekwiżiti l-oħra imposti mill-ġurisprudenza fl-eżerċizzju mill-Istati Membri tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom għall-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni diġà ġew ikkunsidrati fil-qafas tal-analiżi preżenti, għandu jingħad, bħala konklużjoni, li, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirriżerva l-possibbiltà hemm stabbilita li l-bdiewa ġodda jingħataw drittijiet għall-pagament uniku mir-riżerva nazzjonali għal dawk il-bdiewa ġodda biss li huma żgħażagħ u li għamlu l-ewwel attività tagħhom fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005.
f) Fuq ir-rekwiżiti l-oħra tal-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007
79. Kif diġà ntqal qabel, l-Artikolu 9(2)(b) tad-Digriet Irjali 1470/2007 jeżiġi wkoll li l-bidwi żagħżugħ jopera f’settur determinat, jiġifieri f’wieħed minn dawk elenkati fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1782/2003, minbarra s-settur tal-produzzjoni taż-żrieragħ. Barra minn hekk, il-bidwi żagħżugħ ma għandux ikun diġà rċieva pagamenti mir-riżerva nazzjonali.
80. L-analiżi li saret uriet li l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 jagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-modalitajiet konkreti tal-għoti lill-bdiewa ġodda ta’ drittijiet ta’ pagament mir-riżerva nazzjonali. F’dan il-kuntest, ma hemm ebda raġuni li a priori tipprekludi lil Stat Membru milli jagħżel biss ċerti setturi agrikoli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, jekk dan jistax jikkostitwixxi ksur, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Mill-proċess ma toħroġ ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward.
81. F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni l-oħra, jiġfieri li l-bidwi żagħżugħ ikun għadu ma rċieva ebda pagament mir-riżerva nazzjonali, jidher li huwa konformi mal-għan u l-ħsieb tar-riżerva nazzjonali li tali bidwi, li diġà jkun daħal fl-iskema ta’ pagament uniku, ma jkunx jista’ jibbenefika minn drittijiet oħra għal pagament mir-riżerva nazzjonali fil-kwalità ta’ bidwi “ġdid”.
V – Konklużjoni
82. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mit-Tribunal Supremo:
Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirriżerva l-possibbiltà hemm stabbilita li l-bdiewa ġodda jingħataw drittijiet għall-pagament uniku mir-riżerva nazzjonali għal dawk il-bdiewa ġodda biss li huma żgħażagħ u li għamlu l-ewwel attività tagħhom fil-qafas ta’ programm ta’ żvilupp rurali abbażi tar-Regolament Nru 1698/2005.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Artikolu 39(1)(b) TFUE [li kien l-Artikolu 33(1)(b) KE].
3 – Bis-saħħa tar-Regolament li japplika ratione temporis fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru. 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 269, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1782/2003” jew “Regolament Nru 1782/2003 dwar l-iskema ta’ pagament uniku”). Dan ir-regolament ġie mħassar u mibdul bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16).
4 – Il-verżjoni bil-Ġermaniż tar-Regolament Nru 1782/2003 tuża l-formula pjuttost astratta ta’ “operatur”, filwaqt li verżjonijiet f’lingwi oħra jużaw termini iktar mitkellma, bħal “farmer”, “agriculteur”, “agricoltore”, “agricultor” jew “landbouwer”. Għal-lingwi kollha, skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, dan il-kunċett jinkludi kemm persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi u gruppi ta’ dawn il-persuni. Għal qari u ftehim iktar faċli, minn issa ’l quddiem ser tintuża l-kelma “bidwi”.
5 – Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 26, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1698/2005” jew ir-“Regolament Nru 1698/2005 dwar l-iżvilupp rurali”).
6 – Iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3).
7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni Nru 795/2004”.
8 – Iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 5).
9 – Ippubblikat fil-Boletín Oficial del Estado tat-3 ta’ Novembru 2007.
10 – Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Coordinadora de Organizaciones de Agricultores y Ganaderos – Iniciativa Rural del Estado Español (Federazzjoni tal-għaqdiet Spanjoli tal-bdiewa u tal-persuni li jrabbu l-annimali − inizjattiva tal-Istat Spanjol favur l-iżvilupp rurali), parti fil-kawża prinċipali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
11 – Skont l-Artikolu 104(5) tar-Regoli tal-Proċedura.
12 – Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 40), u tal-24 ta’ Marzu 2009, Danske Slagterier (C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 65); digriet tal-14 ta’ Ottubru 2010, Reinke (C‑336/08, Ġabra p. I‑0000, punt 13), u sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, Ġabra p. I‑0000, punt 37).
13 – Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, Ġabra p. I‑9641, punt 67); tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I‑0000, punt 27), u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, Ġabra p. I‑0000, punt 33).
14 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 13).
15 – Sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 32); tat-8 ta’ Settembru 2009, Budejovicky Budvar (C‑478/07, Ġabra p. I‑7721, punt 64), u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C‑384/08 Ġabra p. I‑0000, punt 28).
16 – Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009 (C‑449/08, Ġabra p. I‑10241).
17 – Il-Gvern Spanjol jirreferi b’mod speċjali, f’dan ir-rigward, għall-premessa 1 tar-Regolament Nru 1698/2005, li tgħid li “[p]olitika għall-iżvilupp rurali għandha takkumpanja u tikkumplementa l-politika tas-suq u tal-appoġġ għad-dħul tal-Politika Agrikola Komuni u b’hekk tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ta’ dik il-politika kif stabiliti fit-Trattat”, kif ukoll għall-premessa 5 tar-Regolament Nru 1782/2003, li tgħid li dan ir-regolament jistabbilixxi tnaqqis progressiv tal-għajnuna diretta u l-użu tal-fondi riżultanti sabiex jiġu ffinanzjati miżuri li jaqgħu taħt l-iżvilupp rurali.
18 – Il-verżjoni bil-Ġermaniż tar-Regolament Nru 1698/2005 f’dan ir-rigward tuża t-terminu “Junglandwirte” (bdiewa ġodda) iżda, skont l-eżempju ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra, u biex toħroġ iktar id-differenza mal-bdiewa “ġodda”, ser insejħilhom “bdiewa żgħażagħ”.
19 – Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 28 tas-sentenza Elbertsen, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), li l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 1782/2003 b’mod espliċitu jagħti lill-Istati Membri l-possibilità li jużaw jew li ma jużawx ir-riserva nazzjonali fis-sitwazzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.
20 – Ministeru Pubbliku Spanjol
21 – Sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et (C‑313/99, Ġabra p. I‑5719, punt 35); tal-11 ta’ Jannar 2007, Piek (C‑384/05, Ġabra p. I‑289, punt 34), u tal-5 ta’ Mejju 2011, Etling u Etling (C‑230/09 u C‑231/09, Ġabra p. I‑0000, punt 74).
22 – Sentenza Etling u Etling, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 21), punt 74; ara wkoll id-digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry (C‑457/09, Ġabra p. I‑0000, punt 22).
23 – Sentenza Etling u Etling, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 21), punt 75.
24 – Ara l-punt 77 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Kücükdeveci (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, C‑555/07, Ġabra p. I‑0000)
25 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB (C‑400/10 PPU, Ġabra p. I‑0000, punt 51), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB Deutsche Energiehandels-und Beratungsgesellschaft (C‑279/09, Ġabra p. I‑0000, punt 30).
26 – Sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 63); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 23); tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 74), u tal-1 ta’ Marzu 2011, Association Belge des Consommateurs Test-Achats et (imsejħa “Test Achats”, C‑236/09, Ġabra p. I‑0000, punt 28).
27 – Sentenza Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 24), punt 50.
28 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Arcelor (nota ta’ qiegħ il-paġna 26), point 26, u Test Achats (nota ta’ qiegħ il-paġna 26), punt 29, u tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna (C‑221/09, Ġabra p. I‑0000, punt 93).
29 – Sentenza Arcelor, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 26), punt 26.
30 – Ara l-premessi 25 u 27 tar-Regolament Nru 73/2009, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3).
31 – Sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punt 68), u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, Ġabra p. I‑0000, punt 70). Ara wkoll, dwar dan is-suġġett, il-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, C‑499/08, Ġabra p. I‑0000).
32 – Ara l-premessa 5 tar-Regolament Nru 1782/2003, kif ukoll il-premessi 8 u 9 tar-Regolament Nru 73/2009, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3).
33 – Ara l-Artikoli 93(1) u 94(1) u l-premessa 70 tar-Regolament Nru 1698/2005.
Full & Egal Universal Law Academy