KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fis-6 ta’ Settembru 2011 ( 1 )
Kawża C-249/10 P
Brosmann Footwear (HK) Ltd et
Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd,
Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd,
Risen Footwear (HK) Co. Ltd
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Appell — Politika kummerċjali komuni — Dumping — Artikoli 2(7), 3(7), 5(4), 9(5) u (6), 17(3), tar-Regolament (KE) Nru 384/96 — Importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam — Status ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq — Trattament individwali — Metodu tat-teħid tal-kampjuni — Kooperazzjoni tal-industrija tal-Unjoni”
I – Introduzzjoni
1.
Permezz tal-appell tagħhom, Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd u Risen Footwear (HK) Co. Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien “Brosmann Footwear et”) jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Marzu 2010, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha, il-Kunsill ċaħad ir-rikors tagħhom għall-annullament parzjali intiż kontra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1472/2006, tal-5 ta’ Ottubru 2006, [li] jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ lbies għar-riġlejn [żraben] bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Vjetnam ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Definittiv”).
2.
Essenzjalment, l-interess f’din il-kawża jirreferi għall-istruttura ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 4 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 ( 5 ) (iktar ’il quddiem “ir-Regolament bażiku”).
3.
Essenzjalment, l-appell iwassal b’mod partikolari għall-eżami tal-portata tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku li jagħti lill-Kummissjoni Ewropea l-possibbiltà li tillimita l-investigazzjoni tagħha għall-kampjun rappreżentattiv tal-esportaturi u tal-produtturi tal-pajjiżi terzi kkonċernati u li ma teżaminax l-applikazzjonijiet għall-kalkolu ta’ “marġni ta’ dumping individwali” fformulata mill-impriżi li ma kinux inklużi fil-kampjun iżda li ppreżentaw l-informazzjoni kollha meħtieġa fit-terminu previst, “fil-każ li n-numru ta’ esportaturi jew ta’ produtturi huwa daqshekk kbir li eżaminazzjoni individwali kienet ser tkun ta’ piż żejjed u kienet ser iżomm l-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin”.
4.
F’dan ir-rigward, b’mod iktar partikolari dan jirrigwarda l-verifika dwar jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun issostni li, abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kienet daqstant kompetenti, fid-dawl tal-għadd ta’ esportaturi u produtturi kkonċernati, li tirrifjuta li teżamina l-applikazzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ impriża li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem l-“SES”), irregolat mill-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-applikazzjonijiet imsejħa ta’ trattament individwali (iktar ’il quddiem “TI”), imsemmija fl-Artikolu 9(5) ta’ dan l-istess regolament, introdotti mill-esportaturi u mill-produtturi li ma kinux inklużi fil-kampjun.
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata
5.
L-appellanti jiġifieri Brosmann Footwear et, huma kumpanniji produtturi u esportaturi ta’ żraben stabbiliti fiċ-Ċina.
6.
Wara ilment ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2005 mill-Confédération européenne de l’industrie de la chaussure (CEC), il-Kummissjoni bdiet proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam. L-avviż tal-ftuħ ta’ din il-proċedura ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2005 ( 6 ) (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-ftuħ tal-proċedura”).
7.
Fid-dawl tan-numru kbir ta’ partijiet ikkonċernati f’din il-proċedura, ġie kkunsidrat, fil-punt 5(1)(a) tal-avviż tal-ftuħ tal-proċedura, illi jsir użu mit-teknika tat-teħid tal-kampjuni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
8.
L-avviż tal-ftuħ indika wkoll fil-punt 5.1(b) tiegħu li l-produtturi-esportaturi li japplikaw il-kalkolu ta’ marġni individwali fid-dawl tal-implementazzjoni tal-Artikoli 17(3) u 9(6) tar-Regolament bażiku kellhom jirritornaw kwestjonarju komplut fiż-żmien stipulat mill-imsemmi avviż, jiġifieri erbgħin jum mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
9.
Il-punt 5.1(e) tal-avviż tal-ftuħ intitolat “stat ta’ kumpannija li topera skont il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq”, iddikjara li l-valur normali taż-żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda offerti għall-bejgħ minn produtturi li jaħsbu sabiex joperaw f’tali kundizzjonijiet, skont l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, jkun iddeterminat skont l-Artikolu 2(7)(b) ta’ dan l-istess regolament. Il-produtturi li kellhom l-intenzjoni jippreżentaw applikazzjoni SES kienu mitluba jiżguraw li l-applikazzjonijiet tagħhom jaslu għand il-Kummissjoni fiż-żmien speċifiku indikat fil-punt 6(d) tal-avviż tal-ftuħ, jiġifieri fi żmien ħmistax-il jum wara d-data ta’ pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż.
10.
Skont il-punt 6(d) tal-avviż tal-ftuħ, dan l-istess żmien japplika wkoll għall-applikazzjonijiet ta’ TI introdotti skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.
11.
Brosmann Footwear et ikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi pprovdewlha, fiż-żmien indikat, l-informazzjoni mitluba fil-punt 5(1)(a)(i) u (e) tal-avviż tal-ftuħ sabiex ikunu jiffurmaw parti mill-kampjun tal-produtturi-esportaturi li din l-istituzzjoni pproponiet li tistabbilixxi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u sabiex jingħataw l-SES jew, fin-nuqqas, li jibbenefikaw mit-TI.
12.
Fit-23 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 553/2006 li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li joriġinaw miċ-Ċina u mill-Vjetnam ( 7 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).
13.
Skont il-premessa disa’ tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kopriet il-perijodu mill-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tal-kawżi rilevanti sabiex jiġi evalwat id-dannu kien jirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Marzu 2005.
14.
Meta jitqies il-bżonn li jiġi stabbilit valur normali għal dak li jirrigwarda l-prodotti tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi u Vjetnamiżi għal liema l-SES setgħet ma ngħatatx, żjara ta’ verifika kienet maħsuba sabiex tistabbilixxi l-valur normali fuq il-bażi ta’ data li tikkonċerna pajjiż simili, li f’dan il-każ kien ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil, ġiet affettwata fi tliet kumpanniji Brażiljani (premessa tmienja tar-Regolament provviżorju).
15.
Sabiex tistabbilixxi d-dumping, il-Kummissjoni użat it-teknika tat-teħid ta’ kampjun. Skont il-premessa ħamsa u ħamsin tar-Regolament provviżorju, fost il-produtturi-esportaturi Ċiniżi li resqu ’l quddiem sabiex jiġu inklużi fil-kampjun, 154 minnhom esportaw lejn il-Komunità Ewropea waqt il-perijodu ta’ investigazzjoni. Skont din l-istess premessa, fil-bidu, dawn il-kumpanniji tqisu li kooperaw u ġew ikkunsidrati għall-finijiet tal-kompożizzjoni tal-kampjun.
16.
Mill-premessa seba’ u ħamsin tar-Regolament provviżorju jirriżulta li l-Kummissjoni fl-aħħar nett ħadet kampjun li kien jinkludi tlettax-il produttur-esportatur Ċiniż li jirrappreżentaw iktar minn 20 % tal-volum tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Komunità. Mill-premessa seba’ u sittin sal-premessa disa’ u sittin tar-regolament provviżorju jirriżulta li l-applikazzjonijiet għall-għoti tal-SES ta’ dawn il-produtturi-esportaturi kienu kollha rrifjutati mill-Kummissjoni. Skont il-premessa wieħed u disgħin sal-premessa erba’ u disgħin tar-Regolament provviżorju, l-applikazzjonijiet ta’ TI ta’ dawn il-produtturi-esportaturi ġew wkoll esklużi kollha.
17.
Skont il-premessa tnejn u sittin tar-Regolament provviżorju, il-produtturi-esportaturi mhux magħżula fil-kampjun ġew informati li kull dazju antidumping li jikkonċernahom kien ser jiġi kkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Skont il-premessa erba’ u sittin tar-Regolament provviżorju, erba’ produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma kinux inklużi fil-kampjun talbu kalkolu tal-marġni individwali ta’ dumping skont l-Artikoli 9(6) u 17(3) tar-Regolament bażiku. Dawn l-applikazzjonijiet madankollu ma ġewx eżaminati bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni kkunsidrat, bl-implementazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li tali eżaminazzjoni individwali kienet ser tkun ta’ piż żejjed u kienet ser iżomm l-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-marġni ta’ dumping ta’ dawn il-produtturi-esportaturi ġie ddeterminat billi ġiet stabbilita l-medja peżata tal-marġni ta’ dumping tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-kampjun (premessi mija ħamsa u tletin u mija tlieta u erbgħin tar-Regolament provviżorju).
18.
Għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-industrija Komunitarja, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa mija u ħamsin tar-Regolament provviżorju, li l-persuni li jilmentaw jammontaw għal 42 % tal-produzzjoni totali Komunitarja tal-prodott ikkonċernat. Skont il-premessa ħamsa u sittin u mija wieħed u ħamsin tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ għaxar produtturi Komunitarji stabbilit fuq il-bażi tal-volum tal-produzzjoni u tal-istabbiliment tagħhom. Il-produtturi inklużi fil-kampjun jirrappreżentaw 10 % tal-produzzjoni tal-persuni li jilmentaw. B’hekk, ġie kkunsidrat li t-814-il produttur Komunitarju li f’isimhom kien ġie ppreżentat l-ilment kienu jikkostitwixxu l-“industrija Komunitarja” fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku (premessa mija tnejn u ħamsin tar-Regolament provviżorju).
19.
Għal dak li jirrigwarda l-identità tal-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun, il-Kummissjoni osservat li xi wħud kellhom, fil-Komunità, klijenti li kienu jfornu ruħhom ukoll miċ-Ċina u mill-Vjetnam, u li b’hekk kienu jibbenefikaw direttament mill-importazzjonijiet inkwistjoni. Konsegwentement, l-imsemmija produtturi jinsabu f’“sitwazzjoni delikata”, peress li xi wħud mill-klijenti tagħhom jistgħu jieħduha kontrihom talli ppreżentaw jew appoġġaw ilment dwar il-prattiċi preżunti ta’ dumping dannuż. B’hekk, dawn il-produtturi kkunsidraw li huma jistgħu jkunu l-“mira ta’ attakki” minn naħa ta’ xi wħud mill-klijenti tagħhom, li jistgħu eventwalment iwasslu għat-tmiem tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. B’hekk, il-Kummissjoni laqgħet it-talba għall-kunfidenzjalità tal-kumpanniji magħżula fil-kampjun f’dak li jirrigwarda l-iżvelar ta’ isimhom (premessa tmienja tar-Regolament provviżorju).
20.
Fil-5 ta’ Ottubru 2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-regolament definittiv. Skont dan ir-regolament, il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda naturali jew rikostitwita, bl-esklużjoni taż-żraben tal-isports, tal-iSTAF, tal-papoċċi u ta’ żraben oħra ta’ ġewwa u ta’ żraben b’maskretta protettiva li joriġinaw miċ-Ċina u li jaqgħu taħt diversi intestaturi tan-Nomenkaltura Magħquda (Artikolu 1 tar-Regolament definittiv).
21.
F’dak li jirrigwarda r-rappreżentattività tal-kampjun tal-produtturi Ċiniżi, il-Kunsill enfasizza, fil-premessa erba’ u erbgħin tar-Regolament definittiv, li l-impriżi li jiffurmaw parti minnu jirrapreżentaw iktar minn 12 % tal-esportazzjonijiet lejn il-Komunità provenjenti minn produtturi li kkooperaw fl-investigazzjoni. Peress li l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku ma jipprovdix għal limitu tal-livell ta’ rappreżentattività, il-kampjun stabbilit huwa rappreżentattiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
22.
Skont il-premessa tnejn u sebgħin tar-Regolament definittiv, il-Kunsill iddeċieda li jagħti l-SES għal wieħed mill-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun, jiġifieri l-impriża Golden Step, fir-rigward tal-bidla fiċ-ċirkustanzi relatati ma’ din il-kumpannija.
23.
Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament definittiv, ir-rata ta’ dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Komunità qabel id-dazju, ġiet stabbilita għal-16.5% għaż-żraben immanifatturati minn ħdax il-kumpannija Ċiniża inklużi fil-kampjun iżda għal liema l-SES ġie rrifjutat. Dan l-ammont ġie ffissat għal 9.7 % għal Golden Step. Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament definittiv, dan l-ammont kien applikabbli għal perijodu ta’ sentejn.
24.
Fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjonijiet imressqa minn diversi kumpanniji dwar l-għoti tal-SES u/jew ta’ TI, li dwarhom il-Kummissjoni ma kkumentatx, il-Kunsill iddeċieda li l-fatt li l-Kummissjoni ma weġbitx individwalment għal kull applikazzjoni li ġiet imressqa lilha f’dan ir-rigward ma kkostitwietx ksur tar-Regolament bażiku.
25.
Ir-rata tad-dazju antidumping applikabbli għaż-żraben immanifatturati minn dawn il-kumpanniji, inklużi Brosmann Footwear et, ġiet iffissata għal 16.5 %.
26.
Fir-rigward tal-kampjun tal-produtturi Komunitarji, il-Kunsill ċaħad, fil-premessi tlieta u ħamsin sa disa’ u ħamsin tar-Regolament definittiv, l-ilmenti kollha li jikkontestaw ir-rappreżentattività tagħha u, konsegwentement, ikkonferma l-evalwazzjonijiet li l-Kummissjoni kienet wettqet fir-Regolament provviżorju.
27.
Fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija Komunitarja, il-Kunsill enfasizza, fil-premessa mija seba’ u ħamsin tar-Regolament definittiv, li l-ebda waħda mill-persuni li lmentaw ma kienet naqset milli jikkoopera fl-investigazzjoni. Il-kwestjonarji kompluti dwar id-dannu ma ntbagħtux ħlief lill-produtturi Komunitarji magħżula fil-kampjun, liema ħaġa tirriżulta min-natura stess tat-teħid tal-kampjun (premessa mija tmienja u ħamsin tar-Regolament definittiv).
28.
Insostenn tar-rikors tagħhom għall-annullament parzjali tar-Regolament definittiv quddiem il-Qorti Ġenerali, Brosmann Footwear et qajmu tmien motivi. Fost dawn il-motivi jinsabu dawk ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikoli 2(7)(b) u 9(5) tar-Regolament bażiku, kif ukoll il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, it-tieni nett, tal-ksur tal-Artikoli 2(7)(ċ) u 18 tar-Regolament bażiku kif ukoll tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tielet nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, ir-raba’ nett, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll ta’ ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 253 KE u, il-ħames nett, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.
29.
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali irrifjutat dawn il-motivi kollha u kkundannat lil Brosmann Footwear et għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
30.
Fit-18 ta’ Mejju 2010, Brosmann Footwear et ressqu appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza appellata.
31.
Brosmann Footwear et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata, minħabba li l-Qorti Ġenerali ma annullatx ir-Regolament definittiv u minħabba li kkundannathom għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tadotta deċiżjoni finali u tannulla r-Regolament definittiv; u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
32.
Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiċħad l-appell;
—
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u
—
sussidjarjament, tirrifjuta l-appell u fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Brosmann Footwear et għall-ispejjeż tal-istanza.
33.
Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta l-appell u tikkundanna lil Brosmann Footwear et għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.
IV – Analiżi
34.
Insostenn tal-appell tagħhom, Brosmann Footwear et, invokaw, essenzjalment, ħames aggravji li jirrelataw mal-ħames motivi imqajma fl-ewwel istanza elenkati fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
35.
L-ewwel żewġ aggravji tal-appell huma essenzjalment ibbażati fuq żbalji ta’ liġi li allegatament twettqu mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tar-Regolament bażiku li għaliha l-istituzzjonijiet setgħu jiġu eżentati milli jeżaminaw l-applikazzjonijiet SES/TI tal-produtturi-esportaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun. It-tielet motiv tal-appell huwa bbażat fuq diversi żbalji tal-liġi u ta’ żnaturament tal-provi relatati mal-grad suffiċjenti tal-kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja matul l-investigazzjoni u l-kondotta ta’ dawn tal-aħħar. Ir-raba’ motiv tal-appell huwa bbażat fuq żball tal-liġi u ta’ żnaturament tal-provi fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja. Fl-aħħar, fil-ħames motiv tal-appell, Brosmann Footwear et jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli żbaljat fil-liġi u żnaturat il-provi relattivi għall-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn id-dumping u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja.
A – Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju, ibbażati fuq żball tal-liġi li jeżenta lill-istituzzjonijiet mill-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet SES/TI tal-produtturi-esportaturi mhux fil-kampjuni.
36.
Qabel ma jiġu spjegati u eżaminati l-ewwel żewġ aggravji, huwa importanti li jitfakkar li l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tirrifjuta t-teżi ta’ Brosmann Footwear et fl-ewwel istanza li skont din, essenzjalment, kien il-kompitu tal-istituzzjonijiet li jeżaminaw l-applikazzjonijiet SES/TI tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma ġewx inklużi fil-kampjun miżmum matul l-investigazzjoni antidumping.
1. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
37.
L-ewwel nett, f’punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tinnota li t-teknika tat-teħid tal-kampjuni, bħala teknika li tippermetti li tilqa’ għan-numru sinjifikattiv ta’ persuni li jilmentaw, ta’ esportaturi, ta’ importaturi, ta’ tipi ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet, tikkostitwixxi limitazzjoni tal-investigazzjoni, skont l-Artikolu 17(1) u (3) u l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward ta’ dawn l-istess artikoli, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ir-rikors għal din it-teknika tat-teħid tal-kampjuni huwa madankollu soġġett għall-osservanza ta’ żewġ obbligi, jiġifieri, minn naħa, li l-kampjun ikkostitwit ikun rappreżentattiv u, min-naħa l-oħra, li l-marġni tad-dumping stabbilit għall-produtturi peress li ma jagħmilx parti mill-kampjun ma jaqbiżx il-marġni medju tad-dumping stabbilit għall-partijiet inklużi fil-kampjun (punt 73 tas-sentenza kkontestata).
38.
Il-Qorti Ġenerali fakkret li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu l-possibbiltà lil kull produttur mhux inkluż fil-kampjun li jitlob li l-marġni tad-dumping jiġi kkalkolat individwalment, bil-kundizzjoni li huwa jagħti l-informazzjoni kollha meħtieġa fit-termini previsti f’dan ir-rigward u li din l-operazzjoni la tikkomplika x-xogħol tal-Kummissjoni u lanqas ma timpediha milli tikkonkludi l-investigazzjoni fi żmien xieraq (punt 74 tas-sentenza appellata).
39.
Wara li ġie wkoll deskritt il-kontenut tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali sabet, fil-punt 76 tas-sentenza appellata li “l-produtturi li ma humiex inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu l-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali, li jippreżumi li talba għal SES/TI tiġi aċċettata meta tirrigwarda pajjiżi kkonċernati mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, biss fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, din l-aħħar dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa ta’ evalwazzjoni dwar jekk, fid-dawl tan-numru ta’ talbiet għal SES/TI, l-eżami tagħhom jikkomplikax b’mod inġustifikat l-inkarigu tagħha u jipprekludix il-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.”
40.
Il-Qorti Ġenerali minn dan iddeduċiet li, l-ewwel nett, f’każ ta’ rikors għat-teknika tat-teħid tal-kampjuni, ir-Regolament bażiku ma jagħtix lill-operaturi li ma jagħmlux parti mill-kampjun id-dritt inkondizzjonat għall-benefiċċju ta’ kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali, l-aċċettazzjoni ta’ tali applikazzjoni li tiddependi tabilħaqq fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-implementazzjoni tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku (punt 77 tas-sentenza appellata). It-tieni nett, l-għoti tal-SES jew ta’ TI ma jservux, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, li jiddetermina l-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina l-applikazzjonijiet tal-SES/TI li ġejjin minn operaturi li ma jagħmlux parti mill-kampjun, meta kkonkludiet, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-kalkolu ta’ tali marġni tkun ta’ piż żejjed u kienet ser iżomm l-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin (punt 78 tas-sentenza appellata) u t-tielet nett, fil-każ ineżami, ma kienx appellat il-kalkolu tal-marġni tad-dumping individwali tal-operaturi kollha li ma jagħmlux parti mill-kampjun u wara li fformulaw applikazzjoni f’dan is-sens kienu ta’ piż żejjed u żammew l-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin (punt 79 tas-sentenza appellata).
41.
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-argumenti ta’ Brosmann Footwear et, li tgħid li l-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku obbliga lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-applikazzjonijiet għall-SES/TI li ġejjin mill-operaturi li ma humiex inklużi fil-kampjun, u dan anki meta ma jiġix applikat għalihom marġni ta’ dumping individwali, kellha tiġi rrifjutata (punt 80 tas-sentenza appellat).
42.
Il-Qorti Ġenerali lanqas ma laqgħet l-argument tagħhom ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, minn naħa, bejn il-kumpanniji li jappartjenu għall-kampjun u dawk li ma jappartjenux minħabba li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kumpanniji jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti (punt 81 tas-sentenza appellata) u, min-naħa l-oħra, bejn kumpanniji li ma jagħmlux parti mill-kampjun, fost dawk li jkun “jixirqilhom” l-SES jew TI u dawk li japplikaw għall-SES jew it-TI u jkunu ġew irrifjutati, minħabba li, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija mill-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina l-applikazzjonijiet kollha tal-SES/TI (punt 83 sa 85 tas-sentenza appellata).
43.
Dwar in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku sabiex jiddeċiedu fuq applikazzjoni SES, il-Qorti Ġenerali sabet, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti tagħha li għaliha “il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta naqset milli teżamina t-talbiet għal SES/TI ta’ Brosmann Footwear et, dawn il-kumpanniji ma humiex ġustifikati li jinvokaw l-iskadenza tat-terminu […] peress li dan it-terminu jirrigwarda l-każijiet li fihom il-Kummissjoni hija marbuta li teżamina l-imsemmija talbiet”.
2. L-argumenti tal-partijiet
44.
Fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħhom, Brosmann Footwear et jikkritikaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali sostnuti fil-punt 78 tas-sentenza appellata li għaliha l-istituzzjonijiet ma kinux obbligati jeżaminaw l-applikazzjonijiet tagħhom ta’ SES/TI. F’dan ir-rigward, Brosmann Footwear et jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fuq l-istess punt tas-sentenza, li l-għoti ta’ SES jew ta’ TI jservi biss sabiex jiddetermina l-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali fir-rigward ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali.
45.
Billi tagħmel dan, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod żbaljat, fil-punti 76 sa 85 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni ta’ SES/TI ta’ Brosmann Footwear et għall-applikazzjoni ta’ kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Issa, Brosmann Footwear et ma kinux applikaw għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali jew ta’ rati ta’ dazju individwali. Huma min-naħa l-oħra applikaw għar-rikonoxximent tal-fatt li huma joperaw f’“Ċina li għandha ekonomija tas-suq” u sabiex jingħataw r-rata tad-dazju medja differenzjata applikabbli għall-produtturi li joperaw f’“Ċina li għandha ekonomija tas-suq” (jiġifieri dawk li jibbenefikaw minn SES jew minn TI inklużi fil-kampjun). F’dan il-każ, Brosmann Footwear et jispeċifikaw li l-produtturi kollha li ma humiex inklużi fil-kampjun, iżda li “jixirqilhom” l-għoti tal-SES imisshom ġew mogħtija dazju antidumping ugwali għal dak li ngħata lill-Golden Step (9.7 %), l-unika kumpannija fil-kampjun li bbenefikat mill-SES u mhux minn dazju medju differenzjat mill-impriżi kollha li ġew inlużi fil-kampjun (16.5 %). Li wieħed jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet jistgħu jipproċedu mod ieħor jiġi injorat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
46.
Għalhekk, skont Brosmann Footwear et, il-Qorti Ġenerali ma tistax issostni li huwa permissibbli għall-istituzzjonijiet li ma jeżaminawx l-applikazzjonijiet SES/TI fil-ġustifikazzjoni, applikabbli għall-applikazzjoni tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali, li għaliha n-numru ta’ applikazzjonijiet kien daqshekk kbir li l-eżaminazzjoni tagħhom kienu żammu l-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin.
47.
Skont it-tieni aggravju tagħhom, Brosmann Footwear et isostnu fl-ewwel lok li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku billi kkunsidrat, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twieġeb sal-limitu impost ta’ tliet xhur previst fl-imsemmi artikolu sabiex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet SES/TI tal-impriżi li ma humiex fil-kampjun.
48.
Fit-tieni lok, Brosmann Footwear et jsostnu li l-Qorti Ġenerali kienet kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom ma eżaminatx l-allegazzjonijiet li għaliha l-istituzzjonijiet kienu kisru l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku billi ma ddeċidietx fuq il-SES u/jew it-TI ta’ produtturi Ċiniżi li ma jagħmlux parti mill-kampjun, fi żmien tliet xhur mid-data tal-ftuħ tal-investigazzjoni.
49.
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproponu li dawn iż-żewġ aggravji tal-appell għandhom jiġu miċħuda.
50.
Skont il-Kunsill, il-Qorti Ġenerali, ġustament, spjegat ir-rabtiet bejn l-Artikoli 17 u 2(7) tar-Regolament bażiku. Meta jintuża għat-teħid tal-kampjuni, l-uniċi esportaturi li jagħmlu parti mill-kampjun jew l-esportaturi li ma jagħmlux parti mill-kampjun u għalhekk l-applikazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali ngħatat skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku tista’ tikseb marġni ta’ dumping individwali. L-esportaturi li ma jagħmlux parti mill-kampjun u għalhekk l-imsemmija applikazzjoni ma kinitx miksuba skont l-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament, ma jistgħux jiksbu marġni ta’ dumping individwali, sew jekk huma jew ma humiex stabbiliti f’pajjiż b’ekonomija ta’ suq. B’hekk, il-Kunsill jikkalkula li, f’każ li pajjiż ma għandux ekonomija ta’ suq, l-applikazzjonijiet SES/TI għandhom bħala għan li jħallu lill-kumpanniji li ma jagħmlux parti mill-kampjun, jew għal dawk li l-applikazzjoni inkisbet skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li jikseb marġni ta’ dumping individwali. L-allegazzjonijiet ta’ Brosmann Footwear et jkunu fi kwalunkwe każ irrilevanti kif huma stess jenfasizzaw ġustament li ma għandhomx jitolbu d-dritt li jibbenefikaw minn marġni ta’ dumping individwali.
51.
L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali sostnuta fil-punt 78 tas-sentenza appellata hija wkoll fondata, peress li l-Qorti Ġenerali ma indikatx li Brosmann Footwear et ser jitolbu l-SES u/jew it-TI sabiex jiksbu marġni ta’ dumping individwali. L-allegati żbalji oħra ta’ dritt invokati minn Brosmann Footwear et ikunu jew appoġġati, jew inammissibbli.
52.
Il-Kummissjoni żżid li, skont dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, ma jeżisti l-ebda obbligu għall-istituzzjonijiet sabiex jevalwaw kull applikazzjoni SES/TI, inkluż meta jiddeċiedu li jintużaw għat-teħid tal-kampjuni. Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 77 tas-sentenza appellata, l-istituzzjonijiet setgħu jkunu limitati li jeżaminaw l-applikazzjonijiet inklużi fil-kampjuni, peress, li f’dan il-każ, kif il-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 84 tas-sentenza appellata, ma jkunx ikkontestat ħlief il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali għall-operaturi kollha li ma jagħmlux parti mill-kampjun u li jkunu applikaw f’dan is-sens jikkomplika b’mod inġustifikat l-inkarigu tal-istituzzjonijiet u jipprekludi l-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.
53.
Fir-rigward tat-tieni aggravju, il-Kunsill u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li dan huwa parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli. Fir-rigward tal-eċċess tat-terminu ta’ tliet xhur sabiex jeżaminaw l-applikazzjonijiet SES/TI ta’ Brosmann Footwear et, dawn l-istituzzjonijiet jirreferu għall-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali magħmula fil-punt 92 tas-sentenza appellata. Għalhekk, sa fejn ma kienx għall-istituzzjonijiet li jeżaminaw l-applikazzjonijiet SES/TI tal-kumpanniji mhux fil-kampjun, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinsistu li t-terminu ta’ tliet xhur, imsemmija fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, ma għandu l-ebda rilevanza għalihom. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ għarfien tal-istess limitu fl-eżami tal-applikazzjonijiet SES/TI tal-kumpanniji inklużi fil-kampjun, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkunsidraw li din il-parti ma tqajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk tikkostitwixxi metodu inammissibbli ġdid fl-istadju tal-appell.
3. Analiżi
54.
Dawn l-ewwel żewġ aggravji tal-appell jirrigwardaw il-kwistjoni tal-portata tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku.
55.
Ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jawtorizza l-Kummissjoni tirrikorri għat-teknika tat-teħid tal-kampjuni, b’mod partikolari fil-każ fejn in-numru tal-persuni li jilmentaw jew ta’ esportaturi huwa kbir.
56.
Barra minn hekk, Brosmann Footwear et ma jikkritikawx iktar l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, sostnuta fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li għaliha l-użu tat-teħid tal-kampjuni jikkostitwixxi limitu tal-investigazzjoni.
57.
Għalhekk, bħal ma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-esportaturi jew il-produtturi mhux inklużi fil-kampjun ma jagħmlux parti mill-investigazzjoni.
58.
Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku jimmodera xi ftit din id-dikjarazzjoni f’dan il-każ partikolari tal-applikazzjonijiet ta’ kalkolu ta’ “marġni ta’ dumping individwali”.
59.
Fil-fatt, huwa mistenni f’din id-dispożizzjoni li, meta l-Kummissjoni tagħmel użu mill-metodu tat-teħid tal-kampjuni, l-esportaturi jew il-produtturi ma jidhrux fil-kampjun iżda min ippreżenta l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin previst jista’ “madankollu” jibbenefika mill-kalkolu ta’ “marġni ta’ dumping individwali”. Din il-possibbiltà offruta lill-produtturi jew lill-esportaturi mhux fil-kampjun tiġi applikata “ħlief fil-każijiet fejn in-numru [tagħhom] huwa tant kbir li l-eżamijiet individwali jikkumplikaw b’mod inġustifikat l-inkarigu u jipprekludu l-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq”.
60.
Nixtieq infakkar li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, minn naħa, fil-punti 76 u 77 ta’ din is-sentenza, li l-ammissjoni ta’ applikazzjoni ta’ evalwazzjoni ta’ SES/TI fil-każ ta’ pajjiżi msemmija fl-Artikolu 2(7)(b) tar-regolament bażiku, mingħajr madankollu li, fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament, operatur mhux inkluż fil-kampjun jista’ jgawdi minn dritt inkundizzjonat tal-kalkolu tal-imsemmi marġni. Min-naħa l-oħra, din iddeċiediet, fil-punt 78 tal-istess sentenza, li l-għoti ta’ SES jew ta’ TI jservu biss sabiex jiddeterminaw il-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali skont il-kalkolu ta’ marġnijiet ta’ dumping individwali, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku ppermetta lill-Kummissjoni ma teżaminax l-applikazzjonijiet SES/TI li ġew mingħand operaturi mhux fil-kampjun jekk il-kalkolu ta’ tali marġni jikkomplika b’mod inġustifikat l-inkarigu u jipprekludi l-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.
61.
L-analiżi li saret fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata ma hijiex —ġustament — is-suġġett tal-kritika ta’ Brosmann Footwear et.
62.
Fil-fatt, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tkompli in fine bil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali, l-esportaturi jew produtturi ta’ pajjiż mingħajr ekonomija ta’ suq, iżda membru fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandhom ikunu, minn qabel, jew jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-SES, jiġifieri jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku, jew, fil-każ fejn ma jibbenefikawx mill-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li meta l-valur normali jkun ikkalkolat fuq il-bażi tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jikseb l-applikazzjoni ta’ trattament individwali meta l-kundizzjonijiet huma rregolati permezz tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.
63.
Għalhekk, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali jiddependi mill-għoti jew ta’ SES jew ta’ TI. Dan il-kalkolu huwa madankollu suġġett għar-riżerva pprovduta fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku li għaliha l-eżami individwali ma għandux jikkumplika b’mod inġustifikat l-inkarigu tal-Kummissjoni u jipprekludi l-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 76 tal-imsemmija sentenza.
64.
Iktar problematika hija, fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali sostnuta fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li skont din, essenzjalment, l-SES u t-TI huma biss funzjonali għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali u li, għalhekk, il-Kummissjoni hija awtorizzata tirrifjuta li teżamina applikazzjonijiet SES/TI tal-esportaturi mhux fil-kampjun fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku meta l-kalkolu tal-imsemmija marġni jikkumplika b’mod inġustifikat l-inkarigu u jipprekludi l-konklużjoni tal-investigazzjoni fi żmien xieraq.
65.
Fil-fatt, jekk hemm lok li tiġi aċċettata li applikazzjoni ta’ għoti ta’ SES jew ta’ TI hija kundizzjoni sabiex jinkiseb kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali, tali applikazzjoni ma tidhirx li neċessarjament tqajjem il-kalkolu tal-imsemmija marġni. L-applikazzjonijiet tal-għoti ta’ SES u ta’ TI, minn naħa, u applikazzjoni ta’ kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali, min-naħa l-oħra, huma rregolati permezz ta’ dispożizzjonijiet u żminijiet differenti.
66.
Għalhekk, f’dan il-każ, l-avviż ta’ ftuħ jispeċifika li l-applikazzjonijiet SES, introdotti fuq il-bażi tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u l-applikazzjonijiet TI, sottomessi skont l-Artikolu 9(5) tal-istess regolament, kellhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni fi ħmistax-il ġurnata mill-ġurnata ta’ pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż, kif ukoll, fir-rigward tal-applikazzjonijiet ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping individwali, magħmula skont l-Artikoli 9(6) u 17(3) tar-Regolament bażiku, dawn għandhom jiġu indirizzati fi żmien erbgħin jum mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ ftuħ. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1 tal-istess avviż ta’ ftuħ, għal liema tirreferi l-Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza appellata, mill-bqija tenfasizza l-karattru fakultattiv ta’ applikazzjoni ta’ kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali mill-parti ta’ esportaturi jew ta’ produtturi li applikaw sabiex jibbenefikaw minn SES jew minn TI. Kif indikaw ukoll Brosmann Footwear et, applikazzjoni ta’ kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali għandha tinkludi informazzjoni supplimentari għall-applikazzjonijiet tal-għoti ta’ SES jew ta’ TI.
67.
Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 64 tar-regolament provviżorju imsemmi fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li l-uniċi erba’ produtturi-esportaturi Ċinizi li ma jagħmlux parti mill-kampjun użat mill-Kummissjoni applikaw għall-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali u kkomunikaw l-informazzoni meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Artikoli 9(6) u 17 (3) tar-Regolament bażiku fiż-żmien preskritt, tant li huwa kostanti li 141 produtturi-esportaturi Ċiniżi introduċew applikazzjonijiet tal-għoti ta’ SES u/jew ta’ TI, inklużi Brosmann Footwear et, min-naħa l-oħra, mingħajr ma dawn imlew fiż-żmien preskritt, il-kwestjonarju li jħallihom jitolbu l-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali.
68.
Barra minn hekk, jidher biċ-ċar, kemm mill-qafas legali kif ukoll mill-partijiet tal-kawża preżenti li l-operatur li jitlob SES jew TI mhux neċessarjament jallega l-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali. Mill-bqija ma huwiex obbligat.
69.
Sakemm applikazzjoni SES jew TI mhux neċessarjament marbuta ma’ applikazzjoni ta’ kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali, ma narax kif, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni speċifika ta’ kalkolu tal-imsemmija marġni, l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku jista’ jiġi estiż għat-trattament tal-applikazzjonijiet SES u/jew TI ta’ esportaturi jew ta’ produtturi mhux fil-kampjun.
70.
Għalhekk, jien nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku awtorizza lill-Kummissjoni sabiex ma teżaminax l-applikazzjonijiet SES/TI tal-kumpanniji, li, bħala Brosmann Footwear et, ma kinux parti mill-kampjun. Fil-fatt, dan l-artikolu jillimita ruħu li jippermetti lill-Kummissjoni li ma teżaminax l-applikazzjonijiet ta’ kalkolu ta’ dumping individwali ta’ kumpannija li ma hijiex fil-kampjun fil-kundizzjonijiet li jipprovdi.
71.
Min-naħa l-oħra, nikkalkula li dan l-iżball tal-liġi huwa irrilevanti peress li ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.
72.
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li huwa ġust, u mingħajr ma din l-evalwazzjoni tkun is-suġġett ta’ kritika min-naħa ta’ Brosmann Footwear et, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-teħid tal-kampjuni jikkostitwixxi limitazzjoni tal-investigazzjoni. Għalhekk din ma tirrigwardax kumpanniji li ma jagħmlux parti mill-kampjun.
73.
Kif semmejt qabel, l-unika eċċezzjoni għal din il-limitazzjoni tal-investigazzjoni, għalkemm hija stess immedjatament kwalifikata, tikkonċerna l-eżami tal-applikazzjonijiet ta’ kalkolu ta’ marġni ta’ dumping individwali ta’ esportaturi jew ta’ produtturi mhux fil-kampjun, previst fl-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Din l-eċċezzjoni li kellha tirċievi interpretazzjoni stretta, għalhekk ma testendix għall-applikazzjonijiet SES u ta’ TI introdotti permezz tal-produtturi jew esportaturi mhux fil-kampjuni.
74.
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ġustifikata, fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, li ma teżaminax l-applikazzjonijiet SES u TI tal-kumpanniji li ma jagħmlux parti mill-kampjun. In-nuqqas ta’ eżaminazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet huwa inerenti għall-użu tal-metodu tat-teħid tal-kampjuni, indipendentement mill-applikazzjonijiet ta’ paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu.
75.
F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnutat li Brosmann Footwear et ma kkontestawx il-kompożizzjoni tal-kampjun tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi u l-karattru rappreżentattiv tiegħu. Huma jillimitaw ruħhom, fil-punt 22 tal-appell, li jikkritikaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku użat mill-Qorti Ġenerali billi jsostnu li t-teħid tal-kampjuni ma jistax ikun stabbilit b’suċċess ħlief jekk sar wara li l-Kummissjoni ddeċidiet fuq l-applikazzjonijiet SES/TI.
76.
Issa, ma jistax jiġi argumentat li l-limitazzjoni tal-investigazzjoni li tirrigwarda t-teħid tal-kampjuni tista’ sseħħ biss wara li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet dwar l-applikazzjonijiet SES/TI kollha, jiġifieri inkluż dawk introdotti mill-kumpanniji mhux fil-kampjun. Sal-punt fejn, kif previst fl-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku, l-avviż ta’ ftuħ iħabbar il-ftuħ ta’ investigazzjoni u li l-applikazzjonijiet SES u TI jistgħu jintalbu biss wara dan il-ftuħ, il-limitu tal-investigazzjoni magħmul għall-użu tal-metodu tat-teħid tal-kampjuni jimplika neċessarjament li l-applikazzjonijiet SES u/jew TI tal-kumpanniji mhux inklużi fil-kampjun ma għandhomx ikunu eżaminati.
77.
In-nuqqas ta’ tali eżami ma jistabbilixxix, kuntrarjament għal dak li sostnew ukoll Brosmann Footwear et, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fost l-impriżi mhux fil-kampjun, bi preġudizzju għall-impriżi mhux fil-kampjun li kien “jixirqilhom” l-SES jew TI b’mod li, fir-rigward tal-kalkolu ta’ marġni ta’ dumping, huma jkunu trattati bl-istess mod bħall-kumpanniji mhux fil-kampjun, iżda li l-applikazzjonijiet ta’ SES u/jew TI jkunu ġew irrifjutati.
78.
Fil-fatt, minbarra li tali argument huwa minn natura tiegħu ipotetiku fil-każ ta’ Brosmann Footwear et, huwa importanti li jiġi nnotat li l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku jipprovdi li d-dazju antidumping tal-produtturi-esportaturi li ma ġewx inklużi fl-investigazzjoni ma għandhomx jeċċedu l-marġni medja mwieżna ta’ dumping stabbilita għall-partijiet li jikkostitwixxu l-kampjun. Din id-dispożizzjoni, li l-validità qatt ma ġiet ikkontestata minn Brosmann Footwear et, għalhekk ma jikkonferixxi l-ebda dritt għall-produtturi-esportaturi mhux fil-kampjun li jkunu talbu SES jew TI sabiex jiksbu mingħand l-istituzzjonijiet, kalkolu tal-medju mwieżen ta’ dumping minbarra dak li jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tal-kumpanniji kollha li jagħmlu parti mill-kampjun, indipendentement mill-fatt li dawn il-kumpanniji jiksbu jew le huma stess SES jew TI.
79.
Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u minkejja l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, huwa madankollu ġust li ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li tirrigwarda l-argument meħud mill-eċċess tal-limitu taż-żmien ta’ tlett xhur mogħti lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-applikazzjonijiet SES/TI ta’ Brosmann Footwear et, li dan it-terminu jikkonċerna biss l-eżami tal-applikazzjonijiet magħmula mill-kumpanniji li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, jiġifieri l-produtturi-esportaturi li jagħmlu parti mill-kampjun.
80.
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu stipulat għall-eżami tal-imsemmija applikazzjonijiet SES/TI introdotti minn dawn l-aħħar imsemmija kumpanniji, Brosmann Footwear et ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma rrispondietx, sal-punt li dan l-ilment ma kienx, essenzjalment, imqajjem fl-ewwel istanza. Fil-fatt, minkejja t-talba ta’ rappreżentant ta’ Brosmann Footwear et, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għaliha dan l-ilment kien ġie invokat fil-punt 67 tar-rikors, jirriżulta mill-kuntest fejn ġie artikulat l-imsemmi punt li n-nuqqas ta’ konformità tal-limitu taż-żmien ta’ tliet xhur ma hijiex applikata ħlief għall-applikazzjonijiet SES/TI introdotti minn Brosmann Footwear et u, strettament, mill-produtturi-esportaturi oħrajn Ċiniżi mhux fil-kampjun. Fil-fatt, dan il-punt jidħol fil-parti tar-rikors ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku kif ukoll, b’mod partikolari, tad-drittijiet tad-difiża. Peress li dawn id-drittijiet huma ta’ natura suġġettiva, din il-parti, kif hija fformulata, ma setgħetx validament issir referenza għall-kumpanniji Ċiniżi fil-kampjun fejn l-applikazzjonijiet SES/TI kienu ġew eżaminati mill-istituzzjonijiet. Għalhekk nissuġġerixxi li l-ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli fl-appell.
81.
Għal dawn il-motivi kollha, nipproponi li jiġu rrifjutati l-ewwel żewġ aggravji tal-appell, l-ewwel bħala inoperattiv, it-tieni bħala mhux fondat.
B – Dwar it-tielet aggravju, ibbażat fuq l-iżball ta ’ liġi u ta ’ żnaturament tal-provi relatati mal-grad suffiċjenti tal-kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja matul l-investigazzjoni u l-kondotta ta ’ din tal-aħħar
82.
Dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet ibbażati fuq żbalji ta’ liġi u ta’ żnaturament tal-provi relatati rispettivament mal-grad suffiċjenti ta’ kooperazzjoni tal-industrija Komunitarja waqt l-investigazzjoni u l-kondotta tagħha.
1. Fuq l-ewwel parti, bbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ żnaturament tal-provi relatati mal-grad suffiċjenti ta’ kooperazzjoni tal-industrija komunitarja waqt l-investigazzjoni.
a) L-argumenti tal-partijiet
83.
Skont Brosmann Footwear et, il-Qorti Ġenerali tillimita ruħha li teżamina jekk l-ilment jibbenefika minn sostenn li jiġġustifika l-ftuħ tal-investigazzjoni antidumping, iżda ma setgħetx tfittex jekk l-istituzzjonijiet għandhomx ġustament jistabbilixxu jekk it-804 produtturi komunitarji li ma humiex fil-kampjun, li wieġbu biss għall-ewwel kwestjonarju mibgħut qabel l-investigazzjoni (iktar ’il quddiem “kwestjonarju fuq il-locus standi), kellhomx kooperazzjoni suffiċjenti sabiex jiddeterminaw “il-locus standi waqt l-investigazzjoni”. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tivverifika jekk l-istituzzjonijiet kellhomx ġustament jikkunsidraw li l-eżiġenzi relattivi fuq il-locus standi kien għadhom mimlija waqt l-investigazzjoni. Għalhekk, Brosmann Footwear et jsostnu li ma huwiex ċar li l-grad kbir ta’ sostenn li jkunu rċevew li bbenefikaw mill-ilment qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni huwa l-istess bħal grad ta’ kooperazzjoni u tal-locus standi ladarba l-investigazzjoni inbdiet. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-istituzzjonijiet kienu obbligati jivverifikaw il-kooperazzjoni tat-804 kwerelanti billi jintbagħat lilhom il-kwestjonarju tat-teħid tal-kampjuni. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fil-punt 108 tas-sentenza appellata, għandu jkun dan il-kwestjonarju li normalment jintbagħat lill-produtturi Komunitarji sabiex jiġi vverifikat il-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjoni. Issa, meta jitqies essenzjalment fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza appellata, li l-istituzzjonijiet kienu intitolati li ma jibagħtux il-kwestjonarju tal-kampjun għall-804 produttur Komunitarju mhux fil-kampjun bil-għan li tiġi vverifikata l-kooperazzjoni tagħhom waqt l-investigazzjoni u billi jiġi ammess li sodisfatti min din il-verifikazzjoni l-unika dikjarazzjoni tagħhom bħala sostenn għall-ilment, magħmula minn risposta għall-kwestjonarju dwar il-locus standi, il-Qorti Ġenerali kellha tinjora l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku kif ukoll l-obbligazzjoni li tagħti raġuni għas-sentenza tagħha.
84.
L-evalwazzjonijiet imsemmija fil-punt 111 tas-sentenza appellata ser ikunu wkoll affettwati minn żnaturament tal-provi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tnaqqas mill-kwestjonarju fuq il-locus standi li l-produtturi Komunitarji jafu li l-informazzjoni li qed tiġi kkomunikata ser tkun suxxettibbli li tiġi vverifikata matul l-investigazzjoni u li r-risposti għal dawn id-dokumenti jkunu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kooperazzjoni waqt l-investigazzjoni.
85.
Għal dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, Brosmann Footwear et jallegaw li l-Qorti Ġenerali għalhekk għandha tikkonkludi li biss l-għaxar kumpanniji tal-Unjoni li kienu ġew inklużi fil-kampjun ikkooperaw fl-investigazzjoni, madankollu dan ma kienx biżżejjed sabiex jilħqu l-limitu tal-25 % meħtieġa sabiex jintlaħaq “il-locus standi matul l-investigazzjoni”. F’dawn il-kundizzjonijiet, dawn il-kumpanniji ma setgħux jirrappreżentaw b’mod xieraq “l-industrija Komunitarja” għall-fini tal-proċedura antidumping.
86.
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jipproponu li din l-ewwel parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda. Essenzjalment, dawn l-istituzzjonijiet jemmnu li l-produtturi tal-Unjoni, li rrispondew għall-kwestjonarju dwar il-locus standi u li kkonfermaw li jappoġġaw l-ilmenti, ikkooperaw. Konsegwentament it-814 kumpannija għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala rappreżentanti ta “l-industrija Komunitarja” fil-kuntest tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Xejn ma jobbliga lill-Kummissjoni tivverifika mill-ġdid jekk dawn il-kumpanniji kkooperawx sussegwentement għall-ftuħ tal-investigazzjoni.
b) Analiżi
87.
Hekk kif imsemmi fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament bażiku, f’każ ta’ investigazzjoni antidumping, il-Kummissjoni tindirizza diversi tipi ta’ kwestjonarji lill-partijiet ikkonċernati.
88.
In-natura u l-funzjonijiet ta’ dawn il-kwestjonarji madankollu ma humiex speċifikati fir-Regolament bażiku.
89.
Kif ġie enfasizzat mill-Kunsill u mingħajr ma ġiet ikkontestata minn Brosmann Footwear et, il-Kummissjoni indirizzat, b’mod ġenerali, żewġ tipi ta’ kwestjonarji għall-produtturi tal-Unjoni Ewropea li jikkawżaw ilment.
90.
Il-kwestjonarju dwar il-locus standi, bl-isem eżatt, fil-kawża, kif imsemmi fil-punt 110 tas-sentenza appellata, hija “ftuħ probabbli ta’ investigazzjoni antidumping dwar żraben tal-ġilda li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Vjetnam” jikkorrispondi għall-kwestjonarju li jevalwa l-grad ta’ sostenn tal-ilment. Konsegwentement, dan il-kwestjonarju huwa trażmess qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni.
91.
It-tieni kwestjonarju, imsejjaħ kwestjonarju tat-teħid tal-kampjuni, huwa trażmess lill-produtturi tal-Unjoni wara l-ftuħ tal-investigazzjoni. Dan il-kwestjonarju huwa ġeneralment komplut f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel lok, il-produtturi kollha jirċievu kwestjonarju qasir tal-kampjun fejn l-informazzjoni mitluba, b’mod partikolari l-volum ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ u r-risposti tagħhom isservi normalment sabiex jinkiseb il-kampjun rappreżentattiv. Fil-każ ta’ dan l-ewwel kwestjonarju, il-Kummissjoni titlob ukoll jekk, f’każ ta’ użu ta’ teknika tat-teħid tal-kampjuni, il-produtturi tal-Unjoni humiex lesti jappartjenu għall-kampjun, sabiex jipprovdu d-data kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tad-dannu, kif ukoll sabiex jippermetti lill-Kummissjoni twettaq verifiki fuq il-post. Fit-tieni lok, ladarba l-kampjun ikun kompost, il-Kummissjoni tindirizza biss il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun it-tieni parti tal-kwestjonarju — jiġifieri “l-kwestjonarju komplut tat-teħid tal-kampjuni” — li jwassal għall-evalwazzjoni ta’ dannu tal-industrija tal-Unjoni.
92.
F’dan il-każ, huwa stabbilit, kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni applikat proċedura differenti minħabba n-numru eċċezzjonalment għoli ta’ produtturi tal-Unjoni. B’hekk hija għażlet il-kampjun fuq il-bażi ta’ data miġbura permezz ta’ kwestjonarju dwar il-locus standi u indirizzat it-tieni kwestjonarju lill-kumpanniji biss tal-Unjoni Ewropea, għas-sors tal-ilment, inklużi fil-kampjun, sabiex fl-aħħar jipprovdu data b’mod partikolari relattiva għall-evalwazzjoni tad-dannu. Il-produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 804 kumpannija minn 814 produttur li f’isimhom l-ilment ġie ppreżentat, ma rċevewx għalhekk il-kwestjonarju qasir tal-kampjun.
93.
Fl-opinjoni ta’ Brosmann Footwear et, li jiġi ammess, bħal ma għamlet il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni tista’ tadotta tali approċċ imur kontra l-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, skont din l-opinjoni u f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma hijiex responsabbli sabiex tivverifika l-kooperazzjoni għall-investigazzjoni tal-kumpanniji mhux tal-kampjun. Għalhekk dawn il-kumpanniji għandhom jiġu esklużi mid-definizzjoni ta’ “industrija Komunitarja” skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dan għandu jwassal ukoll li jiġi stabbilit li r-rekwiżiti meħtieġa għas-sostenn ta’ ilment, il-kooperazzjoni għall-investigazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni permezz tad-dumping ma humiex sodisfatti.
94.
Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.
95.
Huwa stabbilit, l-ewwel nett, hekk kif sostniet il-Qorti Ġenerali fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li skont l-Artikolu 5(1) u (4) tar-Regolament bażiku, investigazzjoni antidumping hija raġonevolment miftuħa — ħlief skont l-applikazzjoni tal-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu, mhux applikabbli f’dan il-każ — jekk ilment huwa ppreżentat minn jew f’isem ta’ “l-industrija Komunitarja” Ilment jitqies li ġie ppreżentat minn jew f’isem l-industrija Komunitarja meta jkun sostnut minn produtturi Komunitarji li jirrappreżentaw, fir-rigward tal-prodott simili, iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili ġġenerata minn dik il-parti tal-industrija tal-Unjoni li tesprimi sostenn jew l-oppożizzjoni tagħha għall-ilment. Barra minn hekk, il-produtturi li jappoġġaw espressament l-ilment għandhom ukoll jirrappreżentaw mill-inqas 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili mmanifatturata mill-industrija Komunitarja.
96.
Hekk kif iddeċidiet ukoll il-Qorti Ġenerali fil-punt 105 tas-sentenza appellata, mingħajr ma kisbet ebda kritika minn Brosmann Footwear et fuq dak il-punt, “sostenn” għal ilment ippreżentat f’isem “l-industrija Komunitarja”, għall-finijiet tal-Artikolu 5(2) u (4) tar-Regolament bażiku, jimplika, l-ewwel nett li l-persuna jew persuni li jilmentaw kif ukoll il-persuni f’isem min dawn l-ilmenti ġew preżentati għandhom jipprovdu l-evidenza li l-Kummissjoni titlob sabiex tivverifika li r-rekwiżiti neċessarji għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping huma sodisfatti u, t-tieni nett, lu huma jaċċettaw li joqogħdu għal kwalunkwe kontrolli li l-Kummissjoni tista’ tagħmel sabiex jiġi eżaminat jekk il-provi provduti jikkorrispondux mar-realtà.
97.
Dan it-tieni impenn jirrappreżenta l-kooperazzjoni tal-investigazzjoni, fejn l-ebda definizzjoni pożittiva ma hija mogħtija mir-Regolament bażiku, iżda li skont l-Artikoli 6(8) u 18 tar-Regolament bażiku li tirreferi għalih, essenzjalment, jirrigwarda l-attitudni tal-partijiet ikkonċernati sabiex jieħdu sehem fit-tmexxija xierqa tal-investigazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-impenn tagħhom sabiex jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni u li jissottomettu lilhom infushom għall-verifika diliġenti permezz ta’ din tal-aħħar imsemmija.
98.
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi nnutat li r-Regolament bażiku ma jipprovdi l-ebda metodu partikolari sabiex jiġi identifikat is-sostenn tal-ilment jew li tiġi vverifikata l-kooperazzjoni għall-investigazzjoni min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni. Brosmann Footwear et jammettu ripetutament fl-appell tagħhom li, bħal dak li l-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet, ma jeżistix metodu uniku li jorbot lill-Kummissjoni ( 8 ). F’dan ir-rigward il-marġni wiesa’ ta’ evalwazzjoni li għandhom l-istituzzjonijiet, ġustament, ma jistgħux jobbligaw lill-Kummissjoni ssegwi approċċ partikolari għall-identifikazzjoni tas-sostenn tal-ilment jew il-verifika ta’ kooperazzjoni għall-investigazzjoni min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jkun stabbilit, bħal f’dan il-każ, li jeżisti numru eċċezzjonalment kbir ta’ produtturi tal-Unjoni li huma s-sors tal-ilment.
99.
Sussegwentement, jekk huwa ċar li l-kooperazzjoni tal-kumpanniji tal-kampjun għandha tkun totali matul l-investigazzjoni kollha, il-kooperazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni li ma humiex fil-kampjun tirrigwarda l-għoti ta’ informazzjoni li, minn naħa, tikkonkludi jew le għas-sħubija tal-imsemmija produtturi għall-“industrija Komunitarja” fis-sens li jiġi vverifikat is-sostenn tagħhom għall-ilment kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jipproċedu għall-kostituzzjoni tal-kampjun. Fil-fatt, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, ladarba l-kampjun kompost, il-produtturi tal-Unjoni li ma jappartjenux għal kampjun ma jieħdux iktar sehem, skont id-definizzjoni, għall-investigazzjoni.
100.
Issa, rigward l-ewwel element, jiġifieri l-verifika ta’ sostenn għall-ilment, Brosmann Footwear et ma jikkontestawx il-materjalità tal-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward għall-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata. Nixtieq inżid li, fid-dawl tal-preċiżjoni mogħtija fil-punt preċedenti fil-konklużjonijiet preżenti, kuntrarjament għal dak li jsostnu Brosmann Footwear et, ma kienx jiddependi fuq il-qorti tal-ewwel istanza li tivverifika “il-locus standi [tal-kumpanniji mhux fil-kampjun] matul l-investigazzjoni”. Fil-fatt, jekk din l-aħħar imsemmija espressjoni għandha tinftiehem li l-verifikazzjoni tal-kooperazzjoni wara l-kompożizzjoni tal-kampjun, dik l-operazzjoni sseħħ totalment biss fir-rigward tal-kumpanniji li jagħmlu parti mill-imsemmi kampjun.
101.
Fir-rigward tat-tieni prova, jiġifieri l-kostituzzjoni tal-kampjun, Brosmann Footwear et ġustament jindikaw, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha l-informazzjoni meħtieġa, fuq il-bażi tal-kwestjonarju indirizzata minn 814 produttur tal-Unjoni ( 9 ), sabiex tipproċedi għall-imsemmija kostituzzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji li qieset rilevanti għad-deċiżjoni. Għalkemm Brosmann Footwear et jallegaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi ddikjarat li fil-kwestjonarju dwar il-locus standi jinsabu domandi relatati ma perijodu ieħor minn dak tal-investigazzjoni, din it-talba hija mhux biss mhux sostanzjata iżda wkoll saħansitra, bħal mal-Kunsill ġustament enfasizza, miċħuda mill-kontenut stess tal-kwestjonarju li, fost affarijiet oħra, dwar il-produzzjoni ta’ kull kumpannija fl-oriġini tal-ilment għall-perijodu tal-investigazzjoni ( 10 ).
102.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li tiġi rrifjutata l-ewwel parti tat-tielet aggravju.
2. Dwar it-tieni parti, bbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ żnaturament tal-provi relatati mal-kors tal-investigazzjoni
a) L-argumenti tal-partijiet
103.
Brosmann Footwear et isostnu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku u jammettu li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw b’mod xieraq l-informazzjoni miġbura qabel l-avviż ta’ ftuħ għall-finijiet tat-teħid tal-kampjuni.
104.
Sussidjarjament, Brosmann Footwear et jallegaw li l-Kummissjoni, billi tuża l-informazzjoni pprovduta fil-każ ta’ kwestjonarju fuq il-locus standi, bdiet l-investigazzjoni tagħha iktar kmieni mid-data tal-avviż ta’ ftuħ. Konsegwentement, jenfasizzaw li l-Kummissjoni ma lestietx l-investigazzjoni fi żmien ħmistax-il xahar kif previst fl-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku.
105.
Il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li din l-argumentazzjoni hija infondata.
b) Analiżi
106.
Huwa stabbilit li d-data miġbura mill-Kummissjoni fir-rigward tar-risposti għall-kwestjonaru dwar il-locus standi kien qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ ftuħ tal-investigazzjoni.
107.
Madankollu, bħal mal-Qorti Ġenerali indikat essenzjalment fil-punt 114 tas-sentenza appellata, jekk il-Kummissjoni għandha tiġbor u tivverifika ċerta informazzjoni pprovduta mill-persuni li jilmentaw qabel il-ftuħ tal-proċedura, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament bażiku ma twaqqaf milli tiġi kkunsidrata fir-rigward tal-investigazzjoni.
108.
Il-fatt li l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara l-avviż ta’ ftuħ, kif jippreċiża l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, ma jfissirx li l-informazzjoni disponibbli qabel l-investigazzjoni ma tistax tintuża matul l-investigazzjoni.
109.
Kieku kellu jiġi konkluż mod ieħor kien jobbliga lill-Kummissjoni titlob mill-parti tal-produtturi tal-Unjoni li huma s-sors tal-ilment il-komunikazzjoni ripetuta ta’ informazzjoni essenzjalment identiċi, irrispettivament mill-ħtieġa ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ tmexxija effettiva tar-riżorsi limitati, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, il-persuni li jilmentaw huma numru eċċezzjonalment kbir.
110.
Barra minn hekk, kif diġà ġie enfasizzat, Brosmann Footwear et ma jikkontestawx serjament il-fatt li d-data miġbura qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ ftuħ tal-investigazzjoni tippermetti l-kompożizzjoni tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni Ewropea biżżejjed skont il-liġi.
111.
Barra minn hekk, fir-rigward taż-żmien ta’ ħmistax-il xahar previst għall-impożizzjoni ta’ dazji definittivi kkalkolati mill-pubblikazzjoni tal-ftuħ tal-investigazzjoni, huwa ġust li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li r-Regolament definittiv kien kompletament konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni ġabret informazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-ftuħ tal-investigazzjoni mill-produtturi tal-Unjoni li huma s-sors tal-ilment, din l-informazzjoni, għall-finijiet tal-kompożizzjoni tal-kampjun, kienet użata u vverifikata wara l-ftuħ tal-imsemmija investigazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ ftuħ.
112.
Għal dawn ir-raġunijiet, nissuġġerixxi li t-tieni parti tat-tielet motiv tal-appell, kif ukoll il-motiv fl-integralità tiegħu, jiġu miċħuda.
C – Dwar il-raba ’ aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi u ta ’ żnaturament tal-provi fir-rigward tal-evalwazzjoni ta ’ dannu kkaġunat lill-industrija Komunitarja.
1. Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
113.
L-ewwel nett, Brosmann Footwear et isostnu li l-istituzzjonijiet ibbażaw ruħhom fuq informazzjoni mhux affidabbli sabiex jevalwaw il-fatturi makro-ekonomiċi u mikro-ekonomiċi dwar id-dannu subit mill-industrija Komunitarja. B’mod partikolari, Brosmann Footwear et isostnu, fuq il-bażi ta’ informazzjoni essenzjalment miġbura mill-istampa u trażmessa lill-Kummissjoni, li ċerti kumpanniji Taljani probabbilment jagħmlu parti mill-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni li kienu ppreżentaw informazzjoni falza u wettqu numru ta’ frodi fuq livell nazzjonali sabiex jibbenefikaw minn sussidji jew ksur tal-Kodiċi tax-xogħol.
114.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn il-pretensjonijiet.
115.
Qabel kollox, fil-punt 168 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-fatt li impriża setgħet wettqet frodi fuq livell nazzjonali ma jimplikax neċessarjament li hija ma tikkooperax f’investigazzjoni antidumping tal-Kummissjoni u li hija tipprovdi informazzjoni skorretta f’dan il-kuntest. Tali ċirkustanza, jekk tiġi stabbilita, ma tippermettix fiha nfisha li jiġi konkluż li d-data mogħtija fil-każ tal-investigazzjoni antidumping ma tkunx affidabbli jekk l-imsemmija data ma tkunx relatata mal-imsemmi frodi. Barra minn hekk, fil-punt 169 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, tirrispondi għal argument li jikkonċerna kundanna ta’ direttur ta’ kumpannija Taljana għal żamma ta’ kotba irregolari, iddeċidiet li l-fatti tal-kawża jikkonċernaw perijodu ta’ diversi snin preċedenti għall-investigazzjoni u ma jistax iqiegħed f’dubju l-affidabbiltà ta’ data pprovduta f’każ ta’ investigazzjoni antidumping.
116.
Sussegwentement, b’mod partikolari fir-rigward ta’ allegazzjonijiet ta’ Brosmann Footwear et dwar data allegatament falsifikata pprovduta minn żewġ kumpanniji Taljani, il-Qorti Ġenerali indikat, essenzjalment, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li r-rilevanza tagħhom ma tistax tiġi aċċertata li jekk tali data kienet x’aktarx titfa dubji fuq il-fatturi (makro-ekonomiċi u mikro-ekonomiċi) meqjusa mill-Kunsill sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu min-naħa tal-industrija komunitarja.
117.
Dwar l-impatt li seta’ kellha l-imsemmija informazzjoni fuq l-indikaturi ta’ dannu makro-ekonomika, il-Qorti Ġenerali ċaħdet waħda waħda, fil-punti 174 sa 176 tas-sentenza appellata, l-argumenti ta’ Brosmann Footwear et. B’mod partikolari, fir-rigward tal-invokazzjoni ta’ frodi mwettaq minn waħda miż-żewġ kumpanniji Taljani li tikkonsisti fil-ġbir ta’ għajnuna statali għax-xiri ta’ magni ġodda installati madankollu fi Stat terz, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, li, anki jekk wieħed jassumi li tali allegazzjoni hija stabbilita, jista’ jkollha impatt negattiv fuq il-livell attwali ta’ investiment fis-suq komuni, u b’hekk ikkonfermat il-konklużjonijiet tal-Kunsill f’dan ir-rigward.
118.
Fir-rigward tal-influwenza ta’ din l-informazzjoni fuq l-indikaturi ta’ dannu mikro-ekonomika, eżaminati fil-punti 178 u 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li anki jekk wieħed jassumi li tali informazzjoni mibgħuta minn żewġ kumpanniji Taljani tkun tista’ taffettwa l-kalkolu tal-prezz tal-bejgħ medju ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda fl-Unjoni Ewropea, il-kriterju tal-prezz tal-bejgħ medju ma kienx fattur determinanti fih innifsu. Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li l-prezz kien effettivament fuq livell ogħla, dan ma kienx ikun biżżejjed sabiex jikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-likwidità, il-profitabbiltà, ir-ritorn fuq l-investimenti, il-ħila li tikseb kapital u investimenti, kollha juru deterjorament sinjifikattiv tas-sitwazzjoni tal-industrija Komunitarja.
2. L-argumenti tal-partijiet
119.
Fl-ewwel lok, Brosmann Footwear et isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament tal-provi meta ddeċidiet, fil-punt 179 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-indikaturi ta’ dannu mikro-ekonomikiċi, li livell ogħla ta’ prezz ta’ bejgħ medju ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda ma jistax ipoġġi fid-dubju l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-likwidità, il-profitabbiltà, ir-ritorn fuq l-investimenti, il-ħila li tikseb kapital u investimenti. Skont dawn, prezz ta’ bejgħ iktar għoli ta’ dawn iż-żraben neċessarjament kellhom impatt pożittiv fuq kull wieħed minn dawn il-fatturi u b’mod partikolari ser iwasslu għal marġni ta’ profitt ikbar, għal iktar likwidità. Bl-istess mod, fir-rigward ta’ indikaturi ta’ dannu makro-ekonomiċi, l-appellanti jargumentaw, minn naħa li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tirreferi biss għall-evalwazzjoni tal-Kunsill u ma rreferietx għal reġistrazzjonijiet foloz u fatturi ffalsifikati ta’ kumpanniji Taljani kkontestati minn Brosmann Footwear et, li kienet timplika li l-Kummissjoni ma tistax ikollha fiduċja fil-preċiżjoni tal-informazzjoni mibgħuta mill-imsemmija kumpanniji. Min-naħa l-oħra, huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali injorat, fil-punt 176 tas-sentenza appellata, l-impatt inkontestabbli ta’ frodi fuq it-tendenza fl-investimenti, li tikkonsisti f’li tesaġera b’mod kunsiderevoli t-tnaqqis li kien seħħ matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.
120.
Fit-tieni lok, Brosmann Footwear et jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi billi naqset milli tivverifika jekk l-istituzzjonijiet kinux eżaminaw bir-reqqa u imparzjalità l-informazzjoni trażmessa lilhom dwar imġieba frawdolenti ta’ kumpanniji Taljani li kkoperaw fl-investigazzjoni.
121.
Fit-tielet lok, Brosmann Footwear et ikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill issodisfa l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni.
122.
Il-Kunsill isostni li dan l-aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat. Il-Kummissjoni tappoġġa din il-pożizzjoni.
3. Analiżi
123.
Jiena tal-opinjoni li dan l-aggravju għandu jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.
124.
Qabel kollox, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti fil-kuntest tal-appell, sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, diment li dawn il-provi nkisbu b’mod regolari u li l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti li tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-kwistjonijiet li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni b’hekk ma tammontax, ħlief għall-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, għal kwistjoni ta’ dritt suġġett bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ).
125.
F’dan il-każ, jidher ċar li, mill-ewwel serje ta’ ilmenti li jirrigwardaw, minn naħa, l-impatt ta’ frodi ta’ investiment, allegatament imwettqa mill-kumpanniji Taljani li huma indikaw, l-indikaturi ta’ dannu makro-ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, l-influwenza ta’ żieda possibbli fil-prezz medju ta’ bejgħ ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda fl-Unjoni dwar l-indikaturi ta’ dannu mikro-ekonomiċi, Brosmann Footwear et jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex terġa teżamina l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 176 u 179 tas-sentenza appellata, eżami mill-ġdid li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-appell.
126.
Nixtieq inżid li Brosmann Footwear et bl-ebda mod ma wrew żnaturament ta’ provi li kienu vvizzjaw l-istess punti tas-sentenza appellata. Issa, huwa ċar li tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 12 ).
127.
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu Brosmann Footwear et, ’il bogħod minn sempliċi referenza għall-evalwazzjoni tal-Kunsill dwar l-indikaturi ta’ dannu makro-ekonomiċi, il-Qorti Ġenerali eżaminat sew l-effett tal-frodi u ta’ falsifikazzjoni ta’ fatturi allegatament fuq il-fatturi kkunsidrati mill-Kunsill sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu jew b’mod iktar ġenerali fuq l-affidabbiltà tal-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni antidumping mill-kumpanniji Taljani inkwistjoni, kif jirriżulta mill-punti 169 u 174 sa 176 tas-sentenza appellata.
128.
Għalhekk, din l-ewwel serje ta’ ilmenti għandha tiġi ddikjarata parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.
129.
Il-konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tkun estiża, parzjalment, għal żewġ ilmenti oħra magħmula minn Brosmann Footwear et insostenn ta’ dan l-aggravju, intiż kontra l-punti 174, 175, 178 u 181 tas-sentenza appellata, ilmenti li t-tnejn li huma jinkludu allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi, mingħajr ma huma akkumpanjati minn xi ħaġa li juri dan.
130.
Sussegwentement u barra minn hekk, Brosmann Footwear et ma jistgħux jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li ma weġbitx għall-allegazzjoni tagħhom li l-informazzjoni rilevanti li huma kienu pprovdew lill-Kummissjoni dwar l-atteġġament ta’ żewġ kumpanniji Taljani kellha tiġi eżaminata b’attenzjoni u imparzjalità, peress li tali talba, kif jenfasizzaw billi jirreferu għall-paragrafu 69 tar-replika tagħhom ippreżentata fl-ewwel istanza, ġew ifformulati tard f’sentenza waħda tal-imsemmija replika, li iktar ma żviluppat sussidjarjament fil-kuntest tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jaqa’ fuq l-istituzzjonijiet.
131.
Fi kwalunkwe każ, mis-sentenza appellata jirriżulta li, pjuttost milli poġġiet f’dubju l-materjalità tal-kontenut tal-informazzjoni mibgħuta minn Brosmann Footwear et lill-Kummissjoni dwar l-atteġġjament ta’ żewġ kumpanniji Taljani kkontestata minn Brosmann Footwear et, il-Qorti Ġenerali ffukat fuq li teżamina l-influwenza li setgħa jkollha din l-informazzjoni, kieku wieħed ikkunsidra din bħala stabbilita, fuq l-evalwazzjoni tal-dannu li l-Kunsill kkunsidra li ġie kkawżat lill-industrija Komunitarja. Meta kienet qed tiddeċiedi fuq il-mertu tal-argumenti ta’ Brosmann Footwear et u meta wieħed jikkunsidra li l-provi mressqa minn dawn il-kumpanniji ma kinux rilevanti fir-rigward tal-konklużjoni tal-eżistenza ta’ dannu kbir għall-industrija Komunitarja, il-Qorti Ġenerali b’hekk impliċitament iżda neċessarjament iddeċidiet dwar l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jeżaminaw “bir-reqqa u b’mod imparzjali l-kwistjonijiet relevanti” ta’ kull każ ineżami, billi wieġbu fin-negattiv. Fi kliem ieħor, billi kkonkludiet fin-nuqqas ta’ data rilevanti mibgħuta minn Brosmann Footwear et, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet impliċitament li l-istituzzjonijiet ma kienu taħt l-ebda obbligu li jeżaminawhom.
132.
Minn dan isegwi li, anki kienu wieħed jassumi ammissibbiltà, it-tieni aggravju ddikjarat minn Brosmann Footwear et għandu jiġi kkunsidrat li huwa infondat.
133.
Fl-aħħar nett, dwar l-allegat żball ta’ liġi fil-każ tat-tielet ilment li vvizzja l-punt 181 tas-sentenza appellata, l-appellanti naqsu milli juru dan, peress li l-Qorti Ġenerali illimitat ruħha li ġustament tikkonstata li l-Kunsill kien indika b’mod ċar fir-Regolament definittiv ir-raġunijiet li għalihom huwa kkunsidra li l-industrija Komunitarja ġarrbet dannu kbir.
134.
Fi kwalunkwe każ, id-data kontenzjuża mibgħuta minn Brosmann Footwear et lill-Kummissjoni kienet kkunsidrata li ma għandha l-ebda influwenza fuq l-indikaturi ta’ dannu, u b’hekk ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-imsemmi dannu subit mill-industrija Komunitarja, il-Qorti Ġenerali korrettament ikkonkludiet li l-Kunsill ma kienx jimmotiva speċifikament ir-raġuni li għaliha din id-data ma kinitx ġiet ikkunsidrata għal dan il-għan.
135.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li jiġi miċħud ir-raba’ aggravju.
D – Dwar il-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi u ta ’ żnaturament tal-provi relatati għall-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn id-dumping u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja
1. L-argumenti tal-partijiet
136.
Brosmann Footwear et jsostnu li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ żnaturat il-provi u b’hekk affettwat l-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn id-dumping u d-dannu subit mill-industrija Komunitarja, bi ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku. Il-kritika tagħhom tiffoka fuq żewġ aspetti.
137.
Minn naħa, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi n-nuqqas ta’ kompetittività tal-industrija Komunitarja bħala l-fattur prinċipali li kkaġuna dannu lil din tal-aħħar, indipendentement mill-importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġew miċ-Ċina. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt, enfasizzat f’diversi premessi tar-Regolament definittiv, li l-industrija Komunitarja qatt ma għamlet profitt raġonevoli fl-aħħar ħmistax-il sena u l-fatt li t-telf kontinwu ta’ sehem tas-suq f’din l-industrija fuq żmien twil kien dovut għan-nuqqas relattiv ta’ kompetittività tal-produzzjoni fl-Unjoni. Dan in-nuqqas ta’ kompetittività huwa kkonfermat mit-tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-industrija Komunitarja.
138.
Min-naħa l-oħra, Brosmann Footwear et jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li injorat il-fatt li t-tnaqqis ulterjuri tal-prezzijiet tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi kien attribwit għall-bidla fl-għażla tal-prodotti, wara s-sena 2002, flimkien mat-tneħħija tal-kwoti. Din il-bidla fl-għażla ta’ prodotti tispjega li l-prezz medju ta’ kull unità ta’ esportazzjoni ġejja miċ-Ċina naqset b’mod ikbar mill-prezz ta’ esportazzjoni li ġejja minn pajjiżi terzi oħra. Dan l-argument, imressaq fl-ewwel istanza, ġie miċħud mingħajr spjegazzjoni mill-Qorti Ġenerali, u injorat l-obbligu ta’ motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħha.
139.
Il-Kunsill jissuġġerixxi li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.
2. Analiżi
140.
Hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat fil-punt 190 tas-sentenza appellata, meta jiġi determinat id-dannu tal-industrija Komunitarja, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom l-obbligu li jeżaminaw jekk id-dannu li huma jallegaw effettivament jirriżultax mill-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping u għandhom jeskludu kull dannu li jirriżulta minn fatturi oħra, u b’mod partikolari dak ikkawżat minn aġir tajjeb ta’ produtturi tal-Unjoni ( 13 ). Dan l-obbligu fil-fatt jirriżulta mill-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku.
141.
Huwa stabbilit, fil-każ ineżami, li, skont l-imsemmi artikolu, l-istituzzjonijiet effettivament ivverifikaw ir-rabta kawżali bejn id-dannu subit mill-industrija Komunitarja u l-importazzjonijiet ta’ żraben bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġejjin miċ-Ċina.
142.
Huwa wkoll stabbilit li l-fondatezza tal-konklużjonijiet tagħhom ġiet mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 192 sa 200 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-argumenti ta’ Brosmann Footwear et esposti fl-ewwel istanza li skont dawn, essenzjalment, ir-riżultati ħżiena tal-esportazzjoni tal-industrija Komunitarja, l-importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi oħra kif ukoll it-tneħħija tal-kwoti tariffarji mill-ewwel trimestru tal-2005, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni xierqa ta’ rabta kawżali jew le ta’ din ir-rabta.
143.
Brosmann Footwear et madankollu jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, li żnaturat il-provi billi rrifjutat li tirrikonoxxi li n-nuqqas ta’ kompetittività tal-industrija tal-Unjoni jikkostitwixxi l-fattur prinċipali li wassal għad-dannu tal-imsemmija industrija. Huma jibbażaw il-pretensjonijiet tagħhom fuq tliet provi li ġew injorati mill-Qorti Ġenerali.
144.
Indipendentement miċ-ċirkustanzi, minn naħa, li tnejn minn dawn it-tlett provi ma ġewx murija fl-ewwel istanza u li t-tielet waħda ma setgħetx tbiddel l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali sa fejn, kif impliċitament jammettu Brosmann Footwear et, kienu diġà ġew ikkunsidrati mill-Kunsill fir-Regolament definittiv ( 14 ) u, min-naħa l-oħra, li l-allegat żnaturament tal-provi ma rriżultax b’mod ċar mill-atti tal-kawża, jien tal-opinjoni li, kif sostna l-Kunsill, “in-nuqqas ta’ kompetittività” ma tikkostitwixxix fattur ieħor fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku.
145.
Fil-fatt, din l-espressjoni ġenerika hija biss, fir-realtà, ir-riżultat ta’ fatturi bħal spejjeż għolja ta’ produzzjoni, nuqqas ta’ investimenti, produttività insuffiċjenti, u riżultati ħżiena għall-esportazzjoni, li huma elenkati fl-Artikolu 3(7) ta’ Regolament bażiku jew li, fi kwalunkwe każ, jistgħu jiġu kkunsidrati mill-istituzzjonijiet taħt din id-dispożizzjoni.
146.
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ġustament, bħala risposta għall-argumenti speċifiċi mressqa minn Brosmann Footwear et fl-ewwel istanza, eżaminat, fil-punt 192 tas-sentenza appellata, jekk ir-riżultati ħżiena għall-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kinux suxxettibbli, taħt il-fatturi l-oħra msemmija fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, li jikkkaġunaw dannu kbir għall-industrija tal-Unjoni.
147.
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tittratta t-tnaqqis ulterjuri tal-prezzijiet tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi minħabba bidla fl-għażla tal-prodotti mis-sena 2002, għandu jingħad li din ma kinitx ifformulata f’dawn it-termini fl-ewwel istanza. Hekk kif jirriżulta mill-punt 106 tal-appell, Brosmann Footwear et kienu tabilħaqq sostnew quddiem il-Qorti Ġenerali li t-tnaqqis fil-prezzijiet inkwistjoni kien dovut għall-bidliet fl-għażla tal-prodotti li seħħew wara t-tneħħija tal-kwoti, li għandu jingħadd mix-xahar ta’ Jannar 2005 u mhux mis-sena 2002. Għalhekk Brosmann Footwear et ma jistgħux issa jikkritikaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi fuq dan l-argument.
148.
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-mertu, jiena tal-opinjoni li xejn ma jobbliga lill-istituzzjonijiet ifittxu, f’każ ta’ investigazzjoni antidumping, l-oriġini ta’ tnaqqis ulterjuri ta’ prezzijiet ta’ prodotti importati fl-Unjoni li huma suġġetti għal dumping.
149.
Għalhekk nipproponi li jiġi miċħud il-ħames aggravju kif ukoll l-appell fl-intier tiegħu.
V – Fuq l-ispejjeż
150.
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma huwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill talab li Brosmann Footwear et jiġu kkundannati għall-ispejjeż, u peress li dawn tal-aħħar, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jitqiesu bħala telliefa fil-kawża, għandhom għalhekk jiġu kkundannati għall-ispejjeż tal-appell.
VI – Konklużjoni
151.
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi li:
“1.
L-appell huwa miċħud.
2.
Brosmann Footwear (HK) Ltd, Seasonable Footwear (Zhongshan) Ltd, Lung Pao Footwear (Guangzhou) Ltd u Risen Footwear (HK) Co. Ltd huma kkundannati għall-ispejjeż.”
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) T-401/06, Ġabra p. II-671.
( 3 ) ĠU L 352M, p. 485
( 4 ) Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 10 p. 45.
( 5 ) Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11 Vol. 10 p. 150.
( 6 ) ĠU C 166, p. 14.
( 7 ) ĠU L 98, p. 3.
( 8 ) Ara punti 50 u 51 tal-appell.
( 9 ) Innota li huwa bla dubju żball klerikali li wassal lill-Qorti Ġenerali li tirreferi, f’dan il-punt tas-sentenza appellata, għall-kwestjonarju tat-teħid tal-kampjuni u mhux għall-kwestjonarju dwar il-locus standi.
( 10 ) Ara l-anness 7 tal-appell (p. 289) li fih tabelli indirizzati lill-produtturi tal-Unjoni li huma s-sors tal-ilment li jirreferi għas-snin 2003, 2004 kif ukoll l-ewwel trimestru tal-2005.
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C-419/08 P, Ġabra p. I-2259, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 12 ) Ara s-sentenza Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32 u ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill (C-535/06 P, Ġabra. p. I-7051, punt 87 u ġurisprudenza ċċitata)
( 14 ) Ara punt 137 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
Full & Egal Universal Law Academy