KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fit-12 ta’ Mejju 2011 (1)
Kawża C‑281/10 P
PepsiCo, Inc.
“Appell – Disinni Komunitarji – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq id‑deċiżjonijiet tal-UASI fil-qasam ta’ disinni – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Kunċett ta’ ‘utent informat [avżat]’”
1. Il-kawża preżenti hija l-ewwel waħda fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tesprimi ruħha dwar ir-Regolament Nru 6/2002 (2) fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali (3). Minbarra mis-soluzzjoni konkreta li għandha tingħata lill-kawża ineżami, hija l-ewwel okkażjoni fejn ser ikunu jistgħu jiġu ċċarati xi punti deċiżivi sabiex jiġu definiti l-limiti u l-modalitajiet ta’ kontroll li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jeżerċitaw fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill‑Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (iktar ’il quddiem: l-“UASI”) fil-qasam ta’ trade marks u disinni Komunitarji.
I – Il-kuntest ġuridiku
2. Ir-Regolament Nru 6/2002 (iktar ’il quddiem ukoll ir-“Regolament”) huwa r-riżultat ta’ proċess leġiżlattiv twil u mxekkel, li ma għandux għalfejn jiġi spjegat hawn, li beda fit-tmiem tas-snin 50 (4). L-Artikolu 3 tar-Regolament jiddefinixxi “disinn” (5) bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’arti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l‑għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”.
3. L-Artikolu 4 tar-Regolament intitolat “Il-Proċedura ta’ l-Infurzar”, jipprovdi dan li ġej:
“1. Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.
[…]”.
4. L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament jiddefinixxu iż-żewġ kriterji indikati fl‑Artikolu 4, u jiġifieri rispettivament dak tal-karattru ġdid u individwali tad‑disinn.
5. L-Artikolu 5, intitolat “Novità”, jipprovdi:
“1. Disinn għandu jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun disponibbli għall-pubbliku:
a) fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;
b) fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn li għalih ikun hemm talba għall-protezzjoni, jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.
2. Id-disinji għandhom jiġu meqjusa li jkunu identiċi jekk il-karatteristiċi tagħhom jiddifferixxu biss f’dettalji immaterjali.”
6. L-Artikolu 6 intitolat “Karattru individwali”, jipprevedi dan li ġej:
“1. Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat [avżat] tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:
a) fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hmm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;
b) fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.
2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.”
7. Minbarra li jinsabu fl-Artikolu 6, il-kunċett ta’ “impressjoni ġenerali” prodotta mid-disinn u dak ta’ “grad ta’ libertà” tad-disinjatur, jinsabu wkoll fl-Artikolu 10 suċċessiv tar-Regolament, li huwa intitolat “Skop tal-protezzjoni”. Dan l-artikolu jipprovdi:
“1. L-iskop tal-protezzjoni kkonferita b’disinn Komunitarju għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat [avżat].
2. Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu.”
8. L-Artikolu 25 tar-Regolament, iddedikat għar-“Raġunijiet ta’ invalidità” fil-verżjoni applikabbli għall-fatti suġġett tal-kawża preżenti, kien jipprevedi, dan li ġej:
“1. Disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu fil-każijiet li ġejjin biss:
a) jekk id-disinn ma jikkorrispondix mad-definizzjoni fl-Artikolu 3(a);
b) jekk ma jwettaqx il-ħtiġijiet ta’ l-Artikoli 4 sa 9;
ċ) jekk, bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-qorti, il-pussessur tad-dritt ma jkunx intitolat għad-disinn Komunitarju skond l-Artikolu 14;
d) jekk disinn Komunitarju jkun f’konflitt ma’ disinn minn qabel li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku wara d-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni jew, jekk ikun hemm talba għall-prijorità, id-data tal-prijorità tad-disinn Komunitarju, u li jkun protett minn data minn qabel id-data msemmija minn disinn Komunitarju rreġistrat jew minn applikazzjoni għal dan id-disinn, jew bi dritt rigward disinn irreġistrat ta’ Stat membru, jew b’applikazzjoni għal dan id-dritt;
[…]”.
9. L-istħarriġ ġudizzjarju fuq id-deċiżjonijiet tal-UASI fil-qasam ta’ disinni huwa previst fl-Artikolu 61 tar-Regolament, liema Artikolu huwa intitolat “Kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” u jipprevedi dan li ġej:
“1. Jistgħu jitressqu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell dwar l-appelli.
2. Il-kawża tista’ titressaq għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, il-ksur ta’ ħtieġa proċedurali essenzjali, il-ksur tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew kull regola oħra li jkollha x’taqsam ma’ l-applikazzjoni tagħha jew l-użu ħażin tal-poter.
3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tannulla jew tibdel deċiżjoni kkontestata.
[…]”.
II – Il-fatti u l-proċedura quddiem l-UASI
10. Fis-17 ta’ Lulju 2003, il-kumpannija Grupo Promer Mon-Graphic, S.A. (iktar ’il quddiem: “Promer”) ippreżentat applikazzjoni mal-UASI għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju fir-rigward ta’ prodott deskritt bħala “fojl tal-metall għad-divertiment” (6). Dan id-disinn ġie rreġistrat bin-numru 53186‑01. Ir-rappreżentazzjoni grafika tad-disinn hija din li ġejja:
11. Fl-applikazzjoni intalbet il-prijorità tad-disinn Spanjol Nru 157098, li għalih ġiet ippreżentata applikazzjoni fit-8 ta’ Lulju 2003.
12. Fid-9 ta’ Settembru 2003, il-kumpannija PepsiCo, Inc. (iktar ’il quddiem: “PepsiCo”) ippreżentat applikazzjoni mal-UASI għar-reġistrazzjoni ta’ disinn, irreġistrat bin-numru 74463‑01, fir-rigward ta’ prodott identifikat bħala “artikolu promozzjonali għal-logħob” (“promotional item for games”). F’dan il-każ ukoll, intalbet il-prijorità ta’ disinn Spanjol, Nru 157156, li għalih saret applikazzjoni fit-23 ta’ Lulju 2003. Ir-rappreżentazzjoni grafika tad-disinn hija din li ġejja:
13. Iż-żewġ disinni jirreferu għal ġugarelli żgħar għat-tfal, liema ġugarelli jistgħu jiġġemmgħu, u ta’ spiss jitqassmu bħala rigal ma’prodotti oħra. Huwa l-każ tal-hekk imsemmija pogs (bl-Ispanjol jiġu ġeneralment indikati bħala tazos).
14. Fl-4 ta’ Frar 2004, Promer ikkontestat id-disinn irreġistrat minn PepsiCo quddiem id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni tal-UASI, u invokat konflitt mad-disinn preċedenti tagħha skont l-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament. Id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni laqgħet it-talba permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2005, u bħala konsegwenza ddikjarat id-disinn irreġistrat minn PepsiCo null. Skont id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni, iż-żewġ disinni konflittwali tant jixxiebhu li jagħtu l-istess impressjoni ġenerali lill-utent avżat.
15. PepsiCo appellat b’suċċess quddiem il-Bord tal-Appell id-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell osserva li skont ir-Regolament, fl-evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali pprovduta mid-disinni konflittwali, jeħtieġ li jinżamm preżenti l-grad ta’ libertà tad-disinjatur biex jirrealizza d-disinn. Id-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni kienet sostniet li fil-każ ineżami, dan il-grad ta’ libertà kien wiesa’ ħafna minħabba li bħala kuntest ta’ referenza, kien jieħu inkunsiderazzjoni l-varjetà kollha ta’ artikoli promozzjonali possibbli, li evidentement huma numerużi ħafna. Minflok, skont il-Bord tal-Appell, il-kuntest ta’ referenza li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-każ preżenti huwa dak iktar ristrett tal-pogs (jew tazos): bħala konsegwenza, minħabba li elementi bħal forma ċirkulari huma obbligatorji, għal dawn il-prodotti, għaliex jikkostitwixxu karatteristika kostanti ta’ dawn il-prodotti, il-grad ta’ libertà reali tad-disinjatur huwa ħafna iktar ristrett minn dak ikkunsidrat mid-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bord tal-Appell iddeċieda li għalkemm kien hemm differenzi limitati bejn iż-żewġ disinni konflittwali, dawn kienu biżżejjed biex jeskludu li dawn iż-żewġ disinni jipproduċu f’utent avżat l-istess impressjoni ġenerali. Il-Bord tal-Appell għalhekk annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni u afferma l-validità tad-disinn reġistrat minn PepsiCo.
III – Is-sentenza kkontestata
16. Promer ikkontestat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell quddiem il-Qorti Ġenerali, li esprimiet ruħha permezz tas-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010 fil-kawża Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo, T‑9/07, (iktar ’il quddiem: is-“sentenza kkontestata”) (7).
17. Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali, fil-parti l-kbira, ikkonfermat l-evalwazzjonijiet legali tal-Bord tal-Appell. B’mod partikolari kkonfermat li l-kunċett ta’ “konflitt” bejn id-disinni, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament, jinvolvi li dawn jipproduċu l-istess impressjoni ġenerali fl-utent avżat (8). Barra minn hekk, hija kkonfermat li l-kuntest ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur mhux ikkostitwit mill-artikoli promozzjonali kollha, iżda speċifikament mill-pogs (9): bil-konsegwenza li l-libertà effettiva tad-disinjatur tiġi pjuttost limitata.
18. Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, anki fil-kuntest tal-limiti ristretti li jitħallew għall-kreattività tad-disinjatur biex dan jirrealizza disinni ġodda għal pogs, fir-rigward tad-disinn irreġistrat minn PepsiCo, kien hemm possibbiltà li jintlaħaq livell għola ta’ differenzazzjoni meta mqabbel mad-disinn irreġistrat minn Promer. B’mod partikolari, fil-punti 79 sa 81 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali osservat dan li ġej (il-korsiv tiegħi):
“79 […] id-disinji inkwistjoni fihom it-tnejn ċirku konċentriku li jinsab f’distanza ta’ madwar terz bejn it-tarf u ċ-ċentru ta’ disk. Fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell innota dan ix-xebh, billi indika li dan iċ-ċirku kien intiż sabiex jevoka l-idea li l-parti ċentrali hija xi ftit elevata. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li din il-parti ċentrali setgħet ġiet iddefinita minn forma oħra barra ċirku. Dan huwa evidenti minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, li tidher mill-atti tal-proċess tal-UASI, mibgħuta lill-Qorti Ġenerali, li d-disinn ikkontestat qed jitlob il-prijorità tad-disinn Spanjol Nru 157156 li fih tliet varjanti u li l-parti ċentrali elevata hija, skont il-varjanti, iddefinita minn ċirku, trijanglu jew eżagonu. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argument imressaq mill-UASI waqt is-seduta, li jipprovdi li l-forma kellha tkun elementarja sabiex ma tiġix distorta l-istampa li tista’ tkopri d-disk, peress li forma trijangulari, eżagonali jekk mhux kwadra jew ovali, minnflok forma ċirkulari, ma kinitx tikkawża distorzjoni tal-istampa. Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni lanqas ma tista’ tiddaħħal inkwistjoni mill-argument tal-UASI li jipprovdi li l-forma għandha tkun dik ta’ ċirku sabiex din il-parti ċentrali elevata tkun tista’ tkun konvessa, peress setgħet tkun, b’mod partikolari, forma ovali.
80 […] id-disinji inkwistjoni jippreżentaw xebh sa fejn it-tarf ċirkulari tad-disk huwa elevat meta mqabbel mal-parti intermedjarja tad-disk, li tinsab bejn it-tarf u l-parti ċentrali elevata.
81 […] id-disinji inkwistjoni jippreżentaw xebh fil-proporzjonijiet rispettivi tal-parti ċentrali elevata u tal-parti intermedjarja tad-disk, li tinsab bejn it-tarf u l-parti ċentrali elevata.”
19. Abbażi tal-osservazzjonijiet li għadhom kif ġew imsemmija, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-differenzi bejn id-disinni konflittwali ma humiex tali li jipproduċu impressjoni ġenerali differenti (10) fl-utent avżat, u bħala konsegwenza annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
20. Dan l-appell ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2010. Permezz ta’ dan l-appell, il-kumpannija rikorrenti, PepsiCo, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza kkontestata;
– tiddeċiedi l-kawża definittivament billi tiċħad t-talbiet mitluba quddiem il-Qorti Ġenerali fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
– tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.
21. Promer, rikorrenti fl-ewwel istanza, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
22. L-UASI intervjena insostenn tar-rikorrenti u talab li l-appell jiġi milqugħ.
23. Il-partijiet instemgħu waqt is-seduta tal-10 ta’ Marzu 2011.
V – Fuq l-appell
24. Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tqajjem aggravju wieħed, maqsum f’ħames partijiet. Issa ser nipproċedi biex neżaminahom waħda waħda.
A – Fuq l-ewwel parti tal-uniku aggravju, relatata mal-limiti tal-libertà tad-disinjatur
1. Argumenti tal-partijiet
25. Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipju li jsostni li fir-rigward ta’ żewġ disinni konflittwali, wieħed għandu jżomm preżenti l-eventwali limiti għal-libertà kreattiva tad-disinjatur. B’mod partikolari, għalkemm il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li fil-każ preżenti dawn il-limiti kienu pjuttost stretti, u l-libertà tad-disinjatur limitata, wara għaddiet biex tikkunsidra aspetti karatteristiċi tal-pogs kollha bħall-elementi ta’ xebh kapaċi li jirrendu d-disinni eċċessivament simili, liema aspetti, fl-opinjoni tar-rikorrenti ma setgħux kienu differenti. Fil-fatt, skont PepsiCo, dawn l-aspetti kienu l-forma ċirkulari tal-parti ċentrali, it-tarf elevat u l-proporzjonijiet rispettivi tal-parti ċentrali u tal-parti tan-nofs tad-disk: fil-fatt, huwa l-każ ta’ tliet elementi tipiċi tal-oġġetti kollha tal-kategorija ta’ referenza, imposti mill-istess funzjoni tal-prodotti. Barra minn hekk, il-forma ċirkulari tal-parti tan-nofs hija neċessarja sabiex, meta jingħafsu b’saba’ wieħed, il-pogs jagħmlu ħoss (11).
26. L-UASI jaqbel mal-argument tar-rikorrenti, għalkemm b’xi sfumatura ftit differenti. B’mod partikolari, skont l-UASI, għalkemm il-forma ċirkolari mhux obbligatorja mill-aspett funzjonali, madankollu din tiġi imposta mis-suq, fejn hija mxerrda b’mod universali u tiġi użata għal dan it-tip ta’ prodotti. Għalhekk, hija tirrappreżenta limitazzjoni għal-libertà tad-disinjatur tad-disinn.
27. Min-naħa tagħha, Promer titlob li l-argumenti tar-rikorrenti jiġu miċħuda u ssostni li fil-verità, l-istess argumenti għandhom l-għan li jqajmu dubji dwar l-evalwazzjonijiet tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali.
2. Evalwazzjoni
28. L-ewwel parti tal-aggravju tal-appell tmiss wieħed mill-elementi kruċjali tad-dixxiplina Komunitarja tad-disinni, u jiġifieri r-rwol li għandu jiġi rikonoxxut lil-libertà li d-disinjatur jista’ effettivament igawdi minnha fl-aspett kreattiv. Bħalma rriżulta mill-kuntest leġiżlattiv, ir-Regolament jagħmel referenza għal-libertà kreattiva kemm fl-Artikolu 6 relattiv għall-karattru individwali tad-disinni, kif ukoll fl-Artikolu 10 dwar l-iskop tal-protezzjoni; fiż-żewġ każijiet, ir-regola titlob li “għandu jittieħed f'kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu”.
29. Il-bżonn li tinżamm preżenti l-libertà kreattiva tad-disinjatur jispjega ruħu b’kunsiderazzjoni ta’ xi karatteristiċi tal-prodott li għalihom id-disinn jagħmel referenza. Dawn il-karatteristiċi huma, biex wieħed jgħid hekk “obbligatorji”: bħala konsegwenza, id-disinjatur ma għandux libertà li jibdilhom, u x-xebh tagħhom fir-rigward ta’ dawk il-karatteristiċi ta’ disinn ieħor ma jistax jiġi kkunsidrat sinjifikattiv. Bħala eżempju, bejn żewġ disinni relattivi għal żewġ imwejjed tal-kċina, bħala regola, il-fatt li t-tnejn jipprevedu mejda b’erba’ saqajn, mhux ser jikkostitwixxi element sinjifikanti, minħabba li l-erba’ saqajn huma karatteristika kostanti tal-maġġoranza l-kbira tal-każijiet għall-imwejjed tal-kċina. Fil-każ ta’ disinni ikkaratterizzati minn limiti notevoli għal-libertà kreattiva tad-disinjatur, bħala regola ġenerali, anki differenzi żgħar jistgħu jkunu suffiċjenti sabiex jagħtu impressjoni ġenerali differenti.
30. Punt li għandu jiġi ċċarat, u li ma jsibx risposta fir-regolament, jirrigwarda t-tip ta’ limitazzjonijiet għal-libertà tad-disinjatur li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Bħalma deher mill-argumenti tal-partijiet, essenzjalment jeżistu żewġ pożizzjonijiet possibbli. Wieħed jista’ jqis li l-uniċi limiti li għandhom jiġu kkunsidrati huma dawk ta’ natura strettament funzjonali: jiġifieri l-karatteristiċi li għandu jkollu l-prodott li għalih jagħmel referenza d-disinn biex ikun jista’ jwettaq il-funzjoni tiegħu. Dan il-kunċett ġie impliċitament użat mill-Qorti Ġenerali u mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li fuqu bbażat l-argumenti tagħha. Minflok, skont l-UASI, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tad-disinn li, għalkemm mhux obbligatorji mill-aspett funzjonali, huma obbligatorji minħabba li s-suq jistenna li l-prodotti jkollhom dawn il-karatteristiċi: fil-każ preżenti, tali karatteristika hija l-forma ċirkulari tal-parti tan-nofs tal-pogs (12). B’hekk skont l-UASI, anki limitazzjoni ta’ dan it-tip għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.
31. Ma huwiex indispensabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tesprimi ruħha fuq dan l-aspett, minħabba li l-kunċett tal-limiti għal-libertà tad-disinjatur użat mill-Qorti Ġenerali ma ġiex ikkontestat. Madankollu nirrileva li, fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett li għandu jiġi milqugħ huwa dak ta’ tip funzjonali li, fis-sentenza kkontestata, saret proprju mill-Qorti Ġenerali. Fi kliem ieħor, il-limiti għal-libertà kreattiva li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont ir-Regolament huma dawk biss li huma imposti mill-bżonn li l-prodott iwettaq ċerta funzjoni: pereżempju, fil-każ tal-pogs, il-fatt li ma jkollhomx truf jaqtgħu li jistgħu jkunu perikolużi għat-tfal.
32. Bil-kontra, karatteristiċi eventwali “standard” li jistenna s-suq, iżda li ma humiex teknikament neċessarji, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala limiti għal-libertà tad-disinjatur. Dan minħabba l-għan tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-disinni. Fil-fatt, l-imsemmija regoli għandhom l-għan fundamentali li permezz ta’ sistema ta’ protezzjoni jippremjaw min jiżviluppa prodotti innovattivi. L-ammissjoni li sempliċi stennija tas-suq tista’ tiġġustifika l-uniformità sforzata, u tqis xi karatteristiċi ta’ disinn immodifikabbli, inekwivokabilment jikkontrasta ma’ dan.
33. Dak li qed jiġi osservat fil-paragrafu preċedenti jiġi kkonfermat fl-eżami tax-xogħlijiet ta’ tħejjija li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (13) wkoll, mhux deċisiv. Fil-proposta tar-regolament inizjali ppreżentata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Diċembru 1993 (14), fil-kumment għall-Artikolu 11, li jikkorrispondi għall-attwali Artikolu 10, wieħed jista’ jaqra: “[i]d-disinni li għandhom karatteristiċi funzjonali spikkati li fihom id-disinjatur għandu josserva parametri prekostitwiti, probabbilment jippreżentaw iktar xebh mid-disinni fejn id-disinjatur seta’ jgawdi minn libertà iktar wiesa’. Din hija r-raġuni għaliex il-paragrafu 2 jistabbilixxi t-tieni prinċipju, li jsostni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-libertà tad-disinjatur meta wieħed jiġi biex jikkunsidra x-xebh eżistenti bejn disinn preċedenti u disinn sussegwenti” (il-korsiv huwa tiegħi). Għalhekk, dan huwa l-każ ta’ karatteristiċi funzjonali: anki l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-proposta jmorru fl-istess direzzjoni (15).
34. Fid-dawl ta’ dak li ġie premess, jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni ta’ liema huma l-limiti għall-kreattività tad-disinjatur f’kull każ konkret tikkostitwixxi, bħalma huwa ċar, evalwazzjoni ta’ fatt, li ma għandux jinteressa lill-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief, fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-każ ta’ żnaturament.
35. Fil-każ ineżami, wieħed ma jistax jiċħad li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti għandhom biss l-għan li jqajmu dubji dwar l-evalwazzjoni dwar il-fatti tal-qorti tal-ewwel istanza. Fil-fatt, essenzjalment, dak li PepsiCo tikkontesta huwa li bi żball il-Qorti Ġenerali ikkunsidrat bħala modifikabbli mid-disinjatur xi aspetti tad-disinni li minflok, fl-opinjoni tagħha, kienu obbligatorji u ma setgħux jinbidlu. Madankollu huwa ċar li għal disinn speċifiku, l-evalwazzjoni tal-aspetti li ma jaqgħux taħt il-libertà kreattiva tad-disinjatur hija evalwazzjoni ta’ fatt, li għaldaqstant fir-rigward tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tqajjem dubji dwar l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali sostniet li l-pogs jistgħu jikkonservaw in-natura tagħhom u l-karatteristiċi tagħhom anki fil-każ li jippossjedu, b’mod partikolari, parti ċentrali b’forma triangolari, esagonali jew ovali, minflok ċirkolari: il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn terġa’ tikkunsidra dawn l-evalwazzjonijiet.
36. Għaldaqstant nqis li l-ewwel parti tal-uniku aggravju ta’ appell ma tistax tiġi milqugħa.
B – Fuq it-tieni parti tal-uniku aggravju, relatata mal-kunċett ta’ “utent informat [avżat]”
1. Argumenti tal-partijiet
37. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali, ma użatx l-“utent informat [avżat]” previst mir-Regolament, bħala pubbliku ta’ referenza għall-evalwazzjoni tal-effett tad-disinni konflittwali, iżda pjuttost użat il-“konsumatur medju” li għandha ssir referenza għalih b’effett tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inklużi fir-regolament relattiv għat-trade marks Komunitarji. B’mod partikolari, dan jidher evidenti mill-punti 82 u 83 tas-sentenza kkontestata, fejn il-Qorti Ġenerali sostniet dan li ġej (il-korsiv huwa tiegħi):
“82. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe restrizzjoni partikolari imposta fuq id-disinjatur, ix-xebh innotat […] jirrigwarda xi elementi li fir-rigward tagħhom teżisti libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat. Minn dan jirriżulta li dawn jiġbdu l-attenzjoni tal-utent informat [avżat], u dan iktar u iktar meta, kif indikat l-intervenjenti stess, il-wiċċ ta’ fuq huwa, f’dan il-każ, l-iktar viżibbli minn dan l-utent.
83. […] Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li peress li l-grad ta’ konvessità huwa dgħajjef ħafna, u peress li dawn id-diski huma rqaq ħafna, l-utent informat [avżat] ma jistax jinnota faċilment din il-konvessità, b’mod partikolari meta jħares minn fuq, kif ikkonfermat mill-prodotti realment ikkummerċjalizzati, kif jidhru mill-atti tal-proċess tal-UASI mibgħuta lill-Qorti Ġenerali.”
38. Skont ir-rikorrenti, għalkemm il-Qorti Ġenerali għamlet referenza għall-utent avżat u mhux għall-konsumatur medju, fil-verità użat lil dan tal-aħħar bħala referenza. B’mod partikolari dan jintwera mill-espressjonijiet indikati fil-korsiv fiż-żewġ punti ċċitati iktar ’il fuq: permezz tagħhom, il-Qorti Ġenerali turi li ma tikkunsidrax il-fatt li l-utent avżat huwa inqas “superfiċjali” mill-konsumatur medju. Għalhekk ikun riduttiv kieku wieħed kellu jikkunsidra biss l-elementi tal-prodott li huma l-iktar viżibbli faċilment (fil-punt 82) u d-differenzi li huma perċebibbli faċilment bejn id-disinni konflittwali (fil-punt 83). Bil-kontra, l-utent avżat huwa perfettament kapaċi jinduna bid-differenzi li ma humiex daqshekk evidenti u relattivi għall-partijiet li ma humiex daqshekk viżibbli tal-prodotti karatterizzati mid-disinni konflittwali.
39. L-UASI taqbel ma’ dawn l-argumenti tar-rikorrenti u żżid li l-Qorti Ġenerali bi żball poġġiet ruħha fl-ottika ta’ konsumatur li jiftakar id-disinni konflittwali, minflok ta’ konsumatur li jqabbel direttament. It-tqabbil ibbażat fuq il-memorja huwa tipiku fl-ambitu tat-trade marks, iżda fil-qasam ta’ disinni wieħed pjuttost għandu jimmaġina tqabbil dirett tal-prodotti kkaratterizzati mid-disinni konflittwali.
2. Evalwazzjoni
40. Fl-opinjoni tiegħi, l-aggravju huwa parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondat.
41. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok użat l-“utent informat [avżat]” bħala pubbliku ta’ referenza kif impost mir-regolament u mhux il-“konsumatur medju”. Dan huwa indikat b’mod espliċitu fid-deċiżjoni kkontestata u ma hemmx elementi biex wieħed isostni li dan mhux il-każ.
42. Kif huwa magħruf, il-problema hija li r-Regolament ma jfissirx il-kunċett ta’ “utent informat [avżat]”: b’hekk, fin-nuqqas ta’ ġurisprudenza li s’issa setgħet tiċċara dan il-kunċett, għad hemm il-possibbiltà ta’ xi inċertezzi.
43. Huwa evidenti li l-utent avżat imsemmi fir-Regolament la huwa l-konsumatur medju li għandha ssir referenza għalih fl-applikazzjoni tar-regoli dwar it-trade marks, li minnu mhux mitluba l-ebda konoxxenza speċifika u li b’mod ġenerali ma jagħmel l-ebda konfront dirett bejn it-trade marks konflittwali; però lanqas huwa l-persuna esperta tas-settur li ssir referenza għaliha għall-evalwazzjoni tan-natura inventiva ta’ privattiva. Wieħed jista’ jgħid li l-utent avżat jikkostitwixxi tip ta’ figura intermedja bejn iż-żewġ figuri preċedenti. Għalhekk mhux il-każ ta’ konsumatur ġeneriku, li jista’ jiġi f’kuntatt b’mod każwali, u mingħajr l-ebda konoxxenza speċifika, mal-prodott ikkaratterizzat minn ċertu disinn. Però lanqas huwa l-każ ta’ espert mogħni b’kompetenzi tekniċi dettaljati.
44. L-eżami tax-xogħlijiet ta’ tħejjija tar-Regolament jikkonferma din id-definizzjoni “intermedja”. B’mod partikolari fil-kumment fl-Artikolu 6(1) tal-proġett inizjali (16), il-Kummissjoni osservat dan li ġej:
“Is-suġġett li għandu jittieħed bħala referenza għal evalwazzjoni tal-impressjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ xebh huwa l-‘utent informat [avżat]’. Dan tal-aħħar jista’ jkun – iżda mhux neċessarjament għandu jkun il-konsumatur aħħari, li jista’ jinjora totalment liema huwa l-aspett tal-prodott (pereżempju jekk dan huwa parti interna ta’ magna jew ta’ dispożittiv ta’ sostituzzjoni matul tiswija). F’dawn il-każijiet, l-‘utent informat [avżat]’ huwa l-persuna li tipprovdi għas-sostituzzjoni tal-oġġett. Jiġi presuppost ċertu livell ta’ konoxxenza jew ta’ kunċetti tad-disinn industrijali b’relazzjoni man-natura ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, l-espressjoni ‘konsumatur informat’ qegħda hemm biex tindika wkoll li x-xebh ma għandux jiġi aċċertat minn ‘esperti tad-disinn industrijali’”.
45. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, b’mod korrett, individwat l-utent avżat li għandu jinżamm bħala punt ta’ referenza għal evalwazzjoni tad-disinni konflittwali fil-kawża preżenti. U għamlet dan, u dan għandu jiġi enfasizzat, billi għamlet referenza għad-definizzjoni li saret mill-Bord tal-Appell, li sostniet li l-utent avżat tal-pogs seta’ jkun kemm tifel ta’ 5 sa 10 snin (il-konsumatur aħħari tal-prodott) kif ukoll id-“direttur tal-marketing ta’ kumpannija li tuża dan it-tip ta’ prodotti biex tippromwovi l-prodotti tagħha” (17). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ippreċiżat li “l-utent informat [avżat] għandu viġilanza partikolari u jiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-istat ta’ arti preċedenti, jiġifieri tal-partimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkontestat, jew, jekk ikun il-każ, fid-data li fiha ntalbet il-prijorità” (18).
46. Għalhekk l-affermazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura u l-karatteristiċi tal-utent avżat fil-qasam ta’ disinni huma eżatti, minħabba li din il-figura ġiet korrettament distinta u delimitata kemm fir-rigward ta’ konsumatur ġeneriku kif ukoll fir-rigward ta’ espert tas-settur. Il-fatt stess li fil-każ speċifiku, il-Qorti Ġenerali laqgħet idea ta’ utent avżat “doppju”, li jinkludi kemm konsumatur aħħari li huwa tifel kif ukoll id-direttur ta’ kumpannija li jista’ jkollu interess li juża l-pogs bħala oġġett promozzjonali, fl-opinjoni tiegħi jikkonferma l-korrettezza tar-raġunament legali li ġie żviluppat u l-attenzjoni li biha l-Qorti Ġenerali għamlet l-evalwazzjonijiet tagħha.
47. Għaldaqstant għal dak li jirrigwarda l-individwazzjoni korretta tal-“utent informat [avżat]”, l-aggravju għandu jiġi miċħud, minħabba li huwa infondat.
48. Hekk kif ma kienx hemm żbalji mill-Qorti Ġenerali fl-individwazzjoni tal-pubbliku ta’ referenza, bl-istess mod ma tista’ ssir l-ebda oġġezzjoni fir-rigward ta’ dak li sostniet il-qorti tal-ewwel istanza dwar it-tip ta’ xebh li l-utent avżat jista’ jagħmel bejn id-disinni konflittwali.
49. Fl-ewwel lok nosserva li, kif ġie rilevat ukoll mill-UASI, ir-regolament huwa sieket f’dan ir-rigward. Għalhekk, bħala prinċipju jista’ jkun il-każ kemm ta’ xebh indirett ibbażat fuq il-memorja, kif isir bħala regola fil-qasam tat-trade marks (19), kif ukoll ta’ tqabbil dirett, li jsir meta wieħed josserva l-prodotti wieħed ħdejn l-ieħor.
50. Fl-opinjoni tiegħi, iż-żewġ tipi ta’ xebh huma leġittimament possibbli fil-qasam tad-disinni, u l-impożizzjoni tal-użu ta’ tip wieħed biss, b’mod sistematiku, minbarra milli tisforza r-Regolament biex jgħid xi ħaġa li ma jgħidx, jillimita wkoll b’mod irraġonevoli l-poteri tal-UASI u bħala konsegwenza l-istess protezzjoni rikonoxxuta lid-disinni.
51. Fil-fatt, wieħed għandu josserva li, jekk il-konfront dirett ta’ prodotti ikkaratterizzati minn disinni konflittwali huwa f’ħafna każijiet mingħajr dubju ta’ xejn possibbli għal utent avżat, wieħed ma jistax jeskludi li, f’xi sitwazzjonijiet, dan huwa għall-kuntrarju imprattikabbli. Pereżempju, qed naħseb f’disinni relatati ma’ prodotti li, minħabba d-dimensjonijiet importanti jew minħabba li jitqiegħdu ’l bogħod minn xulxin, qatt ma ser ikunu jistgħu, b’mod ġenerali, jitpoġġew wieħed ħdejn l-ieħor: mhux dejjem l-utent avżat ser ikun jista’ jikkonfronta direttament, pereżempju, żewġ vapuri jew żewġ tipi ta’ tagħmir kbir għal użu industrijali. F’dak il-każ, huwa jkollu għad-dispożizzjoni dokumentazzjoni adegwata biex jagħmel il-konfront, iżda rarament ser ikun jista’ jagħmel dan “live”, u bejn l-evalwazzjoni ta’ disinn wieħed u ieħor jista’ jgħaddi ċertu perjodu ta’ żmien.
52. Għaldaqstant it-tip ta’ konfront li l-utent avżat jista’ jagħmel bejn iż-żewġ disinni, ma jistax jiġi definit b’mod riġidu bil-quddiem: pjuttost, għandu jiġi evalwat skont il-każ, abbażi taċ-ċirkustanzi u tal-karatteristiċi tal-prodotti li huma kkaratterizzati mid-disinni konflittwali. In-natura stess tal-utent avżat tinvolvi li, meta possibbli, huwa jagħmel xebh dirett bejn il-prodotti: madankollu fil-każ fejn dan huwa impossibbli jew mhux realistiku, jeħtieġ li wieħed jimmaġina konfront li, għalkemm mhux ibbażat fuq memorja vaga bħal fil-kuntest tat-trade marks, jista’ f’kull każ jibqa’ fiż-żmien u fl-ispazju, fil-limiti fejn konkretament huwa neċessarju.
53. Fil-każ ineżami, ma jidhirx li hemm dubji dwar il-fatt li x-xebh dirett tal-pogs kien possibbli, minħabba li huwa l-każ ta’ prodotti ta’ distribuzzjoni wiesgħa u ta’ dimensjonijiet żgħar. Però nosserva li, b’differenza minn dak li qed isostni l-UASI, il-qari tad-deċiżjoni ikkontestata ma turi l-ebda żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet għamlet taħt dan l-aspett.
54. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, kontrarjament għal dak li sostna b’mod partikolari l-UASI, ma pprevedietx sitwazzjoni fejn il-pubbliku ta’ referenza jqabbel l-prodotti abbażi tal-memorja tal-impressjoni prodotta minnhom. Bil-kontra, kif juru l-punti 82 u 83 tas-sentenza kkontestata, iċċitati iktar ’il fuq, ir-raġunament ikkonċentra fuq l-elementi kapaċi li “jattiraw l-attenzjoni” tal-utent avżat.
55. Fl-aħħar, ma huwiex sinjifikattiv l-użu, fil-punt 77 tas-sentenza kkontestata, tal-espressjoni “l-utent informat [avżat] mhux ser jiftakar dan ix-xebh fl-impresjoni globali tad-disinji inkwistjoni.” Minbarra l-fatt li hawn il-Qorti Ġenerali sostniet il-pożizzjoni tar-rikorrenti, billi rriteniet li xi elementi karatteristiċi tad-disinni konflittwali ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, minħabba li huma tipiċi tal-prodotti kollha tal-kategorija, għandu jiġi rilevat li b’din is-sentenza l-Qorti Ġenerali affermat mill-ġdid u kkonvalidat ir-raġunament tal-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, l-użu tal-espressjoni “mhux ser jiftakar” (fil-verżjoni fil-lingwa tal-proċedura “would not be remembered”), għalkemm mhux approprijata, ma timplikax neċessarjament l-idea li x-xebh bejn id-disinni għandu jsir abbażi tal-“memorja” li dawn iħallu fil-pubbliku. Bil-kontra, il-qari tal-istess fil-kuntest tas-sentenza juri li l-idea abbażi tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali hija dik li tindividwa l-elementi kapaċi li jattiraw l-attenzjoni tal-utent avżat. Mill-bqija, f’xi verżjonijiet lingwistiċi tas-sentenza kkontestata wieħed isib, flimkien jew minflok l-idea tal-“memorja”, pjuttost dik tal-“perċezzjoni” tax-xebh (20).
56. Għaldaqstant, anki taħt dan l-aspett, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa korrett, u l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.
57. Fl-aħħar, għal dak li jirrigwarda l-perċezzjoni speċifika tad-disinni mill-utent avżat, minflok ladarba ġie individwat korrettament u ġie definit il-mod li bih ix-xebh għandu jsir, nirrileva li l-evalwazzjonijiet li saru mill-Qorti Ġenerali jaqgħu fis-sħiħ fl-ambitu tal-evalwazzjoni libera tagħha tal-fatti, li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tesprimi ruħha. Għaldaqstant l-aggravju għandu jiġi miċħud fil-parti fejn jikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.
58. Bħala konklużjoni, għaldaqstant inqis li anki t-tieni parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda.
C – Fuq it-tielet parti tal-uniku aggravju relatata mal-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat u dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju
1. Argumenti tal-partijiet
59. Permezz tat-tielet parti tal-aggravju tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ ilmenti distini, li għandhom jiġu eżaminati separatament.
60. Fl-ewwel lok, hija ssostni sabiex tiddetermina l-impressjoni ġenerali prodotta fuq l-utent avżat, li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi billi illimitat ruħha li teżamina l-karatteristiċi tad-disinni konflittwali li dan l-utent seta’ fehem faċilment. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 83 tas-sentenza kkontestata fejn jintqal “għandu jiġi kkonstatat li peress li l-grad ta’ konvessità huwa dgħajjef ħafna, l-utent informat [avżat] ma jistax jinnota faċilment din il-konvessità b’mod partikolari meta jħares minn fuq” (il-korsiv huwa tiegħi).
61. Skont ir-rikorrenti, l-utent avżat li josserva d-disinni konflittwali ma jillimitax ruħu għal eżami superfiċjali bħal dak ipotizzat mill-Qorti Ġenerali, iżda jagħmel analiżi iktar dettaljata. Għaldaqstant is-sentenza kkontestata fiha żball ta’ liġi minħabba li l-Qorti Ġenerali applikat parametri ħżiena għat-tqabbil tad-disinni.
62. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija tista’ teżerċita fuq id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward ta’ disinni. B’kunsiderazzjoni tat-tekniċità fil-qasam tad-disinni, dan il-kontroll għandu jillimita ruħu li jivverifika li l-Bord tal-Appell ma jkunx għamel żbalji manifesti. Bil-kontra, fil-każ preżenti, il-Qorti Ġenerali issostitwit b’mod integrali l-evalwazzjoni li saret mill-korpi tal-UASI bl-evalwazzjoni tagħha.
63. L-UASI taqbel mal-argumenti tar-rikorrenti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju.
2. Evalwazzjoni
64. Fl-opinjoni tiegħi anki din il-parti tal-aggravju, bħal dik preċedenti hija parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondata.
a) Fuq il-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat
65. Qabelxejn, l-argument tar-rikorrenti huwa inammissibbli fil-parti fejn għalkemm tammetti l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi, fil-verità tipprova tqajjem dubji dwar l-evalwazzjonijiet tal-fatti li saru mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-perċezzjoni taż-żewġ disinni konflittwali mill-utent avżat. Kif diġà irrilevajt preċedentement, ma hemmx dubju dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddelineat din il-figura b’mod korrett u b’konformità mar-Regolament, użatu bħala persuna li għaliha għandha ssir referenza għall-evalwazzjoni tad-disinni. Minflok, fil-każ konkret, b’referenza għall-mod li bih l-utent avżat jipperċepixxi d-disinni, u fir-rigward tal-impressjonijiet li jirċievi minnhom, il-Qorti Ġenerali tista’ biss tesprimi ruħha, minħabba li hija purament kwistjoni ta’ fatt. Ir-rikorrenti ma rnexxiliex tipprova li l-qorti tal-ewwel istanza rrikorriet għal parametri legali żbaljati.
66. Lanqas huwa rilevanti l-fatt li fil-punt 83 tas-sentenza kkontestata, b’referenza għar-rapport bejn l-utent avżat u disinn, ġiet użata l-formulazzjoni “jinnota faċilment”. Minkejja l-argumenti tar-rikorrenti, hija ma timplikax li l-Qorti Ġenerali mmaġinat utent superfiċjali u ftit attent. Wieħed għandu jiftakar li l-utent avżat, mhux espert tas-settur li jissejjaħ fil-kawża fil-qasam ta’ privattivi. Ċertament lanqas huwa l-konsumatur medju “distratt” li għalih issir referenza fil-qasam tat-trade marks: iżda abbażi taċ-ċirkustanzi, xejn ma jwaqqaf li jiġi kkunsidrat li, anki l-osservazzjoni ta’ utent avżat taf il-limiti tagħha, u ma tmurx daqshekk il-bogħod li tagħmel eżami dettaljat u speċjalistiku. Għandu wkoll jinżamm preżenti li, fil-każ ineżami, il-prodotti karatterizzati mid-disinni konflittwali huma ġugarelli żgħar iddestinati għal tfal ta’ bejn il-5 u 10 snin u mqassmin b’xejn, bħala rigali ġewwa prodotti oħra. Anki osservazzjoni attenta ta’ dawn, ġeneralment, ma titbiegħedx iktar minn ċertu livell ta’ eżami u ta’ dettall.
67. Għandu wkoll jiġi rilevat li l-parti ċċitata tal-punt 83 tas-sentenza kkontestata għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest fejn ġiet inserita, u mhux bħala affermazzjoni waħedha. F’dan ir-rigward, dak li rrilevajt iktar ’il fuq, waqt id-diskussjoni tat-tieni parti tal-aggravju, iwassal li wieħed iqis li l-Qorti Ġenerali immaġinat utent avżat li għalkemm mhux superfiċjali u distratt, lanqas huwa mogħni b’doti analitiċi li jekk xejn jikkostitwixxu l-karattru distintiv ta’ osservatur tal-privattivi.
b) Fuq il-portata tal-isħarriġ ġudizzjarju
68. It-tielet parti tal-uniku aggravju tal-appell imbagħad għandha tiġi kkunsidrata infondata fil-parti fejn tqajjem dubji dwar il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li jista’ jsir fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell fil-qasam tad-disinni.
69. Kif deher ċar ir-rikorrenti u l-UASI jissuġġerixxu li fin-nuqqas ta’ żbalji manifesti, il-qorti tal-Unjoni kellha tillimita l-kontroll tagħha, u essenzjalment issegwi l-orjentament tal-ġurisprudenza stabbilita għall-każijiet fejn għandha tiġi eżaminata l-leġittimità ta’ deċiżjonijiet ikkaratterizzati minn kontenut li huwa altament tekniku-speċjalistiku (21).
70. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, hemm raġunijiet sabiex fil-qasam tad-disinni jiġi addotat approċċ differenti meta mqabbel ma’ dak adottat għat-trade marks.
71. Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward nosserva li d-dispożizzjoni tar-Regolament dwar l-istħarriġ ġudizzjarju, l-Artikolu 61, hija essenzjalment identika ma’ dik inkluża fir-regolament tat-trade marks (22), li minn naħa tagħha hija ispirata mir-regoli tat-trattati (preżentement l-Artikolu 263 TFUE) dwar ir-rikors għall-annullament: għalhekk il-kontenut ta’ dawn ir-regoli ma jawtorizzax interpretazzjoni b’mod differenti, u użu, fil-qasam tad-disinni, ta’ approċċ differenti meta mqabbel ma’ dak normalment adottat fil-qasam tat-trade marks. Barra minn hekk, kif huwa previst anki fil-qasam tat-trade marks, l-Artikolu 61 tar-Regolament, jirrikonoxxi lill-qorti tal-Unjoni mhux biss is-setgħa li tannulla, iżda wkoll dik li tirriforma d-deċiżjonijiet appellati: dan jidher diffiċilment kompatibbli ma stħarriġ “ristrett” tal-istess.
72. Fit-tieni lok, l-evalwazzjoni tad-disinni, bħal dik tat-trade marks taqa’ fl-ambitu tal-UASI, u mhux fl-ambitu ta’ xi organizzazzjoni oħra li għandha iktar kompetenzi tekniċi speċifiċi.
73. Fit-tielet lok, wieħed għandu jfakkar li l-protezzjoni tad-disinni skont ir-Regolament tieħu ineżami sabiex tevalwa l-konflitt possibbli bejn it-tnejn li huma, l-impressjoni visiva biss li dawn jipproduċu fl-utent avżat, bħalma l-Qorti Ġenerali weriet b’mod konvinċenti, mingħajr kontestazzjoni f’dan ir-rigward, fil-punt 50 tas-sentenza kkontestata. Issa, b’mod ġenerali, ix-xebh visiv, għalkemm jista’ jieħu xi vantaġġ minn ċerta esperjenza tal-osservatur, ma jeħtieġx kompetenza u kapaċità teknika partikolari.
74. Fil-qasam tad-disinni, l-uniku element li jista’ jiġi użat sabiex wieħed jargumenta favur stħarriġ ġudizzjarju iktar ristrett, meta mqabbel ma’ dak eżerċitat fil-qasam tat-trade marks, jista’ jkun kostitwit mill-fatt, diġà diskuss fid-dettall iktar ’il fuq, li l-figura ta’ referenza, minflok dik tal-konsumatur medju, hija dik tal-utent avżat. Din id-differenza però mhux biżżejjed biex tiġġustifika stħarriġ ġudizzjarju ta’ portata differenti. Bħala regola ġenerali, ir-raġuni hija li l-utent avżat mhux “tekniku” mogħni b’konoxxenzi partikolari, iżda utent biss li huwa ftit iktar attent u interessat meta mqabbel mal-konsumatur medju: fi kliem ieħor utent li għandu perċezzjonijiet li jistgħu jkunu adegwatament rikostruwiti mill-Qorti Ġenerali.
75. Naturalment huwa għalkollox possibbli li wieħed jimmaġina, f’termini iktar ġenerali u astratti, aġir tal-qorti tal-Unjoni, li fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-UASI, tillimita l-intervent tagħha b’mod iktar restrittiv minn dak li jsir attwalment, u mhux biss teskludi li tissostitwixxi l-evalwazzjonijiet tal-Uffiċċju bl-evalwazzjonijiet tagħha (23), iżda iktar ġeneralment billi tirrikonoxxi lid-deċiżjonijiet kollha tal-UASI l-karattru ta’ “tekniċità” li jillimita l-istħarriġ ġudizzjarju. Kambjament simili fil-prospettiva però għandu jirrigwarda d-deċiżjonijiet kollha tal-UASI, inklużi dawk fil-qasam tat-trade marks, u ma jistax jiġi limitat, bħalma rajna, biss għad-disinni. Għaldaqstant huwa ċar li din mhux is-sede għal kambjament simili tal-prassi eżistenti.
76. Bħala konklużjoni, għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx żbalji tad-dritt fid-determinazzjoni tal-portata tal-kontroll tagħha fuq id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.
77. Bħala konsegwenza anki t-tielet parti tal-uniku aggravju għandha tiġi miċħuda.
D – Fuq ir-raba’ parti tal-uniku aggravju relatata mal-kontroll li jsir fuq il-prodotti minflok fuq id-disinni konflittwali
1. Argumenti tal-partijiet
78. Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi minħabba li bbażat l-evalwazzjonijiet relattivi għax-xebh bejn iż-żewġ disinni konflittwali fuq l-eżami fiżiku tal-prodotti kkaratteriżżati minnhom (il-pogs), minflok milli fuq konfront sempliċi tad-disinni bħala rappreżentanti fl-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom.
79. F’dan ir-rigward, għandha ssir referenza għall-punt 83 tas-sentenza kkontestata, fejn il-Qorti Ġenerali osservat li “għandu jiġi kkonstatat li peress li l-grad ta’ konvessità huwa dgħajjef ħafna, u peress li dawn id-diski huma rqaq ħafna, l-utent avżat ma jistax jinnota faċilment din il-konvessità, b’mod partikolari meta jħares minn fuq, kif ikkonfermat mill-prodotti realment ikkummerċjalizzati, kif jidhru mill-atti tal-proċess tal-UASI mibgħuta lill-Qorti Ġenerali” (il-korsiv huwa tiegħi).
80. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, minflok il-prodotti reali nklużi bħala eżempju fl-inkartament tal-kawża, ir-rappreżentazzjoni grafika taż-żewġ disinni konflittwali, id-differenzi bejniethom kienu jidhru iktar evidenti.
2. Evalwazzjoni
81. Ir-raba’ parti tal-uniku aggravju fl-opinjoni tiegħi huwa inammissibbli. Fil-fatt, għal darba oħra, hija tipprova tqajjem dubji dwar l-evalwazzjonijiet tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-perċezzjoni konflittwali mill-utent avżat.
82. F’kull każ, anki kieku wieħed ried jikkunsidra l-argumenti bħal dawk diretti biex jikkontestaw b’mod esklużiv l-għażla tal-Qorti Ġenerali li ma tillimitax ruħha għall-konfront tar-rappreżentazzjonijiet grafiċi, u b’hekk tikkunsidra anki l-prodotti fiżiċi karatterizzati mid-disinni konflittwali, il-pożizzjoni tar-rikorrenti hija infondata. Għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali bbażat l-evalwazzjonijiet tagħha fuq id-disinni konflittwali kif deskritti u rappreżentati fl-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni rispettivi. Ix-xebh tal-prodott reali ġie użat biss biex tikkonferma l-evalwazzjonijiet li diġà saru, kif jirriżulta b’mod inekwivokabbli mit-test fil-punt 83 tas-sentenza kkontestata kif iċċitat iktar ’il fuq.
83. F’kull każ, jidhirli li l-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni – bħal fil-każ preżenti, jekk il-ħaġa hija materjalment possibbli – il-prodotti reali kkaratterizzati minn disinn determinat huwa korrett għalkollox. Fil-fatt, bħalma rriżulta, il-pubbliku ta’ referenza għall-evalwazzjoni tad-disinni huwa kostitwit minn utenti avżati, li ma humiex esperti, iżda sempliċiment persuni li għandhom interess u attenzjoni partikolari għall-prodotti. Fil-każ preżenti, l-utenti avżati jinkludu t-tfal ta’ bejn 5 u 10 snin. F’dan il-kwadru huwa għalkollox korrett li l-Qorti Ġenerali osservat ukoll “live” il-prodotti, hekk kif deheru u kif ġew ipperċepiti mill-utenti avżati, li, wieħed għandu jiftakar, bħala regola, ma jaraw qatt ir-reġistrazzjonijiet tad-disinni, iżda “l-applikazzjoni prattika” biss, u jiġifieri l-prodotti kkaratterizzati minnhom. L-istess rikorrenti, waqt is-seduta qieset opportun turi lill-Qorti tal-Ġustizzja xi pogs biex tiċċara xi punti tal-osservazzjonijiet tagħha.
E – Fuq il-ħames parti tal-uniku aggravju, relatata mal-allegat żnaturament tal-fatti
1. Argumenti tal-partijiet
84. Fl-aħħar parti tal-aggravju tal-appell tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żnaturament tal-fatti u għaldaqstant irrealizzat il-kundizzjonijiet fejn, eċċezzjonalment, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra l-evalwazzjonijiet tal-fatti li saru fl-ewwel istanza.
85. L-iżnaturament jirriżulta evidenti mill-osservazzjonijiet l-oħra kollha flimkien li diġà saru mir-rikorrenti, u huwa kkonfermat mill-għażla tal-Qorti Ġenerali li tillimita ruħha li tikkunsidra d-disinni konflittwali abbażi tal-viswalizzazzjoni tagħhom minn fuq, mingħajr ma tikkunsidra suffiċjentement il-profili l-oħra, b’mod partikolari dak laterali.
2. Evalwazzjoni
86. L-ilment ta’ żnaturament tal-fatti huwa infondat.
87. Min-naħa, kif diġà deher fil-punti preċedenti, il-Qorti Ġenerali għamlet eżami akkurat u eżawrjenti tad-disinni konflittwali, b’kunsiderazzjoni tal‑perċezzjoni tal-istess minn utent avżat, kif impost mir-Regolament.
88. Min-naħa l-oħra, l-allegat żnaturament, għalkemm ma ġiex ippruvat, jidher li ġie invokat mir-rikorrenti bħala argument tal-aħħar, “sommarju”, li jikkontesta għal darba oħra l-evalwazzjonijiet tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali u li magħhom ma jaqbilx. Però wieħed għandu jfakkar li, b’kunsiderazzjoni tan-natura eċċezzjonali ta’ ilment ta’ żnaturament, din għandha tiġi sostnuta minn evidenza partikolarment solida, fejn rikorrenti għandha tindika bi preċiżjoni l-elementi li ġew żnaturati, u turi l-iżbalji ta’ evalwazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali (24). L‑argumenti użati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jissodisfaw bl-ebda mod dawn ir-rekwiżiti.
89. Minn dan jirriżulta li anki l-aħħar parti tal-aggravju għandha tiġi miċħuda.
VI – Konklużjonijiet
90. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq, nipproponi li l‑Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.
2 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).
3 – B’eċċezzjoni ta’ żewġ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ żewġ Stati Membri, s’issa b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tesprimi ruħha fuq dan l-att leġiżlattiv fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari biss, li taw lok għas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, FEIA, (C‑32/08, Ġabra p. I‑5611).
4 – Għal rikostruzzjoni tal-iter leġiżlattiv li wassal għall-approvazzjoni tar-regolament, ara l‑konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fis-26 ta’ Marzu 2009 fil-kawża deċiża permezz tas-sentenza FEIA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, fil-punti 3 sa 5 tal-konklużjonijiet).
5 – Nota ta’ qiegħ il-paġna mhux rilevanti għall-verżjoni lingwistika bil-Malti ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
6 – Bl-Ispanjol, lingwa li fiha saret l-applikazzjoni, “chapa metálica para juegos”.
7 – Li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.
8 – Sentenza kkontestata, punt 52.
9 – Sentenza kkontestata, punt 60.
10 – Sentenza kkontestata, punt 84.
11 – Minn dak li nista’ nifhem mill-qari tal-inkartament, (ara pereżempju, is-sitt inċiż tal-punt 9 u l-punt 20 tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell) kemm il-pogs karatterizzati mid-disinn ta’ PepsiCo kemm dawk karatterizzati mid-disinn ta’ Promer għandhom din il-partikolarità “tal-ħoss” liema partikolarità għalkemm mhux universali hija frekwenti ħafna fil-pogs preżenti fuq is-suq.
12 – Barra minn hekk, inqis li, skont l-UASI, din il-forma ċirkolari hija imposta mill-bżonn li wieħed ikun jista’ jgħaqqad il-pogs flimkien ma’ dawk li huma diġà preżenti fis-suq. Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk din in-neċessità, dejjem jekk teżisti (li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eżistenza tagħha), minflok ma hija sempliċiment mitluba mis-suq, kif isostni l-UASI, fil-verità għandhiex natura funzjonali, minħabba li għandha l-għan li tiżgura l-kompatibbiltà tal-prodott ma’ dawk li diġà qegħdin fis-suq.
13 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe (C‑375/98, Ġabra p. I‑4243, punt 26); tal-25 ta’ Ottrubru 2001, Finalarte et (Kawżi magħquda C‑49/98, C‑50/98, C‑52/98 sa C‑54/98 u C‑68/98 sa C‑71/98, Ġabra p. I‑7831, punt 40), u tal-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções (C‑164/99, Ġabra p. I‑787, punt 27).
14 – COM (93) 342 finali (ĠU 1994, C 29, p. 20).
15 – Ara, perezempju, il-Franċiż “des dessins ou modèles extrêmement fonctionnels pour lesquels le créateur doit respecter des paramètres précis”, l-Ingliż “highly functional designs where the designer must respect given parameters”, it-Taljan “i designi o modelli con spiccate caratteristiche funzionali nei quali il disegnatore debba osservare parametri precostituiti”, il-Ġermaniż “hochfunktionelle Muster, bei denen der Entwerfer gegebene Parameter beachten muß”.
16 – Ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.
17 – Sentenza kkontestata, punt 64.
18 – Sentenza kkontestata, punt 62.
19 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer (C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26).
20 – Ara pereżempju, il-verżjoni Franċiża: “cette similitude ne sera pas retenue par l’utilisateur averti dans l’impression globale des dessins ou modèles en cause”; dik Ġermaniża: “wird der informierte Benutzer diese Ähnlichkeit im Rahmen des Gesamteindrucks, den er von den fraglichen Geschmacksmustern gewinnt, nicht wahrnehmen”; dik Spanjola: “el usuario informado no apreciará tal semejanza en la impresión general de los dibujos o modelos controvertidos”; u dik Olandiża: “de geïnformeerde gebruiker, wat de door deze modellen gewekte algemene indruk betreft, niet op deze gelijkenis zal letten” (il-korsiv huwa tiegħi).
21 – F’dan ir-rigward il-ġurisprudenza hija ċara. Pereżempju, wieħed jista’ jfakkar il-każijiet fejn id-deċiżjoni kkontestata fija evalwazzjonijiet ekonomiċi komplessi: ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-qasam ta’ proprjetà intellettwali, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat kunsiderazzjonijiet simili fir-rigward ta’ varjetajiet veġetali: ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO (C‑38/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 77).
22 – L-Artikolu 65 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1), jikkorrispondi għall-Artikolu 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).
23 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI (C‑214/05 P, Ġabra p. I‑7057, punt 50).
24 – Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C 219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 50) u d-digriet tas-16 ta’ Diċembru 2004, APOL u AIPO vs Il‑Kummissjoni (C‑222/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).
Full & Egal Universal Law Academy