KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI SHARPSTON – KAWŻA C-426/10 P
BELL & ROSS vs UASI
I - 20
I - 21
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-16 ta’ Ġunju 2011 (1)
Kawża C‑426/10 P
Bell & Ross BV
vs
Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI)
“Appell – Oriġinal iffirmat tar-rikors ippreżentat wara li skada t-terminu – Ċaħda bħala manifestament inammissibbli – Difett li jista’ jiġi rregolarizzat – Kunċetti ta’ żball skużabbli u ta’ każ fortuwitu – Prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità”
1. Wara li bagħat b’faks, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata, rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI), l-avukat tal-kumpannija Bell & Ross BV (iktar ‘il quddiem l-“appellanti”) bagħat lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem ir-“Reġistru”) seba’ kopji tal-istess rikors. Dawn il-kopji waslu fir-Reġistru wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, iżda fi ħdan it-terminu ta’ għaxart ijiem previst għall-preżentata tal-oriġinal wara li jkun ntbagħat b’faks.
2. Peress li ma setax jidentifika l-oriġinal fost dawk is-seba’ kopji, ir-Reġistru talab lill-imsemmi avukat sabiex jibgħat il-kopja oriġinali tar-rikors. L-avukat bagħat il-kopja li kienet għadha għandu, li waslet fir-Reġistru wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu ta’ għaxart ijiem. Wara li vverifika l-firma permezz ta’ ċarruta niedja, ir-Reġistru kkonkluda li dan kien l-oriġinal tar-rikors, u li l-kopji l-oħrajn kienu fotokopji.
3. Il-Qorti Ġenerali b’hekk, mingħajr ma kompliet il-proċedura, iddikjarat ir-rikors bħala manifestament inammissibbli b’digriet immotivat, peress li l-oriġinal tar-rikors kien ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.
4. Dan l-appell jikkontesta dik id-deċiżjoni (2) fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunċetti ta’ difett li jista’ jiġi rregolarizzat, ta’ żball skużabbli jew ta’ każ fortuwitu, tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Qorti Ġenerali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
Il-kuntest ġuridiku
L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
5. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ‘il quddiem l-“Istatut”) jipprovdi, b’mod partikolari, li rikors għandu jkun akkumpanjat, meta jkun il-każ, mill-att li tiegħu jintalab l-annullament. Jekk dak id-dokument ma jkunx ġie ppreżentat mar-rikors, “ir-Reġistratur għandu jsejjaħ lil parti nteressata sabiex iġġibhom fi żmien raġonevoli, bla ma iżda tkun tista tiġi eċċepita d-dekadenza f’każ li d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors”.
Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali
6. L-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (iktar ‘il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”) jipprovdi:
“1. L-oriġinali ta’ l-atti tal-proċedura kollha għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat tal-parti.
L-att, flimkien ma’ l-annessi kollha li jkunu msemmija fih, għandu jiġi ppreżentat flimkien ma’ ħames kopji għall-Qorti Ġenerali u kopja għal kull parti oħra fil-kawża. Dawn il-kopji għandhom ikunu awtentikati mill-parti li tippreżentahom.
[…]
6. [...] id-data li fiha kopja ta’ l-oriġinal iffirmat ta’ att tal-proċedura [...] tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni użat mill-Qorti Ġenerali, għandha tiġi meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal ta’ l-att iffirmat, flimkien ma’ l-annessi u l-kopji previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, jiġi ddepożitat fir-Reġistru sa mhux aktar tard minn għaxart’ijiem wara. L-Artikolu 102(2) (3) ma huwiex applikabbli għal dan it-terminu ta’ għaxart ijiem.
[…]”
7. L-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-proċedura jistabbilixxi:
“Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-Artikolu (4), ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi terminu raġjonevoli sabiex r-rikorrent jirregolarizza r-rikors tiegħu jew sabiex jissottometti d-dokumenti msemmija hawn fuq. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni jew fin-nuqqas li jiġu sottomessi d-dokumenti fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.”
8. L-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi:
“Meta l-Qorti Ġenerali hija manifestament inkompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.”
L-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali
9. L-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali (iktar ‘il quddiem l-“Istruzzjonijiet lir-Reġistratur”) huma stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 23 tar-Regoli tal-Proċedura. Skont l-Artikolu 7:
“1. Ir-Reġistratur jassigura li l-atti mqegħda fl-inkartament ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tar-Regoli tal-Proċedura, ta’ l-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet, kif ukoll ta’ dawn l-Istruzzjonijiet.
Jekk ikun neċessarju, huwa jistabbilixxi terminu ta’ żmien sabiex ikunu jistgħu jirrimedjaw l-irregolaritajiet formali ta’ l-atti ppreżentati.
In-notifika ta’ sottomissjoni tingħata tard fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura previsti fil-punti 55 u 56 ta’ l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet.
Il-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 57 u 59 ta’ l-Istruzzjonijiet Prattiċi għall-Partijiet idewmu jew jistgħu jdewmu, skond il-każ, in-notifika ta’ sottomissjoni.
[…]
3. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura dwar il-preżentata ta’ atti permezz ta’ faks jew kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, ir-Reġistratur għandu jaċċetta biss l-atti li jkollhom il-firma oriġinali ta’ l-avukat jew ta’ l-aġenti tal-parti.
[…]”
L-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet
10. L-Istruzzjonijiet Prattiċi tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet (iktar ’il quddiem l-“Istruzzjonijiet Prattiċi”) huma stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura. Is-sezzjoni B tagħhom, bit-titolu “Fuq il-preżentata tas-sottomissjonijiet bil-miktub”, tipprovdi b’mod partikolari:
“[…]
7. Il-firma oriġinali ta’ l-avukat jew ta’ l-aġent tal-parti kkonċernata għandha tidher fl-aħħar tas-sottomissjonijiet. F’każ ta’ iktar minn rappreżentant wieħed, huwa biżżejjed li s-sottomissjonijiet ikunu ffirmati minn wieħed minnhom.
[…]
9. Fuq kull kopja ta’ kull att ta’ proċedura li l-partijiet għandhom jippreżentaw skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-avukat jew l-aġent tal-part kkonċernata għandu jiċċertifika li l-kopja hija konformi ma’ l-oriġinal ta’ l-att u jiffirmaha.”
11. Is-sezzjoni F, bit-titolu “Fuq ir-regolarizzazzjoni tas-sottomissjonijiet”, tippreċiża, fil-punti 55 sa 59, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex ir-rikorsi jkunu jistgħu jiġu rregolarizzati.
12. Skont il-punt 55, rikors li ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet segwenti ma jiġix innotifikat lill-konvenut u jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni:
“(a) preżentata ta’ dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika bħala avukat (Artikolu 44(3) tar-Regoli tal-Proċedura);
(b) prova ta’ l-eżistenza ġuridika tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 44(5)(a) tar-Regoli tal-Proċedura];
(c) mandat [Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura];
(d) prova li l-mandat ingħata regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop [Artikolu 44(5)(b) tar-Regoli tal-Proċedura];
(e) preżentata ta’ l-att ikkontestat (rikors għal annullament) […] (it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21 tal-Istatut; Artikolu 44(4) tar-Regoli tal-Proċedura)”.
13. Il-punt 56 jipprovdi:
“Fil-kawżi ta’ proprjetà intellettwali li jikkontestaw il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, rikors li mhuwiex konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin, previsti fl-Artikolu 132 tar-Regoli tal-Proċedura, ma jiġix innotifikat lill-parti l-oħra u terminu raġonevoli jiġi ffissat għar-regolarizzazzjoni:
(a) l-ismijiet tal-partijiet fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell u l-indirizzi li dawn kienu indikaw għall-finijiet tan-notifiki li jsiru matul din il-proċedura (l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura);
(b) id-data li fiha din id-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell tkun ġiet innotifikata (it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura);
(c) id-deċiżjoni kkontestata, annessa (it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 132(1) tar-Regoli tal-Proċedura).”
14. Il-punt 57 jipprevedi partikolarment:
“Jekk rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali li ġejjin, in-notifika ssir tard u terminu raġonevoli jiġi ffissat għar-regolarizzazzjoni:
[…]
(b) firma oriġinali ta’ l-avukat jew ta’ l-aġent fl-aħħar tar-rikors (punt 7 ta’ l-Istruzzjonijiet Prattiċi);
[…]
(o) preżentata tal-kopji awtentikati skond ir-rikors (it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 9 ta’ l-Istruzzjonijiet Prattiċi).”
15. Il-punt 58 jipprovdi li, jekk ir-rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali relatati mal-indirizz għan-notifika, mad-dokument li jiċċertifika li avukat huwa awtorizzat jipprattika għal kull avukat supplimentari, mas-sunt tal-motivi u mat-tradizzjoni tal-annessi fil-lingwa tal-kawża, ir-rikors għandu jiġi nnotifikat u għandu jiġi stabbilit terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni.
16. Finalment, il-punt 59 jipprevedi l-prinċipju jew il-possibbiltà, skont il-każ, tar-regolarizzazzjoni meta n-numru ta’ paġni tar-rikors jaqbeż in-numru stipulat mill-Istruzzjonijiet Prattiċi, kif ukoll id-dewmien tan-notifika f’tali każ.
ll-fatti li wasslu għall-kawża
17. B’rikors li wasal b’faks fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-22 ta’ Jannar 2010, l-appellanti ppreżentat rikors kontra deċiżjoni tal-UASI (5). Peress li dik id-deċiżjoni kienet ġiet innotifikata lill-appellanti fit-13 ta’ Novembru 2009, jirriżulta mir-regoli tal-kalkolu tat-termini tal-proċedura previsti fir-Regoli tal-Proċedura li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kellu jiskadi fil-25 ta’ Jannar 2010.
18. L-avukat tal-appellanti sussegwentement bagħat lir-Reġistru r-rikors u l-annessi tiegħu f’seba’ kopji, kif ukoll id-dokumenti meħtieġa mill-Artikolu 44(3) sa (5) tar-Regoli tal-Proċedura, flimkien ma’ ittra li tispjega li l-pakkett mibgħut kien jinkludi l-oriġinal tar-rikors u tal-anness tiegħu u seba’ veri kopji ta’ dawk l-istess dokumenti (6). Il-pakkett mibgħut wasal fir-Reġistru fl-1 ta’ Frar 2010, jiġifieri fl-għaxar jum wara li kienet intbagħtet il-faks.
19. Fit-2 ta’ Frar 2010, ir-reġistratur talab lill-avukat sabiex jibgħat l-oriġinal tar-rikors iffirmat, li deher li kien nieqes mill-pakkett mibgħut.
20. B’ittra tat-3 ta’ Frar 2010, l-avukat bagħat lir-Reġistru l-unika kopja tar-rikors li kellu fil-fajl tiegħu, waqt li spjega:
“Peress li ninsab konvint li diġà bgħattlek id-dokument oriġinali flimkien ma’ għadd ta’ fotokopji, ma nistax ngħidlek jekk id-dokument mehmuż huwiex l-oriġinal jew le. Jiena jidhirli li din hija kopja li żammejna fil-fajl. Inħalli f’idejk sabiex teżaminah u nistenna li nirċievi l-osservazzjonijiet tiegħek.”
21. Fil-5 ta’ Frar 2010, ir-reġistratur għarraf lill-avukat li kien ikkonkluda li dak id-dokument kien oriġinal: wara li ngħaddiet ċarruta niedja minn fuq il-firma, il-linka (sewda) iżżelġet ftit.
22. Ir-reġistratur b’hekk irreġistra r-rikors bid-data tal-5 ta’ Frar 2010, jiġifieri kemm wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kif ukoll wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura.
23. B’ittra tat-12 ta’ Frar 2010 indirizzata lir-reġistratur, l-avukat tal-appellanti invoka żball skużabbli sabiex jiġġustifika l-preżentata tal-oriġinal tar-rikors iffirmat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem imsemmi hawn fuq.
24. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors ma ġiex innotifikat lill-UASI.
Id-digriet appellat
25. Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, billi kienet tal-fehma li l-pożizzjoni kienet ġiet iċċarata b’mod suffiċjenti mill-atti tal-proċess u waqt li ddeċidiet li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tkompli l-proċedura skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, ċaħdet ir-rikors bħala manifestament inammissibbli.
26. Il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita (7), it-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa kwistjoni ta’ ordni pubbliku, peress li ġie stabbilit sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u sabiex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u li huwa fil-kompetenza tal-Qorti tal-Unjoni sabiex tivverifika, ex officio, jekk ġiex irrispettat (8). Il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkonstatat li r-rikors kien wasal b’faks fir-Reġistru fit-22 ta’ Jannar 2010, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, u li, meta jitqies it-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, l-oriġinal kellu jasal għandha qabel l-1 ta’ Frar 2010. Peress li l-imsemmi oriġinal wasal biss fil-5 ta’ Frar 2010, il-preżentata tar-rikors kienet tardiva (9).
27. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti ssollevati fl-ittra tat-12 ta’ Frar 2010 sabiex isostnu l-eżistenza ta’ żball skużabbli: il-fornitur ta’ servizzi li għamel il-kopji tar-rikors fixkel l-oriġinal ma’ waħda mill-kopji; l-avukat kellu d-drawwa li jiffirma b’linka sewda; minħabba l-kwalità tal-kopji kien diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-oriġinal u l-kopji; it-test biċ-ċarruta niedja ma setax jintalab sistematikament min-naħa tar-rikorrent, u l-eżistenza ta’ regolarizzazzjoni skont il-punt 57(o) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi tista’ tnaqqas l-attenzjoni tal-appellanti fir-rigward tal-ħtieġa li jiddistingwu l-oriġinal mill-kopji.
28. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma seta’ jwassal għall-konklużjoni ta’ żball skużabbli. Skont il-ġurisprudenza (10), fir-rigward tat-termini għall-preżentata ta’ rikors, il-kunċett ta’ żball skużabbli għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u jista’ jkopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ikkonċernati jkunu adottaw imġieba li, waħedha jew b’mod determinanti, hija tali li toħloq konfużjoni kunsiderevoli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u li jeżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur ta’ esperjenza raġonevoli. F’din il-kawża, l-appellanti stess ammettiet li hija stess kienet il-kawża tal-konfużjoni fit-tħejjija tal-fajl, u la l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali u lanqas l-eżerċizzju tad-diliġenza meħtieġa ma ġew stabbiliti. Id-diffikultà sabiex issir distinzjoni bejn l-oriġinal tar-rikors iffirmat u l-kopji tiegħu setgħet tiġi ssorvolata (11).
29. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ preżentata tal-oriġinal iffirmat fit-termini ffissati ma jinsabx fost il-każijiet ta’ regolarizzazzjoni tar-rikorsi previsti fil-punti 55 sa 59 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi. Il-fakultà ta’ regolarizzazzjoni prevista fil-punt 57(o) ma tistax twassal għall-konsegwenza li titnaqqas il-viġilanza min-naħa tar-rikorrenti li għandhom l-obbligu li jagħmlu distinzjoni bejn l-oriġinal u l-kopji (12).
Argumenti u aggravji tal-appell
30. L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-digriet appellat, tikkonstata li r-rikors għal annullament huwa ammissibbli, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu u tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż taż-żewġ kawżi.
31. Hija tissolleva sitt aggravji li jirrigwardaw, rispettivament, il-ksur tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, il-ksur tal-Artikolu 43 tal-istess regolament, in-nuqqas ta’ osservanza tal-punt 57(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi u tal-Artikolu 7(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-eżistenza ta’ żball skużabbli, tal-eżistenza ta’ każ fortuwitu u l-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ aspettattivi leġittimi.
32. L-UASI jitlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti tiġi kkundannata għall‑ispejjeż.
Analiżi
Rimarki preliminari
33. Fl-ewwel lok, jidhirli li huwa importanti li jiġu identifikati sew iċ-ċirkustanzi prinċipali li jikkaratterizzaw din il-kawża.
34. Minn naħa waħda, ma huwiex ikkontestat li, wara konfużjoni, il-kopja tar-rikors li waslet fir-Reġistru fil-5 ta’ Frar 2010 kienet dik li kellha l-firma oriġinali tal-avukat, waqt li dawk li waslu fl-1 ta’ Frar kienu fotokopji leali. Lanqas ma huwa kkontestat li d-dokument riċevut fil-5 ta’ Frar kien l-oriġinal tal-faks li ġiet riċevuta fit-22 ta’ Jannar. Barra minn hekk, huwa paċifiku li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors skada fil-25 ta’ Jannar 2010 (u b’hekk ġie rrispettat fir-rigward tat-trażmissjoni tar-rikors bil-faks fit-22 ta’ Jannar) u li t-terminu ta’ għaxart ijiem għall-preżentata tal-oriġinal tar-rikors wara t-trażmissjoni bil-faks skada fl-1 ta’ Frar 2010.
35. Min-naħa l-oħra, jidhirli importanti li jiġi nnutat li, għal raġunijiet ferm evidenti, ir-rikors innifsu, li ġie indirizzat lill-Qorti Ġenerali, ma kien jinkludi ebda argument dwar il-kawżi tal-konfużjoni msemmija hawn fuq, il-ġustifikazzjoni possibbli tal-preżentata tardiva tar-rikors jew il-possibbiltajiet ta’ regolarizzazzjoni. Peress li r-rikors ma ġiex innotifikat lill-UASI u ma ġiet appuntata ebda seduta, il-partijiet ma kellhomx l-okkażjoni jesprimu ruħhom dwar dawn l-aspetti direttament quddiem il-Qorti Ġenerali nfisha (13). B’hekk huwa fuq il-bażi tal-komunikazzjonijiet telefoniċi u bil-miktub bejn l-avukat u r-reġistratur, kif ukoll fuq il-bażi tal-identifikazzjoni minn dan tal-aħħar tal-firma oriġinali tal-avukat, li l-Qorti Ġenerali waslet għad-deċiżjoni li tinsab fid-digriet appellat.
36. Sussegwentement, għandhom jitfakkru l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jidhru li huma l-iktar rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan l-appell: il-prinċipju ta’ ċertezza legali, skont liema prinċipju t-termini għall-preżentata ta’ rikors huma kwistjoni ta’ ordni pubbliku li ma humiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet jew tal-qorti; id-dritt ta’ rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea; il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jeħtieġ li l-motivi implementati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu adattati sabiex jinkiseb l-għan intiż u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb; u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li jestendi għal kull individwu li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi fondati minħabba assigurazzjonijiet preċiżi li hija tkun tatu.
37. Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, u taċ-ċirkustanzi tal-kawża, jidhirli li t-tielet u s-sitt aggravji tal-appell jimmeritaw attenzjoni partikolari, u ser nibda billi nindirizzahom fl-ewwel lok. L-aggravji l-oħrajn jistgħu jiġu eżaminati iktar fil-qosor sussegwentement.
It-tielet aggravju: nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 7(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur u tal-punt 57(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi
38. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma tathiex il-possibbiltà li tirregolarizza r-rikors skont l-Artikolu 7(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur (li jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, li r-Reġistratur għandu jagħti terminu lill-partijiet sabiex ikunu jistgħu jirrimedjaw irregolaritajiet formali fid-dokumenti ppreżentati) u fil-punt 57(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi (li jistipulaw li għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet ta’ regolarizzazzjoni jekk ir-rikors ma jkunx konformi mar-regola proċedurali li teħtieġ il-firma oriġinali tal-avukat fl-aħħar tar-rikors).
39. Fl-ewwel lok, ma nistax naqbel mal-oġġezzjoni li saret mill-UASI fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. L-UASI effettivament jenfasizza li, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti ma invokatx il-punt 57(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi.
40. Huwa minnu li, fil-prinċipju, motiv relatat mal-kawża prinċipali li ma jkunx ġie ssollevat quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistax jiġi ssollevat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (14). Madankollu, f’din il-kawża, jidhirli li l-ammissibbiltà tal-aggravji ta’ appell ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tas-similarità tagħhom jew le mal-motivi ssollevati fl-ewwel istanza. Fil-fatt, l-appellanti ma kellha ebda possibbiltà matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li tissolleva kwalunkwe motiv dwar id-dispożizzjoni inkwistjoni. Ir-rikors innifsu ma setax jinkludi argumenti dwar il-kundizzjonijiet tal-preżentata tiegħu, kundizzjonijiet li ma kinux, għal raġunijiet evidenti, antiċipati meta ġie abbozzat. Fir-rigward tal-iskambji – anki bil-miktub – bejn l-avukat tal-appellanti u r-Reġistru, dawn f’ebda każ ma’ kienu dokumenti li fihom l-appellanti setgħet tissolleva motiv li seta’ jkun ammissibbli fil-kuntest tar-rikors tagħha.
41. Rigward il-mertu, jidhirli li huma elokwenti l-argumenti ssollevati mill-appellanti, waqt li l-oġġezzjonijiet mqajma mill-UASI ma humiex konvinċenti.
42. Għalkemm l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura effettivament jirreferi biss għan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 3 sa 5 tal-istess Artikolu bħala li jistgħu jagħtu lok għal regolarizzazzjoni f’terminu raġonevoli li għandu jiġi ffissat mir-reġistratur, dak ir-riferiment ma hijiex – għall-kuntrarju ta’ dak li jallega l-UASI – lista espliċitament eżawrjenti.
43. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur jipprovdi li huwa għandu jiżgura l-konformità tal-atti mqiegħda fil-proċess mad-dispożizzjonijiet “ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, tar-Regoli tal-Proċedura, ta’ l-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet, kif ukoll ta’ dawn l-Istruzzjonijiet” u li, jekk ikun il-każ, “huwa jistabbilixxi terminu ta’ żmien sabiex ikunu jistgħu jirrimedjaw l-irregolaritajiet formali ta’ l-atti ppreżentati”. Minn dan nikkonkludi li l-irregolaritajiet formali inkwistjoni jinkludu dawk kollha imposti mid-dispożizzjonijiet tal-erba’ strumenti msemmija.
44. Ċertament, l-assenza ta’ firma oriġinali tal-avukat fl-aħħar tar-rikors ma hijiex irregolarità purament formali [bħal ma jkun, pereżempju, l-użu ta’ format ta’ karta mhux A4, kif meħtieġ skont il-punt 8(a) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi], peress li hija relatata mal-identifikazzjoni tad-dokument bħala li nħareġ minn sors awtorizzat u b’hekk mas-sustanza tiegħu stess. Madankollu, il-firma hija biss wieħed mill-elementi li flimkien jippermettu dik l-identifikazzjoni. Dawn jinkludu wkoll il-prova tal-eżistenza ġuridika ta’ rikorrenti li hija persuna ġuridika, il-mandat mogħti lill-avukat, il-prova tar-regolarità ta’ dak il-mandat u d-dokument tal-leġittimazzjoni tal-avukat. In-nuqqas ta’ wieħed minn dawn l-elementi jwassal sabiex ikun impossibbli li tiġi vverifikata l-provenjenza awtorizzata tad-dokument u, b’hekk, l-ammissibbiltà tiegħu. Peress li huwa paċifiku li n-nuqqas ta’ wieħed minn dawk id-dokumenti l-oħrajn jikkostitwixxi irregolarità formali li tista’ tiġi rregolarizzata, nikkonkludi li l-istess jgħodd għall-firma oriġinali tal-avukat.
45. Skont il-punt 57(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi, jekk rikors ma jkunx konformi mar-regola proċedurali li teżiġi l-firma oriġinali tal-avukat fl-aħħar tar-rikors, “in-notifika ssir tard u terminu raġonevoli jiġi ffissat għar-regolarizzazzjoni”.
46. B’hekk jidhirli li d-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 7(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur u tal-punt 57(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi jipprevedu – b’mod ċar – l-iffissar ta’ terminu raġonevoli għar-regolarizzazzjoni tar-rikors meta dan ma jkollux, fl-aħħar tiegħu, il-firma oriġinali tal-avukat.
47. L-UASI joġġezzjona, madankollu, li l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur ma jistgħux iżidu possibiltajiet ta’ regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors li ma humiex previsti fl-Istatut jew fir-Regoli tal-Proċedura.
48. Dan l-argument jippresupponi, fl-ewwel lok, distinzjoni bejn ir-regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors [li l-Istatut u r-Regoli tal-Proċedura biss jistgħu jipprevedu li hija prevista fil-każijiet elenkati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut u fl-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura] u r-regolarizzazzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (li tista’ tkun prevista fl-istruzzjonijiet maħruġa mill-Qorti Ġenerali).
49. Fl-ewwel lok, ma jidhirlix li wieħed jista’ jiddeduċi mill-preżenza tal-istipulazzjoni, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut, li tgħid “bla ma iżda tkun tista’ tiġi eċċepita d-dekadenza f’każ li d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors” li l-assenza ta’ tali stipulazzjoni f’dispożizzjonijiet oħrajn relatati ma’ każijiet ta’ regolarizzazzjoni neċessarjament timplika li dawk il-każijiet l-oħrajn ta’ regolarizzazzjoni ma jistgħux iseħħu wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu.
50. Sussegwentement, nirrileva li la l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura, la l-Artikolu 7(1) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, u lanqas il-punt 57 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi ma jindika kemm espliċitament jew impliċitament, li r-regolarizzazzjoni tista’, jew ma tistax, iseħħ wara l-iskadenza tat-terminu tal-preżentata ta’ rikors. It-tliet dispożizzjonijiet huma fformulati f’termini ferm simili, u kull waħda minn dawn it-tlieta tipprevedi l-iffissar mir-Reġistratur ta’ terminu (raġonevoli) għar-regolarizzazzjoni ta’ dokument li jkun fih irregolarità proċedurali. Għaldaqstant, jekk il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura jistgħu jiġu rregolarizzati wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jikkonkludi li ma huwiex l-istess għall-każijiet elenkati fiż-żewġ dispożizzjonijiet l-oħrajn (15).
51. Barra minn hekk, jidhirli li kull possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni ta’ rikors prevista minn dispożizzjoni proċedurali għandha neċessarjament tkun tista’ tiġi eżerċitata wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Effettivament, kemm-il darba t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ikun għadu ma skadiex (16), ir-rikorrenti dejjem tista’ tikkompleta r-rikors tagħha, mingħajr ma hija meħtieġa dispożizzjoni espressa sabiex tawtorizzaha, kemm fuq l-inizjattiva tagħha jew wara komunikazzjoni mir-Reġistru li tinformaha dwar irregolarità formali. Jekk ebda dispożizzjoni espressa ma hija meħtieġa sabiex tkun tista’ ssir regolarizzazzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, wieħed għandu jiddeduċi mill-eżistenza ta’ tali dispożizzjoni li din tippermetti regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu – u hija dik iċ-ċirkustanza li trendi meħtieġ l-intervent tar-Reġistru u l-iffissar ta’ terminu raġonevoli għal dan il-fini (17).
52. Iżda l-UASI jsostni wkoll li ebda każ ta’ regolarizzazzjoni li ma huwiex previst fir-Regoli tal-Proċedura ma jista’ jiġi introdott mill-Istruzzjonijiet Prattiċi.
53. L-Istruzzjonijiet Prattiċi jikkostitwixxu, ċertament, regoli ta’ livell inferjuri meta mqabbla mar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdu l-bażi ġuridika tagħhom. Iż-żewġ strumenti madankollu japplikaw flimkien u għandhom, għaldaqstant, jiġu interpretati b’mod konkordanti sa fejn huwa possibbli. F’din il-kawża, fir-Regoli tal-Proċedura ma hemm l-ebda dispożizzjoni li minnha wieħed jista’ jiddeduċi li l-każijiet previsti fiha biss jistgħu jkunu suġġetti għal regolarizzazzjoni (jew regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors). Għaldaqstant, interpretazzjoni konkordanti tar-Regoli tal-Proċedura u tal-Istruzzjonijiet Prattiċi hija possibbli sa fejn il-każijiet ta’ regolarizzazzjoni previsti f’dawn tal-aħħar ma humiex limitati għall-perijodu ta’ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors. Min-naħa l-oħra, kieku kien hemm konflitt bejn it-tnejn, id-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura għandha tieħu preċedenza. Madankollu, jidhirli li, anki f’każ fejn l-Istruzzjonijiet Prattiċi jmorru lil hinn minn dak li huwa awtorizzat mill-Istatut jew mir-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet għandhom id-dritt li jistennew li l-Qorti Ġenerali tħossha marbuta bl-Istruzzjonijiet maħruġa minnha stess, a fortiori meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi ex officio, u mingħajr ma tisma’ lill-partijiet, li r-rikors huwa inammissibbli.
54. Finalment, l-UASI jsostni li l-każijiet ta’ regolarizzazzjoni previsti fil-punti 55 sa 59 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi ma jikkonċernawx l-ammissibbiltà tar-rikors iżda biss in-notifika tiegħu lill-konvenut.
55. Dan l-argument, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi aċċettat. Huwa minnu li kull wieħed mill-punti inkwistjoni tal-Istruzzjonijiet Prattiċi jippreċiża jekk in-notifika għandhiex tiġi differita jew le. Barra minn hekk, huwa probabbli li wħud mid-difetti msemmija – pereżempju, il-fatt li l-paragrafi ma jkunux enumerati, li huwa s-suġġett tal-punt 57(c) – jistgħu ma jwasslux għal inammissibbiltà jekk ma jkunux ġew irregolarizzati. Oħrajn, min-naħa l-oħra – inkluża l-assenza tal-firma oriġinali tal-avukat jew tal-aġent għall-finijiet tar-rikors, li hija s-suġġett tal-punt 57(b) u li hija inkwistjoni f’dan il-każ –, neċessarjament ikollhom l-effett li jagħmlu r-rikors inammissibbli jekk ma jkunux ġew ikkoreġuti. B’hekk ma huwiex possibbli li jiġi affermat li r-regolarizzazzjonijiet previsti fil-punt 57 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi jaffettwaw biss in-notifika tar-rikors u ma jikkonċernawx l-ammissibbiltà tiegħu.
56. Barra minn hekk, jidhirli li l-affermazzjoni, fil-punt 28 tad-digriet appellat, li l-punt 57(o) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi jippermetti li “tiġi ddifferita l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà tar-rikors previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura” hija irrelevanti f’dan ir-rigward. Effettivament, kull darba li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors jiġu mminati, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali neċessarjament tiġi ddifferita meta mqabbla mad-data rilevanti għall-evalwazzjoni, mingħajr ma hija meħtieġa dispożizzjoni espressa għal dan il-għan.
57. Konsegwentement, jiena tal-fehma li t-tielet aggravju tal-appell huwa fondat.
Fuq is-sitt aggravju: il-ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ aspettattivi leġittimi
58. L-appellanti ssostni li, billi ddikjarat ir-rikors inammissibbli minkejja li tmien kopji tar-rikors, kollha bil-firma tal-avukat, kienu ġew riċevuti fit-termini stipulati bil-faks jew bil-posta, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ aspettattivi leġittimi. Kemm l-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur (Artikolu 7) kif ukoll l-Istruzzjonijiet Prattiċi [punt 57(b)] jipprovdu li r-rikors jista’ jiġi rregolarizzat sabiex firma oriġinali tal-avukat tkun tista’ tidher fuq dan tal-aħħar.
59. L-UASI jenfasizza li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma huwiex affettwat mill-applikazzjoni stretta tat-termini proċedurali u formalitajiet sostantivi oħrajn. L-inammissibbiltà minħabba l-preżentata tardiva tar-rikors la tmur kontra dak id-dritt, u lanqas ma hija sproporzjonata. Il-punt 57(b) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi ma jistax min-natura tiegħu stess joħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarizzazzjoni ta’ rikors mingħajr firma oriġinali u b’ebda mod ma jista’ joħoloq deroga mir-rekwiżit ċar stipulat mill-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura.
Il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
60. Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, infakkar li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jestendi għal kull individwu li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi fondati minħabba assigurazzjonijiet preċiżi li hija tkun tatu. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dak il-prinċipju fin-nuqqas ta’ tali assigurazzjonijiet (18).
61. Jista’ wieħed jikkonkludi, f’din il-kawża, li jeżistu assigurazzjonijiet preċiżi, mogħtija mill-Qorti Ġenerali (jew mir-Reġistru tagħha) u li huma tali li jistgħu joħolqu, fil-konfront tal-appellanti, aspettattiva li r-rikors tagħha jista’ jiġi rregolarizzat?
62. Huwa ċertament minnu li l-appellanti ma tallegax li rċeviet assigurazzjoni espliċita f’dan ir-rigward. Madankollu, minn naħa, l-eżistenza tad-diversi dispożizzjonijiet iċċitati mill-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur (b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Artikolu 7 tagħhom) u fl-Istruzzjonijiet Prattiċi (b’mod partikolari dawk li jinsabu fil-punt 57 tagħhom) kienu tali li jagħtu x’tifhem li possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni bħal dik invokata f’din il-kawża setgħet kienet miftuħa. F’dan ir-rigward, kull rikorrent għandu, b’mod ġenerali, ikun jista’ jkollu fiduċja fl-osservanza mill-Qorti Ġenerali ta’ regoli maħruġa minnha stess. Min-naħa l-oħra, mid-digriet appellat kif ukoll mill-ittra tat-3 ta’ Frar 2010 jirriżulta li, fit-2 ta’ Frar 2010, jiġifieri l-għada tal-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistru “talab lill-[appellanti] li tibgħat l-oriġinal iffirmat tar-rikors” (19). Meta titqies fid-dawl tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ‘il fuq, tali talba ma setgħetx tiġi interpretata b’mod ieħor għajr bħala assigurazzjoni preċiża (għalkemm impliċita) tal-eżistenza ta’ possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni tar-rikors billi jintbagħat l-oriġinal iffirmat. Fil-fatt, sa fejn ir-Reġistru ma kellux l-imsemmi oriġinal u kemm it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kif ukoll it-terminu ta’ għaxart ijiem kienu skadew, il-produzzjoni tal-oriġinal ma setgħet isservi għal xejn iktar għajr għar-regolarizzazzjoni. Rikorrenti li tirċievi tali talba mingħand ir-Reġistru u li tkun taf li kemm it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kif ukoll it-terminu ta’ għaxart ijiem kienu skadew ma setgħet tikkonkludi xejn iktar ħlief li kien hemm possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni, peress li jekk ir-Reġistru ma kellux l-oriġinal f’dak il-mument, ma kien iservi għal xejn li jitlob għall-produzzjoni ulterjuri tiegħu bħala sempliċi konferma.
63. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ dik l-assigurazzjoni preċiża għalkemm impliċita min-naħa tar-Reġistru, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur u tal-punt 57 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi, maħruġa mill-Qorti Ġenerali u li b’hekk jagħtu lok għal preżunzjoni li għandhom jiġu osservati minnha, l-appellanti setgħet, fil-fehma tiegħi, ikollha aspettattiva leġittima li l-Qorti Ġenerali ma kinitx ser telimina mal-ewwel il-possibbiltà li l-preżentata tar-rikors setgħet tiġi rregolarizzata bil-produzzjoni tal-oriġinal b’risposta għat-talba mir-Reġistru, u dan anki fin-nuqqas ta’ żball skużabbli min-naħa tal-appellanti jew tal-avukat tagħha, peress li ebda kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ tali żball ma tissemma fid-dispożizzjonijiet iċċitati jew ma ġiet indikata mir-Reġistru.
64. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali bbażat il-konstatazzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà fuq l-affermazzjonijiet, minn naħa, li hija biss id-data tal-preżentata tal-oriġinal iffirmat tar-rikors, jiġifieri l-5 ta’ Frar 2010, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u, min-naħa l-oħra, li n-nuqqas ta’ preżentata, fit-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-oriġinal iffirmat tar-rikors ma tinsabx fost il-każijiet ta’ regolarizzazzjoni previsti fil-punti 55 sa 59 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi (20). Fil-bqija, hija sempliċement eżaminat u ċaħdet l-argumenti ssollevati mill-avukat tal-appellanti fl-ittra tiegħu lir-Reġistru tat-12 ta’ Frar 2010, fejn huwa invoka żball skużabbli.
65. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni li l-fatt li ma ġiex ippreżentat, fit-terminu stipulat, l-oriġinal iffirmat tar-rikors ma tinsabx fost il-każijiet ta’ regolarizzazzjoni previsti fil-punti 55 sa 59 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi jidhirli li hija żbaljata, inkwantu dawk il-każijiet jinkludu, fil-punt 57(b), in-nuqqas ta’ firma oriġinali tal-avukat fl-aħħar tar-rikors.
66. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma ħadet l-ebda kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni permezz tas-sempliċi preżentata tal-oriġinal iffirmat b’risposta għat-talba tat-Reġistru – possibbiltà li fiha l-appellanti seta’ kellha aspettattivi leġittimi – iżda sempliċement ikkunsidrat jekk l-inammissibbiltà kkonstatata setgħetx tiġi eliminata fid-dawl tal-eżistenza ta’ żball skużabbli. Għaldaqstant jidhirli li l-Qorti Ġenerali marret kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-konfront tal-appellanti.
Il-prinċipju ta’ proporzjonalità
67. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali tad-dispożizzjonijiet proċedurali tagħha fid-digriet appellat kinitx adattata sabiex jinkiseb l-objettiv mixtieq u jekk kinitx tmur lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħaq.
68. Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fid-digriet tagħha, l-objettiv mixtieq huwa li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi u li tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. B’hekk, l-applikazzjoni stretta tat-termini għall-preżentata ta’ rikors u r-rekwiżit li jiġi ppreżentat rikors bil-firma oriġinali ta’ persuna debitament awtorizzata għal dan il-għan jippermettu (b’mod partikolari) lill-istituzzjonijiet, l-organi u l-korpi tal-Unjoni, li att tagħhom jista’ jiġi kkontestat, sabiex jivverifikaw, ladarba jkun għadda ċertu żmien, li ma tkun ġiet ippreżentata ebda kontestazzjoni ammissibbli kontra dak l-att.
69. Madankollu, l-interess ta’ konvenut potenzjali li b’hekk jakkwista ċertezza dwar l-istatus – ikkontestat jew inkontestabbli – tal-att tiegħu għandu jiġi bbilanċjat kontra dak ta’ kull persuna li tħossha leża b’att li tkun tista’ tikkonestah taħt kundizzjonijiet raġonevoli. L-objettiv immirat, f’termini ta’ ċarezza u ċertezza ġuridika, huwa b’hekk doppju. Ma huwiex biss li jiġi protett il-konvenut kontra rikors tardiv jew mhux awtentikat, iżda wkoll li jiġi żgurat li r-rikorrent ikollu dritt għal rimedju effettiv. Kull dispożizzjoni jew kull att li jfixkel il-bilanċ essenzjali bejn iż-żewġ fergħat ta’ dan l-objettiv, billi jiffavorixxi b’mod eċċessiv lil wieħed għad-detriment tal-ieħor, ikun fil-fehma tiegħi inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
70. F’din il-kawża, ma huwiex allegat li t-termini inkwistjoni jew ir-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tar-rikors kienu tali li jimpedixxu l-possibbiltà għall-appellanti li tressaq rikors kontra d-deċiżjoni meħuda. Madankollu, billi kkonstatat l-inammissibbiltà formali tar-rikors wara żball min-naħa tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali temmet dik il-possibbiltà. Inkwantu jiena tal-fehma, kif semmejt iktar ‘il fuq, li l-konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà ma kinitx imposta mid-dispożizzjonijiet applikabbli, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kinitx tiffavorixxi b’mod eċċessiv il-protezzjoni tal-UASI għad-detriment tad-dritt tal-appellanti għal rimedju effettiv.
71. Fil-fehma tiegħi, il-punt ta’ bilanċ bejn l-interessi inkwistjoni effettivament ixeqleb wisq favur l-UASI fid-digriet appellat.
72. Minn naħa, id-data rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk rikors formalment ammissibbli ġiex ippreżentat jew le tvarja skont ċertu numru ta’ fatturi li jinkludu, b’mod partikolari, id-data meta r-rikorrent seta’ ħa konjizzjoni tal-att ikkontestat, l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ talba preliminari għal għajnuna ġudizzjarja (21), jekk intbagħatx jew le r-rikors permezz ta’ “mezz tekniku [...] ta’ komunikazzjoni użat mill-Qorti Ġenerali” u l-possibiltajiet ta’ regolarizzazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors (li minnhom ta’ mill-inqas dik prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut hija inkontestabbli). Barra minn hekk, fil-prattika, rikors formalment ammissibbli qatt ma jista’ jiġi nnotifikat lill-konvenut fl-istess jum tar-reġistrazzjoni tiegħu fir-Reġistru. Konvenut potenzjali b’hekk ma jistax jakkwista ċ-ċertezza li l-att tiegħu ser jevita l-kontestazzjoni mingħajr ma jivverifika (ta’ mill-inqas) dawn il-fatturi kollha. Id-data meta huwa jkun jista’ jakkwista dik iċ-ċertezza b’hekk tista’ tkun (anki ħafna) wara dik tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors u, sabiex jakkwistah, huwa jista’ jkun obbligat li jitlob informazzjoni mingħand ir-Reġistru.
73. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà għar-Reġistratur li jistabbilixxi terminu (raġonevoli) għar-regolarizzazzjoni ta’ rikors li ma jkunx konformi ma’ ċerti regoli ta’ ammissibbiltà formali tillimita b’mod sinjifikattiv ir-riskju għall-konvenut li jitwal il-perijodu ta’ inċertezza tiegħu sempliċement minħabba inadempjenza min-naħa tal-appellanti.
74. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u l-kuntest fattwali tal-kawża (preżentata ta’ rikors bil-faks, li ma huwiex ikkontestata li kien jirriproduċi lealment l-oriġinal, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, preżentata ta’ seba’ kopji tar-rikors, li ma humiex ikkontestati li huma kopji leali tal-oriġinal, fit-terminu ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura, u preżentata tal-oriġinal erbat ijiem iktar tard b’risposta immedjata għal talba mir-Reġistru wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu), jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali, billi eskludiet kull possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet stabbiliti minnha stess, ma osservatx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
75. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li s-sitt aggravju tal-appell huwa fondat.
Rimarka intermedjarja
76. Mill-analiżi tiegħi tat-tielet u s-sitt aggravji jirriżulta li jiena tal-fehma li l-appell għandu jiġi milqugħ. Peress li huwa ċar li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, għandha tiġi rrinvjata lill-Qorti Ġenerali.
77. Jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ differenti fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ aggravji, ma jidhirlix li hija tista’ tilqa’ l-appell fuq il-bażi tal-aggravji rimanenti, għar-raġunijiet li ser nispjega fil-qosor iktar ‘il quddiem.
Fuq l-ewwel aggravju: il-ksur tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura
78. L-appellanti ssostni li l-Avukat Ġenerali ma nstemax, bi ksur tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura.
79. Huwa minnu li l-imsemmi Artikolu, li fuqu huwa bbażat id-digriet appellat, jipprovdi li għandu jinstema’ l-Avukat Ġenerali. Madankollu, l-Artikolu 2(2) tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża li r-riferimenti għall-Avukat Ġenerali “huma applikabbli biss fil-każ li Mħallef jiġi nnominat bħala Avukat Ġenerali”. F’din il-kawża, ebda Mħallef ma ġie nnominat bħala Avukat Ġenerali fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.
Fuq it-tieni aggravju: il-ksur tal-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura
80. L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li pproċediet għal interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura meta kkunsidrat li r-rikors ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu. Hija tenfasizza li ċ-ċirkustanzi tal-kawża huma differenti minn dawk li wasslu għad-digriet PubliCare Marketing Communications vs UASI (22) imsemmi fil-punt 17 tad-digriet appellat. F’din il-kawża tal-aħħar, wara li ntbagħat rikors b’faks, l-oriġinal tar-rikors wasal tard għaliex l-ispedizzjoni bil-posta ma kinitx tħallset biżżejjed. F’din il-kawża, ir-Reġistru rċieva seba’ kopji tar-rikors iffirmati mill-Avukat tagħha fl-1 ta’ Frar, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu applikabbli. Il-kwistjoni rilevanti hija dik tal-identifikazzjoni tar-rikors oriġinali. L-Artikolu 43 b’ebda mod ma jippreċiża d-dettalji tal-firma tar-rikors (kulur, tip ta’ pinna, eċċ.). It-test biċ-ċarruta niedja huwa kontestabbli, għaliex ċerti tipi ta’ linka ma jiżżellġux. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma semmiet il-metodu li ppermettielha tiddistingwi l-oriġinal mill-kopja, żiedet b’hekk kundizzjonijiet li ma jinsabux fl-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura.
81. L-UASI huwa tal-fehma li dan l-aggravju huwa manifestament infondat. L-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura jeħtieġ il-firma bl-idejn tal-avukat (23). L-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, fl-Artikolu 7(3), b’hekk jippreċiżaw li r-Reġistru jaċċetta biss id-dokumenti li jkun fihom il-“firma oriġinali ta’ l-avukat”. Il-metodu li permess tiegħu r-Reġistratur jiddistingwi oriġinal minn kopja huwa irrelevanti peress li l-appellanti ma tikkontestax li d-dokumenti ppreżentati fl-1 ta’ Frar 2010 ma kinux oriġinali. B’hekk ma jistax jiġi invokat żnaturament tal-fatti min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Il-kwistjoni jekk id-dokument ippreżentat fir-Reġistru fil-5 ta’ Frar kienx tabilħaqq oriġinal hija irrelevanti. Anki jekk kien oriġinal, dan ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu. Fil-każ kuntrarju, ir-rikors huwa inammissibbli skont l-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura.
82. Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti tidher li qiegħda tikkritika, fuq kollox, l-użu tat-“test taċ-ċarruta niedja” mir-Reġistru u l-approvazzjoni ta’ dan it-test mill-Qorti Ġenerali, li jirriżultaw fiż-żieda ta’ kundizzjonijiet mad-dispożizzjonijiet applikabbli, li ma jinsabux fit-testi, fir-rigward tal-mod kif għandha titpoġġa fuq att proċedurali l-firma oriġinali tal-persuna awtorizzata għal din il-fini.
83. Ma nistax naċċetta dan ir-raġunament, anki jekk ċerti argumenti ssollevati fil-kuntest ta’ dan l-aggravju jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest ta’ aggravji oħrajn.
84. Ir-rekwiżit ta’ firma oriġinali fuq ċerti atti (oriġinali) iżda mhux fuq oħrajn (kopji) tippresupponi neċessarjament il-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn l-oriġinal u l-kopja. Għall-kuntrarju ta’ dak li donnha qed issostni l-appellanti, id-digriet appellat ma jimponi ebda rekwiżit preċiż f’dan is-sens. Jekk l-użu ta’ linka li tista’ tiżżelleġ u/jew ta’ kulur differenti minn dak ta’ fotokopja jistgħu jinsabu fost ir-raġunijiet li jippermettu li jiġi żgurat li tista’ ssir id-distinzjoni, xejn fid-digriet ma jeskludi l-prova b’mezz ieħor.
85. Fi kwalunkwe każ, b’ebda mod ma huwa kkontestat li t-test applikat mir-Reġistru f’din il-kawża, hu kemm hu artiġjanali, fil-fatt ippermetta li jintgħaraf l-oriġinal minn fost it-tmien kopji tar-rikors f’idejn ir-Reġistru.
86. Jiena b’hekk tal-fehma li t-tieni aggravju tal-appell huwa infondat.
Fuq ir-raba’ u l-ħames aggravji:l-iżball skużabbli jew il-każ fortuwitu
87. L-appellanti tinvoka, minn naħa, żball skużabbli. Peress li l-volum ta’ kopji meħtieġa (total ta’ 2 651 paġna) kien kunsiderevoli, l-avukat tagħha kellu jirrikorri għal fornitur ta’ servizzi estern. F’dan is-sens, huwa aġixxa b’diliġenza. Il-fornitur nesa jinkludi fil-pakkett mibgħut lill-Qorti Ġenerali dokument wieħed, żball li l-avukat eventwalment ikkoreġa. L-appellanti aġixxiet in bona fide. Id-dokumenti kollha mibgħuta lir-Reġistru ġew iffirmati u ppreżentati fit-termini stipulati. L-appellanti ssostni, min-naħa l-oħra, li l-konfużjoni bejn l-oriġinal u l-kopji tirriżulta minn ċirkustanzi abnormali li huma estraneji għaliha, jiġifieri, il-konfużjoni bejn l-oriġinal u l-kopji mill-fornitur ta’ servizzi u l-preżentazzjoni ta’ anness mhux komplut mill-istess fornitur. L-appellanti ħadet il-passi kollha sabiex tirrimedja dawk il-problemi u dejjem aġixxiet in bona fide, bil-konvinzjoni li l-oriġinal kien diġà jinsab f’idejn ir-Reġistru.
88. L-UASI jikkunsidra li l-kunċett ta’ żball skużabbli jirrigwarda biss ċirkustanzi eċċezzjonali fejn, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat aġir li jkun tali li, fih innifsu jew sa grad partikolari, joħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ l-individwu. Issa d-distinzjoni bejn oriġinal u kopja hija ta’ importanza kunsiderevoli. L-appellanti kien messha ddistingwiet b’mod ċar bejn l-oriġinal u l-kopji, pereżempju billi tiffirma l-oriġinal b’pinna b’linka blu. Li kieku aġixxiet iktar malajr, regolarizzazzjoni fi ħdan it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kien ikun possibbli. L-UASI għalhekk huwa tal-fehma li l-konfużjoni bejn l-oriġinal u l-kopji hija imputabbli lill-appellanti.
89. Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ aggravji, naqbel mal-UASI. It-tħejjija, is-sorveljanza u l-verifika tal-atti proċedurali li għandhom jiġu ppreżentati lir-Reġistru jaqgħu totalment taħt ir-responsabbiltà tar-rappreżentant tal-parti kkonċernata, taħt il-kontroll tagħha, li lejha huwa responsabbli. Ċertament, jistgħu jinqalgħu ċirkustanzi eċċezzjonali u/jew fortuwiti, li jagħtu lok għal konfużjoni skużabbli. Madankollu, f’dan il-każ, xejn minn dak li ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali jew li ġie allegat mill-appellanti ma jippermetti li tintlaħaq konklużjoni oħra għajr li kien hemm nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-appellanti jew tal-avukat tagħha, f’kuntest, probabbilment, ta’ nuqqas ta’ ppjanar fi ħdan terminu għall-preżentata ta’ rikors strett. Jirriżulta b’mod ċar mir-Regoli tal-Proċedura li l-oriġinal tar-rikors għandu jiġi ppreżentat lir-Reġistru, b’mod li kull rikorrent jiġi infurmat dwar in-neċessità li jiġi identifikat dak l-oriġinal. Il-mezzi użati għal dan il-għan jaqgħu kompletament taħt id-diliġenza tar-rikorrent. Ebda approċċ partikolari ma huwa impost, iżda jista’ jkun utli li ssir distinzjoni bejn l-oriġinal u l-fotokopja permezz tal-kulur tal-linka tal-firma, jew permezz ta’ kull mezz ieħor xieraq.
90. Għaldaqstant ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġu aċċettati l-aggravji dwar l-eżistenza ta’ żball skużabbli jew ta’ każ fortuwitu.
Rimarki finali
91. Fi żmien meta saret proposta lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mit-tliet istanzi ġudizzjarji tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tiġi approvata l-integrazzjoni tas-sistema “e-curia” fit-tliet Regoli tal-Proċedura intiża l tippermetti l-preżentata u n-notifika ta’ atti proċedurali b’mezzi elettroniċi, b’awtentikazzjoni permezz ta’ firma elettronika awtorizzata, fejn id-dokumenti ppreżentati b’dan il-mod jistgħu jitqiesu bħala oriġinali, jidher li dan l-appell jittratta dwar sistema li ser tisparixxi maż-żmien.
92. Anki jekk id-deċiżjoni f’din il-kawża b’hekk tista’ taffettwa direttament biss numru dejjem iżgħar ta’ kawżi futuri, jidhirli li huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni dwar il-każ fejn, minħabba żball, att ippreżentat fit-termini jkun kopja leali tal-oriġinal li kellu jiġi ppreżentat minnfloku iżda li ġie ppreżentat fil-pront wara talba mir-Reġistru, u fejn l-appellanti setgħet tqis, fid-dawl ta’ dik it-talba u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti Ġenerali stess, li kien ingħatalha terminu qasir għal regolarizzazzjoni.
Fuq l-Ispejjeż
93. Skont l-Artikolu 69(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn jintalbu. Madankollu, l-Artikolu 69(3), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, għal raġunijiet eċċezzjonali, tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
94. F’din il-kawża, għalkemm jiena tal-fehma li l-talbiet tal-UASI għandhom jiġu miċħuda, jidhirli li ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan l-appell jiġġustifikaw li l-appellanti ma tiġix ikkundannata għall-ispejjeż. Effettivament, l-UASI b’ebda mod ma kkontribwixxa għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli, u l-intervent tagħha fl-istadju tal-appell ma ħoloq ebda spejjeż għall-appellanti li, wara l-preżentata tar-risposta mill-UASI, la talbet li tkun awtorizzata tippreżenta replika u lanqas li tinstema’ matul seduta għas-sottomissjonijiet orali.
95. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli ġust li kull parti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-appell.
Konklużjoni
96. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li semmejt iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
– tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-18 ta’ Ġunju 2010, Bell & Ross (T‑51/10);
– tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;
– tordna lil kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Digriet tat-18 ta’ Ġunju 2010, Bell & Ross vs UASI [T-51/10 (iktar ‘il quddiem id-“digriet ikkontestat”)].
3 – Li jipprovdi li t-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.
4 – Dawn il-paragrafi jipprovdu, rispettivament, li għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li l-avukat huwa awtorizzat jipprattika (it-tielet paragrafu), id-dokumenti indikati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut (ir-raba’ paragrafu) u, jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, għandhom jiġu ppreżentati wkoll prova tal-eżistenza ġuridika tagħha kif ukoll prova li l-mandat mogħti lill-avukat ingħata b’mod xieraq (il-ħames paragrafu).
5 – Deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell, tas-27 ta’ Ottubru 2009, fil-Każ R 1267/2008‑3, Bell & Ross BV vs Klockgrossisten i Norden AB (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni meħuda”).
6 – Jidher li ebda waħda mis-seba’ kopji ma ġiet iċċertifikata bħala vera kopja fuq id-dokument innifsu, peress li l-avukat kien tal-fehma, minkejja l-punt 9 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi, li l-indikazzjoni, fl-ittra li bagħat mar-rikorsi, li huma vera kopji kienet suffiċjenti. Il-fatt li l-kopji inkwistjoni ma kinux iċċertifikati bħala veri kopji f’dan is-sens ġie rrilevat fid-digriet ikkontestat, iżda ma jservix bħala bażi għall-konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà. Fi kwalunkwe każ, jidher li dan huwa difett li seta’ jiġi rregolarizzat skont il-punt 57(o) tal-Istruzzjonijiet Prattiċi.
7 – Sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen (C‑246/95, Ġabra p. I‑403, punt 21), u s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il‑Kummissjoni (T‑121/96 u T‑151/96, Ġabra p. II‑1355, punti 38 u 39).
8 – Punt 12 tad-digriet ikkontestat.
9 – Punt 17 tad-digriet ikkontestat.
10 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Mejju 1991, Bayer vs Il-Kummissjoni (T‑12/90, Ġabra p. II‑219, punt 29), u digriet tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2006, MMT vs Il-Kummissjoni (T‑392/05, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
11 – Punti 19 sa 27 tad-digriet ikkontestat.
12 – Punt 28 tad-digriet ikkontestat.
13 – Nirrileva li, kieku d-digriet ikkontestat ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 113, u mhux tal-Artikolu 111, tar-Regoli tal-Proċedura, kien ikun neċessarju li jinstemgħu l-partijiet. Effettivament, l-imsemmi Artikolu 113 jipprovdi: “Il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull waqt u ex officio, wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċied[i] fuq l-inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku [...]” (enfasi miżjuda minni). Peress li l-inammissibbiltà manifesta minħabba preżentata tardiva tar-rikors tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, ma huwiex faċli li jiġu distinti l-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 111 u 113 tar-Regoli tal-Proċedura u lanqas, konsegwentement, li tiġi identifikata l-portata tal-obbligu impost fuq il-Qorti Ġenerali, qabel ma jiġi adottat digriet f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, li jinstemgħu l-partijiet, anki jekk bil-miktub biss [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni (C‑417/04 P, Ġabra p. I‑3881, punt 37)].
14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 – Jekk, għall-kuntrarju, kellu jiġi konkluż mill-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut (“bla ma iżda tkun tista’ tiġi eċċepita d-dekadenza f’każ li d-dokumenti jinġiebu wara li jkun għalaq iż-żmien li fih kellu jsir ir-rikors”) li kull regolarizzazzjoni f’każ li għalih kienet nieqsa dik l-istipulazzjoni kellha sseħħ qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors – u ma nara ebda raġuni għalfejn għandha tintlaħaq tali konklużjoni – l-argument tal-UASI jkun inkoerenti, għaliex l-istipulazzjoni tkun nieqsa wkoll fl-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura.
16 – U sakemm ir-rikors ma jkunx ġie innotifikat lill-parti opposta; iżda, b’mod konformi mal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur, rikors li jkollu irregolarità formali ma għandux jiġi nnotifikat.
17 – Huwa evidenti li r-reġistratur, meta jiddeċiedi dwar it-terminu li għandu jiġi ffissat f’kull każ, għandu jikkunsidra mhux biss dak li huwa raġonevoli għar-rikorrenti iżda wkoll dak li huwa raġonevoli mill-perspettiva tal-konvenut (kif ukoll, ’f’każijiet ta’ trademarks bħal din preżenti, tal-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-UASI), li s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu għandha tkun tista’ tiġi stabbilita b’mod ċar u ċert, meta jitqiesu t-termini għall-preżentata ta’ rikors u ta’ notifika.
18 – Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑321/09 P, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
19 – Punt 4 tad-digriet ikkontestat. Id-data tat-talba ma hijiex ippreċiżata fl-imsemmi digriet, iżda din tirriżulta mill-ittra tat-3 ta’ Frar 2010 (ara l-punt 20 iktar ‘il quddiem), li l-eżattezza tagħha f’dan ir-rigward ma tidhirx li hija kkontestata. Iżda anki jekk nassumu li r-Reġistru talab li jintbagħat l-oriġinal fl-istess jum meta rċieva s-seba’ kopji, jiġifieri fl-1 ta’ Frar 2010, id-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ għaxart ijiem sabiex jintbagħat l-oriġinal, ma huwiex evidenti li r-Reġistru deherlu li kien possibbli li jirċievi fil-Lussemburgu, qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu f’nofsillejl, id-dokument li kien għadu għand l-Avukat f’Pariġi.
20 – Punti 17 u 28, rispettivament, tad-digriet ikkontestat.
21 – L-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li: “[i]l-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba jew, [...] tad-digriet li jaħtar l-avukat li jkun inkarigat jassisti lill-parti li tagħmel it-talba.”
22 – Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2008 (T-358/07).
23 – Digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Frar 2000, FTA et vs Il-Kunsill (T‑37/98, Ġabra p. II‑373).
Full & Egal Universal Law Academy