KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2011 (1)
Kawża C‑434/10
Petar Aladzhov
vs
Zamestnik direktor na Stolichna direktsia na vatreshnite raboti kam Ministerstvo na vatreshnite raboti
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen Sad Sofia-grad (il-Bulgarija)]
“Restrizzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni – Projbizzjoni għar-rappreżentant ta’ kumpannija li jitlaq mit-territorju nazzjonali minħabba n-nuqqas ta’ rkupru ta’ djun ta’ natura pubblika – Kunċett ta’ ordni pubbliku – Proporzjonalità”
1. Il-problematika essenzjali mqajma f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari hija dik li jiġi stabbilit jekk, u sa liema punt, Stat Membru jistax jinvoka l-ordni pubbliku, bħala ġustifikazzjoni għall-impożizzjoni ta’ miżura li tidderoga mill-moviment liberu taċ-ċittadini tiegħu stess, minħabba li dawn iċ-ċittadini ma jkunux ħallsu d-djun fiskali tagħhom. Għaldaqstant, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija mitluba tittratta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (2).
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2004/38
2. Skont il-premessa 31 tad-Direttiva 2004/38, “[d]in id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea”.
3. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li l-imsemmija direttiva tikkonċerna:
“(a) il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza [libera] fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;
(b) id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;
(ċ) il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”.
4. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38 jistipula li “[m]ingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu [...] għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor”.
5. L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 huwa inkluż fil-Kapitolu VI li jirrigwarda r-restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.
6. L-Artikolu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li:
“1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m’għandhomx jiġu nvokati għal skopijiet ekonomiċi.
2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta [l-aġir] personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.
Il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati”.
B – Id-dritt nazzjonali
1. Il-liġi relatata mad-dokumenti personali Bulgari
7. L-Artikolu 23(2) tal-liġi dwar id-dokumenti tal-identità Bulgari (Zakon za balgarskite lichni dokumenti, iktar ’il quddiem iż-“ZBLD”) (3) jipprevedi li “[k]ull ċittadin Bulgaru għandu d-dritt li jitlaq mill-pajjiż b’karta tal-identità u jirritorna fih biha permezz tal-fruntieri interni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif ukoll, jekk ikun meħtieġ, permezz ta’ dawk previsti fit-trattati internazzjonali”.
8. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jkompli billi jispeċifika li “[i]d-dritt stabbilit fil-paragrafu 2 ma huwiex limitat, għajr jekk il-liġi tipprevedi xorta oħra għall-finijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, tal-ordni pubbliku, ta’ saħħet iċ-ċittadini jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ ċittadini oħra”.
9. Skont l-Artikolu 75(5) taż-ZBLD, ma għandhomx permess li jitilqu mill-pajjiż “il-persuni li fir-rigward tagħhom ġiet mitluba projbizzjoni kif previst fl-Artikolu 182(2)(2)(a) u fl-Artikolu 221(6)(1)(a) u (b) tal-[Kodiċi tal-Proċedura Fiskali u tas-Sigurtà Soċjali]”.
2. Il-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali u tas-Sigurtà Soċjali
10. L-Artikolu 182(2)(2)(a) tal-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali u tas-Sigurtà Soċjali (Danachno-osiguritelen protsesualen kodeks, iktar ’il quddiem id-“DOPK”) (4) jistipula li “flimkien mal-ittra ta’ intimazzjoni prevista fil-paragrafu 1, jew wara din tal-aħħar, l-awtorità stabbilita fil-paragrafu 1 tista’ titlob lill-awtoritajiet tal-Ministeru tal-Intern, meta l-ammont tad-dejn jaqbeż il-[BGN 5 000] u fin-nuqqas ta’ garanzija li tammonta għall-kapital miżjud bl-interessi (bit-terminu “garanzija” wieħed għandu jifhem “depożitu” jew “kapparra” li jkopru/jiggarantixxu l-kapital u l-interessi), sabiex ma jawtorizzawx lid-debitur jew lill-membri tal-korpi ta’ kontroll jew ta’ ġestjoni tiegħu jitilqu mill-pajjiż, kif ukoll sabiex jirtirawlhom jew ma joħorġulhomx passaport jew dokument simili ieħor li jippermettilhom jaqsmu l-fruntieri nazzjonali”.
11. L-Artikolu 182(4) tad-DOPK jispeċifika li “[i]l-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu meħuda flimkien jew separatament, skont kif tiddeċiedi l-awtorità kompetenti wara li tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tad-dejn u l-aġir tad-debitur sakemm jitħallas id-dejn kollu”.
12. L-Artikolu 221(6) tad-DOPK jipprovdi li “[f]il-każ fejn il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 182(2)(2) jew fl-Artikolu 182(4) ma humiex adottati mill-awtorità kompetenti, l-uffiċjal pubbliku tal-infurzar jista’, jekk l-ammont tad-dejn jaqbeż il-[BGN 5 000] u fin-nuqqas ta’ garanzija ekwivalenti għal jew ogħla mill-kapital miżjud bl-interessi:
1. jitlob lill-awtoritajiet tal-Ministeru tal-Intern:
a) jipprojbixxu lid-debitur jew lill-membri tal-korpi ta’ kontroll u ta’ ġestjoni tiegħu milli jitilqu mill-pajjiż;
b) jirtiraw jew ma joħorġux passaport jew dokument simili ieħor li jippermetti l-qsim tal-fruntieri nazzjonali”.
13. L-Artikolu 269b(4) tad-DOPK jipprovdi li “ma tista’ ssir ebda talba għal assistenza reċiproka jekk l-ammont totali tad-dejn jew tad-djun ikun inqas mill-valur tal-kambju ta’ [EUR 1 500] f’BGN”.
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, P. Aladzhov, ta’ nazzjonalità Bulgara, huwa wieħed mit-tliet diretturi ta’ kumpannija kummerċjali li d-dejn fiskali tagħha mat-Teżor pubbliku Bulgaru jammonta għal iktar minn BGN 5 000. Barra minn hekk, huwa jokkupa l-kariga ta’ direttur tal-bejgħ ta’ kumpannija oħra, kariga li twasslu sabiex jivvjaġġa ta’ spiss barra mill-pajjiż.
15. Jidher li d-dejn fiskali inkwistjoni ġie inkors fl-10 ta’ Ottubru 1995, data tad-dikjarazzjoni tat-taxxa fir-rigward tal-ammont dovut lill-Istat bħala taxxa fuq il-valur miżjud u dazji doganali. Fl-20 ta’ Awwissu 1999, ġiet maħruġa ordni ta’ rkupru qabel ma ntbagħtet ittra ta’ intimazzjoni fl-10 ta’ April 2000, li ġiet innotifikata fis-26 ta’ Settembru 2001. Fl-2002 inbdew proċeduri ta’ infurzar iżda dawn ma tawx riżultati pożittivi. Fis-17 ta’ Ġunju 2010, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji, l-awtoritajiet fiskali Bulgari indikaw permezz ta’ ittra li d-dejn fiskali globali tal-kumpannija kummerċjali kien jammonta għal BGN 44 449, jiġifieri tassazzjoni inizjali ta’ BGN 7 721 u interessi li jammontaw għal BGN 38 728. Barra minn hekk, huma indikaw li, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ infurzar, is-sekwestru tal-kontijiet bankarji tal-kumpannija kummerċjali debitriċi ma ta ebda frott, peress li dawn il-kontijiet ma kienx fihom flus. Bl-istess mod, minħabba li ma setgħux jinstabu l-vetturi tal-kumpannija, dawn ma setgħux jiġu ssekwestrati.
16. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2009, l-uffiċjal pubbliku tal-infurzar tal-Aġenzija nazzjonali tad-dħul fiskali, skont dak li d-dritt nazzjonali jawtorizzah iwettaq, talab liz-Zamestnik direktor na Stolichna direktsia na vatreshnite raboti kam Ministerstvo na vatreshnite raboti (viċi Direttur tad-Direttorat tal-affarijiet interni tal-belt kapitali fi ħdan l-Ministeru tal-Intern) sabiex jimponi miżura amministrattiva fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur tal-kumpannija kummerċjali fiskalment debitriċi, li tipprojbixxilu jitlaq mit-territorju Bulgaru sakemm isir il-ħlas jew sakemm tingħata garanzija sħiħa li tkopri l-ammont dovut lill-Istat.
17. Għaldaqstant, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni joriġina minn rikors għal annullament ippreżentat quddiem il‑qorti tar‑rinviju minn P. Aladzhov fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża.
18. Għaldaqstant iffaċċjata b’diffikultà ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Administrativen Sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u, permezz ta’ deċiżjoni ta’ rinviju tas-6 ta’ Settembru 2010, irrinvijat lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi preliminari li ġejjin:
“1. Il-projbizzjoni li wieħed jitlaq mit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, imposta fuq ċittadin ta’ tali Stat fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali, irreġistrata skont id-dritt tal-Istat imsemmi, minħabba l-fatt li din il-kumpannija naqset milli tħallas dejn ta’ natura pubblika, għandha titqies li hija konformi mar-raġuni tal-protezzjoni tal-‘politika pubblika [ordni pubbliku]’ prevista fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38/KE [...], fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali u, fl-istess ħin, fid-dawl ta’ dawn il-fatti addizzjonali:
– il-Kostituzzjoni ta’ tali Stat Membru ma tipprevedi ebda restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-persuni fiżiċi sabiex jiġi protett l-ordni pubbliku;
– ir-raġuni tal-‘ordni pubbliku’ bħala bażi għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni msemmija tinsab f’liġi nazzjonali adottata sabiex jiġi traspost att legali ieħor tal-Unjoni [...];
– ir-raġuni tal-‘ordni pubbliku’, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija tad-Direttiva 2004/38, tinkludi wkoll ir-raġuni tal-‘protezzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadini oħra’, meta tiġi adottata miżura sabiex jiġi ggarantit id-dħul tal-Istat Membru permezz tal-ħlas tad-dejn ta’ natura pubblika?
2. Mir-restrizzjonijiet u mill-kundizzjonijiet previsti fir-rigward tal-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll mill-miżuri adottati taħt id-dritt tal-Unjoni għall-implementazzjoni ta’ din il-libertà, u fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, jirriżulta li hija ammissibbli dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li Stat Membru jista’ jimponi fuq wieħed miċ-ċittadini tiegħu, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, minħabba n-nuqqas li jitħallas dejn ta’ natura pubblika fil-konfront ta’ tali Stat, dejn li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa kkunsidrat bħala [li huwa] dejn ta’ ‘ammont għoli’, il-miżura amministrattiva vinkolanti tal-‘projbizzjoni li wieħed jitlaq mill-pajjiż’, meta, għall-ħlas ta’ tali dejn, tista’ tiġi applikata l-proċedura dwar l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri, fis-sens tad-Direttiva [2008/55], u tar-Regolament [Nru 1179/2008]?
3. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità u [l-kundizzjonijiet ta’ restrizzjoni għall-eżerċizzju] tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-miżuri adottati għall-implementazzjoni ta’ din il-libertà fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, u l-kriterji stabbiliti fl-Artiklu 27(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38/KE [...], fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jkun hemm dejn ta’ natura pubblika min-naħa ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt ta’ Stat Membru, li skont tali dritt huwa meqjus bħala ‘dejn ta’ ammont għoli’, jippermettu li persuna fiżika, direttur ta’ din il-kumpannija, tiġi pprojbita milli titlaq minn tali Stat Membru, u dan meta fl-istess ħin ikun hemm dawn iċ-ċirkustanzi:
– il-fatt li jkun hemm ‘dejn ta’ ammont għoli’ li jkun ta’ natura pubblika jitqies bħala perikolu effettiv, attwali u gravi, li għandu impatt fuq interess fundamentali tas-soċjetà, evalwazzjoni din magħmula mil-leġiżlatur meta stabbilixxa l-miżura amministrattiva tal-‘projbizzjoni li wieħed jitlaq mill-pajjiż’;
– ma tkun prevista ebda evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw l-aġir personali tad-direttur u l-ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, bħal pereżempju d-dritt tiegħu li jeżerċita attività bħala impjegat li tinvolvi vjaġġi barra mill-pajjiż fil-kuntest ta’ relazzjoni legali oħra;
– il-konsegwenzi għall-attività kummerċjali tal-kumpannija debitriċi u l-possibbiltà li jitħallas id-dejn ta’ natura pubblika ma jiġux evalwati wara l-applikazzjoni tal-projbizzjoni;
– il-projbizzjoni ġiet applikata wara istanza ta’ natura vinkolanti sa fejn tiddikjara li dan huwa dejn ‘ta’ ammont kbir’ u ta’ natura pubblika dovut minn kumpannija kummerċjali partikolari, li d-dejn ma ġiex iggarantit sal-livell tal-ammont prinċipali u tal-interessi, u li l-persuna li fil-konfront tagħha ntalbet l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tirrappreżenta l-bord tad-diretturi ta’ tali kumpannija kummerċjali;
– il-projbizzjoni tibqa’ fis-seħħ sal-ħlas sħiħ ta’ jew sakemm tingħata garanzija sħiħa li tkopri d-dejn ta’ natura pubblika, mingħajr ma hija prevista verifika ta’ tali projbizzjoni fuq talba tal-persuna kkonċernata quddiem l-awtorità li tapplikaha u lanqas kontroll tat-termini ta’ preskrizzjoni tad-dejn?”
III – Il-proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
19. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea biss issottomettew l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom lill-Qorti tal‑Ġustizzja.
IV – Analiżi ġuridika
A – Osservazzjonijiet preliminari
20. B’mod preliminari għandu jitfakkar li l‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ġiet mitluba tinterpreta l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 fis-sentenza Jipa (5). F’din il-kawża, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġie suġġett għal miżura ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju nazzjonali, liema miżura kienet ġiet adottata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu minħabba li kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ residenza illegali fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, u dan wassal għar-ripatrijazzjoni tiegħu fl-Istat ta’ oriġini tiegħu. Għalkemm is-sentenza Jipa waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex tirrispondi d-domandi preliminari mqajma fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju, għandu jiġi nnotat li f’dan il-kuntest, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ħadet ċertu numru ta’ pożizzjonijiet u jkun utli ħafna li nfakkru liema kienu qabel ma nibdew l-analiżi tal-kawża ineżami.
21. F’din is-sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja affermat mill-ġdid li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mogħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni jippermettilhom jibbenefikaw mid-dritt għall-moviment liberu, li neċessarjament jinkludi d-dritt li joħorġu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom (6), kif jirriżulta wkoll b’mod espliċitu mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38 (7). Għaldaqstant, is-sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jiġi pprojbit, permezz ta’ miżura nazzjonali, milli jitlaq mit-territorju tal-Istat ta’ oriġini tiegħu taqa’ tassew, per se , taħt id-dritt għall-moviment liberu u ta’ residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Istati Membri (8). Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja rrikonoxxiet minnufih li d-“dritt għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni mhuwiex inkondizzjonat, iżda jista’ jiġi suġġett għal limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattat kif ukoll mid-dispożizzjonijiet adottati sabiex jagħtuh effett” (9). Dawn il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet joħorġu mid-Direttiva 2004/38, preċiżament mill-Artikolu 27(1) tagħha, dispożizzjoni li “tippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni […] minħabba raġunijiet, b’mod partikolari, ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika” (10). Fid-dawl tal-paragun li l‑Qorti tal‑Ġustizzja stabbilixxiet bejn id-dritt ta’ dħul u d-dritt ta’ ħruġ, hemm evidentement lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 huwa l-bażi li fuqu l-Istati Membri huma awtorizzati jillimitaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-libertà taċ-ċittadini tal-Unjoni li joħorġu mit-territorji nazzjonali tagħhom.
22. Dejjem fil-kuntest tas-sentenza Jipa, il‑Qorti tal‑Ġustizzja fakkret li, “għalkemm l-Istati Membri jibqgħu essenzjalment liberi li jistabbilixxu, b’mod konformi mar-rekwiżiti nazzjonali tagħhom li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest Komunitarju, u, b’mod partikolari, bħala ġustifikazzjoni għal deroga għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu mifhuma b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom m’għandhiex tkun stabbilita unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri bla kontroll mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni]” (11).
23. Filwaqt li fakkret il-kliem stess tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kompliet billi speċifikat li, skont il-ġurisprudenza tagħha, il-“kunċett ta’ ordni pubbliku jippresupponi, f’kull każ, l-eżistenza, minbarra tat-tfixkil tal-ordni soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi, ta’ periklu reali, attwali u suffiċjentement gravi, li jaffettwa interess fundamentali tas-soċjetà” (12). Barra minn hekk, fid-dawl tal-interpretazzjoni stretta li għandha tingħata lil kull deroga mil-libertà ta’ moviment, restrizzjoni għal din il-libertà hija ttollerata biss jekk tkun ibbażata “esklużivament fuq il-kondotta [l-aġir] personali tal-individwu kkonċernat, u ġustifikazzjonijiet mhux marbuta direttament mal-każ individwali inkwistjoni jew li għandhom x’jaqsmu ma’ raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ma jistgħux jiġu kkunsidrati” (13) b’tali mod li “miżura li tillimita l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu għandha tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku […] tal-Istat Membru li jadotta din il-miżura” (14).
24. Fid-dawl tal-prinċipji hekk dedotti mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, hemm issa lok li tiġi evalwata s-sitwazzjoni li wasslet għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.
25. Il-fatt dwar jekk P. Aladzhov preċedentement għamilx użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu ma jirriżultax b’mod ċar mill-proċess, għalkemm wieħed jista’ raġonevolment jaħseb li minħabba l-attività li jeżerċita bħala direttur tal-bejgħ ta’ kumpannija li, skont kif jgħid, twasslu bħala regola ġenerali biex jivvjaġġa barra mill-pajjiż, huwa diġà għamel użu mil-libertà ta’ moviment. Fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ ħruġ kif iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, l-eżerċizzju minn qabel tal-libertà ta’ moviment ma jistax ikun deċiżiv minħabba żewġ raġunijiet prinċipali. Minn naħa, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/38 jiggarantixxi dan id-dritt ta’ ħruġ mingħajr ma jirrikjedi l-eżerċizzju minn qabel tal-libertà ta’ moviment (15). Min-naħa l-oħra, il-loġika teħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-libertà ta’ moviment tkun irraġonevolment imċaħħda mis-sustanza tagħha kieku ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu dritt ta’ ħruġ mill-Istat ta’ oriġini tagħhom biss bil-kundizzjoni li jkunu diġà telqu mit-territorju ta’ dan l-Istat u rritornaw fih. Filwaqt li ċ-ċirkustanzi fis-sentenza Jipa kienu preċiżament dawn (16), u b’kunsiderazzjoni għar-rimarki preċedenti, nissuġġerixxi li l-affermazzjonijiet li jinsabu f’din is-sentenza jiġu estiżi għas-sitwazzjoni ta’ ċittadin li ma jkunx għadu ċċaqlaq fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38 li jistipula li din tal-aħħar “għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru”. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ P. Aladzhov taqa’ mingħajr dubju taħt id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Istati Membri kif iggarantit mid-Direttiva 2004/38.
26. Għaldaqstant, il-problema essenzjali mqajma f’din il-kawża hija oħra. Hawnhekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi jekk il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni tistax tiġi limitata, f’konformità sħiħa mad-Direttiva 2004/38, minħabba raġunijiet relatati mal-irkupru ta’ djun ta’ natura pubblika li, fil-każ inkwistjoni, jieħdu l-forma ta’ djun fiskali. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija dwar jekk, u sa liema punt, Stat Membru jistax jinvoka l-ordni pubbliku sabiex jiġġustifika miżura ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju nazzjonali imposta fuq wieħed miċ-ċittadini tiegħu minħabba li dan iċ-ċittadin ikollu dejn mat-Teżor pubbliku li huwa meqjus bħala dejn ta’ ammont kbir. Sabiex jiġi evalwat jekk din il-miżura hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, ir-raġunament li għandu jsir jinvolvi żewġ stadji, li fl-opinjoni tiegħi huma distinti ħafna minn xulxin. L-ewwel nett, għandu jiġi stabbilit jekk ir-raġuni ta’ ġustifikazzjoni tistax taqa’ taħt waħda minn dawk imsemmija fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38; imbagħad, għandha tiġi vverifikata n-natura proporzjonata tal-miżura msemmija billi jiġu applikati l-kriterji msemmija fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, verifika li għandha titwettaq fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni u tat-tielet domanda preliminari li għandhom jiġu eżaminati flimkien.
B – Fuq l-ewwel domanda
27. Qabel ma nidħlu fid-dettall tal-analiżi ta’ dan l-ewwel stadju, jeħtieġ li niġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Gvern Bulgaru ma xtaqx jintervjeni fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari inkwistjoni. Għaldaqstant, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-perspettiva speċifika tal-Gvern Bulgaru fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni tiegħu stess inkwistjoni fil-kawża prinċipali; b’kunsiderazzjoni għall-istat tal-proċess, dan il-fatt iwassalni nqis li jkun perikoluż li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni definittiva fir-rigward tal-imsemmija għanijiet li tkun ibbażata biss fuq suppożizzjonijiet, ladarba l-evalwazzjoni finali għandha, fil-biċċa l-kbira tagħha, titħalla f’idejn il‑qorti tar‑rinviju.
28. Barra minn hekk, ninnota li fit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fit-test stess tal-ewwel domanda, il‑qorti tar‑rinviju tikkonstata li hemm differenza bejn il-kostituzzjoni Bulgara - li ma tipprevedix raġuni ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku - u l-liġi nazzjonali li abbażi tagħha d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet imposta fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li tipprevedi tali raġuni. Madankollu, ninnota li l-miżura imposta fuq P. Aladzhov ġiet adottata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet taż-ZBLD u tad-DOPK ikkunsidrati flimkien. Il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ riferiment għall-ordni pubbliku fit-test tal-artikolu rilevanti tal-Kostituzzjoni Bulgara sarx apposta min-naħa tal-awtorità kostitwenti, bl-għan li jiġi limitat il-kamp tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment iktar milli tagħmel id-direttiva stess, taqa’ fil-kuntest ta’ dibattitu li dwaru għandha tittieħed deċiżjoni mill-awtoritajiet politiċi u/jew ġudizzjarji Bulgari u li, għaldaqstant, ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istess bħall-kwistjoni tal-konformità tal-liġi mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali Bulgari. Minħabba f’hekk, għall-finijiet tal-iżviluppi li ġejjin, sejjer nistabbilixxi biss jekk il-projbizzjoni li wieħed jitlaq mit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni, imposta fuq ċittadin ta’ tali Stat, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt tal-Istat imsemmi, minħabba l-fatt li din il-kumpannija naqset milli tħallas dejn ta’ natura pubblika, tistax taqa’, bħala regola ġenerali, taħt ir-raġuni bbażata fuq il-protezzjoni tal-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 u riprodotta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li serviet bħala l-bażi ta’ din il-projbizzjoni.
29. Wara li dan ġie ppreċiżat, issa se mmur fil-qalba ta’ din l-ewwel domanda.
30. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, sejjer nibda billi npoġġi f’perspettiva l-implikazzjonijiet tas-sentenza Riener vs Il-Bulgarija mogħtija mill‑Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal‑Bniedem (17). F’din is-sentenza, il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet mitluba tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (18) ta’ miżura ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju Bulgaru adottata fir-rigward ta’ ċittadina Awstrijaka Bulgara minħabba l-fatt li hija kellha dejn ta’ natura pubblika ta’ ammont kbir ħafna (19). F’dak il-każ, il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li l-għan li kellu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni Bulgara kien dak jiġi żgurat il-ħlas tat-taxxa (20), u li għalhekk il-miżura adottata kellha l-għan li tħares l-ordni pubbliku u d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn fis-sens tal-KEDB (21). Il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem setgħet tagħti tali deċiżjoni għaliex id-dritt tal-KEDB u tal-protokolli tagħha jippermetti li jiġi invokat l-ordni pubbliku, inkluż għal skopijiet ekonomiċi (22) u, għaldaqstant, ma jipprevedix restrizzjoni simili għal dik li tinsab fl-Artikolu 27(1), in fine, tad-Direttiva 2004/38. L-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għaldaqstant, jittollera f’każijiet ħafna iktar limitati l-ksur tal-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u joffri livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak li toffri s-sistema tal-KEDB.
31. L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 jirrikjedi li r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata l-invokazzjoni tal-ordni pubbliku għandu jkollhom l-għan li jħarsu “wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà” (23), filwaqt li jeskludu tali invokazzjoni “għal skopijiet ekonomiċi” (24). Għaldaqstant, hawnhekk il-problema hija dwar x’inhu l-għan effettivament imfittex mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, l-uniċi indikazzjonijiet disponibbli ġew ipprovduti mill‑qorti tar‑rinviju li indikat, mingħajr ma tat ħafna dettalji, li l-Bulgarija “tadotta miżuri sabiex jitħallsu d-djun fil-konfront tal-Istat bl-għan li jiġi ggarantit id-dħul tal-baġit, peress li l-fatt li jiġu ggarantiti dawn il-mezzi finanzjarji huwa kwistjoni ta’ interess ġenerali” (25). It-test tad-domanda preliminari jillimita ruħu li jfakkar li l-miżura hija adottata sabiex tiggarantixxi d-dħul tal-Istat Membru iżda jagħmel ukoll riferiment għall-fatt li fid-dritt nazzjonali, l-għan tal-ħlas tad-dejn ta’ natura pubblika huwa l-“protezzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadini oħra”. Barra minn hekk, l-eżistenza tad-dejn fiskali tal-kumpannija debitriċi hija ppreżentata bħala theddida “li [għandha] impatt fuq interess fundamentali tas-soċjetà”, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi x’inhu dan l-interess.
32. F’dawn iċ-ċirkustanzi, żewġ interpretazzjonijiet huma possibbli.
33. Fl-ewwel interpretazzjoni, jista’ jiġi kkunsidrat li l-irkupru tad-djun fiskali ma għandu l-ebda għan għajr dak li jobbliga lil debitur iħallas id-dejn tiegħu. F’dan il-każ, il-kunċett li jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak fejn l-Istat jitqies bl-istess mod bħal kwalunkwe operatur ekonomiku li jipprova jirkupra dejn fil-konfront tiegħu. L-Istat ikollu essenzjalment, jekk mhux esklużivament, għan ekonomiku. Għaldaqstant, jekk l-uniku għan li għandu jintlaħaq huwa dak li jiġi ggarantit id-dħul tal-Istat, ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku fuq il-bażi tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 evidentement ma tkunx permessa (26).
34. Inkella wieħed jista’ jqis il-problema b’mod differenti, fid-dawl tan-natura partikolari tal-kreditur, f’dan il-każ speċifiku, u tad-destinazzjoni tat-taxxa. Ma huwiex possibbli li jiġi eskluż li l-leġiżlazzjoni Bulgara hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oħra li ma humiex ekonomiċi għaliex, billi tħallas id-djun fiskali tagħha, kull persuna taxxabbli ssir konxja li tagħmel parti minn komunità li fir-rigward tagħha hija turi s-solidarjetà tagħha b’dan il-mod. Ovvjament, il-ħlas tat-taxxa jservi essenzjalment għall-finanzjament ta’ ċertu numru ta’ attivitajiet sovrani jew infrastrutturali, u jekk wieħed kellu jieqaf hemm, faċilment jiġi konkluż li l-ħlas tat-taxxa għandu skop ekonomiku. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, tali attitudni hija simplistika għaliex din ma hijiex kwistjoni ta’ finanzjament ta’ kwalunkwe attività jew ta’ kwalunkwe infrastruttura. Minbarra l-irkupru tat-taxxa, hemm kemm is-sostenibbiltà tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat li hija involuta - jew, li għall-inqas tista’ tkun involuta - kif ukoll il-pedamenti tas-solidarjetà soċjali u tax-xewqa li ċ-ċittadini jgħixu flimkien fil-komunità kkonċernata. Forsi huwa f’dan is-sens li għandha tiġi interpretata l-idea espressa mill‑qorti tar‑rinviju li, skontha, l-għan imfittex mill-miżura fil-kawża inkwistjoni huwa wkoll dak tal-“protezzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadini oħra”. F’kull każ, fl-opinjoni tiegħi, l-idea li r-rwol tat-taxxa huwa dak li tipprovdi riżorsi lill-Istat bl-għan li dawn jerġgħu jitqassmu sabiex jiġi żgurat livell minimu ta’ koeżjoni soċjali, titbiegħed ħafna minn loġika purament ekonomika kkaratterizzata mit-tfittix tal-profitt personali akkost ta’ kollox.
35. Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, l-interessi kollettivi fundamentali difiżi meta l-Istat jintaxxa jew jiġbor it-taxxi ma jistgħux jiġu ridotti b’mod sistematiku jew awtomatiku għad-dimensjoni ekonomika tagħhom biss, peress li l‑Qorti tal‑Ġustizzja barra minn hekk irrikonoxxiet li l-fatt li leġiżlazzjoni tkun tali li tippermetti li jintlaħqu, minbarra l-għanijiet koperti minn raġuni derogatorja, għanijiet oħra ta’ natura ekonomika eventwalment imfittxija, ma jeskludix l-invokazzjoni tal-imsemmija raġuni derogatorja (27).
36. F’kull każ, huwa l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni jew ir-regolamentazzjoni tiegħu tkun qiegħda tiġi diskussa li għandu jiċċara u jispjega, b’mod partikolarment iddettaljat, ir-raġunijiet għalfejn huwa jqis li n-nuqqas ta’ rkupru tad-djun fiskali effettivament jipperikola l-ordni pubbliku tiegħu. F’dan ir-rigward, għalkemm jiena ma niċħadx il-possibbiltà li tista’ tiġi rrikonoxxuta rabta bejn l-irkupru tad-djun fiskali u ż-żamma tal-ordni pubbliku, xorta waħda naħseb li l-invokazzjoni tal-ordni pubbliku hija possibbli biss f’ċirkustanzi għal kollox eċċezzjonali li jeħtieġu dimostrazzjoni partikolarment preċiża u spjegazzjoni, min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, tar-raġunijiet li għalihom huwa jqis li l-ordni pubbliku tiegħu jinsab mhedded minħabba n-nuqqas ta’ rkupru ta’ dejn fiskali, u dan iktar u iktar meta l-ammont tad-dejn li abbażi tiegħu tista’ tiġi adottata miżura derogatorja, anki jekk ikkunsidrat bħala kbir fid-dritt nazzjonali, fl-opinjoni tiegħi ma jkunx, prima facie, ta’ natura li jista’ jippreġudika l-interessi fundamentali li għadni kif semmejt.
37. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jistgħu jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex possibbli li tiġi eskluża, a priori u fi kwalunkwe ċirkustanza, l-ipoteżi li skontha l-irkupru tad-djun fiskali jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jaqa’ taħt id-deroga marbuta mal-ordni pubbliku. Min-naħa l-oħra, sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ordni pubbliku jistax jiġi invokat fil-kawża prinċipali bħala ġustifikazzjoni għal miżura li tidderoga mill-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, jeħtieġ li l‑qorti tar‑rinviju tistaqsi dwar il-filosofija ġenerali tas-sistema fiskali nazzjonali tagħha kif ukoll dwar il-kuntest partikolari li fih tkun ġiet meħuda l-miżura kkontestata. Fl-aħħar nett, nieħu din l-opportunità sabiex infakkar li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura fil-kawża prinċipali mad-dritt tal-Unjoni ma tiqafx sad-determinazzjoni tar-raġuni ta’ ġustifikazzjoni invokata, peress li din il-miżura għandha tissodisfa wkoll il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, u huwa preċiżament dan li sejjer jiġi analizzat fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni tat-tieni u t-tielet domanda.
38. F’dawn il-kundizzjonijiet u fid-dawl tan-nuqqasijiet ta’ dan il-proċess, nissuġġerixxi li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula mill‑qorti tar‑rinviju għandha tkun li miżura li tistabbilixxi projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċittadin ta’ tali Stat, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt ta’ dan l-Istat, minħabba l-fatt li din il-kumpannija naqset milli tħallas dejn ta’ natura pubblika, tista’, bħala prinċipju, taqa’ taħt l-ambitu tar-raġuni derogatorja bbażata fuq l-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 sakemm l-irkupru ta’ dan id-dejn ikollu interessi fundamentali oħra, li ma jkunux ta’ natura ekonomika, u li effettivament jiġu pperikolati fin-nuqqas ta’ dan l-irkupru, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali billi tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-liġi nazzjonali li sservi bħala bażi għall-miżura msemmija kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari tal-adozzjoni ta’ din il-miżura.
C – Fuq it-tieni u t-tielet domanda
39. Fit-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-miżura ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju imposta fuq ir-rikorrent fil-kawża inkwistjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38. Skont dan il-paragrafu, ma huwiex biżżejjed li l-għan imfittex minn miżura li tirrestrinġi l-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni tkun koperta mir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni kif iddefiniti fl-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38. Tali miżura għandha wkoll tgħaddi t-test tal-proporzjonalità u tkun ibbażata fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, liema aġir irid ikun jirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed għal wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà li l-miżura trid tipproteġi.
40. Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u li dwaru l‑qorti tar‑rinviju tistieden espliċitament lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tieħu pożizzjoni, għandu jiġi żgurat, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, li limitazzjoni għad-dritt ta’ ħruġ permezz ta’ miżura nazzjonali hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan li hija trid tilħaq u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (28). Fi kliem ieħor, sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, il-miżura li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie suġġett għaliha għandha tkun adatta u meħtieġa sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq (29). Barra minn hekk, in-natura koerenti u sistematika tal-leġiżlazzjoni li sservi bħala bażi għall-miżura restrittiva għandha wkoll tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tagħha (30).
41. Għaldaqstant, nosservaw li l-miżura inwkistjoni ġiet imposta fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali biss fil-kwalità tiegħu ta’ direttur tal-kumpannija debitriċi, għalkemm din l-istess kumpannija għandha tliet diretturi b’kollox li, skont il‑qorti tar‑rinviju u r-rikorrent fil-kawża prinċipali, għandhom l-istess setgħat sabiex jirrappreżentaw lill-kumpannija “flimkien u in solidum”. Dejjem skont il‑qorti tar‑rinviju, l-impożizzjoni tal-miżura kkontestata preċiżament lil P. Aladzhov hija “suġġettiva u nieqsa minn kriterji konkreti”. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie mċaħħad mid-dritt ta’ ħruġ tiegħu, filwaqt li d-dħul finanzjarju li jista’ jikseb mill-attività professjonali tiegħu jiddependi proprju minn tali dritt, f’ċertu sens jidher li jmur kontra l-istess għan tal-irkupru tad-dejn fiskali. F’dawn il-kundizzjonijiet, jista’ mill-inqas jitqajjem dubju dwar in-natura sistematika u koerenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
42. Kif diġà indikajt, jeħtieġ ukoll li wieħed jistaqsi dwar in-natura effettivament sinjifikattiva tad-dejn li għandu jiġi rkuprat. F’dan ir-rigward, infakkar li l-limitu minimu li abbażi tiegħu d-dritt Bulgaru jista’ jawtorizza lill-awtoritajiet fiskali sabiex jitolbu lill-awtoritajiet tal-Ministeru tal-Intern jadottaw miżura li tipprojbixxi l-ħruġ mit-territorju huwa BGN 5 000, jiġifieri bejn wieħed u ieħor l-ekwivalenti ta’ EUR 2 500. Madankollu, anki f’dan ir-rigward, niddubita kemm id-djun kollha ta’ tali ammont li jiġu inkorsi fil-konfront tal-Istat huma tassew ta’ natura li jipperikolaw l-interessi fundamentali mhux ta’ natura ekonomika li semmejt fil-kuntest tal-ewwel domanda, għajr f’sitwazzjoni eċċezzjonali li, anki f’dan il-każ, il‑qorti tar‑rinviju għandha tevalwa b’mod partikolarment iddettaljat.
43. Fl-aħħar nett, diffiċilment jista’ jiġi sostnut li ma jeżistux miżuri alternattivi li għandhom l-istess livell ta’ effikaċja filwaqt li jkunu inqas ta’ detriment għal-libertà ta’ moviment. Il-miżura imposta fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma għandhiex limitu ta’ żmien u ma jidhirx li tista’ terġa’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid sakemm ma jkunx tħallas id-dejn jew sakemm ma jingħatawx garanziji ekwivalenti għall-ammont tad-dejn. Skont il‑qorti tar‑rinviju, jidher li l-possibbiltà li d-deċiżjoni tiġi kkunsidrata mill-ġdid kif ukoll dik li jsir appell minnha huma relattivament limitati jew saħansitra ineżistenti. Barra minn hekk, kwalunkwe theddida għal-libertà ta’ moviment twassal għal theddida potenzjali għal sensiela ta’ drittijiet fundamentali li t-tgawdija tagħhom tiddependi fuq il-libertà ta’ moviment. Għaldaqstant, il-miżura imposta fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali hija partikolarment restrittiva, u l-effikaċja tagħha hija relattiva jekk, bħalma jidher fil-każ ta’ P. Aladzhov, din għandha l-effett li tostakolah milli jeżerċita l-attività professjonali tiegħu. Ir-rikorrent ġustament jinnota li seta’ jiġi kkunsidrat li jsir sekwestru fuq il-paga. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-mezzi ta’ azzjoni alternattivi li joffri d-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandha evidentement tiġi kkunsidrata l-possibbiltà, bħalma ġustament semmiet diġà l‑qorti tar‑rinviju, li tiġi implementata l-proċedura ta’ assistenza reċiproka għall-irkupru tal-ammonti dovuti fir-rigward, b’mod partikolari, tat-taxxa fuq il-valur miżjud u tad-dazji doganali (31) – taxxa u dazji li jikkostitwixxu preċiżament l-oriġini tad-dejn inkors mill-kumpannija debitriċi li P. Aladzhov huwa wieħed mid-diretturi tagħha. Għaldaqstant, din il-proċedura tiżgura lill-Istat Bulgaru li, anki fl-ipoteżi li P. Aladzhov jagħmel użu mid-dritt ta’ ħruġ tiegħu sabiex imur joqgħod fuq bażi permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, minkejja din il-bidla, huwa ma jkunx jista’ jaħrab mill-obbligi fiskali tiegħu fil-konfront tat-Teżor pubbliku Bulgaru.
44. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi konkluż li hemm interferenza sproporzjonata fl-eżerċitar tad-dritt ta’ ħruġ tal-persuna kkonċernata. Għaldaqstant, jekk nimxu fuq is-suppożizzjoni li l-ordni pubbliku huwa invokabbli bħala raġuni ta’ ġustifikazzjoni ta’ miżura li tidderoga mill-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni kif stabbilit mid-Direttiva 2004/38, diġà huwa possibbli li wieħed jaħseb li l-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jipprekludi tali miżura sempliċement fuq il-bażi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
45. Barra minn hekk u jekk, minkejja din il-konklużjoni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi li tkompli tanalizza l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi osservat li l-miżura kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-aġir strettament personali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u lanqas ma ġiet adottata b’kunsiderazzjoni għall-fatt li huwa jikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà Bulgara. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-istat tad-dritt nazzjonali, minn meta l-uffiċjal tal-infurzar jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Ministeru tal-Intern jimponu miżura ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju, dawn l-awtoritajiet huma obbligati jagħmlu dan. Hawnhekk għandna każ ta’ kompetenza limitata. Huwa biżżejjed li fit-talba tiegħu, l-uffiċjal tal-infurzar jikkonstata l-eżistenza ta’ dejn fiskali ogħla minn BGN 5 000, il-bidu tal-proċedura ta’ infurzar, l-identifikazzjoni tal-kumpannija debitriċi u tad-direttur destinatarju tad-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ. Għaldaqstant, ma huwiex l-aġir personali ta’ P. Aladzhov li fuqu ġiet ibbażata t-talba tal-uffiċjal tal-infurzar. Dan tal-aħħar għalhekk ma stabbilixxiex li r-rikorrent jikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed. Lanqas ma huwa possibbli li jiġi sostnut li huwa s-sempliċi fatt li wieħed ikollu dejn fiskali ogħla minn BGN 5 000 li jikkostitwixxi tali theddida, ladarba t-tieni inċiż tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jippreskrivi b’mod ċar li huwa l-aġir personali, u mhux stat ta’ fatt, li għandu jikkostitwixxi din it-theddida. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li d-deċiżjoni kontenzjuża ma fiha l-ebda riferiment għal elementi suġġettivi u attwali fl-aġir personali tal-persuna kkonċernata (bħal, pereżempju, sitwazzjoni ta’ reċidività b’rabta’ ma’ frodi fuq skala kbira jew l-organizzazzjoni frawdolenti tal-insolvenza tagħha) li eventwalment jistgħu jiġġustifikaw li l-persuna kkonċernata biss tiġi suġġetta għad-deċiżjoni kontenzjuża.
46. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li l-Istat Membru jista’ jimponi fuq wieħed miċ-ċittadini tiegħu, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, minħabba n-nuqqas li jitħallas dejn ta’ natura pubblika ta’ din il-kumpannija fil-konfront ta’ tali Stat, il-miżura amministrattiva vinkolanti tal-“projbizzjoni li wieħed jitlaq mill-pajjiż” meta mill-proċess jidher li, minn naħa, id-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, min-naħa l-oħra, din il-miżura ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni tal-aġir personali tal-persuna kkonċernata bħala li jikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed.
V – Konklużjoni
47. Għar-raġunijiet kollha esposti hawn fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Administrativen Sad Sofia-grad bil-mod li ġej:
“1) Miżura li tistabbilixxi projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċittadin ta’ tali Stat, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt tal-Istat imsemmi, minħabba l-fatt li din il-kumpannija naqset milli tħallas dejn ta’ natura pubblika tista’, bħala prinċipju, taqa’ taħt l-ambitu tar-raġuni derogatorja bbażata fuq il-“politika pubblika [ordni pubbliku]” fis-sens tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, sakemm l-irkupru ta’ dan id-dejn ikollu interessi fundamentali oħra, li ma jkunux ta’ natura ekonomika, u li effettivament jiġu pperikolati fin-nuqqas ta’ dan l-irkupru, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali billi tistabbilixxi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata l-liġi nazzjonali li sservi bħala bażi għall-miżura msemmija, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari tal-adozzjoni ta’ din il-miżura.
2) L-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li l-Istat Membru jista’ jimponi fuq wieħed miċ-ċittadini tiegħu, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ kumpannija kummerċjali rreġistrata skont id-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, minħabba n-nuqqas li jitħallas dejn ta’ natura pubblika ta’ din il-kumpannija fil-konfront ta’ tali Stat, dejn li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali huwa kkunsidrat bħala li huwa dejn ta’ ammont kbir, il-miżura amministrattiva vinkolanti tal-“projbizzjoni li wieħed jitlaq mill-pajjiż”, meta mill-proċess jidher li, minn naħa, id-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, min-naħa l-oħra, din il-miżura ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni tal-aġir personali tal-persuna kkonċernata bħala li jikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.
3 – DV Nru 93 tal-11 ta’ Awwissu 1998, emendata bid-DV Nru 105 tal-2006.
4 – DV Nru 105 tad-29 ta’ Diċembru 2005, emendata bid-DV Nru 15 tat-23 ta’ Frar 2010.
5 – Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008 (C‑33/07, Ġabra p. I‑5157).
6 – Ibidem, punti 17 u 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.
7 – Ibidem, punt 19.
8 – Ibidem, punt 20.
9 – Ibidem, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.
10 – Ibidem, punt 22.
11 – Ibidem, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata.
12 – Idem.
13 – Ibidem, punt 24.
14 – Ibidem, punt 25.
15 – L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu l-istess tifsira sa fejn dan jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu inizjali li joħorġu jew iġeddu, skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom, id-dokumenti ta’ identità liċ-ċittadini tagħhom. Dan il-ħruġ jew dan it-tiġdid jikkostitwixxi preċiżament il-kundizzjoni adegwata sabiex id-dritt ta’ ħruġ ikun jista’ jiġi eżerċitat.
16 – Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
17 – Il‑Qorti Ewropea tad‑D. B., sentenza Riener vs Il-Bulgarija tat-23 ta’ Awwissu 2006, talba Nru 46343/99.
18 – L-Artikolu msemmi jistabbilixxi l-libertà ta’ moviment (Artikolu 2(1) u (2)) u l-kundizzjonijiet li fihom din tista’ tiġi ristretta (Artikolu 2(3) u (4)) fis-sens tal-KEDB. Il-paragrafu 3 jistipula b’mod partikolari li l-libertà ta’ moviment tista’ tiġi limitata bl-għan li jinżamm l-ordni pubbliku.
19 – Għalkemm l-ammont ma setax jiġi stabbilit b’ċertezza matul il-proċeduri quddiem il‑Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara s-sentenza Riener vs Il-Bulgarija, punt 118), xorta waħda kien dejn li jqarreb il-miljun dollaru Amerikan (ara s-sentenza Riener vs Il-Bulgarija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 113).
20 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-D. B., Riener vs Il-Bulgarija, iċċitata iktar ’il fuq (punt 114).
21 – Ibidem ( punt 116).
22 – Ċerti artikoli jagħmlu saħansitra riferiment espliċitu għall-ġid ekonomiku tal-Istati, li jista’ jiġġustifika miżuri li jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti mill-KEDB: ara, bħala eżempju, l-Artikolu 8(2) tal-KEDB.
23 – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38.
24 – L-aħħar sentenza tal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38.
25 – Ara l-punt 1.4 tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Enfasi miżjuda minni.
26 – Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, fil-fatt, diġà kkonstatat li l-għanijiet ta’ natura ekonomika, bħal dak li fondazzjoni pubblika nazzjonali tiġi żgurata d-dħul kollu kemm hu li ġej mir-riklami, ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet ta’ ordni pubbliku skont it-tifsira tat-Trattat: ara s-sentenza tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et (352/85, Ġabra p. 2085, punt 34). Mutatismutandis, din is-soluzzjoni tista’ evidentement tiġi applikata għall-kawża tagħna.
27 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, Ġabra p. 2727). F’din is-sentenza, wara li ġiet ikkonstatata l-eżistenza ta’ miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva li tirrigwarda, f’dan il-każ, il-prodotti taż-żejt, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat li dawn tal-aħħar, minħabba “l-importanza eċċezzjonali tagħhom bħala sors ta’ enerġija fl-ekonomija” kienu “fundamentali għall-eżistenza ta’ Stat ladarba l-funzjonament mhux biss tal-ekonomija tiegħu iżda fuq kollox tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali tiegħu u saħansitra s-sussistenza tal-popolazzjoni tiegħu [kienu jiddependu] fuqhom” (ibidem, punt 34). L-għan li tiġi ggarantita, fi kwalunkwe ħin, provvista minima ta’ prodotti taż-żejt, għaldaqstant, kien imur lil hinn minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament ekonomika, liema kunsiderazzjonijiet, barra minn hekk, ma setgħux jiġu utilment invokati, u seta’ jikkostitwixxi għan kopert mill-kunċett ta’ sigurtà pubblika (ibidem, punt 35). Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, għaldaqstant, żiedet tgħid li l-leġiżlazzjoni adottata għal dan il-għan kellha tkun iġġustifikata minn ċirkustanzi oġġettivi u li, ladarba din il-ġustifikazzjoni tiġi stabbilita, il-fatt li l-leġiżlazzjoni kienet ta’ natura li tippermetti li jintlaħqu, minbarra l-għanijiet koperti mis-sigurtà pubblika, għanijiet ta’ natura ekonomika oħra li eventwalment għandhom jintlaħqu mill-Istat Membru, ma kienx jeskludi l-invokazzjoni tas-sigurtà pubblika (ibidem, punt 36). Minkejja li ngħatat f’kuntest differenti ħafna, din is-sentenza tista’ tiġi applikata, mutatis mutandis, għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u għar-raġuni derogatorja bbażata fuq l-ordni pubbliku.
28 – Sentenza Jipa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29).
29 – Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 91).
30 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, Ġabra p. I‑13031, punt 67), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange (C‑203/08, Ġabra p. I‑4695, punti 69 et seq tal-konklużjonijiet).
31 – Ara l-Artikolu 2(ċ), (d) u (e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE, tas-26 ta’ Mejju 2008, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU L 150, p. 28). Ara wkoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1179/2008, tat-28 ta’ Novembru 2008, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55 (ĠU L 319, p. 21).
Full & Egal Universal Law Academy