KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-30 ta’ Ġunju 2011(1)
Kawżi magħquda C 463/10 P u C 475/10 P
Deutsche Post AG (C-463/10 P),
Repubblika Federali tal-Ġermanja (C-475/10 P)
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appelli – Għajnuna mill-Istat – Miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi favur id-Deutsche Post AG – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikolu 10(3) – Artikolu 230 KE – Ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni dwar inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni – Kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Locus standi ta’ Deutsche Post AG”
1. Dawn il-kawżi għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea tordna lil Stat Membru jagħti informazzjoni li tikkonċerna għajnuna allegatament illegali tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat.
2. Permezz tal-appelli tagħhom, Deutsche Post AG(2) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitolbu l-annullament tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Lulju 2010, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T 570/08), u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T 571/08)(3). Permezz ta’ dawn id-digrieti, din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999(4), ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tagħti informazzjoni dwar l-ispejjeż u d-dħul ta’ Deutsche Post għall-perijodu bejn l-1989 u l-2007(5)..
3. F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tilqa’ dawn l-appelli, li tannulla d-digrieti appellati u li tiddeċiedi definittivament dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza.
4. Se nsostni, fil-fatt, li, minkejja n-natura preparatorja ta’ inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni, dan l-att jikkostitwixxi l-aħħar stadju tal-proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa mill-Kummissjoni u jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti u immedjati fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat. B’hekk, ser nuri, li l-imsemmi att għandu jkun suġġett ta’ kontroll ġuridiku b’tali mod li jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-imsemmi Stat, u dan b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
I – Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni
5. Ir-Regolament ikkodifika l-prattika tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mit-trattat KE. Huwa jistabbilixxi regoli li ġew imfassla skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6).
6. Meta Stat Membru jinnotifika proġett għall-għoti ta’ għajnuna ġdida lill-Kummissjoni, dan l-Istat, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament, huwa obbligat jagħti “l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7 [tar-Regolament]”.
7. L-Artikolu 5(1) u (2), tar-Regolament jipprovdi kif ġej:
“1. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra l-informazzjoni provvduta mill-Istat Membru kkonċernat dwar għal miżura notifikata skont l-Artikolu 2 m’hijiex kompluta, għandha titlob l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa. Fejn Stat Membru jirrispondi għal din it-talba, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar ir-riċevuta tar-risposta.
2. Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni jew tipprovdi informazzjoni li m’hijiex kompluta, il-Kummissjoni għandha tibgħat fakkar, filwaqt li jippermetti perjodu addizzjonali xieraq li fih għandha tkun provvduta l-informazzjoni.”
8. L-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament jaqgħu fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Proċedura li tirrigwarda għajnuna kontra l-liġi”:
9. L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:
“1. Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.
2. Jekk meħtieġ, għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(1) u (2), japplikaw mutatis mutandis.
3. Fejn, minkejja kif imfakkar skont l-Artikolu 5(2), l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provvduta […]. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tistabilixxi perjodu xieraq li fih għandha tingħata.”.
10. Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament, il-Kummissjoni tista’, wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, tieħu deċiżjoni fejn titlob lill-Istat li jissospendi l-għajnuna inkwistjoni u/jew li jirkupraha proviżorjament, sakemm tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni.
11. L-Artikolu 12 tar-Regolament huwa fformulat kif ġej:
“Jekk l-Istat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ sospensjoni jew inġunzjoni ta’ rkupru, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata, filwaqt li tkun qed tagħmel l-eżami fuq is-sustanza ta’ l-argument abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, biex tirreferi l-argument lill-Qorti tal-Ġustizzja […]direttament u japplika għal dikjarazzjoni li n-nuqqas ta’ konformità tikkostitwixxi ksur tat-Trattat.”
12. Finalment, skont l-Artikolu 13(1), tar-Regolament:
“L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) u (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta l-informazzjoni disponibbli.”
II – Il-fatti li wasslu għal dawn il-kawżi
13. Wara l-ilmenti li tressqu minn operaturi privati, il-Kummissjoni kkonstatat li Deutsche Post għall-pakketti minn bieb għal bieb kienet titlob prezzijiet inferjuri għall-ispejjeż marġinali u li din il-politika ta’ traħħis aggressiv ma tagħmilx parti mill-obbligu ta’ servizz universali tal-impriża.
14. Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2002 (7), il-Kummissjoni qieset li t-telf ta’ EUR 572 miljun li rriżulta kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex titlob lil Deutsche Post tħallas lura l-għajnuna.
15. Sussegwentement, il-Kummissjoni rċeviet ilmenti ġodda minn konkorrenti privati, li jallegaw li Deutsche Post kienet tibbenefika minn vantaġġi kunsiderevolment ikbar minn dawk imsemmija fid-Deċiżjoni 2002/753. Il-Kummissjoni qieset neċessarju li tittratta l-integralità ta’ distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw minn riżorsi ta’ Stat mogħtija lil Deutsche Post billi fetħet, fit-12 ta’ Settembru 2007, proċedura ta’ investigazzjoni formali ġdida skont l-Artikolu 88(2) KE (8).
16. Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008 (9), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2002/753, li ssostni li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 87(1) KE fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.
17. Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tinkludi kwestjonarju dwar id-dħul u l-ispejjeż ta’ Deutsche Post għal perijodu li jmur mis-sena 1989 sal-2007. Fit-12 u l-21 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ tfakkir lill-imsemmi Stat li titlob għal darb’oħra l-kommunikazzjoni tal-informazzjoni mitluba(10).
18. Fir-risposti tagħha tal-5 ta’ Awwissu, l-14 ta’ Awwissu u d-29 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonfermat li hija kienet qed tirrifjuta li titrażmetti l-informazzjoni dwar il-prodotti u l-prezzijiet ta’ Deutsche Post wara s-sena 1995, filwaqt li tqis li l-eżami tal-Kummissjoni għandu jkun limitat għall-perijodu bejn is-sena 1989 u s-sena 1994 u li r-risposta għal dan il-kwestjonarju teżiġi investiment ta’ ħin u ta’ xogħol sproporzjonat.
19. Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament, li tagħti l-informazzjoni neċessarja sabiex twieġeb l-imsemmi kwestjonarju. Il-Kummissjoni żiedet ukoll li, jekk, minkejja din l-inġunzjoni, l-awtoritajiet Ġermaniżi jibqgħu ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fit-termini stabbiliti, hija kienet se tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni disponibbli, skont l-Artikolu 13(1), tar-Regolament.
20. 20. F’sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010 (11), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fuq appell, l-annullament tad-Deċiżjoni 2002/753.
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-digrieti appellati
21. Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2008, Deutsche Post (Kawża T 570/08) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Kawża T 571/08) ippreżentaw it-tnejn li huma rikors għal annullament kontra l-att inkwistjoni.
22. Permezz ta’ atti separati ppreżentati fir-Registru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni qajmet, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
23. Il-Qorti Ġenerali laqgħet din l-eċċezzjoni billi ġġudikat li l-att inkwistjoni ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkonstatat fis-sens tal-ġurisprudenza.
24. Il-Qorti Ġenerali (12), qabelxejn, fakkret il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (13), u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (14). Minn naħa, hija rrilevat li hemm lok sabiex tingħata importanza lil att, u mhux lill-forma tal-att, sabiex tiddetermina li dan jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE. Min-naħa l-oħra, indikat li huma biss il-miżuri li jiddeterminaw definittivament il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, u li jipproduċu effetti ġuridiċi li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk, kif sostniet il-Kummissjoni, l-att inkwistjoni jikkostitwixxix miżura intermedjarja li l-għan tagħha huwa li tipprepara d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni u li hija nieqsa minn effetti legali.
25. Fir-rigward tal-effetti tal-att inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali indikat li l-leġiżlatur Komunitarju ma ppreveda l-ebda sanzjoni fir-rigward tal-Istat Membru meta dan jonqos milli jikkonforma mal-inġunzjoni tal-Kummissjoni (15). Dan jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-att inkwistjoni u l-inġunzjonijiet ta’ sospensjoni u ta’ rkupru tal-għajnuna li l-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta skont l-Artikolu 11 tar-Regolament. Fil-fatt, jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ waħda minn dawn iż-żewġ inġunzjonijiet, l-Artikolu 12 tar-Regolament jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tirreferi l-kwistjoni direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tat-trattat.
26. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, rrilevat li l-att inkwistjoni jikkostitwixxi biss miżura intermedjarja li tippermetti lill-Kummissjoni li tipprepara d-deċiżjoni finali tagħha (16). Hija tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju filwaqt li tippermetti lill-Kummissjoni li tikseb l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni, iżda ma tippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, peress li din tkun għad tista’, f’dan l-istadju, tiddeċiedi li ma hemmx għajnuna mill-Istat kif ukoll dwar il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà ta’ din mas-suq komuni.
27. Wara, il-Qorti Ġenerali rrifjutat l-argumenti tar-rikorrenti li tara paralleliżmu bejn l-att inkwistjoni u d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-għajnuna (17). Ir-rikorrenti, filwaqt li rreferew għall-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi ippreżentati kontra tali deċiżjoni, isostnu li, minkejja n-natura proviżorja tagħha, din id-deċiżjoni kienet ikkunsidrata bħala att li jista’ jiġi kkontestat (18). Il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tagħmel tali paralleliżmu minħabba li l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni ma humiex komparabbli ma’ dawk tal-att inkwistjoni.
28. F’dak li jikkonċerna l-effetti ġuridiċi konkreti tal-att inkwistjoni dwar is-sitwazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan l-att ma għandux l-effett li jagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (19). Huwa biss ir-rifjut ta’ Stat Membru li jwieġeb għall-inġunzjoni mressqa li jippermetti lill-Kummissjoni li tagħlaq din il-proċedura.
29. Fir-rigward tal-allegata deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni proċedurali ta’ Deutsche Post u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’każ ta’ nuqqas ta’ rispett tal-att inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punti 42 tad-digrieti kkontestati, li huwa r-rifjut tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba fl-att inkwistjoni, u mhux l-att inkwistjoni bħala tali, li hu suxxettibbli li jiċħad lill-interessati kkonċernati mill-possibbiltà li jallegaw in-natura lakunarja tal-fundament fattwali tad-deċiżjoni finali. Skont il-Qorti Ġenerali, jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi jikkunsidraw li l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni ma hijiex neċessarja sabiex jiġu stabbiliti l-fatti jew li r-riċerki mitluba huma wisq onerużi meta mqabbla mar-riżultat mistenni, huma jistgħu jagħżlu li jinjoraw l-inġunzjoni magħmula lilhom.
30. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 43 tad-digrieti kkontestati, li l-att inkwistjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li jtemm l-obbligu tal-Kummissjoni li tissostanzja biżżejjed id-deċiżjoni finali tagħha u li tipprojbixxi lil Deutsche Post u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli jikkontestaw il-bażi tagħha.
31. Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dawn huma żgurati mill-possibbiltà li jiġu kkontestati l-fatti allegati mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva kollha u li jibqgħu hekk permezz tal-possibbiltà li jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni finali.
32. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 46 tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u fil-punt 45 tad-digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, li l-att inkwistjoni ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE.
IV – IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
33. Fil-kawża C 463/10 P, Deutsche Post titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
34. Il-Kummissjoni titlob, min-naħa tagħha, lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell u tikkundanna lil Deutsche Post għall-ispejjeż.
35. Fil-kawża C 475/10 P, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u li tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
36. Il-Kummissjoni titlob, min-naħa tagħha, lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell u li tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.
37. Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad il-kawżi C 463/10 P u C 475/10 P għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll tas-sentenza.
V – Fuq l-appelli
A – L-argumenti tal-partijiet
38. Deutsche Post u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li d-digrieti appellati huma vvizzjati minn diversi żbalji ta’ liġi fis-sens li l-Qorti Ġenerali ma kkwalifikatx l-att inkwistjoni bħala att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE. Huma jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ġġudikat il-Qorti Ġenerali, inġunzjoni li tipprovdi informazzjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji u tikkostitwixxi, b’hekk, att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE.
39. Huma jinvokaw ħames aggravji insostenn tal-appelli tagħhom. L-ewwel tliet aggravji huma bbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 249 KE, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tal-atti kkontestati u l-effetti ġuridiċi tal-att inkwistjoni. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-ħames aggravju huwa bbażat fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.
1. Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 249 KE
40. Deutsche Post u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostu li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament jagħti s-setgħa espressament lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni formali. Issa, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, tali att huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu fir-rigward tal-persuni kkonċernati.
41. Deutsche Post u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirreferu wkoll għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmija fl-Artikolu 10 KE kif ukoll għall-premessa 6 tar-Regolament sabiex juru n-natura vinkolanti tal-att inkwistjoni. L-Istat Membru li ma kienx ser iwettaq l-obbligazzjoni bbażata fl-att inkwistjoni jikser it-trattat u konsegwentement jesponi lilu nnifsu, għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
42. In-natura vinkolanti tal-att inkwistjoni taffettwa wkoll lil Deutsche Post bħala benefiċjarju tal-għajnuna. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha neċessarjament tikseb il-kollaborazzjoni ta’ din l-impriża sabiex twettaq l-obbligu tagħha. Barra minn hekk, din tal-aħħar hija l-unika waħda li għandha l-informazzjoni mitluba.
43. Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, skont il-ġurisprudenza, jaqbel li wieħed jibbaża ruħu mhux fuq il-forma tal-att, iżda fuq is-sustanza tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk rikors għal annullament ikunx jista’ jiġi ppreżentat. Huma biss il-miżuri suxxettibbli li jipproduċu effetti ta’ liġi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 230 KE (20). Issa, deċiżjoni skont l-Artikolu 249 KE ma tissodisfax dan il-kriterju awtomatikament (21)..
2. Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza dwar in-natura tal-atti li jistgħu jiġu kkontestati
44. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tal-prinċipju stabbilit fis-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (22), li skont din tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat biss il-miżura li tistabbilixxi definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni skont proċedura, minbarra miżuri intermedjarji. Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li tali prinċipju ma huwiex traspost fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.
45. Deutsche Post tenfasizza li n-natura proviżorja tal-inġunzjonijiet għall-informazzjoni u tal-inġunzjonijiet għas-sospensjoni ma timplikax li dawn l-atti huma nieqsa minn effetti ġuridici indipendenti (23). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġa rrikonoxxiet li l-inġunzjonijiet ta’ sospensjoni jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati (24).
46. Il-Kummissjoni tfakkar li l-ebda rikors ma jista’ jiġi ppreżentat kontra atti li ma jistabbilixxux b’mod definit il-pożizzjoni tagħha iżda li jservu biss biex tipprepara d-deċiżjoni finali tagħha. Skont hi, jekk rikors ikun possibbli kontra atti preparatorji, il-benefiċjarju ta’ għajnuna jkun jista’ jdewwem il-proċess deċiżiv b’mod kunsiderevoli billi jikkontesta kull att preparatorju b’mod sistematiku. Barra minn hekk, peress li l-atti preparatorji ma jistabbilixxu l-ebda pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni, il-qorti tal-Unjoni tista’ titqieħed f’sitwazzjoni fejn ikollha tieħu d-deċiżjoni finali sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-legalità tal-att proviżorju. Fl-aħħar nett, l-illegalitajiet eventwali li jivvizzjaw l-atti preparatorji jistgħu jiġu invokati insostenn tar-rikors intiż kontra l-att definittiv li huma jikkostitwixxu stadju ta’ preparazzjoni għalih (25).
47. Il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ġew applikati mill-qorti tal-Unjoni mhux biss fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda wkoll f’serje sħiħa ta’ oqsma oħra. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza dwar il-ftuħ ta’ proċedura fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat tikkonferma li rikorsi għal annullament kontra atti preparatorji huma, bħala prinċipju, inammissibbli. Dan japplika biss meta d-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma twassalx direttament għal effetti ġuridiċi li huma differenti minn dak tad-deċiżjoni finali li r-rikors ikun ammissibbli kontra tali deċiżjoni ta’ ftuħ.
3. Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ġuridiċi ta’ inġunzjoni għal informazzjoni
48. Deutsche Post u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali (26), inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament twassal għal effetti ġuridiċi vinkolanti bi ħsara għall-Istat Membru u l-impriża kkonċernati. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tali deċiżjoni ttemm il-proċedura amministrattiva fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat inkwantu hija ttemm l-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti taħt ir-responsabbiltà tagħha stess. Fin-nuqqas ta’ risposta min-naħa tal-Istat Membru, tali inġunzjoni tippermetti lill-Kummissjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha fid-dawl tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl. Dan iwassal għal waqfien fil-proċess tal-proċedura, peress li l-fażi ta’ kooperazzjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni tagħti lok għal fażi formali li fiha l-kalendarju u l-bażi jkunu direttament ibbażati mill-Kummissjoni.
49. Ir-rikorrenti jżidu li n-nuqqas ta’ osservanza tal-inġunzjoni jtaffi l-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni u jċaħħduhom milli jinvokaw in-nuqqas fil-fatt tad-deċiżjoni finali fil-kuntest ta’ rikors ulterjuri. Barra minn hekk, huma jsostnu li rikors kontra d-deċiżjoni finali ma jippermettix li jirremedjaw għall-konsegwenzi li tikkawża n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru. Sabiex isalvaw id-drittijiet tagħhom tad-difiża, ir-rikorrenti jkunu obbligati li josservaw l-inġunzjoni.
50. Finalment, ir-rikorrenti jinnotaw li n-nuqqas ta’ sanzjoni invokata fil-punt 29 tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u fil-punt 28 tad-digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, ma huwiex determinanti.
51. Il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jikkomunika l-informazzjoni mitluba jirriżulta mill-Artikolu 10 KE iktar milli mill-att inkwistjoni. Peress li hija ma għandhiex kompetenza oħra ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiċċara l-fatti mingħajr il-kooperazzjoni leali tal-Istati Membri. Konsegwentement, ma hijiex l-inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni, iżda r-rifjut tal-Istat Membru li jsegwi din l-inġunzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni li tiddeċiedi abbażi tal-informazzjoni disponibbli u li tieħu azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Issa, tali azzjoni ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-interessi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u wisq inqas dawk ta’ Deutsche Post. Bl-istess mod, l-att inkwistjoni, li huwa tali li jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju, ma jaffettwax il-pożizzjoni ġuridika ta’ dan l-Istat Membru.
52. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinsisti dwar il-fatt li l-ebda sanzjoni ma tirriżulta minn nuqqas ta’ osservanza tal-att inkwistjoni. Il-fatt li partijiet ma jkunux jistgħu jinvokaw fi stadju ulterjuri fatti li huma ma kinux irrilevaw matul il-proċedura amministrattiva ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda l-konsegwenza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.
4. Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva
53. Deutsche Post u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li d-digrieti appellati jiksru l-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva.
54. Il-qorti tal-Unjoni għandha, minn naħa, tkun tista’ tistħarreġ jekk il-Kummissjoni rrispettatx il-kundizzjonijiet ta’ proċedura stabbiliti mir-Regolament u, min-naħa l-oħra, tkun tista’ tivverifika l-proporzjonalità u n-neċessità tal-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, l-interessi tal-partijiet konċernati ma humiex iggarantiti biżżejjed min-natura kontestabbli tad-deċiżjoni finali.
55. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipju tal-istat tad-dritt fil-punti 42 tad-digrieti appellati sa fejn tissuġġerixxi li dan l-Istat Membru huwa liberu li jsegwi jew le l-att ikkontestat. Fil-fatt, l-istat tad-dritt ma għandux iwassal li jikser obbligu impost mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-iżvantaggi tal-proċedura relatati ma’ tali aġir huma estremament gravi.
56. Il-Kummissjoni, qabelxejn, tirrispondi li r-rikorrenti jgawdu minn protezzjoni ġudizzjajra effettiva sa fejn huma jistgħu jqajmu l-illegalità tal-att inkwistjoni fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali.
57. Il-Kummissjoni, sussegwentement, tiddistingwi l-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat minn dik prevista fil-kuntest ta’ prattiċi antikompetittivi. Fil-fatt, fir-Regolament Nru 17 (27), il-leġiżlatur Komunitarju ppreveda espressament li impriża tista’ tippreżenta rikors kontra inġunzjoni fformulata mill-Kummissjoni. Huwa ppreveda wkoll li l-Kummissjoni tista’ timponi multi u penalitajiet meta l-impriża ma tikkonformax ma’ din l-inġunzjoni. B’hekk iż-żewġ sistemi ma humiex komparabbli.
5. Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri
58. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi meta ddeċidiet li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinjoraw l-inġunzjoni li ssirilhom. Dawn tal-aħħar jistgħu b’hekk jirrifjutaw li jikkomunikaw l-informazzjoni li jqisu li ma hijiex neċessarja biex jistabbilixxu l-fatti. Issa, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tali raġunament jittrasferixxi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu l-fatti u li jiddeterminaw is-suġġett tal-proċedura.
59. Il-Kummissjoni twieġeb li d-digrieti appellati ma jwasslu għall-ebda trasferiment ta’ kompetenza. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni, ma għandha l-ebda kompetenza ta’ investigazzjoni, tiddependi mill-kooperazzjoni tal-Istat Membru, tal-benefiċjarju tal-għajnuna u tat-terzi interessati għall-informazzjoni dwar il-fatti. Madankollu, id-definizzjoni ta’ dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala informazzjoni neċessarja biex tippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni finali rigward għajnuna mill-Istat hija kwistjoni għall-imsemmija istituzzjoni.
B – L-evalwazzjoni tiegħi
60. Jien tal-fehma li l-att inkwistjoni jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE.
61. Sabiex nasal għal din il-konklużjoni, huwa neċessarju li nfakkar, preliminarjament, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tal-atti li jistgħu jiġu kkontestati kif ukoll dwar il-kuntest proċedurali li jaqa’ taħtu l-att inkwistjoni.
1. L-osservazzjonijiet preliminari
a) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tal-atti li jistgħu jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament
62. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura tal-atti li jistgħu jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ġiet żviluppata għexieren ta’ snin ilu fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “AETR” (28) u IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (29). Din il-ġurisprudenza ġiet applikata b’mod kostanti fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat u, fl-aħħar lok, fis-sentenzi Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll NDSHT vs Il-Kummissjoni (30).
63. Sabiex att ikun jista’ jkun suġġett ta’ rikors għal annullament, għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet.
64. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 230 KE, għandu jkun att adottat minn waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
65. It-tieni nett, dan għandu jkun att suxxettibbli li jipproduċi effetti ta’ liġi vinkolanti. Fi kliem ieħor, l-interessi tar-rikorrenti għandhom jiġu affettwati u s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom għandha tiġi modifikata b’mod distintiv. Il-forma li att jew deċiżjoni jiġi adottat fiha, bħala prinċipju, hija indifferenti (31). B’hekk jaqbel li wieħed jara s-sustanza tiegħu sabiex jiġi ddeterminat jekk jipproduċix tali effetti (32).
66. Din il-ġurisprudenza tippermetti li jiġi estiż il-kamp tar-rikors għal atti li ma jwiġbux formalment għall-kwalifika ta’ “deċiżjoni”, iżda li, prinċipalment, jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti. Din tippermetti wkoll li jiġi evitat li l-istituzzjonijiet jaħarbu mill-kontroll tal-qorti tal-Unjoni permezz tas-sempliċi nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-eżiġenzi formali bħat-titolu ta’ dan l-att, il-motivazzjoni tagħha jew id-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu.
67. Din it-tieni kundizzjoni għandha importanza partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura kontestabbli ta’ att li jaqa’ taħt proċedura amministrattiva li tinkludi ħafna fażijiet bħal dik dwar l-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat (33).
68. F’dan il-qasam, il-Kummissjoni adottat numru ta’ atti li permezz tagħhom mhux biss tagħti evalwazzjoni definittiva rigward il-kwalifika u l-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq komuni, iżda wkoll iddeċidiet miżuri ta’ investigazzjoni u organizzazzjoni tal-proċedura. Issa, dawn l-atti kollha ma għandhomx effetti ġuridiċi fir-rigward tal-Istati Membri u tal-impriżi kkonċernati.
69. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika dawn l-atti f’kategoriji differenti.
70. L-ewwel huma l-atti li permezz tagħhom il-Kummissjoni tistabbilixxi definittivament il-pożizzjoni tagħha fit-tmiem ta’ proċedura. Dawn jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati sa fejn jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti u li ma humiex segwiti minn ebda att ieħor suxxettibbli li jwassal għal rikors għal annullament.
71. Tali huwa l-każ tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni, fit-tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(2) KE, tqis li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna jew li din hija kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni (34). Tali huwa wkoll il-każ tal-att li permezz tiegħu l-Kummissjoni tikklassifika lment dwar għajnuna allegatament illegali (35).
72. It-tieni huma l-atti intermedjarji li l-oġġettiv tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali.
73. Minn naħa, hemm miżuri li, anki jekk huma adottati fil-kuntest tal-proċedura preparatorja, jikkostitwixxu t-terminu ta’ fażi distinta mill-proċedura prinċipali u jipproduċu effetti ta’ liġi (36).
74. Hemm numru ta’ eżempji fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ implementazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Dawn huma organizzati f’diversi fażijiet suċċessivi, bħall-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, il-fażi ta’ istruzzjoni kontradittorja, imbagħad il-fażi tas-smigħ. B’hekk, fis-sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni (37) u Orkem vs Il-Kummissjoni (38), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni titlob informazzjoni lill-impriżi jew tmexxi investigazzjonijiet fuq il-post jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati.
75. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiftaħ, fit-tmiem l-analiżi preliminari tagħha, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat (39). Hija tqis li tali deċiżjoni għandha effetti ġuridiċi fir-rigward tal-Istat Membru u tal-impriżi kkonċernati, peress li l-Kummissjoni tista’ tordna s-sospensjoni tal-miżura. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-effetti huma awtonomi meta mqabbla mad-deċiżjoni finali u ma humiex suxxettibbli li jiġu rregolarizzati fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni finali, billi ċċaħħad lir-rikorrenti protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (40).
76. Min-naħa l-oħra, hemm miżuri ta’ natura “purament” (41) jew “sempliċement” (42) preparatorja. Dawn il-miżuri jikkostitwixxu biss waħda mill-istadji li jippermettu lill-istituzzjoni li tadotta d-deċiżjoni finali tagħha. Huma ma jipproduċu l-ebda effett ta’ liġi u ma jikkostitwixxux, skont il-ġurisprudenza, atti li jistgħu jiġu kkontestati. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-irregolaritajiet suxxettibbli li jivvizzjaw l-imsemmija miżuri jistgħu jiġu invokati insostenn tar-rikors kontra d-deċiżjoni finali, li huma jikkostitwixxu stadju ta’ elaborazzjoni tagħha (43). Tali huwa l-każ, fid-dritt tal-kompetizzjoni, tal-att li permezz tiegħu l-Kummissjoni tikkomunika l-oġġezzjonijiet tagħha kontra l-impriżi.
77. Ir-riferiment għal din il-ġurisprudenza jippermetti li nsiru nafu l-imperattivi li jiggwidaw l-azzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.
78. Kif għadu kif intwera, il-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li għandhom l-individwi taħt id-dritt tal-Unjoni. Fis-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li peress li l-Unjoni Ewropea hija komunità ta’ dritt, il-modalitajiet proċedurali applikabbli għar-rikors għandhom jiġu interpretati b’tali mod li dawn il-modalitajiet ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-implementazzjoni ta’ tali għan (44). Huwa għalhekk li l-atti preparatorji suxxettibbli li jipproduċu effetti ta’ liġi u li jikkostitwixxu t-terminu ta’ proċedura aċċessorja għall-proċedura prinċipali għandhom, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ikunu jistgħu jkunu suġġett ta’ rikors għal annullament.
79. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tevita wkoll multiplikazzjoni ta’ rikorsi kontra l-miżuri preparatorji suxxettibbli li jipparalizzaw l-azzjoni tal-istituzzjonijiet. Hija tfittex ukoll, li tippreżerva t-tqassim tal-kompetenzi u s-sistema ta’ mezzi ta’ rikors organizzati mit-trattat. Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’hekk, ma tantx hi inklinata li taċċetta l-ammissibbiltà ta’ rikors kontra att preparatorju ladarba dan jobbligaha li tagħmel evalwazzjoni ta’ kwistjonijiet li l-Kummissjoni għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwarhom. Dan għandu bħala konsegwenza antiċipazzjoni tad-dibattitu fil-mertu u konfużjoni tad-diversi fażijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji (45).
80. Huwa f’dan il-kuntest ta’ ġurisprudenza li għandi nikkwalifika l-att inkwistjoni. Dan jikkostitwixxi, kif issostni l-Qorti Ġenerali fid-dirgieti appellati, miżura ta’ “natura purament preparatorja”, li ma hijiex suxxettibbli għal rikors, jew inkella, bħalma ssostni Deutsche Post kif ukoll ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat?
81. Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat ukoll il-kuntest proċesswali li jaqa’ taħtu l-att inkwistjoni.
b) Dwar il-kuntest proċedurali li jaqa’ taħtu l-att inkwistjoni
82. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mat-trattat (46). B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 87 KE, l-obbligu li tara li ma tingħata jew titkompla l-ebda għajnuna li tkun kuntrarja għat-trattat (47).
83. Sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tiġi kkonċiljata mad-dritt ta’ intervent tal-Istati Membri mal-garanzija ta’ kompetizzjoni mhux distorta fi ħdan l-Unjoni, it-trattat ippreveda proċedura ta’ stħarriġ u ta’ awtorizzazzjoni preliminari għall-għajnuna mill-Istat, li matulha jinħoloq djalogu bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni. L-ewwel wieħed għandu obbligu ta’ kooperazzjoni leali. Mentri it-tieni waħda, għandha setgħa ta’ investigazzjoni u għandha, għal dan il-għan, tirrispetta ċertu numru ta’ eżiġenzi proċedurali.
84. Mill-premessa 6 tar-Regolament jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 10 KE, jikkooperaw mal-Kummissjoni. Dan ifisser li huma għandhom, minn naħa, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-proġetti ta’ għajnuna ġodda, u min-naħa l-oħra, joffru lil din l-istituzzjoni l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Dawn iż-żewġ obbligi huma marbuta sew peress li l-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, tikkunsidra li n-notifika ġiet irtirata meta Stat Membru jirrifjuta li jagħti informazzjoni addizzjonali li din ikollha bżonn, fit-terminu stabbilit.
85. Jekk dan ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami tal-għajnuna skont l-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament dwar l-għajnuna illegali (48).
86. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ inġunzjoni li tippermettilha li tikseb informazzjoni u li tillimita d-danni relatati mal-għajnuna mhux innotifikata.
87. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tiġbor mingħand l-Istat Membru kkonċernat, id-dokumenti kollha, l-informazzjoni u d-data neċessarja għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Din hija l-unika setgħa ta’ investigazzjoni rikonoxxuta lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Din hija gradwali. Il-Kummissjoni tista’ titlob (49) lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jagħtiha informazzjoni billi tibgħatlu, jekk neċessarju, nota biex tfakkru u tistabbilixxi terminu addizzjonali. Skont il-każ, hija tista’ wkoll tagħmillu inġunzjoni (50) .
88. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tista’ tuża din is-setgħa ta’ inġunzjoni biss fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam ta’ għajnuna illegali, jiġifieri meta l-Istat Membru jonqos milli jinnotifika proġett intiż għall-għoti ta’ għajnuna jew meta dan, minkejja notifika, ma jipprovdix l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament.
89. L-inġunzjoni għandha tippreċiża n-natura tal-informazzjoni mitluba u tistabbilixxi terminu adattat għall-komunikazzjoni tagħhom.
90. Meta Stat Membru ma jissodisfax l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni u jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li ttemm il-proċedura u tista’ tadotta deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni sempliċement abbażi tal-elementi li jkollha. Dawn il-prinċipji ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (51) u ġew ikkonkretizzati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament.
91. Is-setgħat ta’ inġunzjoni l-oħra, stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament, għandhom, min-naħa tagħhom, jippermettu lill-Kummissjoni li tadotta miżuri proviżorji sabiex tillimita d-danni relatati mal-implementazzjoni tal-għajnuna mhux innotifikata. Il-Kummissjoni tista’, b’hekk, titlob lill-Istat Membru kkonċernat li jissospendi l-għajnuna jew li jirkupraha proviżorjament mingħand il-benifiċjarji sakemm din tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (52). Jekk l-Istat Membru ma jikkonformax ma’ waħda minn dawn l-inġunzjonijiet, l-Artikolu 12 tar-Regolament jawtorizza espressament lill-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-ksur tat-trattat.
92. Fis-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li l-inġunzjoni għal sospensjoni tista’ tkun suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat jew mill-impriża benefiċjarja jew mill-Istat Membru kkonċernat. Hija qieset li dan l-att huwa ta’ natura immedjatament vinkolanti fir-rigward tal-Istat Membru u tal-impriżi kkonċernati u għandu konsegwenzi irriversibbli li rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni finali ma jippermettix li jitneħħew (53) .
93. Il-preżentazzjoni ta’ dan il-kuntest proċedurali jippermettili li nasal għal żewġ konklużjonijiet.
94. L-ewwel nett, nikkonstata li l-Istat Membru għandu obbligu ta’ kooperazzjoni leali. Bħall-Kummissjoni, għandu jikkollabora in bona fide sabiex jegħleb id-diffikultajiet li tqajjem l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mad-dispożizzjonijiet tat-trattat (54).
95. It-tieni nett, nikkonstata li l-leġiżlatur Komunitarju jissanzjona b’mod differenti n-nuqqas ta’ osservanza, mill-Istat Membru, ta’ inġunzjoni magħmula mill-Kummissjoni, skont jekk din hijiex intiża għall-għoti ta’ informazzjoni jew sabiex tissospendi jew tirkupra proviżorjament għajnuna. Dan jirriżulta b’mod ċar ħafna mill-premessa 12 tar-Regolament kif ukoll mill-Artikoli 12 u 13 tiegħu.
96. Fil-fatt, meta Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi sempliċement abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Min-naħa l-oħra, meta dan l-Istat jirrifjuta li jissospendi jew li jirkupra proviżorjament għajnuna, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tirreferi direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja.
97. Fil-fehma tiegħi, din id-distinzjoni tinftiehem fid-dawl tal-konsegwenzi li r-rifjut ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru jġib miegħu.
98. Fil-fatt, fl-ewwel każ, l-inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni hija meħtieġa sabiex tipprovdi kjarifika bl-iktar mod komplet għall-Kummissjoni qabel ma din tadotta deċiżjoni li tista’ taffettwa l-Istat Membru kkonċernat. B’hekk, jekk l-Istat Membru jirrifjuta li jikkoopera, l-aġir tiegħu jista’ jaffettwa fl-ewwel lok l-interessi tiegħu.
99. Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ, l-inġunzjonijiet għal sospensjoni u rkupru proviżorju ta’ għajnuna għandhom jippermettu lill-Kummissjoni li terġa’ tistabbilixxi, mingħajr dewmien, kompetizzjoni effettiva fi ħdan is-suq komuni. Jekk l-Istat Membru jirrifjuta li jikkonforma, l-aġir tiegħu ma jaffettwax biss l-interessi tiegħu stess, iżda ikun ukoll suxxettibbli li jikkawża dannu gravi u immedjat lill-konkorrenti, billi jaffettwa bl-istess mod il-funzjonament xieraq tas-suq.
100. Għaldaqstant, din id-differenza tiġġustifika li l-inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni ma tkunx att li jista’ jiġi kkontestat, kuntrarjament għall-inġunzjonijiet ta’ sospensjoni u ta’ rkupru ta’ għajnuna?
101. Ma naħsibx. Fil-fatt, jekk l-att inkwistjoni huwa, evidentement, ta’ natura preparatorja għad-deċiżjoni finali, kien jissodisfa, madankollu, il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.
2. Fuq l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-każ inwistjoni
102. Infakkar li, skont il-ġurisprudenza, att preparatorju jista’ jiġi kkontestat meta jikkostitwixxi t-tmiem ta’ fażi distinta tal-proċedura prinċipali u jipproduċi effetti ta’ liġi.
103. L-ewwel nett, nemmen li l-att inkwistjoni jikkostitwixxi t-terminu tal-proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa mill-Kummissjoni. L-inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni tikkostitwixxi l-qalba tal-fażi ta’ investigazzjoni tal-proċedura, li matulha l-Istat Membru għandu jikkoopera.
104. Din is-setgħa hija wiesgħa peress li l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru li jippreżentalha d-dokumenti kollha, l-informazzjoni u d-data li jidhrulha neċessarji (55) għall-evalwazzjoni tal-għajnuna peress li l-Kummissjoni għandha sempliċement tippreċiża n-natura tagħhom. Dan id-dritt jimplika b’hekk fakultà ta’ riċerka għal informazzjoni differenti li għadha ma hijiex magħrufa jew identifikata b’mod preċiż mill-Kummissjoni bħal pereżempju l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, in-natura tagħha, l-impriżi benefiċjarji jew inkella l-perijodu li matulu ngħatat. Madankollu, jekk l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jikkoopera mal-istituzzjoni, jkun diffiċli għaliha li tiġbor il-provi neċessarji għall-evalwazzjoni tal-għajnuna. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda poter ieħor ta’ investigazzjoni, kuntrarjament għal dawk li huma rikonoxxuti lilha fid-dritt tal-kompetizzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 1/2003 (56). B’hekk, meta Stat Membru ma jissodisfax l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni u jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni sempliċement abbażi tal-provi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha. Bħalma rrikonoxxiet espressament il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għalhekk għandha “setgħa li ttemm il-proċedura” (57).
105. It-tieni nett, inqis li l-att inkwistjoni jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti u immedjati fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat.
106. Minn naħa, huwa ppreżentat fil-forma ta’ deċiżjoni, li, skont l-Artikolu 249 KE, hija obbligatorja fl-elementi kollha tagħha għad-destinatarju intiż. Barra minn hekk, inġunzjoni ġġib, fiha nfisha, ordni għal aġir, li joħloq fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligu ta’ eżekuzzjoni immedjata u effettiva.
107. Min-naħa l-oħra, jirriżulta b’mod ċar mit-termini tal-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament, li l-leġiżlatur Komunitarju ried jiddistingwi bejn l-inġunzjoni u s-sempliċi talba għal informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ dan. Din tal-aħħar hija, bħala tali, effettivament nieqsa min-natura vinkolanti.
108. Din id-distinzjoni tagħmel sens biss jekk l-inġunzjoni jkollha forza vinkolanti fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat u twassal għal konsegwenzi ġuridiċi meta dan ma jikkonformax magħha.
109. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna sempliċement abbażi tal-informazzjoni disponibbli.
110. Barra minn hekk, hija libera li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-Istat Membru minħabba l-ksur tat-trattat. Infakkar li l-imsemmi Stat ma nnotifikax l-għajnuna, u għalhekk din ġiet implementata b’mod illegali, u rrifjuta li jikkoopera billi jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.
111. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-preżentazzjoni ta’ tali riskors ma hijiex insinjifikanti. L-azzjoni għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha bħala funzjoni li tissanzjona ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea imputabbli lill-Istat Membru u li tiżgura li jirripristrinaw effettivament il-legalità Komunitarja. Is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ natura dikjaratorja, timplika b’hekk, skont l-Artikolu 228 KE, obbligu ta’ eżekuzzjoni li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġdid jew minn ħlas ta’ multi. Barra minn hekk, wieħed ma jridx jinsa li s-sentenza li tikkonstata nuqqas tista’ tiffaċilita r-responsabbiltà tal-Istat Membru quddiem il-qrati nazzjonali.
112. B’hekk diffiċilment nista’ naqbel mal-opinjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Istat Membru “[jista’] jagħżel li jinjora l-inġunzjoni magħmula [lilu]” mill-Kummissjoni (58). Fil-fatt, ma nistgħux nikkonduċu Stat Membru sabiex jonqos mill-obbligi tiegħu, li jikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li jesponi lilu nnifsu għall-preżentazzjoni ta’ rikors ġuridiku. Bħalma ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan imur effettivament kontra l-prinċipji tal-Istat tad-dritt u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
113. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nemmen li l-att inkwistjoni jwassal għal effetti ġuridiċi vinkolanti fil-konfront tal-Istat Membru kkonċernat.
114. Għalhekk, dan l-att għandu jkun jista’ jkun suġġett ta’ stħarriġ ġuridiku.
115. Ir-rikonoxximent ta’ poter ta’ kostrizzjoni lill-Kummissjoni, jġib, barra minn hekk, il-possibbiltà li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-Istat Membru, għandu jkun akkumpanjat, fil-fehma tiegħi, mir-rikonoxximent ta’ garanziji proċedurali favur l-Istati Membri.
116. Il-qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ jekk il-Kummissjoni rrispettatx il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(2) u 10(2) tar-Regolament qabel ma tadotta d-deċiżjoni finali.
117. Barra minn hekk, għandha tkun tista’ teżamina n-natura, in-neċessità u l-proporzjonalità tal-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.
118. Fil-fatt, bħalma rajna, it-termini tar-Regolament juru li t-talbiet għal informazzjoni jistgħu jkollhom portata kbira ħafna, peress li l-Kummissjoni għandha d-dritt li titlob l-informazzjoni kollha li hija tqis neċessarja (59), fejn din għandha tippreċiża biss in-natura (60) tagħha. Il-qorti tal-Unjoni għandha b’hekk tistħarreġ jekk l-informazzjoni mitluba setgħetx effettivament tiġi kkunsidrata bħala neċessarja fir-rigward tal-għan tal-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u jekk jaqbżux il-kuntest tagħha.
119. B’hekk dan l-istħarriġ ma huwiex dwar l-evalwazzjoni, fil-mertu, tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni u ma għandux iwassal lill-qorti tal-Unjoni li tagħmel evalwazzjoni dwar id-domandi li l-Kummissjoni għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwarhom, sabiex b’hekk tevita antiċipazzjoni tad-dibattiti fil-mertu. F’dawn il-kawżi, l-atti inkwistjoni ma jesprimu l-ebda opinjoni proviżorja dwar l-eżistenża ta’ għajnuna jew dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Il-preżentazzjoni ta’ rikors għal annullament kontra l-att inkwistjoni ma għandhiex toħloq riskju ta’ konfużjoni tad-diversi fażijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.
120. Dan l-istħarriġ mill-bidu jippermetti li tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn Stat Membru jkollu jistenna l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali sabiex jinvoka, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra din tal-aħħar, l-illegalità tal-inġunzjoni. Fil-fatt, tali sitwazzjoni tirriskja li tikkomprometti l-andament regolari tal-proċedura amministrattiva kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.
121. Żewġ ipoteżi jippermettu li jispjegaw dan il-punt.
122. Fl-ewwel ipoteżi, nistgħu nimmaġinaw li l-Istat Membru ma jikkonformax mal-inġunzjoni minħabba li jikkunsidra, ġustament jew le, li r-regoli tal-proċedura ma ġewx osservati jew li l-informazzjoni mitluba hija sproporzjonata.
123. Fl-istennija tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-Istat Membru jkun jinsab fi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l-preżentazzjoni ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tikkostitwixxix il-mezz ta’ rikors approprjat biex tippermettilu li jeċċepixxi l-illegalità tal-inġunzjoni. Rigward il-Kummissjoni, hija għandha tadotta deċiżjoni li ma sserraħx fuq l-elementi kompleti u affidabli.
124. Fit-tieni ipoteżi, nistgħu nimmaġinaw li l-Istat Membru jsegwi l-inġunzjoni tal-Kummissjoni qabel ma jeċċepixxi l-illegalità tagħha fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali. Din is-sitwazzjoni ma tippermettix li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti kontra l-irregolaritajiet li setgħu vvizzjaw din l-inġunzjoni. Fil-fatt, ingħatat informazzjoni u din orjentat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Issa, f’ċerti każijiet, jista’ jidher diffiċli li jiġi evalwat l-impatt ta’ din l-informazzjoni fuq l-andament tal-proċedura. B’hekk, anki fil-każ fejn ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali jintlaqa’, m’iniex ċert li l-effetti kollha li timplika l-imsemmija inġunzjoni huma tali li jiġu kkanċellati.
125. Is-soluzzjoni li nipproponi, għalkemm twassal effettivament għal multiplikazzjoni ta’ rikorsi intermedjarji, ma għandhiex ixxekkel l-azzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-preżentazzjoni ta’ rikors għal annullament kontra att ma tneħħix l-obbligu, għad-destinatarju tiegħu, li jikkonforma miegħu, u dan fid-dawl tan-nuqqas ta’ effett sospensiv tar-rikors u sakemm l-imħallef għal miżuri proviżorji ma jkunx iddeċieda għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni (61).
126. Barra minn hekk, din is-soluzzjoni tidher li taqbel perfettament mal-prinċipji stabbiliti fil-kuntest tal-kontenzjuż tad-dritt tal-kompetizzjoni.
127. Fil-fatt, mit-testi kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta mingħajr ebda ekwivoku li t-talbiet għal informazzjoni fformulati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-istħarriġ tal-prattiki antikompetittivi jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkonstatati skont l-Artikolu 230 KE (62). Dawn it-talbiet għal informazzjoni ġew previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (63) qabel ma ġew ikkodifikati fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. L-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni għandha tkun neċessarja, kif għandha tkun dik mitluba matul il-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat. Issa, fil-kuntest ta’ kawża tad-dritt tal-kompetizzjoni, dan ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tivverifika jekk l-informazzjoni mitluba taqbiżx dak li hu neċessarju sabiex jippermetti lill-Kummissjoni li tidentifika l-ksur u li tiddetermina t-tul tiegħu kif ukoll iċ-ċirku tal-impriżi involuti (64).
128. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, inqis li l-att inkwistjoni għandu wkoll ikun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju.
129. Konsegwentament, inqis li l-att inkwistjoni jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.
130. Għalhekk, l-appelli ppreżentati mir-rikorrenti huma fundati u d-digrieti appellati għandhom, konsegwentement, jiġu annullati.
VI – Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tad-digrieti appellati
131. Skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament hi stess dwar il-kawża, meta din tkun għad trid tiġi deċiża.
132. Fil-kuntest tal-kawża C 475/10 P, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra r-rikors ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha, fid-dawl tal-iżviluppi li jippreċedu, tiġi rrifjutata. Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn dan l-Istat għandu b’hekk jiġi ġġudikat bħala ammissibbli.
133. Fil-kuntest tas-sentenza C 463/10 P, il-Kummissjoni invokat aggravju ieħor insostenn tal-eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn Deutsche Post, ibbażat fuq nuqqas ta’ locus standi ta’ din tal-aħħar.
134. Fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar dan l-aggravju.
A – A – L-argumenti tal-partijiet
135. Il-Kummissjoni ssostni li Deutsche Post ma hi la individwalment u lanqas direttament kkonċernata mill-att inkwistjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.
136. Rigward il-fatt li l-individwu jkun individwalment ikkonċernat, il-Kummissjoni tosserva li l-att inkwistjoni huwa indirizzat biss lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li ma joħloq l-ebda obbligu fuq Deutsche Post. F’dak li jikkonċerna l-fatt li l-individwu jkun ikkonċernat direttament, il-Kummissjoni ssostni li l-eżekuzzjoni tal-inġunzjoni tħalli setgħa diskrezzjonali lill-Istat Membru. Fil-fatt, huwa dan tal-aħħar li jiddetermina lil min hija indirizzata l-inġunzjoni u tiffissa l-mod kif tinkseb l-informazzjoni mitluba.
137. Deutsche Post tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet. Hija tqis li hija distinta b’mod individwali skont is-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni (65), peress li hija biss għandha l-informazzjoni mitluba u hija l-unika impriża li għandha tirrestitwixxi l-għajnuna inkwistjoni. Deutsche Post tqis ukoll li hi direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni, peress li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-inġunzjoni. Ma hemm l-ebda inċertezza possibbli dwar l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni, li toħroġ mill-att inkwistjoni mingħajr ma r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jkollha tadotta miżuri intermedjarji.
B – L-evalwazzjoni tiegħi
138. Kuntrarjament għall-Kummissjoni, inqis li Deutsche Post hija individwalment u direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni, b’mod li r-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa ammissibbli.
139. Din l-analiżi hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.
140. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni għandhom bħala destinatarji l-Istati Membri kkonċernati biss (66). Il-persuni fiżiċi jew il-persuni ġuridiċi li jixtiequ jippreżentaw rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet għandhom b’hekk juru li dawn jikkonċernawhom direttament u individwalment, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.
1. Fir-rigward tal-interess individwali ta’ Deutsche Post
141. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni barra dawk li huma d-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma individwalment ikkonċernati biss jekk din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari jew sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ persuna oħra u, b’hekk, tindividwalizzahom bl-istess mod bħalma jkun id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (67).
142. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, meta d-deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta dan l-att ġie meħud u skont kriterji proprji għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati mill-imsemmi att peress li jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (68).
143. Issa, f’dawn il-kawżi, huwa evidenti li Deutsche Post hija individwalizzata mill-att inkwistjoni. Il-proċedura miftuħa mill-Kummissjoni tikkonċerna espressament il-miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur din l-impriża u l-att inkwistjoni jitkellem speċifikament dwar l-ispejjeż jew id-dħul tal-imsemmija impriża matul dawn l-aħħar 20 sena. Dan l-att, sa fejn jobbliga lil Deutsche Post tipprovdi informazzjoni, jaffettwaha b’hekk b’mod partikolari.
144. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jien tal-fehma li Deutsche Post hija individwalment ikkonċernata mill-att inkwistjoni.
2. F’dak li jikkonċerna l-interess dirett ta’ Deutsche Post
145. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li tgħid li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att ikkontestat jirrikjedi ż-żewġ elementi li ġejjin, jiġifieri li dan l-att għandu jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu, billi jċaħħdu minn dritt jew jimponilu obbligu, u li ma jħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implementazzjoni tiegħu. Għalhekk, din il-kundizzjoni għandu jkollha natura purament awtomatika u għandha tirriżulta biss mir-regolament tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji (69).
146. F’dan il-każ, jidhirli li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma sodisfatti.
147. L-ewwel nett, inqis li l-att inkwistjoni jġib, minnu nnifsu, konsegwenzi diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika ta’ Deutsche Post. Billi jeżiġi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tikkomunika informazzjoni kollha dwar l-ispejjeż u d-dħul tal-impriża sa mill-1989, dan l-att jobbliga lil Deutsche Post sabiex titrażmetti din id-data, li tinsab fil-pussess tagħha biss. L-att inkwistjoni jqiegħed lil din l-impriża f’sitwazzjoni analoga għal dik tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. B’hekk, minkejja li l-inġunzjoni hija indirizzata lill-Istat Membru, din tikkostitwixxi, fir-realtà, intermedjarju bejn il-Kummissjoni u l-impriża suġġett tal-investigazzjoni (70).
148. It-tieni nett, nemmen li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fl-eżekuzzjoni tal-att inkwistjoni.
149. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każ fejn att komunitarju jkun indirizzat lil Stat Membru minn istituzzjoni, jekk l-azzjoni li għandu jieħu l-Istat Membru sabiex jeżegwixxi dan l-att tkun ta’ natura awtomatika jew jekk, b’mod jew ieħor, il-konsegwenzi tal-imsemmi att huma vinkolanti mingħajr ekwivoku, dan jikkonċerna b’hekk direttament kull persuna li hija affettwata minn din l-azzjoni (71).
150. Fil-każ fejn teżisti miżura nazzjonali ta’ eżekuzzjoni li tapplika bejn l-att ikkontestat u r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dan ma huwiex, fih innifsu, fattur ta’ inammissibbiltà tar-rikors jekk din il-miżura hija ta’ natura purament awtomatika jew jekk is-sens tagħha huwa prevedibbli u jista’ jiġi dedott mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (72). Il-Qorti tal-Ġustizzja, pereżempju, ddeċidiet li tali kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq. Minkejja l-eżistenza ta’ marġni ta’ manuvra fl-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punti 59 sa 63 tal-imsemmija sentenza, li l-awtoritajiet nazzjonali ma jgawdu mill-ebda setgħa diskrezzjonali li tikkonċerna r-riżultat li għandu jinkiseb, peress li dan kien iddeterminat biss minn dan l-att (73).
151. Issa, f’dawn il-kawżi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għandha l-ebda marġni ta’ manuvra fl-eżekuzzjoni tal-att inkwistjoni. Dan l-att huwa ta’ natura deċiżiva u jobbliga lil dan l-Istat Membru li jaġixxi fis-sens iddeterminat mill-Kummissjoni, jiġifieri, fi kliem ieħor, li jagħti l-informazzjoni kollha mitluba mill-istituzzjoni u dan ikun xi jkun il-mezz użat.
152. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li Deutsche Post hija direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni.
153. Għal dawn ir-raġunijiet, jien tal-fehma li r-rikors għal annullament ippreżentat minn Deutsche Post huwa ammissibbli u li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra l-imsemmi rikors għandha tiġi miċħuda.
154. F’dan il-każ, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrinvija ż-żewġ kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-konklużjonijiet ta’ Deutsche Post u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-annullament tal-att inkwistjoni.
VII – Konklużjoni
155. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi b’dan il-mod:
– tannulla d-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Lulju 2010, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T 570/08) u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T 571/08);
– tiċħad bħala infundati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;
– tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ Deutsche Post AG u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta’ Ottubru 2008 li tordna lil dan l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni dwar id-dħul u l-ispejjeż ta’ Deutsche Post AG għall-perijodu bejn l-1989 u l-2007, u
– tirriżerva l-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Iktar ’il quddiem, “Deutsche Post”.
3 – Iktar ’il quddiem, id-“digrieti appellati”.
4 – Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speciali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) iktar ’il quddiem, ir-“Regolament”).
5 – Iktar ’il quddiem, l-“att ikkontestat”.
6 – Il-premessa 2 tar-Regolament.
7 – Deċiżjoni 2002/753/KE dwar miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post AG (ĠU L 247, p. 27).
8 – Għajnuna mill-Istat C 36/07 (ex NN 25/07) (ĠU C 245, p. 21).
9 – Sentenza Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T‑266/02, Ġabra p. II‑1233).
10 – Fl-appelli tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw dan il-punt.
11 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, Ġabra p. I-7831).
12 – Digrieti ċċitati iktar ’il fuq Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (punti 24 u 25) kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (punti 22 sa 24).
13 – 60/81, Ġabra p. 2639, punt 10.
14 – C‑521/06 P, Ġabra p. I‑5829, punt 46.
15 – Digrieti ċċitati iktar ’il fuq Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (punti 28 u 29) kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (punti 27 u 28).
16 – Digrieti ċċitati iktar ’il fuq Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (punti 30 sa 32) kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (punti 29 sa 31).
17 – Digrieti iċċitati iktar’il fuq Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (punti 33 sa 37) kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (punti 32 sa 36).
18 – Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑400/99, Ġabra p. I‑7303).
19 – Digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punti 37 u 38).
20 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 9).
21 – Ara, dwar id-deċiżjoni li jintagħżel ġuri ta’ konkors ġenerali, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T‑32/89 u T‑39/89, Ġabra p. II‑281, punt 21), kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 1993, Camara Alloisio et vs Il-Kummissjoni (T‑17/90, T‑28/91 u T‑17/92, Ġabra p. II‑841, punt 39).
22 – Punt 23.
23 – Deutsche Post tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni (C‑324/90 u C‑342/90, Ġabra p. I‑1173).
24 – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑400/99, Ġabra p. I‑3657, punti 15 sa 18).
25 – Sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12).
26 – Ir-rikorrenti jsemmu, rispettivament, il-punt 46 tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u l-punt 45 tad-digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq.
27 – Regolament tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).
28 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, (22/70, Ġabra p. 263, punt 42).
29 – Punti 9 sa 12.
30 – Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010 (C‑322/09 P, Ġabra p. I-11911, punti 45 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi AETR, iċċitata iktar ’il fuq (punt 42); IBM vs Il-Kummissjoni (punt 9) kif ukoll is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑147/96, Ġabra p. I‑4723, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, għal applikazzjoni reċenti, id-digriet tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni (C-163/06 P, Ġabra p. I‑5127, punt 40).
32 – Sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27).
33 – Huwa wkoll il-każ fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-prattiċi antikompetittivi, organizzata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speciali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
34 – Ara b’mod partikolari, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ għoti ta’ għajnuna, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni (C‑198/91, Ġabra p. I‑2487), u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C‑225/91, Ġabra p. I‑3203).
35 – Ara s-sentenzi NDSHT vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq (punti 45 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din l-ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq is-sustanza tal-att kif ukoll fuq l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-att ta’ klassifikazzjoni amministrattiva tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ min iressaq l-ilment, peress li dan isib ruħu mċaħħad mill-possibbiltà li jagħmel osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li tinsab fl-Artikolu 88(2) KE.
36 – Sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 11).
37 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989 (46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859).
38 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1989 (374/87, Ġabra p. 3283).
39 – Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.
40 – Ibidem (punti 59, 60, 62 u 63).
41 – Sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12).
42 – Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63).
43 – Ara s-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12).
44 – Punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.
45 – Fis-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li rikors kontra l-bidu ta’ proċedura u kontra komunikazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ma hijiex kompatibbli mas-sistema ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja (punt 20).
46 – Suġġett għas-setgħat mogħtija lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 88(2) KE.
47 – Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141, 1162), kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punti 73 u 74).
48 – Il-Kummissjoni tista’ wkoll taġixxi meta l-Istat Membru jonqos mill-obbligu tiegħu li jinnotifika u li hija tkun informata bl-eżistenza ta’ għajnuna allegatament illegali bl-intermedjarju, pereżempju, ta’ ilment mill-kompetituri.
49 – Enfażi miżjuda minni.
50 – Ara l-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament.
51 – C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punti 19 u 22. Ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
52 – Sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 19 u 20).
53 – Punti 51, 59, 60 u 63.
54 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑304/09, Ġabra p. I-13903, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 – Enfażi miżjuda minni.
56 – Ara, b’mod partikolari, is-setgħa ta’ investigazzjoni msemmija fl-Artikoli 18 sa 21 ta’ dan ir-Regolament (talba għal informazzjoni, setgħa ta’ ġbir ta’ dikjarazzjonijiet u setgħat fil-qasam tal-ispezzjonijiet).
57 – Ara s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22).
58 – Punti 42 tad-digrieti appellati.
59 – Enfażi miżjuda minni.
60 – Idem.
61 – Ara l-Artikolu 242 KE.
62 – Ara s-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T‑112/98, Ġabra p. II‑729).
63 – Din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi l-osservanza ta’ proċedura f’żewġ fażijiet [ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il-Kummissjoni (136/79, Ġabra p. 2033, punt 10)] analoga għal dik prevista fl-Artikolu 10 tar-Regolament.
64 – Ara s-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 15).
65 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963 (25/62, Ġabra p. 197).
66 – Sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 45).
67 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).
68 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki‑Patraiki et vs Il-Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207, punt 31); Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60), kif ukoll Il-Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 71).
69 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
70 – Nirreferi għat-termini espressi mill-professur G. Isaac li jikkunsidra li “ir-rikorrent huwa direttament ikkonċernat biss jekk l-att ikkontestat għandu minnu nnifsu l-effett immedjat li jċaħħdu minn dritt jew li jimponilu obbligu, b’tali mod li jpoġġih f’sitwazzjoni analoga għal dik li kieku kien id-destinatarju tiegħu” (G. Isaac, Droit communautaire général, is-7 edizzjoni, Colin, Pariġi, 1999, p. 266).
71 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni (C‑386/96 P, Ġabra p. I‑2309, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2002, Japan Tobacco u JT International vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑223/01, Ġabra p. II‑3259, punt 46).
72 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il-Kummissjoni (41/70 sa 44/70, Ġabra p. 411, punt 25), kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 1971, Bock vs Il-Kummissjoni (62/70, Ġabra p. 897, punti 7 u 8).
73 – Jekk, min-naħa l-oħra, l-att ikkontestat iħalli għażla vera lill-Istat Membru destinatarju, fejn dan ikollu l-possibbiltà li jaġixxi jew li ma jaġixxix jew ma jkunx obbligat jaġixxi f’sens partikolari, allura l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li individwu ma jistax ikollu locus standi sabiex jikkontestah. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Franza vs Comafrica et (C‑73/97 P, Ġabra p. I‑185). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3190/93, tad-19 ta’ Novembru 1993, li jistabbilixxi koeffiċjenti uniformi ta’ tnaqqis sabiex tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ banana li għandha tiġi attribwita lil kull operatur fil-kategoriji A u B fil-kuntest tal-kontinġent tariffarju għall-1994 (ĠU L 285, p. 28), ma jikkonċernax direttament lill-operaturi, peress li, fir-realtà huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jistabbilixxu b’mod definittiv il-kwantitajiet ta’ banana li kellhom dritt jimportaw matul dan il-perijodu, abbażi ta’ dan ir-regolament.
Full & Egal Universal Law Academy