KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
YVES BOT
ippreżentati fl-14 ta’ Lulju 2011 (1)
Kawża C‑474/10
Department of the Environment for Northern Ireland
vs
Seaport (NI) Ltd,
Magherafelt district Council et
[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal in Northern Ireland (ir-Renju Unit)]
“Direttiva 2001/42/KE – Stima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Proċedura ta’ konsultazzjoni – Nomina tal-awtoritajiet inkarigati minn responsabbiltajiet ambjentali – Termini stabbiliti għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni”
1. Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (2) teżiġi li ċerti pjanijiet u programmi pubbliċi jkunu s-suġġett ta’ stima ambjentali qabel l-adozzjoni tagħhom. Din l-istima tinkludi l-konsultazzjoni tal-pubbliku u ta’ entitajiet inkarigati minn responsabbiltajiet ambjentali, mill-awtorità responsabbli għall-preparazzjoni tal-pjan.
2. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Seaport (NI) Ltd kif ukoll Magherafelt district Council et u d-Department of the Environment for Northern Ireland (Ministeru tal-Ambjent) dwar il-proċedura ta’ konsultazzjoni li ġiet adottata fil-kuntest tal-preparazzjoni ta’ abbozzi ta’ pjanijiet ta’ żvilupp reġjonali fl-Irlanda ta’ fuq.
3. Din it-talba tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċċara żewġ metodi marbuta mal-implementazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. L-ewwel wieħed, imsemmi fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, jirrigwarda n-nomina tal-awtoritajiet konsultattivi. Fil-fatt, fil-kawża preżenti, id-Department of the Environment for Northern Ireland huwa kemm l-awtorità responsabbli mill-pjan inkwistjoni, kif ukoll l-awtorità nnominata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. Għalhekk, titqajjem il-kwistjoni dwar jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru huwiex obbligat li jinnomina awtorità konsultattiva ġdida, li hija distinta u indipendenti mill-ewwel waħda.
4. It-tieni metodu, imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, jirrigwarda t-terminu stabbilit għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. Il-kwistjoni li titqajjem hija dwar jekk dan it-terminu jistax jiġi stabbilit, każ b’każ, mill-awtorità responsabbli mill-pjan jew mill-programm, jew huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tad-direttiva.
5. Għar-raġunijiet li jiena sejjer niżviluppa fil-każ preżenti, nikkunsidra li implementazzjoni kredibbli u effettiva tad-direttiva teżiġi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru għandu jinnomina awtorità konsultattiva ġdida, li hija distinta u indipendenti mill-awtorità responsabbli għall-preparazzjoni tal-pjan. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, xejn ma jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li t-terminu stabbilit għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni jiġi ddeterminat każ b’każ mill-awtorità responsabbli għall-pjan, bil-kundizzjoni, madankollu, li dan it-terminu jkun adegwat sabiex jagħti lill-awtoritajiet u lill-pubbliku li jiġu kkonsultati possibbiltà reali li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-abozz ta’ pjan.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva
6. L-għan essenzjali tad-Direttiva, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, jikkonsisti fis-sottomissjoni għal stima ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, waqt it-tfassil tagħhom u qabel ma jiġu adottati. B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent skont l-Artikoli 174 KE u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
7. Id-Direttiva tistabbilixxi qafas minimu ta’ stima ambjentali, filwaqt li tħalli lill-Istati Membri l-kompitu li jiddefinixxu r-regoli proċedurali fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà (3).
8. Skont l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva, stima ambjentali tinkludi t-tħejjija ta’ rapport fuq l-effetti ambjentali (li jindika l-effetti kunsiderevoli probabbli fuq l-ambjent u s-soluzzjonijiet alternattivi ragonevoli) kif ukoll iż-żamma ta’ konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet inkarigati mill-kwistjonijiet ambjentali, mal-pubbliku u ma’ Stati Membri oħra fil-każ ta’ effetti transkonfinali kunsiderevoli. Ir-rapport fuq l-effetti ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel l-adozzjoni tal-pjan jew tal-programm. Ladarba dan il-pjan jew dan il-programm jiġi adottat, l-awtoritajiet inkarigati mill-kwistjonijiet ambjentali, il-pubbliku kif ukoll kwalunkwe Stat Membru kkonsultat, għandhom jiġu infurmati u l-informazzjoni rilevanti għandha tkun għad-dispożizzjoni tagħhom
9. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni hija msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva. Din id-dispożizzjoni hija miktuba kif ġej:
“1. L-abbozz tal-pjan jew il-programm u r-rapport dwar l-ambjent ippreparati skont l-Artikolu 5 għandhom ikunu mqiegħda għad-disposizzjoni tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-pubbliku.
2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 u l-pubbliku imsemmi fil-paragrafu 4 għandhom jingħataw opportunità bikrija u effettiva f’limitu ta’ żmien li jkun xieraq sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan jew il-programm jew is-sottomissjoni tiegħu għall-proċedura leġislattiva.
3. L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet li għandhom ikunu kkonsultati li, permezz tar-responsabbiltajiet ambjentali speċifiċi tagħhom, x’aktarx ikunu milquta mill-effetti ambjentali ta’ l-implimentazzjoni tal-pjanijiet jew il-programmi.
4. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-pubbliku għall-finijiet tal-paragrafu 2, inkluż il-pubbliku milqut jew li x’aktarx ikun milqut minn, jew li jkollu nteress fit-teħid tad-deċiżjonijiet […].
5. L-aranġamenti ddettaljati għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet u mal-pubbliku għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.”
B – It-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali
10. Id-direttiva ġiet trasposta permezz tar-Regolament tal-2004 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent [Environmental Assessment of Plans and Programmes Regulations (Northern Ireland) 2004, aktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2004”].
11. L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-2004 jittrasponi l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar in-nomina tal-awtoritajiet konsultattivi. Dan l-artikolu 4 huwa fformulat kif ġej:
“1. Bla ħsara għall-paragrafu 2, id-Department of the Environment for Northern Ireland huwa l-korp kosultattiv […].
2. Jekk, f’mument speċifiku, id-Department of the Environment for Northern Ireland ikun l-awtorità responsabbli għal pjan jew programm, huma ma għandux jeżerċita fl-istess ħin il-funzjonijiet ta’ korp konsultattiv previsti mir-Regolament [tal-2004] fir-rigward ta’ dak il-pjan jew dak il-programm […]”
12. L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-2004 jittrasponi l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar it-termini stabbiliti għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. Dan l-Artikolu 12 jipprovdi:
“(1) Kull abbozz ta’ pjan jew ta’ programm li fir-rigward tiegħu jkun ġie ppreparat rapport fuq l-effetti ambjentali […] u r-rapport fuq l-effetti ambjentali li jakkompanjah […] għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-korp konsultattiv u tal-pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-artikolu preżenti.
(2) Malajr kemm jista’ jkun wara l-preparazzjoni tagħhom, l-awtorità responsabbli għandha tibgħat lill-korp konsultattiv kopja tad-dokumenti rilevanti u tistiednu jagħti l-opinjoni tiegħu fuqhom f’terminu definit.
(3) L-awtorità responsabbli għandha wkoll:
(a) f’terminu ta’ erbatax–il ġurnata wara l-preparazzjoni tad-dokumenti rilevanti, tippubblika skont il-paragrafu (5), jew tissorvejla l-publikazzjoni ta’ nota li:
(i) tindika t-titolu tal-pjan, tal-programm jew tat-tibdil;
(ii) tindika l-indirizz (li jista’ jinkludi sit tal-internet) li minnu tista’ tiġi kkonsultata jew tinġieb kopja tad-dokumenti rilevanti;
(iii) tipproponi li jingħataw opinjonijiet fuq id-dokumenti rilevanti;
(iv) tindika l-indirizz fejn jistgħu jintbagħtu l-opinjonijiet u t-terminu stabbilit għal dan il-għan;
(b) iżżomm kopja tad-dokumenti rilevanti disponibbli fis-sede tagħha sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu kkonsultati mill-pubbliku fil-ħinijiet ta’ ftuħ normali u mingħajr ħlas, u
(ċ) tippubblika kopja tad-dokumenti rilevanti fis-sit internet tal-awtorità
(4) It-termini msemmija fil-paragrafi 2 u 3(a)(iv) għandhom ikunu ta’ natura li joffru lill-persuni li fir-rigward tagħhom l-invit ikun miftuħ, possibbiltà reali li jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq id-dokumenti rilevanti fi stadju bikri.
[…]”
II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali
13. Meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali, id-Department of the Environment for Northern Ireland kien kompost minn erba’ aġenziji, fosthom is-servizz tal-ippjanar u s-servizz tal-ambjent u tal-patrimonju (4).
14. Matul il-preparazzjoni tal-proġetti “Northern Area Plan 2016” u “Magherafelt Area Plan 2015”, is-servizz tal-ippjanar ħadem mill-qrib ħafna mas-servizz tal-ambjent u tal-patrimonju. Dan tal-aħħar ipprovda informazzjoni, kif ukoll opinjoni, dwar il-kontenut tal-proġetti inkwistjoni.
15. Għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, id-Department of the Environment for Northern Ireland ippreżenta lill-pubbliku kif ukoll lis-servizz tal-ambjent u l-patrimonju tiegħu u lil awtoritajiet pubbliċi oħra l-abbozz “Northern Area Plan 2016” u r-rapport fuq l-effetti ambjentali. Ġie stabbilit terminu ta’ tmien ġimgħat għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet. Id-Department of the Environment for Northern Ireland irċieva 5 250 osservazzjoni mill-pubbliku dwar l-abbozz tal-pjan, kif ukoll 4 osservazzjonijiet fuq ir-rapport dwar l-effetti ambjentali. Fost dawn tal-aħħar, 49 osservazzjoni ġew ippreżentati minn Seaport (NI) Ltd, li waħda minnhom kienet marbuta mal-kontenut ta’ dan ir-rapport u l-iżvolġiment tal-istima ambjentali.
16. Fir-rigward tal-abbozz “Magherafelt Area Plan 2015” u r-rapport fuq l-effetti ambjentali, dawn ġew ikkomunikati lis-servizz tal-ambjent u tal-patrimonju kif ukoll lil korpi interessati oħra. Id-Department of the Environment for Northern Ireland stedinhom biex jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ta’ sitt ġimgħat. Dan irċieva madwar 5 300 osservazzjoni dwar l-abbozz tal-pjan u 5 ossservazzjonijiet dwar ir-rapport fuq l-effetti ambjentali.
17. Matul ix-xahar ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2005, Seaport (NI) Ltd kif ukoll Magħerafelt district Council et, rispettivament ippreżentaw rikors quddiem il-High Court of Justice in Northern Ireland (ir-Renju Unit) fejn ikkunisdraw li l-istima ambjentali dwar l-abbozzi ta’ pjanijiet inkwistjoni ma kinitx twettqet b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva.
18. F’kull waħda minn dawn iż-żewġ proċeduri, il-High Court of Justice in Northern Ireland iddeċidiet li l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-2004 ma kienx ittraspona korrettament ir-rekwiżit impost mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, li tiġi nnominata awtorità konsultattiva ġdida meta d-Department of the Environment for Northern Ireland ikun ukoll l-awtorità responsabbli għall-pjan. Bl-istess mod, hija kkunsidrat li l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-2004 ma ttrasponiex b’mod xieraq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, peress li ma stabbilixxiex terminu speċifiku li fih għandhom jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet.
19. Id-Department of the Environment for Northern Ireland ippreżenta rikors quddiem il-Court of Appeal in Northern Ireland (ir-Renju Unit).
III – Id-domandi preliminari
20. Peress li kkunsidrat li kienet meħtieġa interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar din il-kawża, il-Court of Appeal in Northern Ireland iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi prelminari li ġejjin:
“1) Sabiex id-Direttiva […] tiġi interpretata b’mod korrett, meta awtorità nazzjonali li telabora pjan li jaqa’ taħt l-Artikolu 3 hija l-awtorità inkarigata b’responsabbiltà ambjentali ġenerali fl-Istat Membru, huwa possibbli għall-Istat Membru li jirrifjuta li jinnomina, skont l-Artikolu 6(3), awtorità li għandha tkun ikkonsultata għall-finijiet tal-Artikoli 5 u 6?
2) Sabiex din id-direttiva tiġi interpretata b’mod korrett, meta l-awtorità nazzjonali li telabora [tipprepara] pjan li jaqa’ taħt l-Artikolu 3 hija wkoll inkarigata b’responsabbiltà ambjentali ġenerali fl-Istat Membru, dan l-Istat Membru għandu jiggarantixxi li jeżisti korp konsultattiv li [għandu] jiġi nnominat u li huwa distint minn din l-awtorità?
3) Sabiex din id-direttiva tiġi interpretata b’mod korrett, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 6(2) jista’, sabiex l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(3) u l-pubbliku msemmi fl-Artikolu 6(4) ikollhom l-opportunità effettiva li jesprimu fi stadju bikri l-opinjoni tagħhom ‘f’limitu ta’ żmien li jkun xieraq’, jiġi traspost minn regoli li jipprovdu li l-awtorità inkarigata bl-elaborazzjoni [preparazzjoni] tal-pjan għandha tistabbilixxi f’kull każ it-terminu li fih għandhom jiġu espressi l-opinjonijiet, jew inkella r-regoli li jittrasponu d-direttiva għandhom jispeċifikaw huma stess terminu, jew termini differenti f’ċirkustanzi differenti, li fihom għandhom jiġu espressi dawn l-opinjonijiet?”
IV – Analiżi
A – Fuq l-ewwel u t-tieni domandi
21. Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, Stat Membru huwiex obbligat li jinnomina awtorità ġdida inkarigata minn kwistjonijiet ambjentali, meta dik ikkuntemplata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal dan l-iskop tkun l-istess awtorità responsabbli mill-preparazzjoni tal-pjan jew tal-programm inkwistjoni. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din l-awtorità l-ġdida għandhiex tkun distinta mill-awtorità responsabbli mill-preparazzjoni tal-pjan jew tal-programm.
22. Il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tad-Danimarka kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jipproponu li l-ewwel żewġ domandi għandhom jingħataw risposta negattiva.
23. Fis-sustanza, il-Gvernijiet tar-Renju Unit u tad-Danimarka jikkunsidraw li d-direttiva twettaq armonizzazzjoni minima tal-proċeduri ta’ stima ambjentali. Barra minn hekk, l-Istati Membri ma humiex marbuta li joħolqu entità ġdida, li hija distinta u indipendenti minn dik ikkuntemplata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-każ preżenti, il-kollaborazzjoni tas-servizzi tal-ambjent u tal-ippjanar tad-Department of the Environment for Northern Ireland ippermettiet li r-riżultati imfittxija mid-direttiva jintlaħqu kemm fir-rigward tat-trasparenza tal-proċess ta’ teħid deċiżjonali kif ukoll fir-rigward tan-natura eżawrijenti u affidabbli tad-data ambjentali. Minħabba r-responsabbiltajiet li għandu, id-Department of the Environment for Northern Ireland jiżgura li l-effett ambjentali tal-pjan ikun debitament meħud inkunsiderazzjoni u li l-interessi privati ma jkunux meħuda inkunsiderazzjoni għad-detriment tal-interess pubbliku.
24. Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għad-diverġenzi li jeżistu fl-organizzazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri. Ċerti Stati Membri huma f’pożizzjoni li jinnominaw diversi awtoritajiet għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. Min-naħa l-oħra, oħrajn, bħal Gran Dukat ta’ Lussemburgu jew ir-Repubblika ta’ Malta, jaffaċċjaw diffikultajiet biex jinnominaw awtorità ġdida li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, u dan fid-dawl tad-daqs tagħhom. Barra minn hekk il-Kummisssjoni tirrileva li xejn fil-formulazzjoni tad-Direttiva ma jissuġġerixxi li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru huwa marbut li jinnomina awtorità ġdida. Li kieku dan kien il-każ, il-Kummissjoni tinnota li entità daqstant artifiċjali ma tkunx f’pożizzjoni li tagħti informazzjoni utli.
25. Jiena ma naqbilx mal-osservazzjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Għar-raġunijiet li sejjer niżviluppa fil-każ preżenti, jiena naħseb li Stat Membru, li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jeżonera ruħu mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva minħabba li l-awtorità responsabbli mill-preparazzjoni tal-pjan hija wkoll l-awtorità nnominata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. F’tali sitwazzjoni, jiena nikkunsidra li implementazzjoni kredibbli u effettiva tad-Direttiva teħtieġ li dan l-Istat Membru jinnomina awtorità konsultattiva ġdida, li hija distinta u indipendenti mill-ewwel waħda.
26. Din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq in-natura u l-portata tal-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll fuq l-għanijiet imfittxa minnu.
27. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni, prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva hija intiża sabiex tiggarantixxi d-dritt ta’ kull persuna li tgħix f’ambjent li jista’ jiżgura s-saħħa u l-benesseri tagħha, skont l-Artikoli 174 KE u 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
28. B’hekk hija tiżgura d-dritt ta’ kulħadd li jipparteċipa fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet meta dawn tal-aħħar ikollhom impatt fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni bbaża ruħu fuq l-obbligi imposti fuq l-Unjoni fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, magħrufa bħala l-“Konvenzjoni ta’ Aarhus” (5). Infakkar li l-Konvenzjoni Aarhus għandha l-għan li tiggarantixxi d-dritt tal-pubbliku li jipparteċipa fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ambjentali u, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-pjanijiet u l-programmi dwar l-ambjent (6). Madankollu, il-konsultazzjoni ma hijiex biss dritt. Hija wkoll obbligu, li jikkonsisti fil-protezzjoni u fit-titjib tal-kwalità tal-ambjent billi jiġu espressi preokkupazzjonijiet u billi tingħata għajnuna lill-awtoritajiet responsabbli mill-preparazzjoni ta’ pjanijiet biex jieħdu tali preokkupazzjonijiet debitament inkunsiderazzjoni u biex jadottaw l-aħjar deċiżjonijiet.
29. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kollha huma xhieda tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrispetta dawn id-drittijiet. Dan tal-aħħar jistabbilixxi kuntest proċedurali li jippermetti li jiġi żgurat li, f’kull wieħed mill-istadji ta’ preparazzjoni u tal-adozzjoni tal-pjan, jittieħdu realment inkunsiderazzjoni l-preokkupazzjonijiet ambjentali tal-awtoritajiet u tal-persuni kkonċernati mill-effetti ta’ dawn il-proġetti. B’mod partikolari, l-għan huwa li jiġi żgurat li l-informazzjoni mogħtija għall-finijiet tal-istima ambjentali tkun eżawrjenti u affidabbli (7).
30. Il-konsultazzjoni tal-awtoritajiet testendi ruħha sa mill-ewwel stadji tat-tfassil tal-pjan, sal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, huma għandhom jiġu mismugħa, l-ewwel nett, dwar il-ħtieġa li ssir stima ambjentali għall-pjan inkwistjoni (Artikolu 3(6) tad-Direttiva). L-awtoritajiet għandhom, sussegwentement, jagħtu d-deċiżjoni tagħhom dwar il-portata u l-livell ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni li r-rapport fuq l-effetti ambjentali għandu jinkludi (Artikolu 5(4) tad-Direttiva). Finalment, huma għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq dan ir-rapport kif ukoll fuq l-abozz ta’ pjan jew ta’ programm (Artikolu 6(2) tad-Direttiva).
31. Għalhekk, il-proċedura ta’ konsultazzjoni għandha l-karatteristika partikolari li tikseb opinjoni fondata min-naħa ta’ awtorità kompetenti fil-qasam ambjentali u li hija, fuq kollox, direttament ikkonċernata mill-effetti tal-pjan fuq l-ambjent. Din il-proċedura għandha tippermetti li, f’kull wieħed mill-istadji, tingħata opinjoni mhux biss fuq il-ħtieġa li ssir stima ambjentali, iżda wkoll fuq il-kontenut stess tar-rapport dwar l-effetti ambjentali u tal-abbozz ta’ pjan. L-awtorità nnominata għall-finijiet tal-konsultazzjoni għandha għalhekk tkun f’pożizzjoni li tagħti informazzjoni attwali u utli. Hija għandha tkun wkoll kapaċi li tikkritika l-evalwazzjonijiet u l-għażliet magħmula mill-awtorità responsabbli mill-preparazzjoni tal-pjan, billi tissuġġerixxi, abbażi tal-għarfien u tal-kompetenzi tagħha, emendi u soluzzjonijiet alternattivi.
32. Għalhekk, l-uniku mod li bih tista’ tiġi ggarantita l-kredibbiltà u l-effettività tal-proċedura ta’ konsultazzjoni huwa li din l-awtorità tkun entità distinta u indipendenti mill-awtorità ta’ ppjanar. Hekk kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, “huwa ċar li korp ma jistax jikkonsulta miegħu nnifsu” [traduzzjoni mhux ufficiali]. Bl-istess mod kif individwu ma jistax ikun imħallef u parti għal proċedura, awtorità pubblika ma tistax tiġi kkonsultata dwar l-effetti ta’ pjan li jorigina minnha stess.
33. Fl-opinjoni tiegħi, ammissjoni kuntrarja ċċaħħad il-proċedura ta’ konsultazzjoni minn kwalunkwe effettività u tostakola t-twettiq tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
34. Fil-fatt, id-Department of the Environment for Northern Ireland ma jistax, bl-istess mod li bih jipprepara l-pjan tiegħu, jagħmel kritika kostruttiva fir-rigward tal-abbozz tiegħu u jipproponi soluzzjonijiet alternattivi minbarra l-għażliet li huwa jkun diġà għamel. Barra minn hekk, għalkemm huwa effettivament wieħed mill-awtoritajiet l-iktar kapaċi li jiddefendu l-interessi ambjentali, xorta jibqa’ l-fatt li huwa għandu jkun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-opinjonijiet u l-preokkupazzjonijiet li jistgħu, pereżempju, jiġu espressi minn istituti iktar speċjalizzati jew minn awtoritajiet lokali kkonċernati mill-effetti tal-pjan minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jiġi rrilevat li l-kompetenzi tad-Department of the Environment for Northern Ireland ma pprekludewx lill-pubbliku kkonċernat milli jippreżenta iktar minn 5 250 osservazzjoni dwar l-abbozz “Northern Area Plan 2016” u iktar minn 5 300 osservazzjoni dwar l-abbozz “Magherafelt Area Plan 2015”. Għalhekk, id-Department of the Environment for Northern Ireland ma jistax jeżonera ruħu mill-obbligu li jikkonsulta awtorità oħra inkarigata minn kwistjonijiet ambjentali mingħajr ma jaqta’ barra mid-direttiva parti sostanzjali tagħha.
35. Sabiex tiġi żgurata implementazzjoni kredibbli u utli tad-Direttiva, naħseb għalhekk li huwa indispensabbli li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru għandu, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, jinnomina awtorità ġdida għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, li hija distinta u indipendenti mill-awtorità responsabbli għall-preparazzjoni tal-pjan.
36. Fil-fehma tiegħi, tali obbligu ma jimponix piż li ma jistax jinġarr mill-Istati Membri li, minħabba d-daqs tagħhom, ma għandhomx netwerk kbir ta’ awtoritajiet pubbliċi inkarigati minn responsabbilitajiet ambjentali.
37. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva hija wiesgħa. Skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva, hija tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv fl-organizzazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni ambjentali (8).
38. B’hekk, mill-punt 7.11 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni (9) jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jinnominaw awtoritajiet tal-Gvern jew pubbliċi li jaġixxu fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Dawn jistgħu jkunu awtoritajiet ikkonċernati mill-effetti tal-implementazzjoni tal-pjan fuq l-ambjent, bħall-entitajiet ta’ ispezzjoni ambjentali, l-istituti ta’ riċerka li jwettqu xogħol ta’ ordni publiku jew saħansitra s-servizzi tal-Gvern. Skont il-punt 7.15 tal-Linji Gwida, dawn jistgħu jkunu wkoll awtoritajiet li għandhom responsabbiltajiet ta’ natura iktar ġenerali fil-qasam ambjentali, bħalma huma “l-awtoritajiet lokali ta’ viċinanza”.
39. L-Istati Membri huma wkoll liberi li jiddeterminaw il-metodu ta’ nominazzjoni tal-awtoritajiet konsultattivi. Skont il-Linji Gwida, dawn l-awtoritajiet jistgħu jiġu nnominati fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni, li huwa l-każ fil-kawża preżenti. L-Istati Membri jistgħu wkoll jippreferu approċċ każ b’każ, li jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-pjan jew tal-programm (10). F’din ipoteżi, l-Istat Membru jista’ effettivament jieħu inkunsiderazzjoni l-identità tal-awtorità responsabbli għall-pjan biex, għall-finijiet tal-istima ambjentali, jaħtar awtorità konsultattiva ġdida.
40. Kemm il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, kif ukoll l-interpretazzjoni mogħtija lilu mill-Kummissjoni jħallu lil wieħed jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom portata ta’ azzjoni adegwata biex jadottaw proċedura ta’ natura li tiżgura implementazzjoni utli u kredibbli tad-Direttiva. F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiena nikkunsidra li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jista’ jilħaq dan il-għan billi jinnomina, pereżempju, għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni inkwistjoni, awtorità lokali li tista’ tkun ikkonċernata mill-effetti ambjentali tal-pjan (11).
41. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena għalhekk tal-fehma li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità responsabbli mill-pjan hija wkoll l-awtorità nnominata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, l-Istat Membru huwa marbut li jinnomina awtorità konsultattiva ġdida, li għandha tkun distinta u indipendenti mill-ewwel waħda.
B – Fuq it-tielet domanda
42. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva jipprekludix li t-terminu stabbilit għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni jiġi ddeterminat, każ b’każ, mill-awtorità responsabbli mill-preparazzjoni tal-pjan
43. Fil-kawża prinċipali, il-High Court of Justice in Northern Ireland fil-fatt ikkunsidrat li, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, l-Istati Membri għandhom ikunu marbuta li jippreċiżaw dan it-terminu fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni u ma jistgħux jiddelegaw lill-awtorità responsabli mill-pjan ir-responsabbiltà li tistabbilixxih każ b’każ.
44. Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li t-termini mogħtija għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni ma għandhomx ikunu neċessarjament iddefiniti fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li xejn fil-formulazzjoni tad-Direttiva, u lanqas xi prinċipju legali ieħor, ma jirrikjedu lill-Istati Membri li, fil-kuntest tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni tagħhom, jistabbilixxu terminu preċiż għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. Huwa biżżejjed li dan it-terminu jiġi determinat fil-mument tal-konsultazzjoni.
45. Bħall-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li t-terminu stabbilit għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għandu jiġi stabbilit każ b’każ mill-awtorità responsabblli mill-pjan jew il-programm. L-evalwazzjoni tiegħi hija bbażata fuq ir-raġunijiet li ġejjin.
46. Minn naħa, huwa stabbilit li d-Direttiva ma tipproċedix għal armonizzazzjoni eżawrjenti tal-proċeduri ta’ stima ambjentali u, b’mod partikolari, tal-proċedura ta’ konsultazzjoni. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 8 u mill-Artikolu 6(5) tad-Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li jiffissa kuntest minimu, billi jħalli lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw ir-regoli preċiżi dwar il-konsultazzjoni tal-awtoritajiet u tal-pubbliku.
47. B’hekk, fir-rigward tat-terminu stabbilit għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirrileva biss, fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, li dan it-terminu għandu jkun “xieraq” biex jagħti lill-awtoritajiet u lill-pubbliku kkonsultat “opportunità […] effettiva” li jesprimu l-opinjoni tagħhom (12). Għalhekk, id-Direttiva tħalli għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri l-mod li bih għandha tiġi trasposta din id-dipożizzjoni fl-ordinament ġuridiku nazzjonali (13). Għaldaqstant, xejn ma jipprekludi lil Stat Membru milli jiddeċiedi li jagħti lill-awtorità responsabbli mill-pjan inkwistjoni l-kompitu li tiffissa t-terminu li fih għandhom jingħataw l-opinjonijiet, sakemm dan it-terminu josserva l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva (14).
48. Din is-soluzzjoni għandha l-vantaġġ li tevita riġidità eċċessiva fil-proċedura billi tippermetti lill-awtorità responsabbli mill-pjan li tistabbilixxi terminu li jista’ jieħu inkusiderazzjoni n-natura tal-pjan, il-portata u l-kumplessità tiegħu. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa estremament wiesa’ għaliex, skont l-Artikolu 3 tagħha, ikopri setturi ta’ attività estremament wiesgħa bħas-setturi tal-agrikoltura, tal-enerġija, tal-industrija, tat-telekomunikazzjonijiet kif ukoll tat-turiżmu. Lil hinn mid-diversità tal-proġetti ppreparati, fil-fehma tiegħi, kull pjan għandu karatteristiċi speċifiċi u, għaldaqstant, ħaqqu eżami partikolari f’terminu li għandu jkun xieraq. Issa, naħseb li, f’dan ir-rigward, l-awtorità responsabbli mill-pjan hija fl-aħjar pożizzjoni li tiddetermina dan it-terminu.
49. Barra minn hekk, ma naħsibx li l-imsemmija soluzzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li l-awtorità responsabbli mill-pjan għandha tindika t-terminu ta’ konsultazzjoni sa mill-pubblikazzjoni tal-abozz ta’ pjan u mir-rapport fuq l-effetti ambjentali, u dan skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva.
50. Fil-kawża preżenti, nikkonstata li, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-2004, id-Department of the Environment for Northern Ireland stabbilixxa terminu ta’ tmien ġimgħat għall-proġett “Northern Area Plan 2016” u ta’ sitt ġimgħat għall-proġett “Magherafelt Area Plan 2015”. Dawn it-termini jidhru adegwati għaliex ippermettew lill-awtoritajiet u lill-pubbliku kkonsultat li jippreżentaw iktar minn 5 250 osservazzjoni fir-rigward tal-ewwel proġett, u iktar minn 5 300 osservazzjoni fir-rigward tat-tieni wieħed. Hekk kif jenfasizza l-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet tiegħu, skont id-dritt nazzjonali, jekk f’każ speċifiku, il-korpi konsultattivi jew il-pubbliku jikkunsidraw li t-terminu stabbilit huwa qasir wisq, tista’ tiġi mitluba estensjoni, u, jekk din tiġi rrifjutata, jistgħu jittieħdu proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju minħabba li t-terminu miftuħ għall-konsultazzjoni ma kienx adegwat.
51. Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, jiena tal-fehma li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminu stabbilit għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għandu jiġi stabbilit, każ b’każ mill-awtorità responsabbli mill-pjan jew mill-programm, sakemm dan it-terminu jkun adegwat biex jagħti lill-awtoritajiet u lill-pubbliku kkonsultat possibbiltà reali li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq l-abbozz ta’ pjan jew ta’ programm, kif ukoll fuq ir-rapport fuq l-effetti ambjentali.
V – Konklużjoni
52. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Court of Appeal in Northern Ireland:
“1) L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità responsabbli mill-pjan hija wkoll l-awtorità nnominata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, l-Istat Membru huwa marbut li jinnomina awtorità konsultattiva ġdida li għandha tkun distinta u indipendenti mill-ewwel waħda.
2) L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2001/42/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminu stabbilit għall-finijiet tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għandu jiġi stabbilit, każ b’każ mill-awtorità responsabbli mill-pjan jew mill-programm, sakemm dan it-terminu jkun adegwat biex jagħti lill-awtoritajiet u lill-pubbliku kkonsultat possibbiltà reali li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq l-abbozz ta’ pjan jew ta’ programm, kif ukoll fuq ir-rapport fuq l-effetti ambjentali.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 6, p 157, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”.
3 – Premessa 8 tad-Direttiva.
4 – Dawn iż-żewġ aġenziji ma għandhomx personalità ġuridika proprja għalihom, iżda għandhom persunal proprju tagħhom kif ukoll riżorsi amministrattivi u bini allokat għalihom.
5 – Konvenzjoni ffirmata fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Kommunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, p. 17).
6 – Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.
7 – Premessa 15 tad-Direttiva.
8 – Ara wkoll, premessa 5 tad-Direttiva.
9 Linji Gwida dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva, aktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”.
10 – Punti 7.13 sa 7.15 tal-Linji Gwida.
11 – F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li korpi pubbliċi oħra fl-Irlanda ta’ Fuq għandhom kompetenzi regolatorji marbuta ma’ aspetti speċifiċi tal-ambjent.
12 – Ara wkoll il-premessa 15 tad-Direttiva li tindika li l-imsemmi terminu għandu jkun “[xieraq]” biex jippermetti konsultazzjonijiet kif ukoll l-espressjoni ta’ opinjoni.
13 – Bħala eżempju, ara l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 5, p. 275), li jipprovdi li “L-Istati Membri jridu jħallu għall-anqas sitt xhur biex jikkummentaw bil-kitba fuq […] id-dokumenti [ta’ riferiment] sabiex jippermettu konsultazzjoni u involviment attiv”.
14 – F’dan ir-rigward huwa interessanti li jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(3) tal-Konvezjoni ta’ Aarhus, applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-pjani, tal-programmi u tal-politika dwar l-ambjent, jipprovdi li “[għ]ad-diversi stadji tal-proċeduri ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku, huma previsti termini raġonevoli, li joffru biżżejjed żmien biex il-pubbliku jiġi informat […] u biex [dan tal-aħħar] jipprepara ruħu u jipparteċipa effettivament fix-xogħlijiet involuti fil-proċess deċiżjonali kollu fil-qasam ambjentali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
Full & Egal Universal Law Academy