KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fit-8 ta’ Novembru 2011 ( 1 )
Kawża C-488/10
Celaya Emparanza y Galdos Internacional SA
vs
Proyectos Integrales de Balizamientos SL(talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante y n. 1 de Marca Comunitaria, Spanja)
“Disinni Komunitarji — Vjolazzjoni — Kunċett ta’ ‘terzi’”
1.
Din il-kawża li tirriżulta minn proċeduri għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Mercantil de Alicante, tirrigwarda talba li bħalissa hija s-suġġett ta’ dibattitu qawwi fid-duttrina u l-ġurisprudenza Spanjola. Il-problema li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina tikkonsisti fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “terzi” li kontrihom, skont it-tifsira tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tinsab fis-seħħ, id-detentur ta’ disinn irreġistrat, jista’ jibda kawża ta’ vjolazzjoni.
2.
B’mod partikolari, għandu jiġi ċċarat jekk il-fatt li l-konvenuta kienet irreġistrat b’mod awtonomu disinn proprju wara r-reġistrazzjoni tad-disinn tar-rikorrenti, hux irrilevanti, jew jekk għall-kuntrarju, ir-rikorrenti, sabiex tkun tista’ tieħu proċedimenti ta’ vjolazzjoni, kellhiex titlob minn qabel lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (UASI) biex jiddikjara l-invalidità tad-disinn tal-konvenuta.
3.
Huwa kważi superfluwu li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk ma hijiex mitluba tevalwa x-xebh jew in-nuqqas tiegħu tad-disinni u/jew il-prodotti fil-kontroversja. Naturalment din il-valutazzjoni hija kompitu tal-qorti nazzjonali. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindika l-bżonn ta’ annullament minn qabel tad-disinn tal-konvenuta, il-kontroversja nazzjonali diġà tkun solvuta abbażi tal-ammissibbiltà, saħansitra mingħajr l-eżaminazzjoni tad-disinni. Iż-żewġ domandi preliminari għandhom preċiżament l-għan li jikkjarifikaw jekk, fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali għandhiex taffaċċja l-mertu tal-kontroversja jew jekk, għall-kuntrarju għandhiex tiddikjara l-azzjoni inammissibbli u konsegwentement timponi fuq il-kumpannija rikorrenti li tieħu azzjoni quddiem l-UASI biex tiddikjara l-invalidità tad-disinn tal-konvenuta.
I – Il-kuntest ġuridiku
4.
Id-domandi preliminari li huma s-suġġett tal-kawża preżenti jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 6/2002 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ukoll “ir-Regolament”) dwar id-disinni Komunitarji.
5.
L-għan tar-Regolament huwa li jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni tad-disinni ( 3 ) bl-iktar mod lineari u sempliċi possibbli, kif mingħajr dubju jindikaw il-premessi 18 u 24:
“(18)
Disinn Komuntarju rreġistrat jeħtieġ il-ħolqien u ż-żamma fl-ordni ta’ reġistru li fih għandhom jiġu rreġistrati dawk l-applikazzjonijiet kollha li jħarsu l-kondizzjonijiet formali u li jkunu ġew assenjati data għall-infilzar. Din is-sistema ta’ reġistrazzjoni ma għandhiex fil-prinċipju tkun imsejsa fuq eżami sostantiv dwar il-konformità mal-ħtiġiet għall-protezzjoni qabel ir-reġistrazzjoni, hekk li b’hekk iżżomm għal minimu fuq l-applikanti l-piż tar-reġistrazzjoni u piżijiet oħra.
(…)
(24)
Hija l-mira fundamentali ta’ dan ir-Regolament illi l-proċedura sabiex jinkiseb disinn Komunitarju rreġistrat għandha tippreżenta l-ispejjeż u d-diffikultajiet minimi lill-applikanti, hekk li tintgħamel disponibbli fil-pront lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju kif ukoll lid-disinjaturi individwali.”
6.
L-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-Regolament jindika d-drittijiet ikkonferiti lid-detentur ta’ disinn irreġistrat:
“Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur [detentur] tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.”
7.
L-Artikolu 52 tar-Regolament jipprevedi li, b’mod ġenerali, it-talbiet għal dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn irreġistrat għandhom jitressqu quddiem l-UASI. Għall-kuntrarju, il-qrati (nazzjonali) tad-disinni Komunitarji ( 4 ) għandhom il-kompetenza, skont it-tifsira tal-Artikolu 81, għall-proċediemnti fil-qasam tal-vjolazzjonijiet. L-istess Artikolu 81, madankollu jipprevedi li l-qrati tad-disinni huma kompetenti wkoll fir-rigward tal-invalidità fil-każ li t-talba għal dikjarzzjoni tal-invalidità tkun proposta abbażi ta’ kontrotalba fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni.
8.
L-Artikolu 85(1) tar-Regolament jipprovdi li:
“Fil-proċeduri rigward kawża ta’ kontravenzjoni jew kawża dwar kontravenzjoni mhedda dwar disinn Komunitarju, il-qorti tad-disinji Komunitarji għandu jittratta d-disinn Komunitarju bħala validu. Il-validità tista’ tiġi sfidata biss b’kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ l-invalidità […].”
II – Fatti, proċedura prinċipali u domandi preliminari
9.
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Celaya Emparanza y Galdos Internacional SA (iktar ’il quddiem: “CEGASA”) irreġistrat fis-26 ta’ Ottubru 2005 disinn Komunitarju ( 5 ) għal bollards tat-traffiku. Dawn huma oġġetti, normalment tal-plastik, użati biex jindikaw il-preżenza ta’ sit ta’ kostruzzjoni, xogħlijiet fit-toroq eċċ.
10.
Il-kumpannija konvenuta, Proyectos Integrales de Balizamientos SL (iktar ’il quddiem: “PROYECTOS”), fl-aħħar tal-2007, poġġiet fis-suq prodott li skont CEGASA, kien qed jikser id-disinn irreġistrat tagħha. Għalhekk, CEGASA bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil PROYECTOS biex twaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott inkwistjoni.
11.
PROYECTOS ċaħdet milli tikkonforma mal-ordni ta’ CEGASA, u għall-kuntrarju, fil-11 ta’ April 2008, ipproċediet biex tirreġistra mal-UASI, disinn għall-prodott tagħha ( 6 ).
12.
Għall-finijiet ta’ informazzjoni biss, id-disinni rreġistrati inkwistjoni huma dawk li ġejjin (fuq ix-xellug dak ta’ CEGASA, u fuq il-lemin dak ta’ PROYECTOS):
13.
CEGASA għalhekk iddeċidiet li tibda proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra PROYECTOS quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura PROYECTOS ressqet kontrotalba, u talbet li tiġi ddikjarata l-invalidità tad-disinn ta’ CEGASA. Din il-kontrotalba tressqet lill-UASI skont l-Artikolu 86(2) tar-Regolament.
14.
PROYECTOS tqis li fi kwalunkwe każ hija hi “protetta” mid-disinn irreġistrat tagħha, u konsegwentement ittenni li CEGASA ma tistax tippreżenta proċedimenti ta’ vjolazzjoni jekk mhux wara li tkun kisbet id-dikjarazzjoni tal-invalidità mill-UASI, tad-disinn ta’ PROYECTOS. Għalhekk, l-azzjoni mibdija quddiem il-qorti tar-rinviju għandha titqies li hija inammissibbli, jew fi kwalunkwe każ miċħuda mingħajr eżami tal-mertu.
15.
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri, u staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1.
F’kawża li tirrigwarda l-ksur tad-dritt esklużiv mogħti minn disinn Komunitarju rreġistrat, id-dritt għal projbizzjoni ta’ użu ta’ dan id-disinn minn terzi, li huwa stabbilit fl-Artkolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), jestendi għal kull terz li juża disinn ieħor li ma jipproduċix fuq l-utent informat impressjoni globali differenti, jew għall-kuntrarju huwa intiż li jeskludi lil terz li juża disinn Komunitarju posterjuri rreġistrat favur tiegħu sakemm ma jkunx annullat?
2)
Ir-risposta għad-domanda preċedenti hija estranja għall-intenzjoni tat-terz jew tvarja skont l-aġir tiegħu, peress li l-kriterju determinanti huwa li dan it-terz ikun applika għal u rreġistra disinn Komunitarju wara li jkun irċieva l-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta mill-proprjetarju tad-disinn Komunitarju preċedenti sabiex iwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott minħabba ksur tad-drittijiet li ġejjin minn dan id-disinn preċedenti?”
III – Proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
16.
Id-digriet tar-rinviju wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ottubru 2010. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern tal-Polonja u kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
17.
Fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2011 intervjenew il-Gvern tal-Polonja u l-Kummissjoni.
IV – Fuq id-domandi preliminari
A – Osservazzjonijiet preliminari
18.
Din il-kawża hija waħda minn tal-ewwel li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta r-Regolament Nru 6/2002 ( 7 ). Għalhekk, fin-nuqqas ta’ deċiżjonijiet ġurisprudenzjali preċedenti sinjifikattivi, huwa indispensabbli li tinstab soluzzjoni abbażi biss tat-test leġiżlattiv, permezz tal-użu tal-istrumenti ermenewtiċi kollha li jista’ jiddisponi minnhom l-interpretu.
19.
Kif diġà għamilt riferiment iktar ’il fuq, il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju bħalissa hija s-suġġett ta’ dibattitu qawwi fid-duttrina u l-ġurisprudenza fi Spanja. B’mod partikolari, kif osservat fid-deċiżjoni tar-rinviju, bħalissa teżisti tendenza ġurisprudenzjali tat-Tribunal Supremo, li fil-kuntest tat-trade marks, tikkunsidra l-eżistenza ta’ trade mark irreġistrata wara bħala protezzjoni fil-konfront ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni. Fi kliem ieħor, skont din il-ġurisprudenza, sakemm il-vjolazzjoni allegata tuża trade mark proprja rreġistrata, dan ma huwiex meqjus bħala att illeġittimu. Għalhekk huwa possibbli li jittieħdu proċedimenti ta’ vjolazzjoni biss wara li tinkiseb dikjarazzjoni tal-invalidità tat-trade mark tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi.
20.
Immedjatament nixtieq nikkjarifika li, fl-opinjoni tiegħi, fil-kawża preżenti ma hemmx bżonn li tkun ikkontestata l-ġurisprudenza tal-qrati supremi nazzjonali Spanjoli li għadha kemm issemmiet. Kif osservajt, din il-ġurisprudenza fil-fatt tirrigwarda l-qasam tat-trade marks u għalhekk ma hijiex applikabbli għad-disinni. Id-differenzi kruċjali eżistenti bejn iż-żewġ kuntesti inkwistjoni fil-fatt huma dawk li jimpedixxu l-applikazzjoni awtomatika tat-tendenza ġurisprudenzjali ċċitata għas-settur tad-disinni.
21.
B’mod partikolari għandu jkun enfasizzat li l-modalitajiet biex ikun irreġistrat disinn huma ħafna iktar sempliċi u “effikaċi” minn dawk meħtieġa għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark. B’mod speċifiku, iż-żewġ differenzi jimmeritaw li jkunu enfasizzati. L-ewwel nett, ir-reġistrazzjoni ta’ disinn tingħata mill-UASI wara kontroll formali sempliċi ( 8 ). It-tieni nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri għat-trade marks ( 9 ), ir-Regolament ma jipprevedix, għad-disinni, fażi bejn it-talba u r-reġistrazzjoni, li matulha tista’ tkun ifformulata, min-naħa ta’ suġġetti oħra, oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni.
22.
Fi kliem ieħor, ir-reġistrazzjoni ta’ disinn issir kważi b’mod awtomatiku. Il-kontroversja li hija s-suġġett tal-kawża inkwistjoni tikkostitwixxi eżempju ċar ħafna f’dan ir-rigward. PROYECTOS setgħet tirreġistra d-disinn tagħha mingħajr ebda diffikultà minkejja li CEGASA kienet diġà bagħtet ittra ta’ intimazzjoni intiża biex tinterrompi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ta’ PROYECTOS. Kieku l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tad-disinni kienet tippermetti l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni, probabbilment CEGASA kienet tagħmel oppożizzjoni u konsegwentement l-UASI kien ikollha tieħu pożizzjoni f’dan ir-rigward, dwar jekk tirreġistrax jew le d-disinn ta’ PROYECTOS.
23.
Konsegwentement, fir-rigward tad-disinni, kontra l-faċilità u l-veloċità li bihom tista’ tinkiseb reġistrazzjoni, hemm riskju partikolarment għoli ta’ abbużi, ċertament ogħla mir-riskju li jeżisti fil-kuntest tat-trade marks. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet li se jsegwu, se jkunu strettament limitati għas-settur tad-disinni, u ma jistgħux ikunu kkunsidrati awtomatikament applikabbli għas-settur tat-trade marks. Fil-fatt, f’dan is-settur tal-aħħar, ir-reġistrazzjoni tat-trade marks għandha, b’kunsiderazzjoni għal dak li għadu kemm ġie osservat, tkun meqjusa b’attenzjoni kbira u “kunsiderazzjoni” meta mqabbla ma’ dik ta’ disinn ( 10 ).
24.
Ladarba dan ġie ppreċiżat, se ngħaddi issa għall-eżaminazzjoni tad-domandi preliminari.
B – Fuq id-domandi preliminari
25.
Iż-żewġ domandi preliminari huma relatati mill-qrib. Fil-fatt, kif se naraw, ir-risposta għall-ewwel domanda tikkundizzjona u tiddetermina r-risposta tat-tieni.
1. Il-possibbiltà ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni mingħajr dikjarazzjoni minn qabel tal-invalidità tad-disinn posterjuri
26.
Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tiċċara jekk id-detentur ta’ disinn irreġistrat jistax jieħu proċedimenti diretti ta’ vjolazzjoni kontra d-detentur ta’ disinn irreġistrat wara, jew jekk għall-kuntrarju, jistax jagħmel dan biss wara li jkun kiseb id-dikjarazzjoni tal-invalidità tat-tieni disinn. Sfortunatament, ir-Regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni espliċita f’dan ir-rigward: għaldaqstant, għalkemm — kif se jintwera — l-interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjonijiet tista’ tipprovdi xi indikazzjoni utli, din il-kawża hija eżempju klassiku ta’ kontroversja li s-soluzzjoni tagħha titlob li jkun adottat approċċ sistematiku u teleoloġiku.
27.
Il-qorti tar-rinviju fid-digriet tagħha tindika b’mod ċar li fl-opinjoni tagħha, fir-rigward tad-disinni, proċedimenti ta’ vjolazzjoni għandhom ikunu jistgħu jinbdew, fil-konfront tad-detentur ta’ disinn irreġistrat wara, mingħajr il-bżonn li tinkiseb id-dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ dan tal-aħħar. Kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni tkellmu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess sens. Il-Gvern tal-Polonja biss għall-kuntrarju adotta l-pożizzjoni opposta, billi enfasizza b’mod partikolari n-neċessità li jkun salvagwardjat il-prinċipju taċ-ċertezza legali.
28.
L-ewwel nett għandu jiġi enfasizzat li d-domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda biss il-każ fejn id-disinn tal-konvenut ikun ġie rreġistrat wara d-disinn tar-rikorrenti. Fi kliem ieħor, ma huwiex ikkontestat il-prinċipju fundamentali tal-prijorità, li b’mod ġenerali jagħti vantaġġ lis-suġġett li għamel ir-reġistrazzjoni l-ewwel ( 11 ).
29.
Fil-kawża inkwistjoni, prima face jidher li qed isir kuntrast bejn żewġ prinċipji fundamentali differenti. Minn naħa, iċ-ċertezza legali tista’ timponi li jiġi rrikonoxxut il-valur difensiv għad-disinn irreġistrat tal-konvenuta: f’każ kuntrarju, għandu jiġi aċċettat li lanqas l-użu ta’ disinn tiegħu rreġistrat mal-UASI ma jeħles lid-detentur minn proċedimenti ta’ vjolazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-bżonn li jkun hemm sistema effiċjenti u funzjonali għar-reġistrazzjoni tad-disinni — u għalhekk li tagħti valur massimu lill-effettività tar-Regolament — tista’ għall-kuntrarju tobbliga li jipprevali l-ewwel disinn irreġistrat mir-rikorrenti, filwaqt li tippermetti lil dan tal-aħħar li jieħu proċedimenti ta’ vjolazzjoni saħansitra mingħajr ma jkun talab minn qabel id-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn tal-konvenuta.
30.
Fil-verità jidher ċar li l-kuntrast ma huwiex bejn iċ-ċertezza legali u l-effiċjenza tas-sistema. Għall-kuntrarju, huma żewġ aspetti taċ-ċertezza legali li jmorru kontra xulxin. Fil-fatt, fiż-żewġ ipoteżijiet, disinn irreġistrat jispiċċa biex ma jagħtix protezzjoni sħiħa lill-proprjetarju tiegħu. Fl-ewwel każ, jekk tiġi imposta d-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn posterjuri, jiddgħajjef ir-rwol tad-disinn tar-rikorrenti, minkejja li dan kien irreġistrat l-ewwel. Fit-tieni każ, jekk ikun possibbli għad-detentur tal-ewwel disinn li jieħu azzjoni diretta, jiddgħajjef il-livell ta’ protezzjoni tad-disinn posterjuri, anki jekk dan ikun ġie rreġistrat b’mod regolari. Għaldaqstant, l-għażla ta’ waħda jew l-oħra minn dawn l-interpretazzjonijiet tikkostitwixxi għalhekk l-għażla bejn żewġ drittijiet li bħala regola ġenerali huma ekwivalenti.
31.
Sabiex nieħu pożizzjoni jidhirli deċiżiv il-fatt li, jekk il-proprjetarju ta’ disinn irreġistrat, sabiex jieħu proċedimenti ta’ vjolazzjoni kontra d-detentur ta’ disinn ieħor irreġistrat wara, ikun obbligat jitlob minn qabel id-dikjarazzjoni tal-invalidità tat-tieni disinn, is-sistema tirriskja li tkun serjament kompromessa.
32.
Fil-fatt, kif intwera iktar ’il fuq, ir-reġistrazzjoni ta’ disinn issir b’mod differenti mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew privattiva, mingħajr l-ebda kontroll ta’ mertu. Fi kliem ieħor, persuna ipotetika li ta’ mala fide tieħu proċedimenti ta’ vjolazzjoni mingħajr ma tkun irreġistrat ebda disinn, dejjem tista’, quddiem it-theddida tal-ippreżentar ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni min-naħa tad-detentur tad-disinn, tipproċedi min-naħa tagħha biex tirreġistra immedjatament disinn u b’hekk tobbliga lill-proprjetarju tad-disinn anterjuri biex jikseb id-dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ dan tal-aħħar qabel ma jkun jista’ jieħu proċedimenti ta’ vjolazzjoni ( 12 ). Saħansitra, id-disinn posterjuri jista’ anki jkun irreġistrat wara l-bidu tal-proċediment ta’ vjolazzjoni. Barra minn hekk, anki wara li jingħata l-annullament tad-disinn “difensiv”, bħala regola ġenerali, xejn ma jimpedixxi lill-persuna allegata bi ksur ta’ liġi biex tirreġistra disinn ġdid ftit differenti minn dak ta’ qabel, u li tużah biex tkompli tikkummerċjalizza prodott sostanzjalment identiku.
33.
Għaldaqstant, jidher ċar kif l-obbligu ta’ eżerċizzju preliminari tal-azzjoni tal-invalidità fir-rigward tal-proċediment ta’ vjolazzjoni, jista’ jippermetti lil persuna ta’ mala fide biex tapprofitta mis-sistema, billi tuża tattiċi dilatorji u għaldaqstant timpedixxi protezzjoni effettiva tad-disinni rreġistrati. F’dan il-każ, l-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tad-disinni tkun kompromessa serjament. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-fatt li azzjonijiet ġudizzjarji bħal dik indirizzata biex twaqqaf proċediment ta’ vjolazzjoni, għandhom, minħabba n-natura tagħhom stess, ikunu jistgħu jiġu pproċessati b’ħeffa partikolari.
34.
Fl-aħħar nett, bħala sostenn għall-interpretazzjoni indikata, għalkemm fl-opinjoni tiegħi din ma hijiex fattur deċiżiv kif għall-kuntrarju qed taħseb ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jista’ jkun indikat il-fatt li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament jipprovdi li l-proprjetarju ta’ disinn irreġistrat jista’ jieħu proċediment ta’ vjolazzjoni, b’mod ġenerali, fil-konfront ta’ “terz” li juża disinn irreġistrat mingħajr il-kunsens tiegħu. Ma hija prevista l-ebda eċċezzjoni għal terzi li huma stess għandhom disinn irreġistrat. Huwa possibbli li l-leġiżlatur, li kieku ried jintroduċi prinċipju ta’ protezzjoni għall-proprjetarju ta’ disinni rreġistrati wara, kien jagħmel dan b’mod espliċitu.
35.
Għalhekk, huwa indispensabbli li l-Artikolu 19(1) tar-Regolament jiġi interpretat fis-sens li hu stess jagħti lill-proprjetarju ta’ disinn irreġistrat, id-dritt li jeżerċita d-drittijiet konferiti lilu anki fil-konfront ta’ suġġett li juża disinn proprju rreġistrat wara, mingħajr il-bżonn li jikseb minn qabel id-dikjarazzjoni tal-invalidità tat-tieni disinn.
36.
Il-bqija, kif innutat tajjeb il-Kummissjoni, kieku l-leġiżlatur qies neċessarju li jipproċedi minn qabel għad-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn posterjuri, ċertament kien jikkonferixxi lit-tribunali tad-disinni Komunitarji l-kompetenza li jiddeċiedu dwar l-invalidità tad-disinn anki fil-prinċipju, u mhux biss wara kontrotalba. Ma kien jagħmel l-ebda sens li l-proprjetarju tal-ewwel disinn ikun obbligat imur minn qabel għand l-UASI, bil-konsegwenzi kollha f’termini ta’ ħin u ta’ spejjeż legali filwaqt li, għall-kuntrarju, il-leġiżlatur jippermetti lill-proprjetarju tad-disinn posterjuri li jikseb id-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn anterjuri permezz ta’ kontrotalba, filwaqt li jikseb deċiżjoni diretta mill-qorti nazzjonali.
37.
Barra minn hekk, fl-interpretazzjoni li għadha kemm ġiet indikata, anki l-pożizzjoni tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi hija protetta b’mod suffiċjenti, b’mod partikolari bis-saħħa tal-possibbiltà li din tressaq kontrotalba għal dikjarazzjoni tal-invalidità, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regolament, direttament quddiem il-qorti tal-proċediment ta’ vjolazzjoni.
38.
Għalhekk, inkwantu għall-oġġezzjoni possibbli, imsemmija iktar ’il fuq u li dwarha b’mod partikolari insista l-Gvern tal-Polonja, li qed jgħid li l-interpretazzjoni li qed tiġi proposta hawnhekk tipperikola l-prinċipju taċ-ċertezza legali, se nillimita ruħi biex nagħmel dawn l-osservazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, anki l-interpretazzjoni alternattiva li tgħid li l-proprjetarju tal-ewwel disinn irreġistrat għandu jitlob id-dikjarazzjoni tal-invalidità tat-tieni disinn, iddgħajjef l-istess prinċipju taċ-ċertezza legali. Kif diġà ntwera, l-unika differenza hi li dik li se ssofri se tkun iċ-ċertezza derivata mir-reġistrazzjoni tal-ewwel disinn, u mhux dik derivata mir-reġistrazzjoni tat-tieni disinn. It-tieni nett, għandu jiġi wkoll kkunsidrat li l-pussess ta’ disinn irreġistrat (bħal, wara kollox, ta’ trade mark jew privattiva) qatt ma jagħti lill-proprjetarju tiegħu, ċertezza 100 % tal-fatt li hu jista’ juża d-disinn stess mingħajr oppożizzjoni u diffikultajiet. Għalhekk, fi kwalunkwe każ, dejjem teżisti l-possibbiltà li xi ħadd jintroduċi azzjoni għal dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn stess.
2. Il-problema tas-sitwazzjoni ġuridika tad-disinn irreġistrat mill-persuna allegata bi ksur tal-liġi
39.
Għandu jiġi rrikonoxxut li l-interpretazzjoni tar-Regolament li qed nipproponi tħalli problema mhux riżolta. Jekk il-proprjetarju tal-ewwel disinn kellu suċċess fl-proċediment ta’ vjolazzjoni tiegħu kontra d-detentur tat-tieni disinn, iżda wara jiddeċiedi li ma jaġixxix għal dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ dan tal-aħħar, is-sitwazzjoni ġuridika tat-tieni disinn tibqa’ biex ngħidu hekk, indeterminata. Minn naħa, il-prodott korrispondenti ma jistax ikun ikkummerċjalizzat. Min-naħa l-oħra, sakemm il-qorti nazzjonali ma tkunx iddikjarat l-invalidità tat-tieni disinn, minħabba li ma tkunx kompetenti biex tagħmel dan, dan jibqa’ formalment validu, u fit-teorija l-proprjetarju tiegħu jista’ jibqa’ jagħmel użu minnu, anki jekk mhux biex jikkummerċjalizza l-prodott tiegħu, għallinqas biex jieħu azzjonijiet kontra produtturi u/jew proprjetarji oħra ta’ disinni rreġistrati.
40.
Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, id-diffikultà hawnhekk hija iktar apparenti milli reali.
41.
L-ewwel nett, l-eventwalità li l-proprjetarju tad-disinn posterjuri juża dan tal-aħħar anki wara li jirriżulta li dan ikun tilef il-proċediment ta’ vjolazzjoni, sempliċiment bl-iskop li jagħmel ħsara lill-operaturi ekonomiċi oħra, hija remota. Mill-mument li l-prodott tiegħu fl-ebda każ ma jista’ jkun ikkummerċjalizzat, jonqos f’dan ir-rigward l-interess li jibda azzjonijiet ġurisdizzjonali simili.
42.
Barra minn hekk, meta verament jeżisti xebh importanti bejn id-disinn tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi u dak ta’ terz, hemm probabbiltà li dan ikun anki xebh mal-ewwel disinn li l-proprjetarju tiegħu huwa r-rikorrenti fl-ewwel proċediment ta’ vjolazzjoni. F’dan il-każ, huwa iktar probabbli li jkun dan tal-aħħar li jieħu azzjoni kontra l-parti terza, minħabba li għandu interess konkret.
43.
Fi kwalunkwe każ, anki jekk nimmaġinaw persuna allegata bi ksur tal-liġi li tkun partikolarment qarrieqa, li tiddeċiedi li tieħu proċediment ta’ vjolazzjoni fil-konfront ta’ terz li jkun uża d-disinn tagħha, dan it-terz għandu għad-dispożizzjoni tiegħu arma partikolarment effikaċi: il-kontrotalba għal dikjarazzjoni tal-invalidità. Fid-dawl partikolari tal-eżitu tal-azzjoni ġurisdizzjonali preċedenti, fejn il-persuna allegata bi ksur tal-liġi ġiet ikkundannata twaqqaf id-distribuzzjoni tal-prodott tagħha minħabba kunflitt mad-disinn irreġistrat l-ewwel, fl-opinjoni tiegħi, huwa evidenti li għall-parti terza inkwistjoni jkun faċli għaliha, quddiem il-qorti nazzjonali, biex tikseb fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ( 13 ) id-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi, permezz ta’ kontrotalba, għal nuqqas ta’ novità u/jew ta’ karattru distintiv skont l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament. Fil-fatt, kull persuna li għandha interess li ssostnihom tista’ tinvoka t-tali motivi ta’ annullament, skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 25 u 84 tar-Regolament. Id-disinn tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi f’dan il-punt, ikun definittivament eliminat u jista’ jtemm l-istess sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. Paradossalment, għalhekk l-aġir tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi li tiddeċiedi li tkompli tuża id-disinn posterjuri tagħha biex tibda azzjonijiet ġurisdizzjonali fil-konfront ta’ terzi, twassal biex tipproduċi d-dikjarazzjoni tal-invalidità tad-disinn inkwistjoni u għalhekk biex tiffavorixxi kjarifika definittiva tas-sitwazzjoni.
44.
Għalhekk, għar-raġunijiet imsemmija, insostni li l-inċertezza marbuta mas-sitwazzjoni ġuridika tad-disinn irreġistrat mill-persuna allegata bi ksur tal-liġi mhix biżżejjed biex terġa’ tiġi kkontestata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament li esponejt iktar ’il fuq. Madankollu, mingħajr dubju, jista’ jkun utli li l-leġiżlatur jintervjeni biex jikkjarifika b’mod definittiv l-eżitu tad-disinn, irreġistrat u mhux iddikjarat invalidu, ta’ suġġett li tilef il-proċediment ta’ vjolazzjoni.
3. Konklużjoni parzjali
45.
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tiddikjara li d-dritt li jkun ipprojbit l-użu minn partijiet terzi ta’ disinn irreġistrat, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament, jista’ jkun eżerċitat anki fil-konfront ta’ terza persuna li tuża disinn tagħha rreġistrat wara. Għal dan il-fini, ma huwiex neċessarju li tinkiseb minn qabel dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ dan id-disinn.
4. L-aġir tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi fi kwalunkwe każ speċifiku
46.
Fit-teorija jista’ jiġi immaġinat li l-pożizzjoni espressa fil-punt preċedenti tiddgħajjef billi tiġi elaborata interpretazzjoni tar-Regolament li tikkunsidra l-elementi speċifiċi ta’ kull każ individwali, b’mod partikolari l-kundizzjoni psikoloġika tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi. F’din il-perspettiva pereżempju, il-proprjetarju tal-ewwel disinn irreġistrat jista’ jkun awtorizzat li jieħu proċediment ta’ vjolazzjoni diretti, mingħajr ma jitlob minn qabel id-dikjarazzjoni tal-invalidità tat-tieni disinn, f’każijiet biss meta t-tieni reġistrazzjoni tkun saret f’mala fide, bħal f’dan il-każ, wara intimazzjoni extraġudizzjarja biex titwaqqaf id-distribuzzjoni tal-prodotti tal-impriża konvenuta.
47.
Din il-possibbiltà twassal għall-kunsiderazzjoni iktar speċifika tat-tieni domanda preliminari, li permezz tagħha, kif intwera, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk l-aġir konkret tal-proprjetarju tat-tieni disinn jistax ikun rilevanti għar-risposta tal-ewwel domanda.
48.
Perspettiva interpretattiva simili, għalkemm ċertament interessanti għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, l-obbligu fil-każijiet kollha, bħal f’dan il-każ, li tiġi eżaminata l-volontà tal-konvenut jew saħansitra li biss tkun ivverifikata l-eżistenza jew in-nuqqas tagħha ta’ fażi ta’ prekontenzjoni li tkun wasslet lill-konvenut għar-reġistrazzjoni “difensiva” tiegħu, iżid element notevoli kumpless f’sistema li l-leġiżlatur ried li tkun sempliċi u fl-istess ħin effikaċi.
49.
L-Artikolu 19 tar-Regolament jipprovdi argument ulterjuri għas-sostenn tal-pożizzjoni li għadni kemm semmejt. It-tieni subparagrafu tal-punt (2) dwar id-disinni mhux irreġistrati, jipprevedi b’mod espliċitu n-neċessità li jkunu aċċertati b’mod relattiv l-intenzjonijiet tal-persuna li allegatament wettqet ksur tal-liġi. Dan is-subparagrafu fil-fatt jipprevedi li: “[l]-użu kkontestat ma għandux jitqies li jirriżulta mill-kopja tad-disinn protett jekk jirriżulta minn xogħol indipendenti ta’ kreazzjoni minn disinjatur li jista’ jiġi raġonevolment maħsub li ma kienx familjari mad-disinn magħmul disponibbli għall-pubbliku mid-disinjatur.” Mill-mument li tip simili ta’ aċċertament tal-intenzjonijiet kien previst mil-leġiżlatur biss għad-disinni u l-proċediment ta’ vjolazzjoni li mhux irreġistrati, raġunament kuntrarju jippermetti li jiġi konkluż li, viċiversa, fil-każ tad-disinni rreġistrati, il-verifika tal-ksur ma għandhiex tikkunsidra verifiki simili, anki b’kunsiderazzjoni għall-protezzjoni qawwija li r-reġistrazzjoni tikkonferixxi lil disinn.
50.
Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi t-tieni domanda preliminari billi tiddikjara li, għall-finijiet tar-risposta għad-domanda preċedenti, huma irrilevanti kemm l-intenzjoni ta’ terza persuna, kif ukoll il-fatt li r-reġistrazzjoni tad-disinn ta’ din tal-aħħar seħħitx jew le wara li tkun irċeviet ittra ta’ intimazzjoni li permezz tagħha kienet intimata biex twaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tagħha.
V – Konklużjoni
51.
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet miġbura, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi tal-Juzgado de lo Mercantil n. 1 de Alicante y n. 1 de Marca Comunitaria:
“Id-dritt li jkun ipprojbit l-użu minn terzi ta’ disinn irreġistrat, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji, jista’ jkun eżerċitat ukoll fil-konfront ta’ terz li tuża d-disinn tagħha u li jkun ġie rreġistrat wara. Għal dan l-għan ma huwiex neċessarju li tinkiseb minn qabel dikjarazzjoni tal-invalidità ta’ dan l-aħħar disinn.
F’dan il-kuntest, huma irrilevanti kemm l-intenzjoni tal-terz kif ukoll il-fatt jekk r-reġistrazzjoni tad-disinn ta’ din tal-aħħar seħħitx jew le wara li tkun irċeviet l-ittra ta’ intimazzjoni li permezz tagħha kienet intimata biex twaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tagħha.”
( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.
( 2 ) Regolament (KE) tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 13, Vol. 27, p. 142).
( 3 ) Kif diġà kelli l-okkażjoni ninnota fil-punt 6 tal-Konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-12 ta’ Mejju 2001 fil-Kawża PepsiCo (C-281/10 P li ġiet deċiża permezz tas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Ġabra p. I-10153), fir-Regolament, it-termini “disinn” u “mudell” huma ekwivalenti. Għaldaqstant, minn issa ’l quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, jekk ma hemmx riskji ta’ ambigwità, ser nuża biss it-terminu “disinn”.
( 4 ) Bħalma huwa l-każ fil-qasam tat-trade marks, ir-Regolament Nru 6/2002 dwar id-disinni, jipprevedi fl-Artikolu 80 li l-Istati Membri jaħtru xi organi ġudizzjarji nazzjonali bħala “qrati tad-disinji Komunitarji”. F’din il-kawża, l-qorti tar-rinviju hija l-uniku tribunal tal-ewwel istanza tad-disinni Komunitarji fi Spanja.
( 5 ) N. 000421649-0001.
( 6 ) N. 000915426-0001.
( 7 ) Sal-lum, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ir-Regolament biss fis-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 2009, FEIA (C-32/08, Ġabra p. I-5611), u PepsiCo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).
( 8 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 18 u l-Artikoli 45 sa 47 tar-Regolament.
( 9 ) Ara l-Artikolu 40 et seq tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
( 10 ) Diġà matul ix-xogħlijiet preparatorji, il-possibbiltà tal-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija b’diversi modi għad-disinni meta mqabbla ma’ dik prevista għat-trade marks, b’konsegwenza tad-diversità tar-regolamentazzjoni taż-żewġ setturi, kienet relattivament ċara għal-leġiżlatur. Ara pereżempju l-proposta inizjali tar-regolament ippreżentata mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Diċembru 1993, COM(93) 342 def (ĠU 1994, C 29, p. 20, punt 8.10 tal-ewwel parti).
( 11 ) Kif ġustament innotat il-Kummissjoni, jidher diffiċilment immaġinabbli li proċedimenti ta’ vjolazzjoni jistgħu jkunu istitwita fil-konfront ta’ proprjetarju ta’ disinn preċedenti min-naħa ta’ proprjetarju ta’ disinn posterjuri mingħajr dikjarazzjoni minn qabel tal-invalidità tad-disinn anterjuri maħruġa mill-UASI. Madankollu, dan imur lil hinn mill-ambitu tad-domandi mressqa mill-qorti nazzjonali f’din il-kawża u għaldaqstant mhux se jkun diskuss iktar fil-konklużjonijiet tiegħi.
( 12 ) Minn perspettiva prattika, is-sitwazzjoni tkun l-istess anki meta l-konvenut, filwaqt li jadotta atteġġjament prudenti, jipproċedi biex jirreġistra disinn “difensiv” qabel ma jikkummerċjalizza l-prodott tiegħu, u għalhekk qabel kwalunkwe intimazzjoni min-naħa tal-proprjetarju tal-ewwel disinn.
( 13 ) Tista’ tinqala’ xi diffikultà fil-każ li l-ewwel disinn, is-suġġett tal-kontroversja inizjali, ma jkunx għadu żvelat lill-pubbliku fil-mument tar-reġistrazzjoni tad-disinn tal-persuna allegata bi ksur tal-liġi. F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni tal-invalidità ma tkunx tista’ tkun applikata minn kwalunkwe persuna abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament, iżda biss mill-proprjetarju tal-ewwel disinn skont il-punt (d) suċċessiv, kif jippreċiża l-punt 3 tal-istess Artikolu. Dan il-prinċipju huwa estiż ukoll għall-kontrotalba għal dikjarazzjoni tal-invalidità skont l-Artikolu 84(2).
Full & Egal Universal Law Academy