KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2011 (1)
Kawża C‑505/10
Partrederiet Sea Fighter
vs
Skatteministeriet
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka)]
“Direttiva 92/81/KEE – Dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali – Eżenzjonijiet – Karburant użat minn gaffa installata b’mod permanenti fuq bastiment u li taħdem b’mod indipendenti mill-magna ta’ dan il-bastiment – Kunċett ta’ ‘navigazzjoni’”
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka) tirrigwarda l-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa li tikkonċerna ż-żjut minerali użati bħala karburanti għan-navigazzjoni fl-ilmijiet komunitarji, minbarra abbord dgħajjes privati għad-divertiment. Il-Qorti tar-rinviju għamlet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tifsira tal-kunċett ta’ “navigazzjoni”, skont l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq żjut minerali (2), u dwar it-tħaddim ta’ gaffa fuq bastiment iżda li taħdem b’mod indipendenti mill-magna ta’ propulsjoni tal-bastiment minħabba li għandha magna separata tagħha u riżerva tal-karburant fit-tankijiet tagħha.
2. Il-kwistjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali tirreferi għat-tassazzjoni taż-żjut minerali kkunsmati minn din il-gaffa. L-awtoritajiet doganali Daniżi huma tal-fehma li d-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali huma dovuti minħabba l-konsum li jsir minn operazzjonijiet ta’ tħammil. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent huwa tal-fehma li l-operazzjonijiet ta’ gaffa għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa stabbilita fl-Artikolu 8(1) (ċ) tad-Direttiva.
3. Fil-konklużjonijiet preżenti, ser nispjegaw ir-raġunijiet li minħabba fihom fl-opinjoni tiegħi din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ż-żejt minerali użat minn gaffa li tkun installata b’mod permanenti fuq bastiment u li taħdem b’mod awtonoma mill-magna ta’ propulsjoni ta’ dan l-istess bastiment, sa fejn din tkun qed tuża l-magna tagħha stess u t-tank tal-karburant tagħha stess, għandha tibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa stabbilita fl-Artikolu 8(1) (ċ) tad-Direttiva.
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4. Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva:
“1. Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 92/12/KEE (3) li tikkonċerna l-użu eżenti ta’ prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa u bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti li ġejjin mid-dazju tas-sisa armonizzat, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jimpedixxu l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi:
[...]
c) iż-żjut minerali pprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f’ilmijiet Komunitarji (inkluż is-sajd), iżda mhux f’dgħajjes privati użati għad-divertiment.
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, dgħajjes privati użati għad-divertiment tfisser kull dgħajsa użata mill-proprjetarju tagħha jew mill-persuna fiżika jew ġuridika li tista’ tużaha b’titolu ta’ kiri jew b’titolu ieħor, għal finijiet mhux kummerċjali u b’mod partikolari għal finijiet oħra minbarra t-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi b’titolu oneruż jew għall-bżonnijiet tal-awtoritajiet pubbliċi.
[…]
2. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu japplikaw eżenzjonijiet totali jew parzjali jew tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq żjut minerali jew prodotti oħra maħsuba għall-istess użu li jkunu wżati taħt kontroll fiskali:
b) għan-navigazzjoni fil-passaġġi fl-ilma interni, b’eċċezzjoni tan-navigazzjoni għad-divertiment;
g) għall-operazzjonijiet ta’ tħammil tal-ħama tal-passaġġi fl-ilma u tal-portijiet.
3. L-Istati Membri jistgħu japplikaw b’mod ugwali, f’dak li jikkonċerna kompletament jew parzjalment l-użanzi industrijali u kummerċjali li ġejjin, rata ta’ taxxa mnaqqsa għad-diżil u/jew għall-gass tal-pitrolju likwifikat u/jew tal-metanju u/jew tal-pitrolju użat taħt kontrolli fiskali, sakemm ir-rata li tapplika ma tkunx inqas mir-rata ta’ taxxa minima ffissata bid-Direttiva 92/82/KEE [tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ottubru 1992] dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa tas-sisa fuq iż-żjut minerali [(4)]:
a) magni fissi;
b) it-tagħmir u makkinarju użati fil-kostruzzjoni, inġinerija ċivili u xogħlijiet pubbliċi;
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
B – Id-dritt nazzjonali
5. L-Artikolu 8(1) (ċ) tad-Direttiva ġie traspost fid-dritt Daniż bl-Artikolu 9(4) tal-liġi dwar it-tassazzjoni taż-żjut minerali (Mineralolieafgiftsloven) u bl-Artikolu 7(4) tal-liġi dwar it-tassazzjoni tad-dijossidu tal-karbonju (Kuldioxidafgiftsloven), kif kienu fis-seħħ fiż-żmien meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali.
6. Il-leġiżlatur Daniż ma għamilx użu mill-fakultà mogħtija mill-Artikolu 8(2)(ġ) tad-Direttiva.
7. L-Artikolu 9(4) (1) tal-liġi dwar it-tassazzjoni taż-żjut minerali jistabbilixxi li t-taxxa tingħata lura fir-rigward ta’ prodotti użati għat-tħaddim ta’ ferroviji u laneċ, kif ukoll għan-navigazzjoni kummerċjali permezz ta’ bastimenti minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 9(1)(3) tal-istess liġi, bl-eċċezzjoni ta’ dgħajjes tad-divertiment.
8. L-Artikolu 7(4)(1) tal-liġi dwar it-tassazzjoni tad-dijossidu tal-karbonju tistabbilixxi,b’mod partikolari, li t-taxxa tingħata lura fir-rigward ta’ prodotti suġġetti għat-tassazzjoni li jintużaw minn kumpanija rreġistrata skont il-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, minħabba n-navigazzjoni permezz ta’ bastimenti u dgħajjes tas-sajd.
II – Il-kwistjoni prinċipali u d-domanda preliminari
9. L-M/S Grethe Fighter, użat minn Partrederiet Sea Fighter (iktar ’il quddiem ‘Sea Fighter’), huwa bastiment mibni speċifikament għat-tħaffir u għal xogħlijiet oħra ta’ skavar. Dan il-bastiment jintuża f’xogħlijiet ta’ tħaffir fil-baħar, f’tħammil ta’ portijiet u ta’ kanali għan-navigazzjoni, f’mogħdija ta’ pajpijiet u kejbils f’qiegħ il-baħar, fi tqegħid ta’ ġebel fuq il-mollijiet, għall-konsolidazzjoni tal-qiegħan, u f’xogħlijiet marittimi oħra.
10. L-M/S Grethe Fighter huwa mgħammar b’tagħmir għall-iskavar (gaffa) installat fuq il-pont tiegħu b’mod permanenti. Din il-gaffa għandha magna tagħha stess u taħdem b’mod indipendenti mill-magna ta’ propulsjoni tal-bastiment. Hija għandha tank tal-karburant tagħha stess, fejn il-karburant f’dan it-tank jiġi mit-tank prinċipali tal-bastiment. Sakemm il-gaffa tkun qed tintuża għat-tħaffir, il-bastiment ikun irmiġġjat.
11. It-ToldSkat Østjylland (Uffiċċju Reġjonali tad-Dwana u tal-Kontribuzzjonijiet tal-Østjylland), iddeċieda, fid-19 ta’ Frar 2004, li s-Sea Fighter ma kellux dritt għar-rimbors ta’ taxxi fuq iż-żjut minerali u fuq id-dijossidu tal-karbonju fir-rigward tad-diżil użat għat-tħaddim tal-gaffa għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u t-30 ta’ Settembru 2003. B’hekk, f’dak li jikkonċerna l-M/S Grethe Fighter, dan eżiġa l-ħlas ta’ DKK 468.754 bħala sisa fuq iż-żjut minerali u ta’ DKK 46.012 bħala taxxa fuq id-dijossidu tal-karbonju.
12. It-ToldSkat Østjylland ikkonkluda li ma kellux dritt għar-rimbors ta’ taxxa imposta fuq żjut minerali użati biex iħaddmu l-magni, inklużi l-pompi, fil-kuntest ta’ xogħlijiet ta’ tħammil. B’mod partikolari, huwa attribwixxa importanza għall-fatt li l-gaffa taħdem indipendentement mill-magna tal-bastiment.
13. Il-Landskatteretten (Kummissjoni Nazzjonali tat-taxxa) kkonfermat din id-deċiżjoni fl-4 ta’ Marzu 2005.
14. Is-Sea Fighter ressaq appell mid-deċiżjoni tal-Landskatteretten quddiem il-Vestre Landsret (Qorti Reġjonali tal-Punent) (id-Danimarka), li ddeċidiet favur l-Iskatteministeriet (Ministeru tat-taxxi u s-sisa) permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Frar 2008.
15. Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Højesteret li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 8(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ż-żjut minerali fornuti sabiex jintużaw f’gaffa li hija installata b’mod permanenti fuq vapur, iżda li – peress illi mgħammra b’magna u tank indipendenti tal-karburant – taħdem indipendentement mill-magna ta’ propulsjoni tal-vapur, huma, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ preżenti, eżenti?”
III – L-analiżi tagħna
16. Il-Qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essnzjalment, jekk l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li ż-żejt minerali użat minn gaffa li tkun installata b’mod permanenti fuq bastiment u li t-tħaddim tagħha huwa awtonomu minn dak tal-magna ta’ propulsjoni ta’ dan tal-aħħar, fejn din tuża l-magna proprja tagħha u t-tank tal-karburant tagħha, għandhiex tkun eżentata mit-taxxa tas-sisa.
17. Din id-domanda tikkostitwixxi estensjoni għal dawk li rrispondiet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-waħda bis-sentenza tagħha tal-1 ta’ April 2004, Deutsche See–Bestattungs‑Genossenschaft (5), u, min-naħa l-oħra, bis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul. (6) Dawn iż-żewġ sentenzi kellhom l-effett li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti definizzjoni tal-kelma ‘navigazzjoni’ skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva.
18. Fis-sentenza tagħha Deutsche See‑Bestattungs‑Genossenschaft, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din id-dispożizzjoni fiha eċċezzjoni waħda biss. Fil-fatt, mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-eżenzjoni ma tapplikax għaż-żjut minerali użati għan-navigazzjoni f’dgħajjes privati użati għad-divertiment. Il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota wkoll li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “dgħajjes privati użati għad-divertiment” bħala dgħajjes użati “għal finijiet mhux kummerċjali”. (7)
19. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan jirriżulta li “kull attività ta’ navigazzjoni għal finijiet kummerċjali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa armonizzat previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81” (8). Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tapplika, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għal “kull forma ta’ navigazzjoni indipendentement mill-iskop tat-traġitt meta dan iseħħ għal finijiet kummerċjali”. (9)
20. Minn din is-sentenza wieħed jista’ jikkonkludi li, sa fejn in-navigazzjoni fl-ibħra komunitarji jkollha għan kummerċjali, bħall-eżekuzzjoni ta’ servizz bi ħlas, din tidħol fil-qasam tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni obbligatorja stabbilita mill-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva.
21. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija wkoll, fil-kuntest ta’ kif ġraw l-affarijiet li wasslu għas-sentenza Jan De Nul, iċċitata iktar ’il fuq, dwar jekk il-manuvri magħmula minn dreġer waqt l-operazzjoni ta’ tħammil u ġbid ta’ materjali, jiġifieri n-navigazzjoni minħabba l-eżekuzzjoni ta’ attivitajiet ta’ tħammil, jaqgħux jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ ‘navigazzjoni’ skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8 (1)(ċ), tad-Direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fl-affermattiv (10) għal din id-domanda, wara li rrelevat li d-dreġer jitħaddem b’sistema ta’ propulsjoni li tagħtih awtonomija għall-manuvri ta’ ċaqliq li jrid jagħmel u li din il-magna għandha għalhekk il-karatteristiċi tekniċi meħtieġa għan-navigazzjoni li jippermettulha toffri servizzi bi ħlas (11).
22. Għandu jiġi nnutat li, sa fejn il-każ ma jikkonċernax l-impożizzjoni ta’ kwantitajiet ta’ żjut minerali użati għal operazzjonijiet ta’ tħammil u ta’ ħruġ ta’ materjali bħala tali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħadet l-ebda pożizzjoni dwar dan il-każ. Għaldaqstant baqgħet sospiża d-domanda dwar jekk id-definizzjoni ta’ “navigazzjoni”, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ), tad-Direttiva, tindikax biss iċ-ċaqliq fil-baħar jew inkella għandhiex tkun estiża għal servizzi fornuti minn bastiment.
23. Fil-konklużjonijiet li ppreżentajna f’dak il-każ, indikajna bħala osservazzjoni finali, li l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) (ċ) tad-Direttiva għandha tapplika ugwalment għaż-żjut minerali kkunsmati kif ukoll għall-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet ta’ tħammil u ta’ ġbid ta’ materjali, sabiex, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, l-attivitajiet imwettqa minn dreġer waqt l-operazzjonijiet ta’ tħammil tiegħu, kemm waqt il-vjaġġi tiegħu jew ix-xogħlijiet li huwa jagħmel, jikkostitwixxu unità indiviżibbli. (12)
24. Billi l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippronunzja ruħha dwar dan il-punt, insostni din il-pożizzjoni, li ser niżviluppa billi nibbaża ruħi fuq il-kliem tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva, kif ukoll fuq l-għanijiet li hija qed tfittex li tilħaq.
25. L-eżami tal-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jiżvela mill-ewwel li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-użu tat-terminu ġenerali “navigazzjoni”, ma rrestrinġiex b’mod speċifiku l-eżenzjoni għal żjut minerali użati għall-propulsjoni ta’ bastiment biss. Li kieku l-leġiżlatur xtaq jillimita l-eżenzjoni għal żjut minerali li jħaddmu biss il-magni tal-propulsjoni tal-bastiment huwa kellhu juża terminu iktar preċiż mill-kelma “navigazzjoni” fl-ibħra Komunitarji.
26. Għandu wkoll jingħad li l-formulazzjoni tal-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva tindika speċifikament li dan l-għan kummerċjali tan-navigazzjoni jkopri mhux biss l-attività ta’ trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija, iżda wkoll il-prestazzjoni ta’ servizzi bi ħlas.
27. Dawn l-elementi jwassluna biex naħsbu li huwa l-użu ta’ żjut minerali għal skopijiet kummerċjali fil-qasam tan-navigazzjoni li huwa eżenti, l-iktar għall-eżekuzzjoni tal-għoti ta’ servizzi bi ħlas.
28. It-terminu “inkluż is-sajd” użat sabiex juri dak li wieħed irid ifisser bil-kelma “navigazzjoni” fl-ibħra Komunitarji jagħti kredibbiltà lit-teżi li din l-espressjoni tfisser l-attività kummerċjali li tkun eżerċitata f’dawn l-ibħra, u mhux biss iċ-ċaqliq ta’ bastiment.
29. Immaġinaw li l-kawża prinċipali kienet tikkonċerna l-konsum taż-żjut minerali użati bħala karburanti fuq bastiment tas-sajd biex isostnu l-magni li jservu biex itellgħu x-xbieki tas-sajd b’mod mekkaniku, bħal winċijiet imwaħħla ma’ bastimenti tat-tkarkir. (13) Allura, jekk inhu hekk, ikun jaqbel li l-konsum tal-karburant jinqasam skont jekk jipprovdix sistema ta’ propulsjoni għad-dgħajjes tas-sajd jew jekk jippermettix li titħaddem sistema ta’ tlugħ mekkanizzat tax-xbieki tas-sajd? Fil-fehma tagħna, il-fatt li s-sajd jissemma speċifikament fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ), tad-Direttiva bħala eżempju ta’ xi tfisser “navigazzjoni” fl-ibħra Komunitarji jmur kontra għaliex l-eżenzjoni mid-drittijiet tas-sisa hija limitata għal żjut minerali użati sabiex dgħajsa tas-sajd tkun tista’ timxi. It-terminu “sajd” ifisser fil-fatt, attività kummerċjali u għandu wkoll l-għan li jinkludi l-mekkaniżmi kollha li għandhom ikunu mħaddma sabiex din l-attività titmexxa b’mod tajjeb.
30. Ma hemm l-ebda raġuni għalfejn għandha tiġi adottata interpretazzjoni differenti fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ attivitajiet kummerċjali bħal dawk eżerċitati mill-bastiment ikkonċernat fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, l-għoti ta’ servizzi minn fuq bastiment, bħal ma huwa t-tħaddim ta’ gaffa installata b’mod permanenti, għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni stabbilita mill-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva.
31. Fil-qosor, li huwa importanti huwa li t-tagħmir permanenti tal-bastiment li jikkonsma ż-żjut minerali jkun marbut mill-qrib mal-istess għan tan-navigazzjoni, bħas-sajd jew l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tħammil. Fi kliem ieħor, mingħajr ix-xogħlijiet affettwati bl-għajnuna ta’ dan it-tip ta’ tagħmir, ma jkunx hemm iktar it-tip ta’ navigazzjoni kummerċjali li hemm fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, iċ-ċaqliq ta’ bastiment u t-twettiq, minn dan tal-aħħar, tal-għoti ta’ servizzi bħal xogħlijiet marittimi, jikkostitwixxu unità indiviżibbli.
32. F’din il-perspettiva, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tħammil hija nseparabbli miċ-ċaqliq ta’ bastiment bħal ma huwa l-M/S Grethe Fighter fl-ibħra Komunitarji.
33. Jekk il-gaffa fil-kawża prinċipali, kif tindika il-Qorti tar-rinviju, hija ta’ tip identiku għal dik ta’ magni użati fuq l-art u mmuntati fuq roti jew fuq gafef oħra, il-karatteristika partikolari tagħha hija li din ma tistax tintuża barra mill-bastiment. Hija parti integrali mill-bastiment u ma tistax tiġi separata minnu. Mingħajr il-gaffa, il-bastiment jitlef il-karatteristika tiegħu, li hija dik li jbaħħar biex jagħmel xogħlijiet marittimi. Mingħajr il-bastiment, il-gaffa ma jibqaliex użu, għaliex, installata b’mod permanenti fuq il-bastiment, din il-magna ma hijiex tajba għal xogħlijiet fuq l-art. It-twettiq ta’ xogħlijiet marittimi ma jistax ikun distint mill-għan proprju tan-navigazzjoni, u jikkostitwixxi għalhekk l-aċċessorju indispensabbli.
34. Il-Kummissjoni Ewropea taqbel, fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, li parti miż-żjut minerali użati għal skopijiet oħra barra l-propulsjoni tal-bastiment, jaqgħu, madankollu, fid-definizzjoni ta’ “navigazzjoni”, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva. Hija tagħti bħala eżempju, l-karburant użat biex jipproduċi l-elettriku neċessarju għall-forniment tad-dawl lill-bastiment jew għall-funzjonament tas-sistema ta’ navigazzjoni tiegħu (14). Jekk naqblu mal-fatt li tali konsum tal-karburant ma jistax jiġi distint min-navigazzjoni b’mod raġonevoli, ma narax għalfejn tali raġunament ma għandux jiġi estiż għall-konsum taż-żjut minerali meħtieġa biex iħaddmu t-tagħmir tal-bastiment li huwa indispensabbli għall-iskop proprju tan-navigazzjoni kummerċjali, jiġifieri attività bħas-sajd, jew xogħlijiet ta’ tħammil.
35. Barra minn hekk, l-għanijiet segwiti mid-Direttiva huma opposti, fl-opinjoni tagħna, sa fejn l-eżenzjoni stabbilita mill-Artikolu 8(1)(ċ) ta’ din tal-aħħar, hija limitata għaż-żjut minerali fornuti biex jintużaw biss bħala karburanti għall-finijiet taċ-ċaqliq ta’ bastiment minn post għal ieħor.
36. Il-Qorti tal-Ġustizzja emfasizzat li l-eżenzjoni obbligatorja għaż-żjut minerali użati bħala karburant għan-navigazzjoni f’ibħra Komunitarji, għandha l-iskop li tiffaċilita l-iskambji kummerċjali intrakomunitarji, l-iktar it-traffiku tal-merkanzija u l-provvista ħieles ta’ servizzi li jistgħu jsiru fl-ibħra msemmija. (15)
37. Permezz tal-eżenzjoni inkwistjoni, il-leġiżlatur Komunitarju ried iħeġġeġ l-ugwaljanza ta’ ċerti kundizzjonijiet fiskali li taħthom joperaw l-impriżi tat-trasport jew servizzi oħra li jużaw l-ibħra msemmija (16).
38. Id-Direttiva għandha wkoll l-għan li tassigura l-moviment ħieles taż-żjut minerali fis-suq intern u li tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jista’ jkun hemm minħabba l-fatt li l-istrutturi tad-dazji tas-sisa jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. (17)
39. Fl-opinjoni tiegħi l-interpretazzjoni li l-attivitajiet kollha eżerċitati fuq bastiment biex iwettqu aħjar il-ħidma ta’ navigazzjoni kummerċjali għandhom jiġu kkunsidrati li jiffurmaw parti minn “navigazzjoni”, skont l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva, apparti li hija konformi mal-għan li jiġi ffaċilitat il-provvista ħielsa tas-servizzi fl-ibħra Komunitarji u għandha n-natura li tipprevjeni t-tfixkil għall-kompetizzjoni fis-suq intern. Jekk, għall-kuntrarju, il-karburanti użati fuq bastiment għal skopijiet oħra ħlief għall-propulsjoni tiegħu, jiġu esklużi mill-eżenzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, dan jikkawża neċessarjament, kif sostna l-Gvern Ġermaniż, diffikultajiet biex issir delimitazzjoni minn każ għal każ u tagħti lok għal interpretazzjonijiet diverġenti minn Stat Membru għal ieħor.
40. Ninnota, f’dan ir-rigward, li mid-deċiżjoni tal-Qorti tar-rinviju jirriżulta li biex tiċħad l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa relatati ma’ żjut minerali użati biex iħaddmu l-gaffa, it-ToldSkat Østjylland tat importanza l-iktar lill-fatt li l-gaffa taħdem indipendentement mill-magna tal-bastiment.
41. Tali evalwazzjoni minn dan tal-aħħar turi li, filwaqt li inżammet interpretazzjoni restrittiva difiża mill-Gvern Daniż u mill-Kummissjoni, l-eżenzjoni obbligatorja stabbilita mill-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva tista’ tiddependi fuq il-fatti, mill-karatteristiċi ta’ bastiment, u b’mod partikolari fuq in-numru u l-post tal-magni u tar-riżervi tal-karburant. Dan iwassal għal differenzi fit-trattament skont il-karatteristiċi użati fil-kostruzzjoni tal-bastimenti li joperaw fl-istess suq bħal dak ta’ xogħlijiet pubbliċi fil-baħar, u allura għal distorzjonijiet fil-kompetizzjoni li d-Direttiva għandha l-għan preċiż li tevita.
42. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Daniż, interpretazzjoni fejn l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva tkopri l-konsum taż-żjut minerali għal gaffa installata b’mod permanenti fuq bastiment, ma għandhiex in-natura li tagħti lill-kumpannija li tħaddimha vantaġġ kompetittiv għad-detriment ta’ kumpaniji tax-xogħol li jaħdmu minn fuq l-art.
43. Fil-verità, ix-xogħlijiet magħmula minn gafef fuq l-art ma humiex l-istess bħal dawk magħmula minn gafef installati b’mod permanenti fuq il-bastimenti. Kif ġustament indika l-Gvern Ġermaniż, għal xogħlijiet ta’ skavar li jsiru fuq l-art, huwa impossibbli li wieħed jutilizza b’effiċjenza magni tax-xogħol installati b’mod permanenti fuq il-bastiment. Bl-istess mod, waqt ix-xogħlijiet ta’ skavar fil-baħar, il-gafef ta’ fuq l-art ma jistgħux iwettqu parti żgħira biss mix-xogħol li tista’ tagħmel gaffa installata fuq bastiment. L-abbiltà li jaħdmu fuq wiċċ l-ilma tirriżulta f’suq ta’ prodott partikolari għal magni tax-xogħol li jkunu installati b’mod permanenti fuq bastimenti bi propuljsoni tagħhom u li ma humiex f’kompetizzjoni diretta ma’ magni tax-xogħol fuq l-art.
44. Barra minn hekk, jidher li naqsmu l-istess opinjoni tal-Gvern Ġermaniż skont liema, it-trattament fiskali differenti tal-karburanti użati għall-magna tal-propulsjoni fuq bastiment u għal magni tax-xogħlijiet installati b’mod permanenti fuqhom huwa diffiċli li jiġi sorveljat u jpoġġi piż akbar fuq il-Gvern sabiex jimponi kontroll. Il-frodi fiskali ma tistax tiġi eskluża meta, bħal ma huwa fil-kawża prinċipali, il-karburant jinġibed mit-tank prinċipali tal-bastiment.
45. Fl-aħħar nett, rigward l-impatt tal-Artikolu 8(2)(ġ) u 8(3)(a) u (b) tad-Direttiva dwar l-interpretazzjoni li nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti, nixtieq nagħmel żewġ osservazzjonijiet.
46. Fl-ewwel lok, insostni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Jan De Nul, iċċitata iktar ’il fuq, ikkunsidrat, fir-rigward tar-reġim stabbilit mill-Artikolu 8(2)(ġ) tad-Direttiva, jiġifieri il-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw eżenzjoni jew tnaqqis totali jew parzjali tat-taxxi tas-sisa fuq żjut minerali użati waqt operazzjonijiet ta’ tħammil f’passaġġi tal-ilma u portijiet, li din il-fakultà ma tistax taffettwa l-interpretazzjoni li wieħed għandu jagħti lill-ewwel paragrafu tal-istess Artikolu (18).
47. Fit-tieni lok, nosservaw li, bl-interpretazzjoni li nagħtu lill-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva, l-Artikolu 8(3)(a) u (b) jżomm effett utli għall-magni mwaħħlin kif ukoll għall-materjal u għall-magni użati fil-bini, fl-inġinerija ċivili u fix-xogħlijiet pubbliċi, sakemm ma jkunx hemm magna installata b’mod permanenti fuq bastiment li jkun qiegħed jeżerċita attività kummerċjali fl-ibħra Komunitarji.
IV – Konklużjoni
48. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’dan il-mod għad-domandi preliminari magħmula mill-Højesteret:
“L-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq iż-żjut minerali, kif emendat bid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, għandu jiġi interpretat fis-sens li ż-żejt minerali użat minn gaffa li hija installata b’mod permanenti fuq bastiment u li tiffunzjona b’mod awtonomu mill-magna ta’ propulsjoni ta’ dan tal-aħħar, sa fejn din il-gaffa għandha magna tagħha stess u t-tank tal-karburant tagħha stess, għandha tiġi eżentata mid-dazji tas-sisa.”
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – ĠU L 316, p. 12. Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 264 , iktar ’il quddiem id-‘Direttiva’). Din id-Direttiva tħassret bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).
3 – Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179).
4 – ĠU L 316, p. 19.
5 – C‑389/02, Ġabra. p. I‑3537.
6 – C‑391/05, Ġabra. p. I‑1793.
7 – Sentenza Deutsche See–Bestattungs–Genossenschaft, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22).
8 – Ibidem (punt 23).
9 – Ibidem (punt 29).
10 – Sentenza Jan De Nul, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).
11 – Ibidem (punt 38).
12 – Punt 104 tal-imsemmija konklużjonijiet.
13 – Nistgħu nagħtu eżempji oħra bħal bastiment mgħammar b’installazzjonijiet li jippermettu l-irfigħ u l-iżbark ta’ merkanziji b’mod awtonomu mingħajr il-bżonn ta’ krejns tal-port.
14 – Fl-opinjoni tiegħi, f’dan ir-rigward, li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14 (1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 jippreċiża kważi speċifikament li l-eżenzjoni hija għall-“elettriku prodott abbord il-bastiment”.
15 – Sentenza Jan De Nul, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).
16 – Ibidem (punt 25).
17 – Ibidem (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
18 – Sentenza Jan De Nul, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39).
Full & Egal Universal Law Academy