Kawża C-53/10
Land Hessen
vs
Franz Mücksch OHG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)
“Ambjent — Direttiva 96/82/KE — Kontroll ta’ perikoli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi — Prevenzjoni — Distanzi xierqa bejn iż-żoni ffrekwentati mill-pubbliku u l-istabbilimenti fejn hemm kwantitajiet kbar ta’ sustanzi perikolużi”
Sommarju tas-sentenza
1. Ambjent — Kontroll ta’ perikoli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi — Direttiva 96/82 — Ippjanar tal-użu tal-art
(Direttiva tal-Kunsill 96/82, kif emendata bid-Direttiva 2003/105, Artikolu 12(1))
2. Ambjent — Kontroll ta’ perikoli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi — Direttiva 96/82 — Ippjanar tal-użu tal-art
(Direttiva tal-Kunsill 96/82, kif emendata bid-Direttiva 2003/105, Artikolu 12(1))
1. L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi, kif emendata bid-Direttiva 2003/105, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa, fuq medda twila ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti minn din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini ffrekwentat mill-pubbliku, huwa impost ukoll fuq awtorità pubblika responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għall-kostruzzjoni, u dan minkejja li hija teżerċita din il-prerogattiva abbażi ta’ kompetenza limitata.
(ara l-punt 35, id-dispożittiv 1)
2. L-obbligu previst fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi, kif emendata bid-Direttiva 2003/105, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa, fuq medda twila ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti minn din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini ffrekwentat mill-pubbliku, ma jobbligax lill-awtoritajiet nazzjonali milli jipprojbixxu l-kostruzzjoni ta’ bini ffrekwentat mill-pubbliku fil-każ li tali bini ma huwiex separat permezz ta’ distanza xierqa minn stabbiliment eżistenti meta fil-fatt numru ta’ bini komparabbli ffrekwentat mill-pubbliku diġà jinsab f’distanza mill-istabbiliment li ma hijiex ikbar, jew li ma hijiex ħafna ikbar, meta l-proġett il-ġdid ma jimponi ebda rekwiżit addizzjonali fuq l-operatur f’termini ta’ limitazzjoni tal-konsegwenzi ta’ aċċident u meta r-rekwiżiti marbuta mas-saħħa fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-akkomodazzjoni jkunu sodisfatti. Min-naħa l-oħra, dan l-obbligu jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandha neċessarjament tinħareġ l-awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni tat-tali bini mingħajr ma r-riskji marbuta mal-kostruzzjoni fi ħdan il-konfini tal-imsemmija distanzi ma jkunu ġew debitament evalwati fl-istadju tal-ippjanar jew f’dak tad-deċiżjoni individwali.
(ara l-punt 53 u d-dispożittiv 2
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
15 ta’ Settembru 2011 (*)
“Ambjent – Direttiva 96/82/KE – Kontroll ta’ perikoli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi – Prevenzjoni – Distanzi xierqa bejn iż-żoni ffrekwentati mill-pubbliku u l-istabbilimenti fejn hemm kwantitajiet kbar ta’ sustanzi perikolużi”
Fil-Kawża C‑53/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2010, fil-proċedura
Land Hessen
vs
Franz Mücksch OHG,
fil-preżenza ta’:
Merck KGaA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, J.-J. Kasel, M. Ilešič, E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Franz Mücksch OHG, minn S. Kobes, avukat,
– għal Merck KGaA, minn C. Weidemann, avukat,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u A. Sipos, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 2, p. 410), kif emendata bid-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 398).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Land Hessen u Franz Mücksch OHG (iktar ’il quddiem “Franz Mücksch”) dwar il-kostruzzjoni min-naħa tagħha ta’ ċentru fejn jinbiegħu prodotti relatati mal-ġnien li jinsab viċin fabbrika tal-kimika ta’ Merck KGaA (iktar ’il quddiem “Merck”), li tinsab f’żona li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/82.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessa 2 tad-Direttiva 96/82 hija redatta kif ġej:
“Billi l-għanijiet u l-prinċipji tal-politika tal-Komunità dwar l-ambjent, kif stabbiliti fl-Artikoli [174] paragrafi 1 u 2 [KE] u ddettaljati fil-programmi ta’ azzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-ambjent [...], jimmiraw, b’mod partikolari, għall-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-kwalità ta’ l-ambjent, u għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, permezz ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni”.
4 Il-premessa 22 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi:
“[…] biex ikun hemm aktar protezzjoni għal żoni residenzjali, żoni ta’ użu pubbliku sostanzjali u oħrajn ta’ interess jew sensittività naturali partikolari, huwa meħtieġ li l-politika dwar l-użu ta’ l-art u/jew xi politika rilevanti oħra li tkun applikata fl-Istati Membri tikkunsidra l-bżonn, fuq perjodu twil ta’ żmien, biex tinżamm distanza kif jixraq bejn dawn iż-żoni u l-istabbilimenti li jippreżentaw dawn il-perikoli u, fejn ikunu kkonċernati stabbilimenti eżistenti, biex jikkunsidraw miżuri tekniċi oħra biex ir-riskju għall-persuni ma jiżdiedx”.
5 Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/82, bit-titolu “Għan”:
“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu evitati inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi u l-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u għall-ambjent, bil-ħsieb li tiżgura livelli għoljin ta’ protezzjoni fil-Komunità kolha b’mod konsistenti u effettiv.”
6 L-Artikolu 3(1) sa (7) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
1) ‘stabbiliment’ għandu jfisser iż-żona kollha taħt il-kontroll ta’ operatur fejn ikunu preżenti sustanzi perikolużi fi stabbiliment wieħed jew aktar, inklużi infrastrutturi jew attivitajiet komuni jew relatati;
2) ‘installazzjoni’ għandha tfisser unità teknika fi ħdan stabbiliment li fiha jkunu prodotti, użati jew maħżuna sustanzi perikolużi. Dan għandu jinkludi t-tagħmir kollu, strutturi, xogħol ta’ pajpijiet, makkinarju, għodod, binarji żgħar u privati tal-ferrovija, baċiri, mollijiet ta’ ħatt kollha li jaqdu dawn l-installazzjoni, mollijiet li joħorġu ‘l barra fil-baħar, imħażen jew strutturi simili oħra, li jżommu f’wiċċ l-ilma jew mod ieħor, meħtieġa għall-operat ta’ l-installazzjoni;
3) ‘operatur’ għandha tfisser kull individwu jew entità li jħaddem jew iżomm stabbiliment jew installazzjoni jew, jekk awtorizzat bil-leġislazzjoni nazzjonali, ikun ingħata poter ekonomiku deċisiv fit-tħaddim tekniku ta’ dan;
4) ‘sustanza perikoluża’ għandha tfisser sustanza, taħlita jew preparazzjoni mniżżla fl-Anness 1, il-Parti 1, jew dik li tissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness 1, il-Parti 2, u li tkun preżenti bħala materja prima, prodott, prodott li joħroġ minn ieħor, residwu jew intermedju, inklużi dawk is-sustanzi li x’aktarx li jistgħu jiġu ġġenerati fl-eventwalità ta’ xi inċident;
5) ‘aċċident kbir’ għandha tfisser okkorrenza bħalma huma xi emissjoni kbira, ħruq, jew splużjoni li tiġi kkawżati minn żviluppi mhux ikkontrollati waqt l-operat ta’ kwalunkwe stabbiliment kopert b’din id-Direttiva, u li jwassal għal perikolu serju għas-saħħa tal-bniedem u/jew ta’ l-ambjent, immedjat jew mhux, ġewwa jew barra l-istabbiliment, u li jkun jinvolvi sustanza perikoluża jew saħansitra aktar minn waħda;
6) ‘perikolu’ għandu jfisser il-proprjetà intrinsika ta’ sustanza perikoluża jew sitwazzjoni fiżika, b’potenzjal li toħloq ħsara lis-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent;
7) ‘riskju’ għandu jfisser il-possibilità ta’ effett speċifiku li jiġri f’perjodu speċifiku jew f’ċirkustanzi speċifiċi”.
7 L-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/82, bit-titolu “Obbligi ġenerali ta’ l-operatur”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ikun obbligat li jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jipprevjeni inċidenti kbar u biex jillimita l-konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u għall-ambjent”.
8 L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ippjanar ta’ l-użu ta’ l-art”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għanijiet biex ikunu evitati aċċidenti serji u li jillimitaw il-konsegwenzi ta’ dawn l-inċidenti ikunu kkunsidrati fil-politika tagħhom dwar l-użu ta’ l-art u/jew xi politika rilevanti oħra. Huma għandhom jissuktaw dawn l-għanijiet billi jagħmlu kontrolli fuq:
a) il-post partikolari ta’ stabbilimenti ġodda;
b) modifiki għal stabbilimenti eżistenti koperti bl-Artikolu 10;
ċ) żviluppi ġodda bħalma huma sistemi ta’ trasport, postijiet iffrekwentati mill-pubbliku u żoni residenzjali li jkunu fil-qrib ta’ stabbilimenti eżistenti, fejn il-post partikolari jew l-iżviluppi jkunu tali li jżidu r-riskju u l-konsegwenzi ta’ xi aċċident serju.
Stati Membri għandhom jassiguraw li l-politika tagħhom dwar l-użu ta’ l-art u/jew politika oħra relevanti u l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ dik il-politika jieħdu in konsiderazzjoni l-bżonn, f’medda twila ta’ żmien, li jżommu distanzi xierqa bejn stabbilimenti koperti b’din id-Direttiva u oqsma residenzali, bini u oqsma ta’ użu pubbliku, rotot kbar tat-trasport sakemm jista’ jkun, oqsma ta’ rikreazzjoni u oqsma ta’ sensittivita’ jew interess naturali partikolari u, fil-każ ta’ stabbilimenti eżistenti, tal-bżonn għal miżuri tekniċi addizzjonali in konformita’ ma’ l-Artikolu 5 sabiex ma jkabbrux ir-riskji għan-nies”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 L-Artikolu 34 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni (Baugesetzbuch), tat-23 ta’ Settembru 2004, kif emendat fl-aħħar lok bil-Liġi tal-31 ta’ Lulju 2009 (BGBl 2009 I, p. 2585), intitolat “Permissibbiltà ta’ proġetti f’żoni mibnija”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:
“F’żoni mibnija, proġett ikun permissibbli jekk, skont it-tip u l-portata tal-użu tal-binja, il-metodu ta’ kostruzzjoni u l-plott li fuqu tkun ser tinbena, dan ikun konformi mal-ambjent immedjat ta’ madwaru u jkun ġie żgurat li ser ikollu s-servizzi. Ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tajbin ta’ għajxien u tax-xogħol għandhom ikunu sodisfatti; id-dehra ġenerali tal-lokalità ma għandhiex tiġi ppreġudikata”.
10 L-Artikolu 50 tal-Liġi Federali fuq il-Protezzjoni kontra t-Tniġġis (BundesImmissionsschutzgesetz), tas-26 ta’ Settembru 2002, kif emendata fl-aħħar lok bl-Att tal-11 ta’ Awwissu 2009 (BGBl. 2009 I, p. 2723), intitolat “Ippjanar”, huwa redatt kif ġej:
“Fl-ippjanar u meta jittieħdu miżuri ta’ żvilupp tat-territorju, l-artijiet magħżula għal ċertu użu għandhom jiġu żviluppati b’mod li kemm jista’ jkun jiġi evitat li ż-żoni li jintużaw esklużivament jew b’mod predominanti għal raġunijiet residenzjali u ż-żoni l-oħra li jeħtieġu protezzjoni, b’mod partikolari ż-żoni li jintużaw mill-pubbliku, ir-rotot importanti tat-trafffiku, iż-żoni ta’ divertiment u ż-żoni ta’ konservazzjoni importanti jew sensittivi, u l-bini ffrekwentat mill-pubbliku, jkun esposti għall-effetti dannużi għall-ambjent u għall-effetti kkawżati fiż-żoni ta’ attività minn inċidenti kbar fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva [96/82]. Fl-ippjanar u meta jittieħdu miżuri ta’ żvilupp tat-territorju fiż-żoni fejn il-limiti ta’ tniġġis stabbiliti fir-regolamenti skont l-Artikolu 48a(1) ma jinqabżux, l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interess li tiġi osservata kwalità tal-arja li tkun kemm jista’ jkun għolja”.
11 L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 12 li jimplementa l-Liġi fuq il-Protezzjoni kontra t-Tniġġis, [Zwölfte Verordnung zur Durchführung des BundesImmissionsschutzgesetzes (Störfall-Verordnung)], fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-komunikazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2005 (BGBl. 2005 I, p. 1598), intitolat “Obbligi ġenerali tal-operaturi”, jistabbilixxi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
“(1) Fid-dawl tan-natura u tal-portata tal-perikoli potenzjali, l-operatur għandu jieħu d-dispożizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jevita l-inċidenti kbar, bla ħsara għall-obbligi li huwa għandu taħt dispożizzjonijiet oħra għajr dawk relatati mal-protezzjoni kontra t-tniġġis.
[…]
(3) Irrispettivament mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, għandhom jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt tal-inċidenti l-kbar”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Franz Mücksch qiegħda tippjana li tibni ċentru fejn jinbiegħu lill-pubbliku prodotti relatati mal-ġnien fuq plott ta’ proprjetà tagħha li jinsab fiż-żona kummerċjali Nordwest tal-belt ta’ Darmstadt (il-Ġermanja).
13 L-art hija llum okkupata minn impjant tar-riċiklaġġ tal-ħadid u tal-metall u hija mdawra minn diversi ħwienet kummerċjali, bħalma huma stabbilimenti, ħwienet ta’ bejgħ bl-ingrossa, ħwienet tax-xogħol u lukanda. Madankollu, din iż-żona ma kinitx is-suġġett ta’ pjan dwar l-użu tal-art. Għalhekk, skont il-qorti tar-rinviju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza limitata tagħha prevista fl-Artikolu 34 tal-Kodiċi tal-Kostruzzjoni, kif emendat, li kienet ipprekludietha tipproċedi hija stess għal evalwazzjoni tal-ħtieġa li jinżammu distanzi xierqa, il-belt ta’ Darmstadt bagħtet lil Franz Mücksch deċiżjoni preliminari ta’ kompatibbiltà tal-proġett ta’ kostruzzjoni tagħha mar-regoli dwar l-użu tal-art (“Bauvorbescheid”, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni preliminari”).
14 Merck hija stabbilita madwar 250 metru mill-art ta’ Franz Mücksch. Hija topera installazzjonijiet li fihom jintużaw sustanzi kimiċi, b’mod partikolari l-kloro, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 96/82 u tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Regolament Nru 12 li jimplementa l-Liġi Federali fuq il-Protezzjoni kontra t-Tniġġis. Merck ippreżentat b’suċċess ilment amministrattiv kontra d-deċiżjoni preliminari.
15 Għalhekk, Franz Mücksch ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni li rriżultat mill-imsemmi lment. Matul din il-proċedura ġdida, “rapport ta’ espert dwar il-kompatibbiltà taż-żona ta’ attività tal-kumpannja Merck u l-istudji ta’ żvilupp madwar din iż-żona fid-dawl tal-Artikolu 50 [tal-Liġi Federali fuq il-Protezzjoni kontra t-Tniġġis] u tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 96/82” ġie redatt fuq talba tal-belt ta’ Darmstadt. F’dan ir-rapport ġew iddeterminati d-“distanzi ta’ sigurtà” għall-perikoli potenzjali li s-sors tagħhom kien jinsab fl-installazzjonijiet ta’ Merck. L-art ta’ Franz Mücksch tinsab kollha kemm hi fi ħdan il-konfini li jistabbilixxu d-distanzi ta’ sigurtà.
16 Il-Verwaltungsgericht u l-Verwaltungsgerichtshof ikkundannaw lil-Land Hessen tiċħad l-ilment ta’ Merck. Għalhekk, din tal-aħħar u l-Land Hessen ippreżentaw, appell “fuq punt ta’ liġi” quddiem il-Bundesverwaltungsgericht kontra s-sentenza mogħtija fl-appell mill-Verwaltungsgerichtshof, billi sostnew li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li fuqha din il-qorti tibbaża ruħha ma hijiex konformi mad-Direttiva 96/82, sa fejn l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ Franz Mücksch hija inkompatibbli mal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva.
17 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u peress li qieset li l-eżitu tal-kawża quddiemha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva [96/82] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligi li dan jimponi fuq l-Istati Membri, b’mod partikolari l-obbligu li fil-politika tagħhom dwar l-użu tal-art u fil-proċeduri ta’ implementazzjoni ta’ din il-politika jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonn, fuq medda twila ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti minn din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini użat mill-pubbliku, japplikaw biss għall-awtoritajiet responsabbli għall-ippjanar dwar l-użu tal-art u li jkunu mitluba jiddeċiedu dwar dan l-użu fuq il-bażi ta’ bbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati kkonċernati, jew japplikaw ukoll għall-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għall-kostruzzjoni, li għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ kompetenza limitata dwar l-awtorizzazzjoni ta’ proġett f’żona li diġà hija mibnija?
2) Jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva [96/82] japplika wkoll għall-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għall-kostruzzjoni, li għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ kompetenza limitata dwar l-awtorizzazzjoni ta’ proġett f’żona li diġà hija mibnija:
L-obbligi diġà msemmija jinkludu l-projbizzjoni li tiġi awtorizzata l-kostruzzjoni ta’ bini użat mill-pubbliku li — fid-dawl tal-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-ippjanar tal-użu tal-art — mhuwiex separat permezz ta’ distanza xierqa minn stabbiliment eżistenti meta fil-fatt numru ta’ bini komparabbli użat mill-pubblik[u] diġà jinsab f’distanza mill-istabbiliment li mhijiex ikbar, jew li mhijiex ħafna ikbar, meta l-proġett il-ġdid ma jimponi ebda rekwiżit addizzjonali fuq l-operatur f’termini ta’ limitazzjoni tal-konsegwenzi ta’ aċċident u meta r-rekwiżiti marbuta mas-saħħa fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-akkomodazzjoni jkunu sodisfatti?
3) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda:
Leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-kostruzzjoni ta’ bini użat mill-pubbliku għandha neċessarjament tiġi awtorizzata f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fid-domanda preċedenti tieħu suffiċjentement inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li tinżamm distanza xierqa?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
18 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jinżammu distanzi xierqa, fuq medda twila ta’ żmien, bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti minn din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini ffrekwentati mill-pubbliku, huwiex impost ukoll fuq awtorità pubblika, bħalma hija l-belt ta’ Darmstadt, inkarigata toħroġ il-permessi għal kostruzzjoni, u dan minkejja li hija teżerċita din il-prerogattiva bis-saħħa ta’ kompetenza limitata.
19 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonn li jinżammu distanzi xierqa fl-ewwel lok fil-politika tagħhom dwar l-użu tal-art, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom l-istess obbligu wkoll fil-kuntest ta’ kull politika oħra rilevanti kif ukoll tal-“proċeduri għall-implimentazzjoni ta’ dik il-politika”. Minn dan isegwi li dan l-obbligu jikkonċerna wkoll lill-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni ta’ pjanijiet u ta’ politika li għandhom rabta mal-għanijiet ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti serji u ta’ limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom li d-direttiva msemmija iktar ’il fuq trid tilħaq.
20 Konsegwentement, sa fejn l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għal kostruzzjoni jipparteċipaw fl-amministrazzjoni diretta tal-proċeduri għall-ħruġ taghom, kif fil-fatt tagħmel il-belt ta’ Darmstadt fil-kawża prinċipali, li adottat id-deċiżjoni preliminari favur Franz Mücksch, huma jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-politika dwar l-użu tal-art imsemmija fl-imsemmi Artikolu 12(1).
21 Minn dan jirriżulta li n-nuqqas, bħal fil-kawża prinċipali, ta’ pjan dwar l-użu tal-art ma jistax jeżenta lill-imsemmija awtoritajiet mill-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tat-talbiet għal permess għal kostruzzjoni, il-ħtieġa li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti mid-Direttiva 96/82 u, min-naħa l-oħra, iż-żoni ta’ biswit.
22 Fil-fatt, minn naħa, li kieku l-awtoritajiet li ma humiex responsabbli għall-ippjanar tal-użu tal-art setgħu jinvokaw in-nuqqas ta’ pjan dwar l-użu tal-art sabiex jevitaw l-obbligu tagħhom li jikkunsidraw il-ħtieġa li jinżammu d-distanzi xierqa, dan l-obbligu jkun faċilment evitat u tintilef l-effettività tad-Direttiva 96/82. F’dawn iċ-ċirkustanzi jiġu kompromessi l-għanijiet li jiġu limitati l-konsegwenzi ta’ inċidenti kbar għall-bniedem u għall-ambjent, stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll, b’mod iktar wiesa’, l-għanijiet u l-prinċipji tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent imsemmija fl-Artikolu 174(1) KE, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-ħarsien tas-saħħa u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent.
23 Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkonfutata mill-fatt li l-imsemmija direttiva tillimita ruħha tipprevedi l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa, fuq medda twila ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa filwaqt li tħalli l-iffissar tal-imsemmija distanzi għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri.
24 Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82 jimponi fuq l-Istati Membri, fi kliem mhux ekwivoku, obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni taż-żamma tad-distanzi xierqa fil-kuntest tal-politika tagħhom dwar l-użu tal-art u/jew politika oħra rilevanti kif ukoll fil-proċeduri għall-implementazzjoni ta’ dik il-politika sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kbar u sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi ta’ dawn l-inċidenti. Madankollu, din id-dispożizzjoni tagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jispeċifikaw l-imsemmija distanzi, filwaqt li dan il-marġni għandu fi kwalunkwe każ jiġi eżerċitat fil-limiti tal-obbligu msemmi iktar ’il fuq.
25 Fir-rigward tad-destinatarji tal-imsemmi obbligu, il-Gvern Ġermaniż iqis li r-rekwiżit li jinżammu distanzi xierqa għandu jittieħed inkunsiderazzjoni qabel xejn fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet ta’ ppjanar marbuta mal-użu tal-art, inklużi dawk intiżi sabiex jiddeterminaw jekk hemmx bżonn ta’ ppjanar. Għaldaqstant, huwa biss b’mod eċċezzjonali, fl-interess tal-effettività tad-Direttiva 96/82, u b’mod evalwattiv, li dan ir-rekwiżit jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-okkażjoni ta’ deċiżjonijiet jew ta’ awtorizazzjonijiet adottati mingħajr ma jkun sar ippjanar intiż sabiex jiġu evalwati l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati.
26 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li l-imsemmi rekwiżit huwa spiss implementat mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ippjanar, ma hemm xejn fid-Direttiva 96/82 li jipprekludi, pereżempju, li dawn jillimitaw ruħhom, fl-istrumenti ta’ ppjanar tagħhom, jirreferu l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-distanzi xierqa lill-awtoritajiet responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-pjanijiet dwar l-użu tal-art, u dan minħabba li dawn l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni jkunu jinsabu viċin il-proġetti li fuqhom dawn tal-aħħar għandhom jiddeċiedu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva timponi biss fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-obbligu li f’xi mument tal-proċedura ta’ implementazzjoni tal-pjanijiet jew tal-politika dwar l-użu tal-art l-imsemmi rekwiżit jiġi osservat, peress li l-iffissar ta’ dan il-mument huwa, min-naħa l-oħra, magħżul mill-Istati Membri.
27 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmija direttiva ma stabbilixxiet xejn fir-rigward tal-metodu tal-iffissar tad-distanzi xierqa u lanqas stabbiliet il-mod ta’ kif dawn għandhom jiġu applikati, iżda din timponi biss li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni mingħajr ma tippreċiża l-livell ġerarkiku tal-awtoritajiet responsabbli għall-politika dwar l-użu tal-art u mill-proċeduri ta’ implementazzjoni ta’ din il-politika. Minn dan jirriżulta li dan l-iffissar, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-elementi rilevanti għal dan il-għan, jikkostitwixxi operazzjoni li, bil-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-obbligu li jinżammu dawn id-distanzi, għandha tkun tista’ titwettaq fil-livelli deċiżjonali kollha mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Istati Membri.
28 Fir-rigward tal-fatt li, skont id-dritt nazzjonali, il-belt ta’ Darmstadt kellha tagħti d-deċiżjoni preliminari abbażi tal-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata, kif ippreċiżata fil-punt 13 tas-sentenza preżenti, li tipprekludiha tipproċedi hija stess għal evalwazzjoni tal-ħtieġa li jinżammu distanzi xierqa, għandu jiġi enfasizzat li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe teħid inkunsiderazzjoni tagħhom mill-awtoritajiet tal-ippjanar, isir iktar importanti, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82, li l-awtorità awtorizzata toħroġ permess għal kostruzzjoni tipproċedi hija stess bl-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu.
29 F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, minn naħa, li l-obbligu li jirriżulta minn direttiva li jintlaħaq ir-riżultat previst minnha kif ukoll l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari adatti sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE huma imposti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri (sentenzi tal-5 Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I-8835, punt 110, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C‑456/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).
30 Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tagħhom sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-direttivi (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑33/90, Ġabra p. I‑5987, punt 24 u tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑388/01, Ġabra p. I-721, punt 27).
31 Minn dan isegwi li, fil-kawża prinċipali, il-belt ta’ Darmstadt kellha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu li jirriżulta mid-Direttiva 96/82 li tevalwa l-ħtieġa li jinżammu distanzi xierqa
32 Fir-rigward tal-impossibbiltà tal-belt ta’ Darmstadt, minħabba l-kompetenza limitata li hija għandha f’dan il-qasam, li tieħu inkunsiderazzjoni d-distanzi xierqa, hemm lok li jiġi ppreċiżat, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tirrikorri għall-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, li huwa inerenti fis-sistema tat-Trattat KE, inkwantu dan jippermetti lill-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta hija tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Mau, C‑160/01, Ġabra p.‑I 4791, punt 34, u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).
33 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali hekk kif impost mid-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu sabiex tevalwa sa fejn dan jista’ jiġi applikat sabiex ma jwassalx għal riżultat li jmur kontra dak stabbilit mid-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115 kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2010, Seydaland Vereinigte Agrarbetriebe, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50).
34 Barra minn hekk, minkejja li l-kawża prinċipali tikkonċerna awtorità pubblika u individwu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jista’, bħala regola, jimponi fuq individwi interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali (sentenzi tat-8 Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen, 80/86, Ġabra p. 3969, punti 12 sa 14, u tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed, C‑321/05, Ġabra p. I‑5795, punt 45).
35 Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa, fuq medda twila ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti mill-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini,ffrekwentat mill-pubbliku, huwa impost ukoll fuq awtorità pubblika, bħalma hija l-belt ta’ Darmstadt, responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għal kostruzzjoni, u dan minkejja li hija teżerċita din il-prerogattiva abbażi ta’ kompetenza limitata.
Fuq it-tieni u t-tielet domandi
36 Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi x’inhija l-portata tal-obbligu previst fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82 li permezz tiegħu l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni distanzi xierqa. Hija tixtieq tkun taf, minn naħa, jekk dan l-obbligu għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jobbliga lil dawn tal-aħħar jipprojbixxu l-kostruzzjoni ta’ bini ffrekwentat mill-pubbliku f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, billi jistabbilixxu projbizzjoni assoluta li s-sitwazzjoni tiġi aggravata. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi obbligu jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li neċessarjament għandha tiġi awtorizzata l-kostruzzjoni tat-tali bini fl-imsemmija ċirkustanzi u mingħajr ma r-riskji marbuta mal-kostruzzjoni fi ħdan il-konfini tad-distanza ta’ sigurtà ma jkunu debitament ġew evalwati fl-istadju tal-ippjanar jew f’dak tad-deċiżjoni individwali.
37 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ippjanar tal-użu tal-art, previst fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82, huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-użi differenti tal-art li bejniethom huma inkompatibbli għandhom jiġi sseparati b’distanzi xierqa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-distanzi, fihom infushom, essenzjalment jikkostitwixxu data li tippermetti li jiġu ddeterminati ż-żoni inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, li l-għanijiet tagħha huma intiża, minn naħa, sabiex tipprevjeni l-inċidenti kbar kif ukoll sabiex tillimita d-danni kkawżati minnhom u, min-naħa l-oħra, sabiex tistabbilixxi l-fruntieri ta’ dawn iż-żoni fir-rigward ta’ dawk li ma jaqgħux taħt l-imsemmi kamp ta’ applikazzjoni.
38 Barra minn hekk, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1)(ċ) tad-Direttiva 96/82, li fosthom hemm il-kawża prinċipali, il-kontroll tal-iżviluppi l-ġodda madwar stabbilimenti eżistenti għandu b’mod partikolari jsir meta dawn ikunu jistgħu jkabbru r-riskju ta’ inċident kbir jew jaggravaw il-konsegwenzi tiegħu.
39 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
40 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eventwali projbizzjoni li s-sitwazzjoni tiġi aggravata, għandha tiġi analizzata l-portata tal-obbligu previst fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif intqal fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi obbligu ċertament jimponi fuq l-Istati Membri, fi kliem mhux ekwivoċi, rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-distanzi xierqa. Xorta jibqa’ l-fatt, kif isostnu Franz Mücksch u l-Kummissjoni Ewropea, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tal-imsemmi rekwiżit.
41 Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa dedott minn kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni, sa fejn, għalkemm huwa minnu li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-politika tagħhom dwar l-użu tal-art tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jinżammu distanzi xierqa, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi Artikolu 12(1), jeżiġi biss li din il-politika “[tieħu] in konsiderazzjoni” ż-żamma tal-imsemmija distanzi.
42 Issa, la l-espressjoni “jieħdu in konsiderazzjoni l-bżonn [...] li jżommu distanzi xierqa” la l-bqija tal-kliem tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82 u lanqas il-premessa 22 tagħha ma jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dawn jimponu li jiġi rrifjutat kull proġett li jinsab fi ħdan id-distanzi xierqa.
43 Barra minn hekk, l-għoti ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jidher b’mod partikolari fil-fatt li, fid-dawl tal-għanijiet essenzjali tad-Direttiva 96/82, li huma li jiġu evitati l-inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi u li jiġu limitati l-konsegwenzi tagħhom, kif imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-implementazzjoni tal-Artikolu 12(1)(ċ) tagħha teżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-politika dwar l-użu tal-art, b’mod partikolari fir-rigward taż-żoni mibnija, jipproċedu b’ċerti operazzjonijiet, bħalma huma l-evalwazzjoni tat-tkabbir tar-riskju ta’ inċident jew tal-aggravazzjoni tal-konsegwenzi tiegħu, fatt li jeħtieġ l-evalwazzjoni mhux biss tar-riskji u tad-danni, iżda wkoll tal-fatturi l-oħra kollha rilevanti f’kull każ konkret.
44 Issa, huwa evidenti li dawn il-fatturi jvarjaw, ta’ spiss b’mod sostanzjali, skont id-data partikolari taż-żoni li huma s-suġġett ta’ ppjanar jew ta’ dawk li fihom deċiżjonijiet individwali għandhom jiġu adottati anki jekk ma jeżistix pjan dwar l-użu tal-art li tikkonċernahom. Għalhekk, fost dawn il-fatturi speċifiċi jista’ jkun hemm, minbarra n-natura tas-sustanzi perikolużi inkwistjoni, il-probabbiltà li jseħħ inċident kbir matul l-operat ta’ stabbiliment kopert mid-Direttiva 96/82 kif ukoll il-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li jirriżultaw minn inċident eventwali, in-natura tal-attività tal-kostruzzjoni l-ġdida jew l-intensità tal-użu tagħha mill-pubbliku kif ukoll il-faċilità li biha l-ekwipaġġi ta’ emerġenza jistgħu jintervjeni f’każ ta’ inċident. Barra minn hekk, kif ġustament tirrileva l-qorti tar-rinviju, dawn il-fatturi speċifiċi kollha jistgħu jingħaqdu mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi soċjo-ekonomiċi.
45 Fil-fatt, matul it-tfassil tal-politika dwar l-użu tal-art, għalkemm l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jinżammu distanzi xierqa u, jekk xejn b’mod impliċitu, jiddeterminawhom, dan l-obbligu madankollu ma jimplikax li huma għandhom jistabbilixxu dawn id-distanzi bħala kriterju uniku għall-awtorizzazzjoni jew għar-rifjut skont il-lokalizzazzjoni tal-proġetti ta’ kostruzzjonijiet ġodda madwar stabbilimenti eżistenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss ir-rikonoxximent ta’ marġni ta’ diskrezzjoni li jippermetti li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-ħtieġa li jinżammu distanzi xierqa.
46 Konsegwentement, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82 u tar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni tal-fatturi li fil-parti l-kbira jiddependu mill-elementi proprji għal kull każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat, bħalma ssostni l-qorti tar-rinviju u kontrarjament għal dak li ssostni Merck, li l-obbligu li jinżammu distanzi xierqa ma jistax jiġi mifhum b’mod assolut, fis-sens li dan jimponi li jiġi pprojbit kull proġett ta’ kostruzzjoni ġdida f’żona mibnija, li fiha jinsabu stabbilimenti msemmija f’din id-direttiva, inkluż meta din il-kostruzzjoni tikkonċerna bini ffrekwentat mill-pubbliku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
47 Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-kriterju temporali li jipprovdi li għandhom jinżammu “f’medda twila ta’ żmien” distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti mid-Direttiva 96/82 u, min-naħa l-oħra, il-bini ffrekwentat mill-pubbliku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li, kif ġustament tirrileva Merck, l-imsemmija espressjoni timplika ċertu osservanza tal-istatus quo, fis-sens li l-awtoritajiet responsabbli għall-implementazzjoni tal-pjanijiet dwar l-użu tal-art ma jistgħux jimponu l-osservanza ta’ dawn id-distanzi għall-iżviluppi li diġà jeżistu meta dawn jiġu stabbiliti fi stadju ulterjuri. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-espressjoni għandha titqies bħala rekwiżit intiż sabiex jinżammu l-imsemmija distanzi fil-postijiet fejn huma diġà osservati u sabiex dawn jiġu introdotti fil-futur, bħala għan fit-tul, meta dawn ma jkunux għadhom ġew implementati.
48 Fil-fatt, l-ebda minn dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet tal-espressjoni frażi “f’medda twila ta’ żmien” ma tista’ ssaħħaħ in-natura vinkolanti tal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva b’tali mod li hija tistabbilixxi projbizzjoni li s-sitwazzjoni tiġi aggravata u, minħabba dan il-fatt, tipprojbixxi kull kostruzzjoni ta’ bini ffrekwentat mill-pubbliku li jinsab viċin stabbiliment eżistenti.
49 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-obbligu previst fl-Artikolu 12(1) tad-direttiva jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li neċessarjament għandha tiġi awtorizzata l-kostruzzjoni ta’ bini mingħajr ma r-riskji marbuta mal-kostruzzjoni fi ħdan il-konfini tal-imsemmija distanzi ma jkunu ġew debitament evalwati fl-istadju tal-ippjanar jew f’dak tad-deċiżjoni individwali, għandu jiġi ppreċiżat li l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom ma jistax jiġi interpretat, kif irrilevat il-Kummissjoni, bħala ta’ natura li jippermetti lil dawn tal-aħħar li jonqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni d-distanzi xierqa.
50 Fil-fatt, għalkemm id-Direttiva 96/82 tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-kompitu li jikkalkulaw l-imsemmija distanzi u li jiddeterminawhom fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti, it-“[teħid inkunsiderazzjoni]” tad-distanzi xierqa jeżiġi, madankollu, li meta jiġi evalwat ir-riskju, dawn jiġu verament meħuda inkunsiderazzjoni flimkien mal-fatturi oħra, kemm jekk b’mod ġenerali matul it-tfassil tal-pjanijiet dwar l-użu tal-art jew, fin-nuqqas ta’ ppjanar, b’mod speċifiku, partikolarment matul l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-permessi għal kostruzzjoni.
51 Minn dan isegwi li, sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali timponi li tkun neċessarjament maħruġa l-awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ bini mingħjar ma r-riskji marbuta mal-kostruzzjoni fi ħdan il-konfini tad-distanzi xierqa jkunu ġew debitament evalwati fl-istadju tal-ippjanar jew f’dak tad-deċiżjoni individwali, tali leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tirrendi bla sustanza l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni ż-żamma tad-distanzi xierqa u, minħabba dan il-fatt, li tirrendih bla effett. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li f’dawn iċ-ċirksutanzi awtorizzazzjoni għandha neċessarjament tinħareġ.
52 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha, abbażi tal-prinċipji mfakkra fil-punti 32 sa 34 tas-sentenza preżenti, tipproċedi sa fejn possibbli b’interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali konformi mal-imsemmija direttiva.
53 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi tkun li l-obbligu previst fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa, fuq medda twila ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti mill-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini ffrekwentat mill-pubbliku, ma jobbligax lill-awtoritajiet nazzjonali milli jipprojbixxu l-kostruzzjoni ta’ bini ffrekwentat mill-pubbliku f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, dan l-obbligu jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandha neċessarjament tinħareġ l-awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni tat-tali bini mingħajr ma r-riskji marbuta mal-kostruzzjoni fi ħdan il-konfini tal-imsemmija distanzi ma jkunu ġew debitament evalwati fl-istadju tal-ippjanar jew f’dak tad-deċiżjoni individwali.
Fuq l-ispejjeż
54 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi, kif emendata bid-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa, fuq medda twila ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti mill-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini ffrekwentat mill-pubbliku, huwa impost ukoll fuq awtorità pubblika, bħalma hija l-belt ta’ Darmstadt (il-Ġermanja), responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għal kostruzzjoni, u dan minkejja li hija teżerċita din il-prerogattiva abbażi ta’ kompetenza limitata.
2) L-obbligu previst fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 96/82, kif emendata bid-Direttiva 2003/105/KE, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa, fuq medda twila ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti mill-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini ffrekwentat mill-pubbliku, ma jobbligax lill-awtoritajiet nazzjonali milli jipprojbixxu l-kostruzzjoni ta’ bini ffrekwentat mill-pubbliku f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, dan l-obbligu jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li għandha neċessarjament tinħareġ l-awtorizzazzjoni għall-kostruzzjoni tat-tali bini mingħajr ma r-riskji marbuta mal-kostruzzjoni fi ħdan il-konfini tal-imsemmija distanzi ma jkunu ġew debitament evalwati fl-istadju tal-ippjanar jew f’dak tad-deċiżjoni individwali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy