Kawża C-112/10
Procureur-generaal bij het hof van beroep te Antwerpen
vs
Zaza Retail BV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie)
“Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ insolvenza — Ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza — Kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali applikabbli li jimpedixxu l-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza — Kreditur awtorizzat li jitlob il-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza”
Sommarju tas-sentenza
1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza — Ftuħ ta’ proċedura territorjali qabel il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali — Kundizzjonijiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 3(4)(a))
2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ insolvenza — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ insolvenza — Ftuħ ta’ proċedura territorjali qabel il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali — Kundizzjonijiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 3(4)(b))
1. L-impossibbiltà li tinfetaħ proċedura prinċipali ta’ insolvenza skont l-Artikolu 3(4)(a), tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandha tkun oġġettiva u ma għandhiex tvarja skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom jintalab il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Jekk din l-impossibbiltà tista’ tirriżulta mill-karatteristiċi marbuta mal-kwalità tad-debitur, ma tistax tirriżulta, min-naħa l-oħra, mis-sempliċi fatt li persuna speċifika, bħar-rappreżentant tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu stabbiliment, ma jkollux, skont il-liġi tal-Istat Membru li fih id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu, il-kwalità li jitlob il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali f’dan l-aħħar Stat Membru.
Għaldaqstant, l-espressjoni “kondizzjonijiet meħtieġa”, li tidher fl-Artikolu 3(4)(a), u li tirreferi għall-kundizzjonijiet li jimpedixxu, skont il-liġi tal‑Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu, il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza f’dan l-Istat, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tikkunċernax il-kundizzjonijiet li jeskludu persuni speċifiċi mill-ambitu ta’ persuni awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura bħal din.
(ara l-punti 21, 23, 24, 26 u d-dispożittiv 1)
2. L-għan imfittex mir-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, huwa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 17 tiegħu, li jillimita għal dak li huwa assolutament meħtieġ il-każijiet li fihom il-ftuħ ta’ proċeduri sekondarji jkunu jistgħu jintalbu qabel dawk tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza. Il-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza skont l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament għandhom ukoll jinftiehmu b’mod ristrett.
B’hekk, il-kelma “kreditur”, li tidher f’din id-dispożizzjoni, u li tintuża sabiex tiddefinixxi l-ambitu tal-persuni awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura territorjali indipendenti ta’ insolvenza, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix l-awtorità ta’ Stat Membru li, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, għandha l-funzjoni li taġixxi fl-interess ġenerali, imma li ma tintervjeni la bħala kreditur, u lanqas f’isem jew għall-kredituri.
(ara l-punti 22, 29, 34 u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
17 ta’ Novembru 2011 (*)
“Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Proċeduri ta’ insolvenza – Ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza – Kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi nazzjonali applikabbli li jimpedixxu l-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza – Kreditur awtorizzat li jitlob il-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza”
Fil-Kawża C‑112/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hof van Cassatie van België (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura
Procureur-generaal bij het hof van beroep te Antwerpen
vs
Zaza Retail BV
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, J.‑J. Kasel u M. Berger (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Marzu 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Zaza Retail BV, minn M. Cordewener, avukat,
– għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, u Z. Chatzipavlou kif ukoll minn K. Georgiadis, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Petrova, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4)(a) u (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU L 160, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Procureur generaal bij het hof beroep te Antwerpen (prosekutur pubbliku fil-qorti tal-appell ta’ Antwerpen, il-Belġju) u Zaza Retail BV (iktar ’il quddiem “Zaza Retail”), kumpannija stabbilita taħt id-dritt Olandiż li għandha s-sede f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), fir-rigward ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ falliment mibdija mill-imsemmi prosekutur pubbliku fil-konfront ta’ stabbiliment li Zaza Retail għandha fil-Belġju.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessa 12 tar-Regolament tipprovdi:
“Dan ir-Regolament jawtoriżża l-proċedimenti prinċipali ta/ falliment li jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu iċ-ċentru prinċipali ta’ l-interessi tiegħu. Dawn il-proċedimenti għandhom l-iskop universali u l-għan li jkopru l-assi kollha tad-debitur. Sabiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi, dan ir-Regolament jippermetti proċedimenti sekondarji li jinfetħu sabiex jimxu flimkien mal-proċedimenti prinċipali. Proċedimenti sekondarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. L-effetti ta’ proċedimenti sekondarji huma limitati għall-assi li jinsabu f’dak l-Istat. Regolu mandatorji ta' koordinazzjoni mal-proċedimenti prinċipali jissodisfaw il-ħtieġa ta’ unità fil-Komunità.”
4 Il-premessa 17 tar-Regolament tipprevedi:
“Qabel ma jinfetħu l-proċedimenti prinċipali ta’ falliment, id-dritt li jintalab il-bidu tal-proċedimenti ta’ falliment fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu l-istabbiliment tiegħu għandu jkun limitat għal kredituri lokali u kredituri ta’ l-istabbilimenti lokali jew għal każijiet fejn il-proċedimenti prinċipali ma jkunux jistgħu jinfetħu permezz tal-liġi ta’ l-Istat Membru fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru prinċipali ta’ l-interessi tiegħu. Ir-raġuni għal din ir-restrizzjoni hija illi f’dawk il-każijiet fejn proċedimenti territorjali ta’ falliment ikunu mitluba qabel ma l-proċedimenti prinċipali ta’ falliment jiġu intenzjonalment limitati għal dak li hu assolutament meħtieġ […]”
5 L-Artikolu 3 tar-Regolament, li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni internazzjonali, jipprovdi:
“(1) Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. [...]
2. Meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor.
[...]
4. Proċediment territorjali ta’ falliment msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinfetħu qabel il-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment skond il-paragrafu 1 biss:
a) meta l-proċedimenti ta’ falliment permezz ta’ paragrafu 1 ma jistgħux jinfethu minħabba l-kondizzjonijiet meħtieġa bil-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur:
jew
b) meta l-ftuħ ta’ proċedimenti territorjali ta’ falliment ikun mitlub minn kreditur li jkollu id-domiċilju tiegħu, is-residenza tas-soltu jew l-uffiċċju rreġistrat fl-Istat Membru fit-territorju li fih ikun jinstab l-istabbiliment, jew li t-talba tiegħu toriġina mill-operazzjoni ta’ dak l-istabbiliment.”
6 L-Artikolu 29 tar-Regolament, dwar id-dritt li jintalab il-ftuħ ta’ proċedura sekondarji, jipprevedi:
“Il-ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji jista’ jiġi mitlub minn:
a) il-likwidatur tal-proċedimenti prinċipali;
b) xi persuna jew awtorità oħra awtoriżżata li titlob il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment permezz tal-liġi ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun mitlub il-ftuħ tal-proċediment sekondarji.”
Id-dritt nazzjonali
7 L-Artikolu 3(1) tal-liġi tat-8 ta’ Awwissu 1997 dwar il-fallimenti (Belgisch Staatsblad tat-28 ta’ Ottubru 1997, p. 28562), kif emendat bil-liġi tal-4 ta’ Settembru 2002 (Belgisch Staatsblad tal-21 ta’ Settembru 2002, p. 42928), jipprovdi:
“Jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tan-negozjant jinsab fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, huwa jkun jista’, jekk ikollu stabbiliment fil-Belġju, jiġi ddikjarat fi stat ta’ falliment skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament [...]”
8 L-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi jipprevedi:
“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-ftehim ġudizzjarju, il-falliment jiġi ddikjarat b’sentenza tat-tribunal tal-Kummerċ li jkun intalab jieħu konjizzjoni jew min-negozjant, jew fuq talba ta’ kreditur wieħed jew iktar, tal-prosekuzzjoni, tal-amministratur provviżorju msemmi fl-Artikolu 8 jew tal-likwidatur fil-proċedura prinċipali fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(1).”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Fl-14 ta’ Novembru 2006, il-procureur du Roi fir-Rechtbank van eerste aanleg te Tongeren (il-Belġju) talab dikjarazzjoni ta’ falliment għall-istabbiliment li Zaza Retail, li għandha ċ-ċentru tal-interessi prinċipali f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), għandha fil-Belġju.
10 Sa din id-data, l-ebda proċedura ta’ insolvenza ma kienet għadha nbdiet kontra Zaza Retail fil-Pajjiżi l-Baxxi.
11 B’sentenza tal-4 ta’ Frar 2008, ir-Rechtbank van koophandel te Tongeren (il-Belġju) iddikjara l-falliment ta’ Zaza Retail.
12 B’sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2008, il-Hof van beroep te Antwerpen biddel is-sentenza tar-Rechtbank van koophandel te Tongeren u ddeċieda li la l-imsemmi rechtbank u lanqas hija stess ma kellhom il-ġurisdizzjoni internazzjonali li tipermettilhom jiddeċiedu dwar it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza fil-konfront ta’ Zaza Retail fir-rigward tal-istabbiliment li hija kellha fil-Belġju.
13 Il-prosekutur pubbliku ressaq appell quddiem il-Hof van Cassatie minn din is-sentenza. Huwa jsostni, l-ewwel nett, li l-kelma “kreditur” użata fl-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv, u li l-prosekutur pubbliku jista’ xorta waħda jitlob il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment. Billi jagħmel hekk, il-prosekutur pubbliku jkun qed iwettaq il-funzjoni ta’ gwardjan tal-interess ġenerali u jintervjeni, fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni tal-kredituri istituzzjonali jew individwali, flokhom. It-tieni nett, il-prosekutur pubbliku jsostni li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(4)(a) tar-regolament hija applikabbli wkoll għat-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment mressqa mill-prosekutur pubbliku għaliex, li kieku ma kellux il-kompetenza jressaq din it-talba, ma kien ikun jista’ jikseb il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali fil-Pajjiżi l-Baxxi, li huwa l-Istat Membru li fih hemm iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur.
14 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hof van Cassatie ddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-espressjoni ‘kondizzjonijiet meħtieġa’ li tinsab fl-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament Nru 1346/2000, għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi wkoll il-kundizzjonijiet dwar il-kwalità jew l-interess ta’ persuna, bħalma huwa l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru ieħor, li jippermettulha tiftaħ proċedimenti ta’ falliment jew inkella li l-imsemmija kundizzjonijiet jirrigwardaw biss ir-rekwiżiti sostantivi sabiex tkun suġġetta għal dawn il-proċedimenti?
2) It-terminu ‘kreditur’ li jinsab fl-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 1346/2000 jista’ jiġi interpretat b’mod wiesa’ fis-sens li awtorità ta’ Stat Membru, awtorizzata mid-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat li tiftaħ proċedimenti ta’ falliment u li taġixxi fl-interess ġenerali u bħala rappreżentant tal-kredituri kollha, tista’, fejn meħtieġ, validament tiftaħ il-proċedimenti territorjali ta’ falliment skont l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 1346/2000?
3) Jekk it-terminu ‘kreditur’ jista’ jinkludi wkoll awtorità nazzjonali kompetenti li tiftaħ proċedimenti ta’ falliment, huwa neċessarju li, sabiex ikun jista jiġi applikat l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament Nru 1346/2000, li din l-awtorità nazzjonali tagħti prova li qed taġixxi fl-interess tal-kredituri li għandhom id-domiċilju, l-uffiċċju rreġistrat jew ir-residenza tas-soltu tagħhom fil-pajjiż ta’ din l-awtorità nazzjonali?”
15 Parallelament għall-proċedura ta’ insolvenza miftuħa fil-Belġju, Zaza Retail ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ deċiżjoni tat-tribunal ta’ Amsterdam tat-8 ta’ Lulju 2008.
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
16 Qabel ma jiġu eżaminati d-domandi preliminari, hemm bżonn li titfakkar is-sistema stabbilita bir-Regolament.
17 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tar-Regolament jipprevedi żewġ tipi ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Il-proċedura ta’ insolvenza li tinfetaħ, skont l-Artikolu 3(1), mill-qorti kompetenti tal-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, deskritta bħala “proċedura prinċipali”, toħloq effetti universali, peress li tapplika għall-assi tad-debitur li jinsabu fl‑Istati Membri kollha li fihom japplika r-Regolament. Jekk tkunu tista’ tinfetaħ proċedura, skont it-tieni paragrafu tal-imsemmi artikolu, mill-qorti kompetenti tal‑Istat Membru fejn id-debitur għandu stabbiliment, din il-proċedura, deskritta bħala “proċedura sekondarja”, toħloq effetti li huma limitati għall-assi tad‑debitur li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, Ġabra p. I‑3813, punt 28, u tal-21 ta’ Jannar 2010, MG Probud Gdynia, C‑444/07, Ġabra p. I‑417, punt 22).
18 Il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja jew territorjali huwa suġġett għal kundizzjonijiet differenti skont jekk proċedimenti prinċipali jkunux diġà nfetħu jew le. Fl-ewwel ipoteżi, il-proċedura hija magħrufa bħala “proċedura sekondarja” u hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tar-Regolament. Fit-tieni każ, il-proċedura hija kklassifikata bħala “proċedimenti territorjali ta’ falliment”, u l-ftuħ tagħha huwa rregolat mill-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament. Din id-dispożizzjoni tipprevedi żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri, fl-ewwel każ, meta jkun impossibbli li tinfetaħ proċedura prinċipali minħabba l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi tal-Istat Membru fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu u, fit-tieni każ, meta l-ftuħ ta’ proċedura territorjali fl-Istat Membru li fih ikun jinsab l-istabbiliment tad-debitur ikun qed jintalab minn ċerti kredituri li jkollhom rabta partikolari ma dak it-territorju.
19 B’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju qegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża liema hija s-sistema applikabbli f’dawn l-aħħar żewġ sitwazzjonijiet.
Fuq l-ewwel domanda
20 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti qegħda tistaqsi, sostanzjalment, jekk l-espressjoni “kondizzjonijiet meħtieġa”, li tidher fl-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament, u li tirreferi għall-kundizzjonijiet li jimpedixxu, skont il-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi tiegħu, il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza f’dan l-Istat, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprevedi biss il-kundizzjonijiet sostanzjali dwar il-kwalità tad-debitur jew jekk hija tinkludix ukoll il-kundizzjonijiet dwar il-kwalità tal-persuni awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ din il-proċedura.
21 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament jikkonċerna l-ipoteżi li fiha proċeduri prinċipali ta’ insolvenza “ma jistgħux jinfetħu”. Il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament tevoka, min-naħa tagħha, sitwazzjoni li fiha l-liġi tal-Istat Membru, li fih id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu, tkun tali li dawn il-proċeduri “ma jkunux jistgħu jinfetħu”. Minn dawn il-formulazzjonijiet jirriżulta li l-impossibbiltà li tinfetaħ proċedura prinċipali għandha tkun oġġettiva u ma għandhiex tvarja skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom jintalab il-ftuħ ta’ din il-proċedura.
22 Dan il-qari huwa konformi mal-għan imfittex mill-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament li huwa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 17 tiegħu, li jillimita għal dak li huwa assolutament meħtieġ il-każijiet li fihom il-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza ikun jista’ jintalab qabel dak tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza. Jekk is-sistema stabbilita bir-Regolament tippremetti l-koeżistenza ta’ proċedura prinċipali u ta’ proċeduri sekondarji, dan għandu jsir, kif inhu enfasizzat fil-premessa 12 tiegħu, b’osservanza tar-regoli imperattivi ta’ koordinazzjoni intiżi li jiżguraw l-unità neċessarja fi ħdan l-Unjoni. Issa, koordinazzjoni bħal din ma tistax tiġi żgurata sakemm ma tkunux infetħet proċedura prinċipali.
23 Hekk kif isostnu Zaza Retail, il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni Ewropea, l-impossibbiltà li tinfetaħ proċedura prinċipali ta’ insolvenza tista’ tirriżulta mill-karatteristiċi marbuta mal-kwalità tad-debitur, li teskludi li dan tal-aħħar ikun jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura ta’ insolvenza. Bħala eżempji, huma jinvokaw b’rilevanza s-sitwazzjoni li fiha, fost il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan tal-aħħar ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu, ikun hemm il-kwalità ta’ negozjant, li d-debitur ma kellux, jew ukoll dik li fiha d-debitur ikun impriża pubblika li, skont l-imsemmija liġi, ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata fi stat ta’ insolvenza.
24 Min-naħa l-oħra, l-impossibbiltà li tinfetaħ proċedura prinċipali ta’ insolvenza ma tistax tirriżulta mis-sempliċi fatt li persuna speċifika, bħar-rappreżentant tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu stabbiliment, ma jkollux, skont il-liġi tal-Istat Membru li fih id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu, il-kwalità li jitlob il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali f’dan l-aħħar Stat Membru. Fil-fatt, peress li ma huwiex ikkontestat li persuni oħra, b’mod partikolari l-kredituri, huma awtorizzati jressqu talba bħal din, isegwi li l-ftuħ ta’ proċedura prinċipali huwa ċertament possibbli.
25 Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Zaza Retail ġiet iddikjarat fi stat ta’ falliment fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ deċiżjoni tat-tribunal ta’ Amsterdam tat-8 ta’ Lulju 2008.
26 Hemm lok għaldaqstant li tingħata risposta għall-ewwel domanda fis-sens li l-espressjoni “kondizzjonijiet meħtieġa”, li tidher fl-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament, u li tirreferi għall-kundizzjonijiet li jimpedixxu, skont il-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu, il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza f’dan l-Istat, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tikkonċernax il-kundizzjonijiet li jeskludu persuni speċifiċi mill-ambitu ta’ persuni awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura bħal din.
Fuq it-tieni domanda
27 Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda tistaqsi, sostanzjalment, jekk il-kelma “kreditur”, li tidher fl-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament, u li tintuża biex tiddefinixxi l-ambitu tal-persuni awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza, tistax tiġi interpretata fis-sens li tinkludi awtorità ta’ Stat Membru li, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, ikollha l-funzjoni li taġixxi fl-interess ġenerali u dan sabiex tiggarantixxi l-interess tal-kredituri kollha.
28 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ma jagħtix definizzjoni tal-kelma kreditur.
29 Għandu wkoll jitfakkar li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 21 u 22 ta’ din is-sentenza, il-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza skont l-Artikolu 3(4)(b)tar-Regolament għandhom ukoll jinftehmu b’mod ristrett.
30 Dan l-approċċ restrittiv jirriżulta mill-komparazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu u ta’ dawk tal-Artikolu 29, dwar id-dritt li jintalab il-ftuħ ta’ proċedura sekondarja. Filwaqt li din tal-aħħar testendi dan id-dritt għal-likwidatur tal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza kif ukoll għal kull persuna jew awtorità awtorizzata bil-liġi tal-Istat Membru li fih tkun tressqet it-talba, l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament jillimita l-ambitu tal-persuni awtorizzati li jaġixxu għal ċerti kredituri li jkollhom rabta partikolari mal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-istabbiliment ikkonċernat tad-debitur. Dawn huma kredituri stabbiliti f’dan l-Istat Membru kif ukoll kredituri ta’ dan l-istabbiliment.
31 Fir-rigward tal-prosekutur pubbliku Belġjan, għandu jiġi rrilevat, kif qalet il-Kummissjoni, li, fin-nuqqas ta’ kull kreditu speċifiku li jżid it-telf tad-debitur, huwa ma huwiex kreditur normali fil-proċeduri ta’ insolvenza.
32 Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prosekutur pubbliku għandu l-funzjoni, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, li jaġixxi fl-interess ġenerali. L-intervent ta’ din l-awtorità pubblika jissodisfa l-għan li d-diffikultajiet ta’ impriża jiġu affrontati mill-ewwel, billi jpatti, jekk ikun il-każ, għan-nuqqas ta’ azzjoni tad-debitur u tal-kredituri tiegħu. Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li l-intervent tal-prosekutur pubbliku jista’, f’ċerti każijiet, jaħdem favur l-interessi tal-kredituri kollha jew, almenu, ta’ xi wħud minnhom, jidher stabbilit li din l-awtorità la tintervjeni bħala kreditur u lanqas bħala rappreżentant tal-kredituri kollha. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tar-rinviju huwa espressament indikat li, fid-dritt Belġjan, il-prosekutur pubbliku ma jaġixxix f’isem u għall-kredituri.
33 Fid-dawl tal-interpretazzjoni restrittiva li għandu jkollu l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament, awtorità pubblika li taġixxi f’dawn iċ-ċirkustanzi ma tistax tiġi assimilata ma’ kreditur fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, tiġi inkluża fl-ambitu tal-persuni awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza.
34 Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni ta’ hawn fuq, għandha tingħata risposta lit-tieni domanda fis-sens li l-kelma “kreditur”, li tidher fl-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament, u li tiddefinixxi l-ambitu tal-persuni awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix l-awtorità ta’ Stat Membru li, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, għandha l-funzjoni li taġixxi fl-interess ġenerali, imma li la tintervjeni bħala kreditur, u lanqas f’isem jew għall-kredituri.
Fuq it-tielet domanda
35 Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.
Fuq l-ispejjeż
36 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-espressjoni “kondizzjonijiet meħtieġa”, li tidher fl-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, u li tirreferi għall-kundizzjonijiet li jimpedixxu, skont il-liġi tal-Stat Membru li fit-territorju tiegħu d-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu, il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza f’dan l-Istat, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tikkonċernax il-kundizzjonijiet li jeskludu persuni speċifiċi mill-ambitu ta’ dawk awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura bħal din.
2) Il-kelma “kreditur”, li tidher fl-Artikolu 3(4)(b) tal-imsemmi regolament, u li tiddefinixxi l-ambitu tal-persuni awtorizzati li jitolbu l-ftuħ ta’ proċedura territorjali ta’ insolvenza, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix l-awtorità ta’ Stat Membru li, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, għandha l-funzjoni li taġixxi fl-interess ġenerali, imma li ma tintervjeni la bħala kreditur, u lanqas f’isem jew għall-kredituri.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy