Kawża C-150/10
Bureau d’intervention et de restitution belge
vs
Beneo-Orafti SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa
mit-Tribunal de première instance de Bruxelles)
“Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Natura u portata ta’ kwoti tranżitorji allokati lil impriża li tipproduċi z-zokkor — Possibbiltà għal impriża li tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 li tagħmel użu minn kwota tranżitorja allokata lilha — Kalkolu tal-ammont tal-irkupru u tas-sanzjoni applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-impenji fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni — Prinċipju ta’ ne bis in idem”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor — Kwoti
(Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, Artikolu 3(1)(b); Regolament tal-Kummissjoni Nru 493/2006, Artikolu 9)
2. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor
(Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, Artikoli 3(1)(b) u 5(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 968/2006, Artikolu 11(1))
3. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor — Produzzjoni li taqbeż il-kwota
(Regolament tal-Kunsill Nru 318/2006, Artikolu 15; Regolament tal-Kummissjoni Nru 968/2006, Artikoli 26(1) u 27(3))
4. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor — Produzzjoni li taqbeż il-kwota
(Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, Artikolu 3(5); Regolament tal-Kummissjoni Nru 968/26, Artikolu 26(1))
1. L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu “kwota” jinkludi fih ukoll il-kwoti tranżitorji fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 493/2006, dwar miżuri tranżitorji fil-kuntest tar-riforma tal-Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, u jemenda ir-Regolamenti Nru 1265/2001 u (KE) Nru 314/2002.
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 493/2006, il-kwoti tranżitorji kienu ġew introdotti permezz ta’ dan ir-regolament bil-għan li jiżdiedu, matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, il-kwoti stabbiliti bir-Regolament Nru 318/2006 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq fis-settur taz-zokkor u, b’mod iktar partikolari, fl-Artikolu 7 tiegħu, peress li dawn tal-aħħar, l-istess bħall-kwoti stabbiliti bil-leġiżlazzjoni applikabbli preċedentement, jiġifieri r-Regolament Nru 1260/2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, kienu japplikaw għal tnax-il xahar u li l-imsemmija sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kienet estiża b’mod eċċezzjonali għal ħmistax-il xahar. Fid-dawl ta’ dan l-għan wisq preċiż segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li jikkonsisti biss f’li jadatta l-volum tal-kwoti għat-tul eċċezzjonali tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, il-kwoti tranżitorji ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura differenti minn dawk li huma jikkostitwixxu s-sempliċi żieda bil-għan li jintlaħaq l-imsemmi għan. Din iż-żieda hija, barra minn hekk, proporzjonali mal-estensjoni eċċezzjonali tal-imsemmija sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.
(ara l-punti 42, 43, 51 u d-dispożittiv 1)
2. L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impenn li tirrinunċja għall-kwota applikabbli għall-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ isoglukosju u ta’ ġulepp tal-inulina li ġiet allokata lil impriża u li din l-impriża assenjat li waħda jew diversi mill-fabbriki tagħha jkollu effett mid-data li fiha, fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikatha lilha jew li kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-impriża li tieħu dan l-impenn hija f’pożizzjoni li ssir taf, bħala impriża normalment diliġenti, li, f’għajnejn l-awtoritajiet kompetenti, il-kundizzjonijiet sabiex tikseb l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tal-istess regolament, huma sodisfatti.
Fil-fatt, kif jirriżulta minn dan l-Artikolu 5(2), meta jeżerċitaw il-kompetenza li huma għandhom, skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 320/2006, li jiddeċiedu fuq l-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, l-Istati Membri, la darba huma jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni tal-ewwel huma sodisfatti, ma għandhomx iktar marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom li jiddeċiedu li l-għajnuna mhux ser tingħata. Minn dan isegwi li impriża hija f’pożizzjoni li tkun taf jekk hijiex ser tikseb l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mill-mument li hija ssir taf bil-fatt li, f’għajnejn l-awtoritajiet kompetenti, il-kundizzjonijiet sabiex tikseb din l-għajnuna, stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 320/2006, huma sodisfatti. Tali għarfien jista’ jirriżulta kemm mill-komunikazzjonijiet magħmula lil din l-impriża minn dawn l-awtoritajiet wara t-tressiq minnha tat-talba għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni, kif ukoll mill-pubblikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewoprea li tikkonċerna d-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji neċessarji fil-fondi ta’ ristrutturazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta r-Regolament Nru 320/2006, li jiġi rristrutturat is-settur taz-zokkor għal fini ta’ tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni mingħajr qligħ fl-Unjoni permezz ta’ għajnuna maħsuba għall-impriżi li l-produttività tagħhom hija l-iktar baxxa, sabiex huma jabbandunaw il-produzzjoni tagħhom taħt il-kwota u jirrinunċjaw għall-kwoti kkunsidrati, ma jistax jitqies li l-impenn li tirrinunzja għall-kwota jkollu effett biss mid-data tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni fis-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 968/2006, li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 320/2006. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tkun ta’ natura li tippermetti lil impriża, li ħadet l-impenn li tirrinunzja għall-kwota u li hija ċerta li ser tikseb għajnuna għar-ristrutturazzjoni bħala korrispettiv ta’ dan l-impenn, li tibqa’ tipproduċi taħt il-kwota li suppost irrinunċjat għaliha, fatt li jmur direttament kontra l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.
(ara l-punti 57-61 u d-dispożittiv 2)
3. L-Artikoli 26(1) u 27 tar-Regolament Nru 968/2006, li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 320/2006 kif ukoll l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq fis-settur taz-zokkor, għandhom jiġu interpretati fis-sens li produzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-ipoteżi li din il-produzzjoni tkun kuntrarja għall-impenn li tirrinunzja għall-kwota applikabbli għall-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ isoglukosju u ta’ ġulepp tal-inulina li ġiet allokata lil impriża u li din l-impriża assenjat li waħda jew diversi mill-fabbriki tagħha, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, tista’ tagħti lok għall-irkupru tal-għajnuna, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni u għall-ġbir tal-imposta fuq iż-żejjed, kif previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet rispettivament. Fir-rigward tas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 968/2006, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fir-rigward tal-fatti kollha tal-każ, il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jistax jiġi kkwalifikata bħala intenzjonali jew meqjus li jirriżulta minn negliġenza gravi. Il-prinċipji ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux applikazzjoni kumulattiv ta’ dawn il-miżuri.
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prinċipju ne bis in idem, l-irkupru tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006, jikkostitwixxi l-irtirar ta’ vantaġġ indebitament miksub fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea. Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, tali miżura ma tikkostitwixxix sanzjoni li għaliha, kif tikkonferma dan b’mod espliċitu l-premessa 10 ta’ dan l-istess regolament, il-prinċipju ne bis in idem jista’ jiġi applikat. Dan japplika wkoll għall-imposta fuq iż-żejjed fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006. Fil-fatt, mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li sanzjonijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti jekk twettqu irregolaritajiet intenzjonali jew ikkawżati b’negliġenza. Irregolarità, min-naħa tagħha, hija ddefinita fl-Artikolu 1(2) tal-istess regolament bħala, essenzjalment, ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Issa, il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-produzzjoni li taqbeż il-kwota u, b’mod partikolari, il-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 318/2006, ma jippermettux li jiġi konkluż li tali produzzjoni għandha tiġi kkwalifikata bħala irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95. Huwa ċertament veru li l-imposta fuq iż-żejjed tirrappreżenta inċentiv ekonomiku sinjifikattiv sabiex ma jiġix prodott iżjed mill-kwota. Madankollu, mill-imsemmija leġiżlazzjoni jirriżulta li l-produzzjoni li taqbeż il-kwota tikkostitwixxi, bħala tali, ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant irregolarità li tista’ tagħti lok, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2988/95, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni.
(ara l-punti 70-73, 81 u d-dispożittiv 3)
4. L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006, li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 320/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi li impriża osservat l-impenn tagħha li żżarma parzjalment l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati, iżda mhux l-impenn tagħha li tirrinunzja għall-kwota applikabbli għall-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ isoglukosju u ta’ ġulepp tal-inulina li ġiet allokata lil impriża u li din l-impriża assenjat li waħda jew diversi mill-fabbriki tagħha l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat huwa ugwali għall-parti tal-għajnuna korrispondenti mal-impenn li ma kienx osservat. Din il-parti tal-għajnuna għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni.
(ara l-punt 92 u d-dispożittiv 4)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
21 ta’ Lulju 2011 (*)
“Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Zokkor – Natura u portata ta’ kwoti tranżitorji allokati lil impriża li tipproduċi z-zokkor – Possibbiltà għal impriża li tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 li tagħmel użu minn kwota tranżitorja allokata lilha – Kalkolu tal-ammont tal-irkupru u tas-sanzjoni applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-impenji fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni – Prinċipju ta’ ne bis in idem”
Fil-Kawża C-150/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de première instance de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura
Bureau d’intervention et de restitution belge
vs
Beneo-Orafti SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Beneo-Orafti SA, minn D. De Keuster, avukat, u C. Pitschas, avukat,
– għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, bħala aġent, assistit minn E. Grégoire u J. Mariani, avukati,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet u P. Rossi, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Marzu 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(6) u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 335M, 13. 12. 2008, p. 29), tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006, tas-27 ta’ Marzu 2006, dwar miżuri tranżitorji fil-kuntest tar-riforma tal-Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, u jemenda ir-Regolamenti tal-Kummisjoni (KE) Nru 1265/2001 u (KE) Nru 314/2002 (ĠU L 89, p. 11), tal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 967/2006 tad-29 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 rigward produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota (ĠU L 312M, p. 75), tal-Artikoli 26 u 27 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità (ĠU L 322M, p. 183), kif ukoll tal-prinċipji ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn il-Bureau d’intervention et de restitution belge (iktar ’il quddiem il-“BIRB”) u Beneo-Orafti SA (iktar ’il quddiem “Beneo-Orafti”) dwar ir-rimbors ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, minn naħa, u l-ħlas ta’ imposta fuq il-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota, min-naħa l-oħra.
Il-kuntest ġuridiku
L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor
3 L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p. 1), intitolat, “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:
“Is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti [rregolati mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq] fis-settur taz-zokkor tibda fl-1 ta’ Ottubru u tispiċċa fit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni sussegwenti.
Madankollu, is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 tibda’ fl-1 ta’ Lulju 2006 u tispiċċa fit-30 ta’ Settembru 2007.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
4 L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tqassim tal-kwoti”, jipprovdi:
“1. L-kwoti nazzjonali u reġjonali għall-produzzjoni taz-zokkor, ta’ isoglukosju u ta’ ġulepp tal-inulina huma stabbiliti fl-Anness III.
2. L-Istati Membri għandhom jallokaw kwota għal kull impriża produttriċi ta’ zokkor, ta’ isoglukosju jew ta’ ġulepp tal-inulina stabbilita fit-territorju tagħhom u approvata skont l-Artikolu 17.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5 L-Kapitolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Produzzjoni li taqbeż il-kwota”, jinkludi l-Artikoli 12 sa 15 tal-istess regolament.
6 Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 318/2006, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:
“Iz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina prodotti matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li jaqbżu l-kwota msemmija fl-Artikolu 7 jista’:
a) jintuża għall-manifattura ta’ ċerti prodotti enumerati fl-Artikolu 13;
b) jiġi ttrasferit għall-kwota ta’ produzzjoni tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni sussegwenti, skont l-Artikolu 14;
ċ) jintuża għall-finijiet tal-iskema ta’ provvista speċifika stabbilita għar-reġjuni l-iktar imbiegħda […];
jew
d) jiġi esportat fil-limiti kwantitattivi ffissati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 39(2), filwaqt li jiġu osservati l-impenji li jirriżultaw minn ftehim konklużi skont l-Artikolu 300 tat-Trattat.
Il-kwantitajiet l-oħrajn prodotti żejda huma suġġetti għall-impost fuq l-eċċess imsemmija fl-Artikolu 15”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7 L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006, intitolat “Imposta fuq iż-żejjed”, jipprovdi:
“1. Imposta fuq iż-żejjed tinġabar fuq il-kwantitajiet:
a) ta’ zokkor żejjed, ta’ isoglukosju żejjed u ta’ ġulepp tal-inulina żejjed prodotti matul sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, ħlief kwantitajiet ittrasferiti għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni sussegwenti […] u ta’ kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(ċ) u (d);
[…]
2. L-imposta fuq iż-żejjed hija ffissata […] għal livell għoli biżżejjed sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 1.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
8 Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 493/2006 jipprovdi li:
“L-Artikolu 1(2) tar-Regolament [...] Nru 318/2006 jistabbilixxi l-perijodu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 mill-1 ta’ Ottubru 2006 sat-30 ta’ Settembru. Madankollu, is-sena 2005/2006, kif stabbilit bir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1260/2001, [tad-19 ta’ Ġunju 2001], dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17), tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2006. Għal din ir-raġuni s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 hija ffissati mill-1 ta’ Lulju 2006 u tispiċċa fit-30 ta’ Settembru 2008 u għalhekk testendi fuq ħmistax-il xahar. Jeħtieġ li tiġi pprovduta għal din is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni żieda ta’ kwoti u ta’ rekwiżiti tradizzjonali ta’ rfinar, li preċedentement kienu jikkorrispondu għal tnax-il xahar u li ser jerġgħu japplikaw wara din is-sena għal tnax-il xahar, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni tliet xhur addizzjonali, sabiex tiġi żgurata allokazzjoni li tikkorrispondi ma’ dik ta’ snin ta’ kummerċ preċedenti u sussegwenti. Dawn il-kwoti tranżitorji jridu jkopru l-produzzjoni taz-zokkor mill-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, prodotti minn pitravi miżrugħa qabel l-1 ta’ Jannar 2006.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
9 L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 493/2006, intitolat “Kwoti tranżitorji”, jipprovdi fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:
“3. Għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, kwota tranżitorja tal-ġulepp tal-inulina ta’ 80 180 tunnellata ta’ materja niexfa, magħmula f’zokkor abjad/isoglukosju b’mod ekwivalenti, hija attribwita lill-Istati Membri skont it-tqassim li jinsabu fil-parti Ċ tal-Anness II.
4. Il-kwoti tranżitorji stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3:
a) ma humiex suġġetti għall-ħlas tal-ammont temporanju ta’ ristrutturazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament […] Nru 320/2006;
b) ma jistgħux jibbenefikaw mill-ħlas għal għajnuna prevista bir-Regolament […] Nru 320/2006.”
10 L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 967/2006, intitolat “L-ammont”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-imposta pprovduta fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandha tkun ta’ EUR 500 għal kull tunnellata metrika.”
11 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 967/2006, intitolat “L-ammont żejjed suġġett għall-imposta”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-imposta għandha tintalab mingħand il-manifatturi rigward l-ammont żejjed prodott li jaqbeż il-kwota tagħhom għal sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari.
Madankollu, l-imposta m’għandiex tintalab fuq il-kwantitajiet li jissemmew fil-paragrafu 1 li:
a) ġew ikkunsinnati lil proċessur qabel it-30 ta’ Novembru tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni segwenti li għandhom jintużaw fil-manifattura tal-prodotti li jissemmew fl-Anness;
b) inġarru ’l quddiem skond l-Artikolu 14 tar-Regolament [...] Nru 318/2006 u, fil-każ taz-zokkor, inħażnu mill-manifattur sa l-aħħar jum tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni in kwistjoni;
c) ġew ikkunsinnati qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni segwenti fil-kuntest ta’ arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għall-aktar reġjuni mbiegħda […];
d) ġew esportati qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni segwenti b’liċenzja ta’ l-esportazzjoni;
e) inqerdu jew ġew iddanneġġjati mingħajr il-possibbiltà li jiġu rkuprati, f’ċirkustanzi li ġew rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat.”
L-iskema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taż-żokkor fl-Unjoni Ewropea
12 Il-premessi 1 u 5 tar-Regolament Nru 320/2006 jipprovdu:
“(1) Minħabba l-iżviluppi fil-Komunità u fil-livell internazzjonali, l-industrija taz-zokkor fil-Komunità qed tiffaċċja problemi strutturali li jistgħu jheddu serjament il-kompetittività kif ukoll il-vijabbiltà ta’ l-industrija ġenerali. Dawn il-problemi ma jistgħux jiġu indirizzati effettivament billi jintużaw strumenti tal-ġestjoni tas-suq kif previst fl-organizzazzjoni tas-suq komuni taz-zokkor. Sabiex is-sistema Komunitarja tal-produzzjoni u l-kummerċ taz-zokkor tiġi konformi mal-ħtiġiet internazzjonali u tkun żgurata l-kompetittività tagħha fil-futur huma meħtieġ li jibda l-proċess ta’ ristrutturar profond li jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità tal-produzzjoni li ma tħallix profitt fil-Komunità. Għal dan il-għan, bħala prekondizzjoni għall-implimentazzjoni ta’ organizzazzjoni ġdida, funzjonanti u komuni tas-suq taz-zokkor għandha tkun stabbilita skema temporanja, separata u awtonoma għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità. Taħt din l-iskema għandhom jitnaqqsu l-kwoti b’mod li jitqiesu l-interessi leġittimi ta’ l-industrija taz-zokkor, tal-kabbara tal-pitravi zokkrija, tal-kannamieli u taċ-ċikwejra u tal-konsumaturi fil-Komunità.
[…]
(5) Għandu jkun introdott inċentiv ekonomiku importanti għall-impriżi taz-zokkor bl-aktar produttività baxxa biex iċedu l-kwota tal-produzzjoni tagħhom fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturar adegwata. Għal dan il-għan, għandha titwaqqaf għajnuna għar-ristrutturar li toħloq inċentiv biex tkun abbandunata l-produzzjoni tal-kwota taz-zokkor u jkun hemm rinunzja tal-kwoti kkonċernati, waqt li fl-istess ħin jitqies r-rispett lejn l-impenji soċjali u ambjentali magħqudin ma’ l-abbandunar tal-produzzjoni. L-għajnuna għandha tkun disponibbli waqt erba’ snin ta’ kummerċjalizzazzjoni bil-għan li titnaqqas il-produzzjoni sakemm meħtieġ biex tintlaħaq sitwazzjoni tas-suq bilanċjata fil-Komunità.”
13 Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tifsir”:
“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:
[...]
6) “kwota” tfisser kwalunkwe kwota għall-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukożju u x-xiropp ta’ l-inulina allokata lil impriża skond l-Artikoli 7(2), 8(1), 9(1) u (2) u l-Artikolu 11 tar-Regolament [...](KE) Nru 318/2006 [...]”.
14 Ir-Regolament Nru 320/2006 jipprovdi fl-Artikolu 3, intitolat “Għajnuna għar-ristrutturar”:
“1. Kwalunkwe impriża li tipproduċi z-zokkor, l-isoglukożju jew il-ġulepp ta’ l-inulina li għaliha tkun ġiet allokata kwota sa l-1 ta’ Lulju 2006, għandha tkun intitolata għallgħajnuna ta’ ristrutturar għal kull tunnellata tal-kwota rrinunzjata, previst li matul waħda mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, 2007/2008, 2008/2009 u 2009/2010 hi:
[…]
b) tirrinunzja l-kwota assenjata minnha lil waħda jew iktar mill-fabbriki tagħha, parzjalment iżżarma l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati u ma tużax il-kumplament tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati għall-produzzjoni ta’ prodotti koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor, jew 1;
jew
ċ) tirrinunzja parti mill-kwota assenjata minnha lill-fabbriki u ma tużax il-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati għall-irfinar taz-zokkor mhux maħdum.
[…]
5. L-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar għal kull tunnellata ta’ kwota rinunzjata għandu jkun:
[…]
b) fil-każ imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1:
– EUR 547,50 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007,
[…]
ċ) fil-każ imsemmi fil-punt (ċ) tal-paragrafu 1:
– EUR 255,50 għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007,
[…]”
15 L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Deċiżjoni dwar l-għajnuna għar-ristrutturar u l-kontrolli”, jipprovdi:
“1. Sa l-aħħar ta’ Frar li jippreċedi s-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2), l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ l-għajnuna għar-ristrutturar. Madankollu, id-deċiżjoni għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 għandha tkun adottata sat-30 ta’ Settembru 2006.
2. L-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata jekk l-Istat Membru jkun stabbilixxa wara verifika dettaljata li:
– l-applikazzjoni tinkludi l-elementi msemmijin fl-Artikolu 4(2),
– il-pjan għar-ristruttrar jinkludi l-elementi msemmijin fl-Artikolu 4(3),
– il-miżuri u l-azzjonijiet deskritti fil-pjan għar-ristrutturar huma f’konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja u nazzjonali rilevanti;
u
– ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa huma disponibbli fil-fond għar-ristrutturar,fuq bażi ta'informazzjoni akkwistata mill-Kummissjoni.
[…]”
16 L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ammont temporanju għar-ristrutturar”, jipprovdi li:
“1. Għandu jitħallas ammont temporanju għar-ristrutturar għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni għal kull tunnellata ta’ kwota minn dawk l-impriżi li għalihom kienet allokata kwota.
Il-kwoti li kienu rinunzjati minn impriża sa minn sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari skond l-Artikolu 3(1) m’għandhomx ikunu soġġetti għall-ħlas ta’ ammont temporanju għar-ristrutturar għal din is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni u għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni sussegwenti.
2. L-ammont temporanju għar-ristrutturar għaz-zokkor u x-xiropp ta’ l-[inulina] għandu jkun stabbilit bħala:
– EUR 126.40 t-tunnellata tal-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007,
[…]”
17 Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Rinunzja tal-kwota”:
“Mis-sena kummerċjali li għaliha l-kwota tkun irrinunzjataf’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament [...] Nru 320/2006, l-ebda produzzjoni ta’ zokkor, isoglukosju jew ġulepp tal-inulina u l-ebda zokkor, isoglukosju jew ġulepp tal-inulina trasferit jew irtirat mis-sena kummerċjali preċedenti ma tista’ titqies bħala produzzjoni skont il-kwota fir-rigward tal-fabbriki kkonċernati.”
18 L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 968/2006, intitolat “Emendi għall-pjan ta’ ristrutturar”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Hekk kif tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar, il-benefiċjarju għandu jwettaq il-miżuri kollha elaborati fil-pjan ta’ ristrutturar approvat u għandu jirrispetta l-impenji inklużi fl-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna għar-ristrutturar.”
19 L-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Irkupru”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“[…] [j]ekk benefiċjarju ma jkunx konformi ma’ wieħed jew iktar mill-impenji tiegħu fil-pjan ta’ ristrutturar, fil-pjan tan-negozju jew fi pjan ta’ ristrutturar nazzjonali, kif applikabbli, il-parti tal-għajnuna mogħtija rigward l-impenn (impenji) ikkonċernat(i) għandha tiġi rkuprata ħlief fil-każ ta’ force majeure.”
20 Skont l-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, intitolat “Sanzjonijiet”:
“1. Jekk benefiċjarju ma jkunx konformi ma’ wieħed jew iktar mill-impenji tiegħu taħt il-pjan ta’ ristrutturar, il-pjan tan-negozju jew il-programm ta’ ristrutturar nazzjonali, kif applikabbli, hu jkun meħtieġ iħallas ammont ugwali għal 10 % tal-ammont li jrid jiġi rkuprat taħt l-Artikolu 26.
[…]
3. Jekk in-nuqqas ta’ konformità sar b’mod intenzjonat jew bħala riżultat ta’ negliġenza gravi, il-benefiċjarju għandu jkun meħtieġ iħallas ammont ugwali għal 30 % tal-ammont li jrid jiġi rkuprat taħt l-Artikolu 26.”
Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
21 L-għaxar premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), tipprovdi li:
“[…] taħt il-prinċipju ġenerali ta’ l-ekwità u l-prinċipju tal-proporzjonalità iżda wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, dispożizzjonijiet xierqa għandhom jiġu adottati filwaqtli jiġi rrispettat l-acquis communautaire u d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’regoli speċifiċi tal-Komunità li kienu jeżistu fil-waqt tad-dħul fisseħħ ta’ dan ir-Regolament, sabiex tiġi evitata kull duplikazzjoni ta’ penali finanzjarji tal-Komunità u penali kriminali nazzjonali imposti fuq l-istess persuni għall-istess raġunijiet.”
22 L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:
“Irregolarità għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-.Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta'nefqa mhux ġustifikata.”
23 L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:
“1. Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:
– permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,
[…]
4. Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”
24 Skont l-Artikolu 5(1) tal-istess regolament:
“L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:
a) il-ħlas ta’ multa amministrattiva;
b) il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; […]
ċ) it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;
d) l-esklużjoni minn, jew l-irtirar tal-vantaġġ għal perjodu sussegwenti għal dak ta’ l-irregolarità;
e) l-irtirar temporanju ta’ l-approvazzjoni jew ir-rikonoxximent meħtieġ għall-parteċipazzjoni fi skema ta’ għajnuna tal-Komunità;
f) it-telf ta’ garanzija jew depożitu provdut għall-iskop tal-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati mir-regoli jew ir-riforniment ta’ l-ammont tal-garanzija lliberata bla jedd;
ġ) penali oħra ta’ tip purament ekonomiku, ekwivalenti fin-natura u l-qasam ta’ applikazzjoni, kif hemm provdut fir-regoli settorjali adottati mill-Kunsill fid-dawl tal-ħtiġiet speċifiċi ta’ l-oqsma involuti u b’konformità mal-poteri ta’ l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill.”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
25 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fix-xahar ta’ Lulju 2006, Beneo-Orafti kisbet kwota bażika regolari ta’ 131 330 tunnellata u kwota tranżitorja ta’ 32 833 tunnellata ta’ ġulepp tal-inulina, mingħand l-awtoritajiet Belġjani kompetenti, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007.
26 Fis-27 ta’ Lulju 2006, Beneo-Orafti ressqet talba għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni quddiem l-awtoritajiet Belġjani kompetenti. Fit-18 ta’ Awwissu 2006, dawn l-awtoritajiet irrispondew li din it-talba kienet meqjusa bħala kompleta, u, fit-18 ta’ Settembru 2006, huma informaw lil Beneo-Orafti bl-ammissibbiltà tat-talba tagħha u nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea b’dan il-fatt.
27 Fix-xahar ta’ Novembru 2006, l-awtoritajiet Belġjani kompetenti informaw lil Beneo-Orafti li huma ma setgħux jagħtu evalwazzjoni ġuridika inkontestabbli rigward il-kwistjoni dwar jekk ix-xewqa tagħha li tuża l-kwota tranżitorja tagħha kinitx kompatibbli mal-kundizzjonijiet għall-kisba tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mitluba. Huma pproponew li tiġi kkuntattjata l-Kummissjoni bil-għan li tiġi ċċarrata din il-kwistjoni jew li jappoġġjaw lil Beneo-Orafti fil-kuntest ta’ tali kuntatt.
28 Bejn il-21 ta’ Novembru 2006 u t-13 ta’ Diċembru 2006, Beneo-Orafti pproduċiet 27 756.986 tunnellata ta’ ġulepp tal-inulina.
29 Fit-18 ta’ Jannar 2007, l-awtoritajiet Belġjani informaw lil Beneo-Orafti li kienet ġiet allokata għajnuna ta’ EUR 59 679 771.50.
30 Mistoqsija mill-awtoritajiet Belġjani kompetenti, il-Kummissjoni wieġbet, b’ittra tal-20 ta’ Frar 2007, li l-kwoti tranżitorji jirrappreżentaw biss estensjoni tal-kwoti bażiċi regolari. Skont il-Kummissjoni, impriża li rrinunzjat għall-kwota bażika regolari tagħha fil-kuntest tal-iskema tar-ristrutturazzjoni ma setgħetx tkompli tipproduċi biss abbażi tal-kwota tranżitorja.
31 Fit-3 ta’ April 2007, l-awtoritajiet Belġjani kompetenti wieġbu, fl-istess sens tal-ittra tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2007, għal mistoqsijiet li l-BIRB għamlilhom fid-19 ta’ Frar 2007.
32 Fid-9 ta’ Lulju 2007, il-BIRB bagħat ittra, lil Beneo-Orafti, li tirrepeti l-pożizzjoni tal-Kummissjoni u li tiddikjara li Beneo-Orafti jkollha tħallas imposta fuq il-produzzjoni taz-zokkor li taqbeż il-kwota ta’ EUR 13 878 493 (27 756.986 tunnellata x EUR 500 għal kull tunnellata) sakemm din tal-aħħar ma tiġġustifikax li hija kienet osservat l-impenji tagħha.
33 B’ittra reġistrata tat-13 ta’ Awwissu 2007, il-BIRB intimat lil Beneo-Orafti sabiex tirrimborsah is-somma ta’ EUR 12 613 468.36 korrispondenti għall-għajnuna riċevuta għall-kwantità prodotta fil-kuntest tal-kwota tranżitorja kif ukoll is-somma ta’ EUR 3 784 040.51 korrispondenti għal sanzjoni ta’ 30 % tal-ammont li għandu jiġi rkuprat skont l-Artikoli 26 u 27(3) tar-Regolament Nru 968/2006, jiġifieri total ta’ EUR 16 397 508.87.
34 Beneo-Orafti talbet ukoll ir-rilaxx parzjali tal-garanzija bankarja, li kien ġie rrifjutat mill-BIRB.
35 B’ċitazzjonijiet tal-21 ta’ Marzu u tal-25 ta’ Lulju 2008, il-BIRB ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li jikseb il-ħlas tal-ammonti msemmija iktar ’il fuq ta’ EUR 16 397 508.87 u ta’ EUR 13 878 493 mingħand Beneo-Orafti.
36 Peress li f’dawn iċ-ċirkustanzi s-soluzzjoni tal-kawżi teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, it-Tribunal de première instance de Bruxelles iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:
1) Il-kwoti tranżitorji allokati lil impriża li tipproduċi z-zokkor abbażi tal-Artikolu 9 tar-[Regolament Nru 493/2006] huma eżenti mill-iskema temporanja għar-ristrutturar stabbilita bir-[Regolament Nru 320/2006] u mir-[Regolament Nru 968/2006] dwar miżuri ta’ implementazzjoni, peress li dawn il-kwoti:
a) mhumiex suġġetti għall-ħlas ta’ ammont temporanju għar-ristrutturar,
b) ma jibbenifikawx mill-għajnuna għar-ristrutturar u
ċ) mhumiex kwoti fis-sens tar-[Regolament Nru 320/2006], kif definiti mill-Artikolu 2.6 tal-imsemmi regolament?
2) Anki jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija negattiva, il-kwoti temporanji huma kwoti kompluti, indipendentement mill-kwoti ta’ bażi regolari, peress li:
a) il-kwoti tranżitorji huma allokati abbażi tal-Artikolu 9 tar-[Regolament Nru 493/2006], u mhux abbażi tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 318/2006],
b) il-kriterji għall-allokazzjoni tal-kwoti tranżitorji huma differenti mill-kriterji għall-allokazzjoni tal-kwoti ta’ bażi regolari u
ċ) il-kwoti tranżitorji huma miżuri tranżitorji intiżi sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-iskema preċedenti tas-suq taz-zokkor għall-iskema l-ġdida tas-suq taz-zokkor tal-Komunità u għaldaqstant ma japplikawx, fil-prinċipju, ħlief matul is-sena tas-suq 2006/2007?
3) Jekk ir-risposta hija pożittiva għal waħda miż-żewġ domandi preċedenti (jew għat-tnejn), impriża li tipproduċi z-zokkor, li talbet għajnuna għar-ristrutturar għas-sena tas-suq 2006/2007 skont l-Artikolu 3 tar-[Regolament Nru 320/2006] għandha d-dritt li tibbenifika minn kwota tranżitorja allokata għas-sena tas-suq 2006/2007 skont l-Artikolu 9 tar-[Regolament Nru 493/2006]?
4) Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija negattiva, is-sanzjoni applikata tista’ tikkonsisti [f’] irkurpu ta’ parti mill-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija u rkupru tal-kwota tranżitorja?
Kif għandu jiġi kkalkolat l-ammont tal-irkupru pprovdut fl-Artikolu 26 (1) [tar-Regolament Nru 968/2006] u s-sanzjoni pprovduta fl-Artikolu 27 [ta’ dan ir-regolament], fil-każ fejn impriża li tipproduċi z-zokkor irċiviet għajnuna għar-ristrutturar (fir-rigward tas-sena tas-suq 2006/2007) u użat il-kwota tranżitorja tagħha (li għaliha ma ġiet allokata ebda għajnuna għar-ristrutturar)?
Il-kalkolu ta’ dan l-ammont u ta’ din is-sanzjoni għandu jieħu inkunsiderazzjoni kull wieħed mill-elementi li ġejjin jew parti minnhom:
a) l-ispejjeż sostnuti mill-impriża inkwistjoni li tipproduċi z-zokkor sabiex iżżarma l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħha,
b) it-telf subit mill-impriża inkwistjoni li tippproduċi z-zokkor wara l-abbandun tagħha tal-kwota ta’ bażi regolari,
ċ) il-fatt li l-kwota tranżitorja hija miżura speċifika u tranżitorja li tippermetti biss il-produzzjoni għas-sena tas-suq 2006/2007, iżda li ma tapplikax għas-snin tas-suq l-oħra (ħlief fil-każ tal-kwota tranżitorja taz-zokkor) u
d) il-kalkolu ta’ ammont tal-irkupru li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija iktar ’il fuq taħt [...] a) – ċ), huwa ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità?
5) Minkejja d-domandi preċedenti, meta jsiru effettivi, jiġifieri vinkolanti fuq min jagħmel it-talba, l-impenji meħuda abbażi ta’ pjan ta’ ristrutturar?
a) Matul il-bidu tas-sena tas-suq li għaliha min jagħmel it-talba jkun għamel it-talba tiegħu għall-għajnuna għar-ristrutturar?
b) Meta tiġi sottomessa t-talba lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti?
ċ) Meta jiġi nnotifikat, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li t-talba hija meqjusa bħala kompluta?
d) Meta jiġi nnotifikat, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li t-talba hija meqjusa bħala ammissibbli għal għajnuna għar-ristrutturar?
e) Meta jiġi nnotifikat, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, id-deċiżjoni tagħha għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar?
6) Jekk ir-risposta għal [l-ewwel u t-tieni domandi] (jew għat-tnejn) hija pożittiva, impriża li tipproduċi z-zokkor li ġiet allokata kwota tranżitorja għas-sena tas-suq 2006/2007 hija awtorizzata tuża din il-kwota matul is-sena tas-suq anki jekk din l-impriża tkun ingħatat għajnuna għar-ristrutturar fir-rigward tal-kwota tagħha ta’ bażi regolari, li tibda mas-sena tas-suq 2006/2007?
7) Jekk ir-risposta għal [l-ewwel, it-tieni u s-sitt] domandi hija negattiva, awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-impenji fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturar, hija awtorizzata takkumula l-irkupru tal-għajnuna għar-ristrutturar u s-sanzjoni skont l-Artikoli 26 u 27 tar-[Regolament Nru 968/2006] mal-impożizzjoni ta’ imposta fuq iż-żejjed, skont l-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 967/2006] jew din l-akkumulazzjoni ta’ sanzjonijiet jikser il-prinċipji ta’ ‛ne bis in idem’, ta’ proprozjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni?”
Fuq id-domandi preliminari
37 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lil Beneo-Orafti saret skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006.
Fuq l-ewwel sat-tielet u s-sitt domandi
38 Permezz tal-ewwel sat-tielet u s-sitt domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 493/2006.
39 Beneo-Orafti jipproponi li tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda fformulata b’dan il-mod. Fl-opinjoni tagħha, l-impenn meħud minn impriża li tirrinunzja għall-kwota applikabbli għall-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ isoglukosju u ta’ ġulepp tal-inulina li ġiet allokata lilha u li din l-impriża assenjat li waħda jew diversi mill-fabbriki tagħha, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 (iktar ’il quddiem l-“impenn li tirrinunzja għall-kwota”), jirrigwarda biss il-kwoti allokati skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 318/2006, minbarra l-kwoti tranżitorji allokati skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 493/2006. Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, fir-rigward tagħhom, jipproponu li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda.
40 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li t-terminu “kwota”, li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 320/2006, huwa ddefinit fl-Artikolu 2(6) tal-istess regolament. Kif ġustament tosserva Beneo-Orafti, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tinkludi, fid-diċitura tagħha, referiment biss għal kwoti allokati skont diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 318/2006 u mhux għal kwoti tranżitorji fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 493/2006.
41 Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Feltgen u Bacino Charter Company, C‑116/10, p. I‑14187), punt 12).
42 Kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 493/2006, il-kwoti tranżitorji kienu ġew introdotti bil-għan li jiżdiedu, matul is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, il-kwoti stabbiliti bir-Regolament Nru 318/2006 u, b’mod iktar partikolari, fl-Artikolu 7 tiegħu, peress li dawn tal-aħħar, l-istess bħall-kwoti stabbiliti bil-leġiżlazzjoni applikabbli preċedentement, jiġifieri r-Regolament Nru 1260/2001, kienu japplikaw għal tnax-il xahar u li l-imsemmija sena ta’ kummerċjalizzazzjoni kienet estiża b’mod eċċezzjonali għal ħmistax-il xahar.
43 Fid-dawl ta’ dan l-għan wisq preċiż segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li jikkonsisti biss f’li jadatta l-volum tal-kwoti għat-tul eċċezzjonali tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, il-kwoti tranżitorji ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura differenti minn dawk li huma jikkostitwixxu s-sempliċi żieda bil-għan li jintlaħaq l-imsemmi għan. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, din iż-żieda hija, barra minn hekk, proporzjonali mal-estensjoni eċċezzjonali tal-imsemmija sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.
44 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Nru 320/2006 ma jsemmix espressament il-kwoti tranżitorji, fatt li ma kienx, barra minn hekk, possibbli, peress li r-Regolament Nru 493/2006 li introduċa dawn il-kwoti kien suċċessiv għar-Regolament Nru 320/2006, hemm lok li t-terminu “kwota”, li jinsab fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, jiġi interpretat bħala li jinkludi wkoll il-kwoti tranżitorji.
45 Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bil-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta r-Regolament Nru 320/2006. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 1 sa 5 ta’ dan ir-regolament, dan l-għan huwa li jiġi rristrutturat is-settur taz-zokkor għal fini ta’ tnaqqis tal-kapaċità ta’ produzzjoni mingħajr qligħ fl-Unjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ inċentiv ekonomiku, fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, maħsuba għall-impriżi li l-produttività tagħhom hija l-iktar baxxa, sabiex huma jabbundunaw il-produzzjoni tagħhom taħt il-kwota u jirrinunċjaw għall-kwoti kkunsidrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, C‑33/08, Ġabra p. I‑5035, punt 22).
46 Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi għan jiġi injorat jekk jiġi permess lil impriża, benefiċjarja tal-imsemmija għajnuna u obbligata, minħabba dan il-fatt, li tirrinunzja għall-kwoti tagħha u li żżarma l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħha korrispondenti, li tibqa’ tuża dawn l-istess installazzjonijiet sal-aħħar tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-użu tal-kwota tranżitorja tagħha.
47 L-interpretazzjoni li tipprovdi li t-terminu “kwota”, li jinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 320/206, jinkludi wkoll il-kwoti tranżitorji ma hijiex invalidata mill-fatt li, kif issostni Beneo-Orafti, il-kwoti tranżitorji huma allokati permezz ta’ att legali li huwa distint minn dak li bih il-kwoti fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 318/2006 huma allokati u li dawn il-kwoti tal-ewwel ma humiex allokati fuq bażi storika bħala ma huma dawn l-aħħar.
48 Fil-fatt, ma jidhirx li dawn il-fatti jistgħu, bħala tali, ibiddlu n-natura tal-kwoti tranżitorji, kif hija tirriżulta mill-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni billi jiġu introdotti dawn il-kwoti u mfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.
49 Din l-istess intepretazzjoni lanqas hija kkontestata mill-fatt, enfasizzat minn Beneo-Orafti, li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 493/2006, il-kwoti tranżitorji ma humiex suġġetti għall-ħlas tal-ammont temporanju ta’ ristrutturazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 320/2006, u ma jistgħux jibbenefikaw mill-ħlas tal-għajnuna stabbilita permezz ta’ dan l-istess regolament.
50 Infatti, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda espressament li l-kwoti ma għandhomx jaffettwaw il-livell kemm tal-oneri kif ukoll tal-vantaġġi finanzjarji marbuta mal-iskema temporanja ta’ ristrutturazzjoni, irrappreżentati minn dawn l-ammonti u minn din l-għajnuna rispettivament, ma jimplikax, fih innifsu, li l-kwoti tranżitorji kienu maħsuba mill-istess leġiżlatur sabiex ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema. Għall-kuntrarju, l-esklużjoni preċiża, prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 493/2006, tikkonferma pjuttost li l-kwoti tranżitorji jaqgħu, a priori, taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni.
51 Konsegwentement, ir-risposta għal-ewwel sat-tielet u s-sitt domandi għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu “kwota” jinkludi fih ukoll il-kwoti tranżitorji fis-sens tal-Artikolu 9tar-Regolament Nru 493/2006.
Fuq il-ħames domanda
52 Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi ttrattata sussegwentement, il-qorti tar-rinviju għandu l-intenzjoni li jsir jaf d-data li fiha, f’ċirkustanzi bħala dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-impenn li tirrinunzja għall-kwota jkollu effett.
53 Għal Beneo-Orafti, li jirreferi għall-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 968/2006, din id-data hija dik meta tiġi riċevuta n-notifika, mill-awtorità kompetenti, tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li ġiet riċevuta, fil-kawża prinċipali, fit-18 ta’ Lulju 2007, filwaqt li, għall-Gvern Belġjan, id-data rilevanti hija dik tal-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li kienet, għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-1 ta’ Lulju 2006. Il-Kummissjoni, fir-rigward tagħha, tqis li l-impenn li tirrinunċja għall-kwota jkollu effett fil-bidu tas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni jew l-iktar tard fid-data li fiha l-produttur jiġi informat mill-awtoritajiet nazzjonali bl-ammissibbiltà tat-talba tiegħu u l-Kummissjoni tippubblika l-komunikazzjoni tagħha li tipprovdi li l-fondi huma disponibbli. Fil-kawża prinċipali, din id-data tal-aħħar hija dik tad-29 ta’ Settembru 2006.
54 Hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 968/2006, peress li ngħatatlu l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, il-benefiċjarju huwa obbligat li jeżegwixxi l-miżuri kollha preżenti b’mod dettaljat fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni approvat u li josserva l-impenji inklużi fit-talba tiegħu għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.
55 Anki jekk, moqrija a contrario, dawn l-istess termini jfissru li, qabel l-għoti tal-għajnuna, il-benefiċjarju ma huwiex obbligat li jeżegwixxi l-miżuri kollha u li josserva l-impenji msemmija f’din l-istess dispożizzjoni, jibqa’ l-fatt li, kif tfakkar fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha.
56 F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 320/2006, li jirrigwarda d-deċiżjoni dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u l-kontrolli relatati magħha.
57 Kif jirriżulta mill-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, meta jeżerċitaw il-kompetenza li huma għandhom, skont l-Artikolu 5(1) tal-istess regolament, li jiddeċiedu fuq l-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, l-Istati Membri, la darba huma jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni tal-ewwel huma sodisfatti, ma għandhomx iktar marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilhom li jiddeċiedu li l-għajnuna mhux ser tingħata.
58 Minn dan isegwi li impriża, bħala Beneo-Orafti, hija f’pożizzjoni li tkun taf jekk hijiex ser tikseb l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mill-mument li hija ssir taf bil-fatt li, f’għajnejn l-awtoritajiet kompetenti, il-kundizzjonijiet sabiex tikseb din l-għajnuna, stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 320/2006, huma sodisfatti. Tali għarfien jista’ jirriżulta kemm mill-komunikazzjonijiet magħmula lil din l-impriża minn dawn l-awtoritajiet wara t-tressiq minnha tat-talba għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni, kif ukoll kif juri l-fajl ippreżentat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u wkoll mill-pubblikazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewoprea li tikkonċerna d-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji neċessarji fil-fondi ta’ ristrutturazzjoni.
59 F’dawn iċ-ċirkustanzi, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta r-Regolament Nru 320/2006, imfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, ma jistax jitqies li l-impenn li tirrinunzja għall-kwota jkollu effett biss mid-data tal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni fis-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 968/2006.
60 Fil-fatt, kif juru preċiżament il-fatti fil-kawża prinċipali, tali interpretazzjoni tkun ta’ natura li tippermetti lil impriża, li ħadet l-impenn li tirrinunzja għall-kwota u li hija ċerta li ser tikseb għajnuna għar-ristrutturazzjoni bħala korrispettiv ta’ dan l-impenn, li tibqa’ tipproduċi taħt il-kwota li suppost irrinunċjat għaliha, fatt li jmur direttament kontra l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni li titnaqqas il-kapaċità ta’ produzzjoni mingħajr qligħ fl-Unjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ tali għajnuna.
61 Konsegwentement, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-impenn li tirrinunċja għall-kwota jkollu effett mid-data li fiha, fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikatha lilha jew li kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-impriża li tieħu dan l-impenn hija f’pożizzjoni li ssir taf, bħala impriża normalment diliġenti, li, f’għajnejn l-awtoritajiet kompetenti, il-kundizzjonijiet sabiex tikseb l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tal-istess regolament, huma sodisfatti.
Fuq l-ewwel parti tar-raba’ domanda u fuq is-seba’ domanda
62 Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ domanda tagħha u permezz tas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 26(1) u 27 tar-Regolament Nru 968/2006 kif ukoll l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006 għandhomx jiġi interpretati fis-sens li produzzjoni, bħala dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-ipoteżi li din tal-aħħar tkun kuntrarja għall-impenn li tirrinunċja għall-kwota, tista’ tagħti lok għall-irkupru tal-għajnuna, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni u għall-ġbir tal-imposta fuq iż-żejjed, bħala dawk previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet rispettivament, u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, jekk il-prinċipji ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu applikazzjoni kumulattiva ta’ dawn il-miżuri.
63 Beneo-Orafti ssostni li l-produzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix produzzjoni li tagħti lok għall-imposta fuq iż-żejjed fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006, peress li din ma tistax tiġi kkwalifikata bħala produzzjoni li taqbeż il-kwota. Fi kwalunkew każ, il-prinċipji ta’ ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni ma jipprekludux applikazzjoni kumulattiva tal-miżuri previsti fl-Artikoli 26(1) u 27 tar-Regolament Nru 968/2006 kif ukoll fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006. Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni għandhom fehma oħra.
64 F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-Artikoli 26(1) u 27 tar-Regolament Nru 968/2006, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn japplikaw jekk il-benefiċjarju ma josservax wieħed jew iktar mill-obbligi tiegħu skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, il-pjan tal-impriża jew il-programm ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali. Ma hemm l-ebda dubju li dan huwa l-każ jekk dan il-benefiċjarju jipproduċi z-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina minkejja l-impenn tiegħu li jirrinunċja għall-kwota. Tali produzzjoni tista’ għaldaqstant tagħti lok għall-irkupru tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006 u għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni fis-sens tal-Artikolu 27 ta’ dan l-istess regolament, peress li s-sanzjoni skont l-Artikolu 27(3) tal-imsemmi regolament setgħet tiġi, madankollu, imposta biss jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jista’ jiġi kkwalifikat bħala intenzjonali jew ikkunsidrat bħala li jirriżulta minn negliġenza gravi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.
65 Barra minn hekk, tali produzzjoni tikkostitwixxi produzzjoni li taqbeż il-kwota fis-sens tal-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 318/2006, li, ħlief jekk il-kundizzjonijiet li huma speċifikati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 67/2006 ma humiex sodisfatti, tagħti lok għall-ġbir tal-imposta fuq iż-żejjed fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006.
66 Fil-fatt, minn naħa, għall-istess raġunijiet bħal dawk sostnuti fil-punti 42 u 42 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “kwota”, għal dawk li jirrigwarda l-produzzjoni li taqbeż il-kwota fis-sens tal-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 318/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll il-kwoti tranżitorji.
67 Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, produzzjoni tinsab li taqbeż il-kwota għaliex il-produttur qabeż il-kwota, li qatt ma kellu kwota jew li jirrinunzjaha. Rigward din l-ipoteżi tal-aħħar, din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 968/2006, li jipprovdi li, mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni li għaliha l-kwota tkun irrinunzjata skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, l-ebda produzzjoni ma tista’ titqies bħala produzzjoni skont din il-kwota.
68 Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ne bis in idem jipprekludix applikazzjoni kumulattiva tal-miżuri previsti fl-Artikoli 26(1) u 27 tar-Regolament Nru 968/2006 kif kull fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006, għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, dan il-prinċipju huwa stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
69 Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-kontrolli u tas-sanzjonijiet tal-irregolaritajiet imwettqa fid-dritt Komunitarju, il-leġiżlatur Komunitarju, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, stabbilixxa serje ta’ prinċipji ġenerali u eżiġa li, bħala regola ġenerali, ir-regolamenti settorali kollha josservaw dawn il-prinċipji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, Ġabra p. I‑1315, punt 61).
70 Rigward l-irkupru tal-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006, dan jikkostitwixxi l-irtirar ta’ vantaġġ indebitament miksub fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95. Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(4) ta’ dan ir-regolament, tali miżura ma tikkostitwixxix sanzjoni li għaliha, kif tikkonferma dan b’mod espliċitu l-premessa 10 ta’ dan l-istess regolament, il-prinċipju ne bis in idem jista’ jiġi applikat.
71 Dan japplika wkoll għall-imposta fuq iż-żejjed fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006, kif ġustament isostnu l-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni.
72 Fil-fatt, mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li sanzjonijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti jekk twettqu irregolaritajiet intenzjonali jew ikkawżati b’negliġenza. Irregolarità, min-naħa tagħha, hija ddefinita fl-Artikolu 1(2) tal-istess regolament bħala, essenzjalment, ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
73 Issa, il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-produzzjoni li taqbeż il-kwota u, b’mod partikolari, il-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 318/2006, ma jippermettux li jiġi konkluż li tali produzzjoni għandha tiġi kkwalifikata bħala irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95. Huwa ċertament veru li l-imposta fuq iż-żejjed tirrappreżenta inċentiv ekonomiku sinjifikattiv sabiex ma jiġix prodott iżjed mill-kwota. Madankollu, mill-imsemmija leġiżlazzjoni jirriżulta li l-produzzjoni li taqbeż il-kwota tikkostitwixxi, bħala tali, ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant irregolarità li tista’ tagħti lok, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2988/95, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni.
74 Minn dan isegwi li, il-miżura prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 968/2006 biss tista’ tiġi kkwalifikata bħala sanzjoni, peress li l-prinċipju ne bis in idem ma huwiex maħsub sabiex japplika għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
75 Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hemm lok li jitfakkar li dan il-prinċipju, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).
76 Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-politika agrikola komuni, hija biss in-natura ċarament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-kamp, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
77 B’hekk, il-kwistjoni ma hijiex jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika waħda possibbli jew l-aħjar possibbli, iżda jekk kinitx manifestament inadegwata (sentenza Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).
78 Issa, fid-dawl tal-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kemm fir-Regolament Nru 318/2006 kif ukoll fir-Regolament Nru 320/2006, għall-osservanza tas-sistema tal-kwoti bil-għan li jiġu stabbilizzati s-swieq fis-settur taz-zokkor, ma jidhirx li l-possibbiltà, permessa minn dan l-istess leġiżlatur, ta’ applikazzjoni kumulattiva tal-miżuri previsti fl-Artikoli 26(1) u 27 tar-Regolament Nru 968/2006 kif ukoll fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006 tikkostitwixxi miżura manifestament inadegwata min-naħa tagħha meta mqabbla mal-għan sewgit minnu.
79 Barra minn hekk, ir-rimbors biss tal-għajnuna indebitament mogħtija skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006, flimkien ma’ sanzjoni prevista fl-Artikolu 27 ta’ dan l-istess regolament, ma huwiex ta’ natura li jippermetti, fih innifsu, li tiġi evitata l-akkumulazzjoni, mill-produzzjoni li taqbeż il-kwota li tikkostitwixxi l-produzzjoni bi ksur tal-impenn li tirrinunzja għall-kwota, tal-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 318/2006. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, li tiġi evitata l-imsemmija akkumulazzjoni jikkostitwixxi l-għan speċifiku tal-imposta fuq iż-żejjed.
80 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Uzonyi, C‑133/09, p. I‑8747, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix informazzjoni dwar sitwazzjoni li tista’ tiġi pparagunata għal dik tal-kawża prinċipali. Għaldaqsant dan il-fajl ma jippermettix li jiġi konkluż jekk u, skont il-każ, f’liema kundizzjonijiet, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jistax japplika għal tali kawża.
81 Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel parti tal-raba’ domanda u għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 26(1) u 27 tar-Regolament Nru 968/2006 kif ukoll l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 318/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li produzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-ipoteżi li din il-produzzjoni tkun kuntrarja għall-impenn li tirrinunzja għall-kwota, tista’ tagħti lok għall-irkupru tal-għajnuna, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni u għall-ġbir tal-imposta fuq iż-żejjed, kif previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet rispettivament. Fir-rigward tas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 968/2006, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fir-rigward tal-fatti kollha tal-każ, il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jistax jiġi kkwalifikata bħala intenzjonali jew meqjus li jirriżulta minn negliġenza gravi. Il-prinċipji ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux applikazzjoni kumulattiv ta’ dawn il-miżuri.
Fuq it-tieni parti tar-raba’ domanda
82 Permezz tat-tieni parti tar-raba’domanda tagħhha, li għandha tiġi ttrattata fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, b’liema mod għandu jiġi kkalkolat l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat, imsemmi fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006.
83 Beneo-Orafti ssostni li dan il-kalkolu għandu jsir fid-dawl tal-elementi elenkati mill-qorti tar-rinviju fit-tieni parti tar-raba’ domanda tagħha, filwaqt li l-Gvern Belġjan iqis li l-BIRB ikkalkola b’mod korrett l-ammont li għandu jiġi rkuprat billi mmultiplika l-ammont tal-għajnuna għal kull tunnellata riċevuta bil-kwantità ta’ tunnullati prodotti minn Beneo-Orafti. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li diversi metodi ta’ kalkolu huma possibbli.
84 Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 26(1) tar-Regoalment Nru 968/2006, jekk benefiċjarju ma josservax wieħed jew iktar mill-impenji tiegħu fil-pjan ta’ ristrutturar, fil-pjan tan-negozju jew fi pjan ta’ ristrutturarazzjoni nazzjonali, il-parti tal-għajnuna mogħtija rigward l-impenn jew l-impenji kkonċernati għandha tiġi rkuprata.
85 Mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-kisba tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kienet suġġetta għal żewġ impenji, previsti fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, jiġifieri dak li tirrinunzja għall-kwota u dak li żżarma parzjalment l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati, u li l-osservanza ta’ dan l-ewwel impenn biss hija s-suġġett tal-kawża prinċipali.
86 Issa, peress li, f’din il-kawża, l-uniku “impenn ikkonċernat” fis-sens tal-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006 huwa dak li jirriżulta mill-impenn li tirrinunzja għall-kwota, il-parti tal-għajnuna li tirrigwarda dan l-obbligu biss tista’, skont din l-istess dispożizzjoni u jekk jirriżulta li dan l-obbligu ma kienx effettivament osservat, tiġi rkuprata.
87 Fir-rigward tat-tqassim tal-għajnuna bejn l-obbligi differenti kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li, għal dak li jikkonċerna ż-żewġ obbligi fil-kawża prinċipali, dan it-tqassim jirriżulta minn ammonti differenti ffissati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 320/2006.Għaldaqstant, filwaqt li, in korrispettiv taż-żewġ impenji msemmija fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, l-ammont tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni għal kull tunnella ta’ kwota rrinunzjata għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006-2007 jiżdied, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(5)(b) ta’ dan ir-regolament, għal EUR 255.50 jekk l-impenn li tirrinunzja għall-kwota ma huwiex akkumpanjati b’impenn li żżarma parzjalment l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ fabbriki kkonċernati.
88 Minn dan isegwi li, kif ġustament sostniet Beneo-Orafti, fl-ipoteżi li impriża tosserva l-impenn tagħha ta’ żarmar, iżda mhux l-impenn tagħha li tirrinunzja għall-kwota, l-għajnuna riċevuta indebitament minnha għandha titqies, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiżdied għal EUR 255.50 għal kull tunnellata prodotta bi ksur ta’ dan l-aħħar impenn.
89 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-elementi li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju fir-raba’ domanda tagħha taħt il-punti a) sa ċ), ma hemm ebda indizju fil-leġiżlazzjoni applikabbli, u b’mod partikolari fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006, li jissuġġerixxi li dawn l-elementi huma rilevanti għall-kalkolu tar-rimbors tal-għajnuna riċevuta.
90 Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar jirriżulta li l-portata tan-natura indebita tal-għajnuna hija ddeterminata mill-obbligu kkonċernat li ma kienx osservat. Issa, peress li mir-risposta għall-ewwel sat-tielet u s-sitt domandi jirriżulta li l-impenn li tirrinunzja għall-kwota jirrigwarda indistintement il-kwoti fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 318/2006 u l-kwoti tranżitorji fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 493/2006, ma jistax jitqies li l-għajnuna li tkun inqas indebita jekk impriża tikkwalifika l-produzzjoni tagħha, kuntrarjament għall-imsemmi impenn, bħala produzzjoni li taqa’ taħt dawn il-kwoti tranżitorji pjuttost li bħala produzzjoni li taqa’ taħt il-kwoti fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolametn Nru 318/2006.
91 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li tirreferi għalih il-qorti tar-rinviju fit-tieni parti tar-raba’ domanda tagħha, ma jidhirx li miżura ta’ rkupru tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li, kif jipprovdi l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006, l-portata tagħha tiddependi fuq l-obbligu kkonċernat li ma kienx osservat, tikkostitwixxi miżura manifestament sporzjonata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, meta mqabbla mal-għan segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta introduċa din l-għajnuna u mfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.
92 Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għat-tieni parti tar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impriża osservat l-impenn tagħha li żżarma parzjalment l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati, iżda mhux l-impenn tagħha li tirrinunzja għall-kwota, l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat huwa ugwali għall-parti tal-għajnuna korrispondenti mal-impenn li ma kienx osservat. Din il-parti tal-għajnuna għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 320/2006.
Fuq l-ispejjeż
93 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu “kwota” jinkludi fih ukoll il-kwoti tranżitorji fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 493/2006, tas-27 ta’ Marzu 2006, dwar miżuri tranżitorji fil-kuntest tar-riforma tal-Organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, u jemenda ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1265/2001 u (KE) Nru 314/2002.
2) L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-impenn li tirrinunċja għall-kwota applikabbli għall-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ isoglukosju u ta’ ġulepp tal-inulina li ġiet allokata lil impriża u li din l-impriża assenjat li waħda jew diversi mill-fabbriki tagħha, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ikollu effett mid-data li fiha, fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikatha lilha jew li kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-impriża li tieħu dan l-impenn hija f’pożizzjoni li ssir taf, bħala impriża normalment diliġenti, li, f’għajnejn l-awtoritajiet kompetenti, il-kundizzjonijiet sabiex tikseb l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 5(2) tal-istess regolament, huma sodisfatti.
3) L-Artikoli 26(1) u 27 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006, tas-27 ta’ Ġunju 2006, li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 320/2006 kif ukoll l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq fis-settur taz-zokkor, għandhom jiġu interpretati fis-sens li produzzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-ipoteżi li din il-produzzjoni tkun kuntrarja għall-impenn li tirrinunzja għall-kwota applikabbli għall-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ isoglukosju u ta’ ġulepp tal-inulina li ġiet allokata lil impriża u li din l-impriża assenjat li waħda jew diversi mill-fabbriki tagħha, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, tista’ tagħti lok għall-irkupru tal-għajnuna, għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni u għall-ġbir tal-imposta fuq iż-żejjed, kif previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet rispettivament. Fir-rigward tas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 968/2006, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fir-rigward tal-fatti kollha tal-każ, il-każ ta’ nuqqas ta’ konformità jistax jiġi kkwalifikata bħala intenzjonali jew meqjus li jirriżulta minn negliġenza gravi. Il-prinċipji ne bis in idem, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux applikazzjoni kumulattiv ta’ dawn il-miżuri.
4) L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 968/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-ipoteżi li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, impriża osservat l-impenn tagħha li żżarma parzjalment l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati, iżda mhux l-impenn tagħha li tirrinunzja għall-kwota applikabbli għall-produzzjoni ta’ zokkor, ta’ isoglukosju u ta’ ġulepp tal-inulina li ġiet allokata lil impriża u li din l-impriża assenjat li waħda jew diversi mill-fabbriki tagħha, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 320/2006, l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat huwa ugwali għall-parti tal-għajnuna korrispondenti mal-impenn li ma kienx osservat. Din il-parti tal-għajnuna għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 320/2006.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy