Kawża C-152/10
Unomedical A/S
vs
Skatteministeriet
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret)
“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Boroż ta’ tbattil għad-dijalisi tal-plastik esklużivament maħsuba għall-apparat ta’ dijalisi (kliewi artifiċjali) — Boroż tal-plastik li titbattal fihom l-awrina esklużivament maħsuba għall-kateteri — Intestaturi 9018 u 3926 — Kunċetti ta’ ‘bċejjeċ’ u ta’ ‘aċċessorji’ — Oġġetti oħrajn tal-plastik”
Sommarju tas-sentenza
1. Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Borża ta’ tbattil għad-dijalisi, immanifatturata mill-plastik u użata biss ma’ apparat ta’ dijalisi (kilwa artifiċjali) — Borża li titbattal fiha l-awrina, immanifatturata mill-plastik u użata biss ma’ kateter
(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I)
2. Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Interpretazzjoni — Rikors għall-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali u tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana
1. In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it‑Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, għandha tiġi interpretata fis-sens li borża ta’ tbattil għad-dijalisi, immanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal apparat ta’ dijalisi (kilwa artifiċjali) u tista’ tintuża biss b’dan il-mod, bejn ix-xahar ta’ Mejju tas-sena 2001 u dak ta’ Diċembru tas-sena 2003, għandha tiġi klassifikata taħt is-subintestatura 3926 90 99 ta’ din in-nomenklatura bħala “plastik u oġġetti tiegħu” u li borża li titbattal fiha l-awrina, immanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal kateter u konsegwentement tista’ tintuża biss b’dan il-mod, għall-istess perijodu, għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 3926 90 99 tal-imsemmija nomenklatura bħala “plastik u oġġetti tiegħu”.
L-ebda mill-prodotti ma jista’ jiġi kklassifikat la bħala “biċċa” u lanqas bħala “aċċessorju”, ta’ kateter (subintestatura 9018 39 00) jew ta’ apparat ta’ dijalisi (kilwa artifiċjali) (subintestatura 9018 90 30), sa fejn, minn naħa, la l-borża li titbattal fiha l-awrina għall-kateteri u lanqas il-borża ta’ tbattil maħsuba għall-apparat tad-dijalisi ma huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ tali istrumenti jew apparat u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija boroż ma jippermettux li l-istrumenti u l-apparat imsemmi iktar ’il fuq jiġu adattati għal xogħol partikolari, u lanqas jikkonferulhom possibbiltajiet addizzjonali jew iqegħduhom f’pożizzjoni li jiżguraw servizz partikolari b’relazzjoni mal-għan prinċpali tagħhom.
(ara l-punti 35, 36, 38, 43 u d-dispożittiv)
2. L-opinjonijiet interpretattivi ta’ klassifikazzjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali kif ukoll dawk tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana fuq il-klassifikazzjoni tal-prodotti, rispettivament, fin-Nomenklatura Magħquda u fis-Sistema armonizzata tad-Deskrizzjoni u l‑kodifikazzjoni ta’ oġġetti, li ma tawx lok għall-adozzjoni ta’ regolament, jistgħu validament jintużaw fir-relazzjonijiet legali li jkunu nħolqu u ġew stabbiliti qabel l-adozzjoni tal-imsemmija opinjonijiet.
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
16 ta’ Ġunju 2011 (*)
“Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tariffarja – Nomenklatura Magħquda – Boroż ta’ tbattil għad-dijalisi tal-plastik esklużivament maħsuba għall-apparat ta’ dijalisi (kliewi artifiċjali) – Boroż tal-plastik li titbattal fihom l-awrina esklużivament maħsuba għall-kateteri – Intestaturi 9018 u 3926 – Kunċetti ta’ ‘bċejjeċ’ u ta’ ‘aċċessorji’ – Oġġetti oħrajn tal-plastik”
Fil-Kawża C‑152/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Højesteret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta' Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura
Unomedical A/S
vs
Skatteministeriet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Unomedical A/S, minn A. Hedetoft u M. Andersen, avukati,
– għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent, assistita minn K. Lundgaard Hansen, avukat,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon bħala aġenti, assistit minn N. Fenger, professur.
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it‑Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NM”), u b’mod partikolari fis-sens li għandu jingħata lill-kunċetti ta’ “bċejjeċ” u ta’ “aċċessorji” li jinsabu fil-Kapitolu 90 tan-NM.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Unomedical A/S (iktar ’il quddiem “Unomedical”) u Skatteministeriet (Ministeru tat-Taxxa u s-Sisa Daniż) dwar il‑klassifikazzjoni tariffarja ta’ boroż li titbattal fihom l-awrina għall-kateteri u ta’ boroż ta’ tbattil għall-apparat tad-dijalisi.
Il-kuntest ġuridiku
In-NM
3 In-NM hija bbażata fuq is-Sistema armonizzata tad-Deskrizzjoni u l‑kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’ il quddiem is-“SA”), redatta mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqaf bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Volum 2, p. 288).
4 Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jinsabu fit-Titolu A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tagħha. Dawn ir-regoli huma identiċi fil-verżjonijiet kollha applikabbli għall-kawża prinċipali u jipprovdu b’mod partikolari:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
1. It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[…]
6. Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il‑kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il‑kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
5 Il-Kapitolu 39 tat-tieni parti tat-Taqsima VII tan-NM jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ “Plastik u oġġetti tiegħu”.
6 Fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, jiġifieri bejn ix-xahar ta’ Mejju tas-sena 2001 u dak ta’ Diċembru 2003, l-imsemmi Kapitolu 39 kien jinkludi, fost l-oħrajn, l-intestaturi u subintestaturi li ġejjin:
“3926 Oġġetti oħrajn tal-plastik […]
3926 90 – oħrajn […]
3926 90 99 – oħrajn”.
7 Min-nota 2(2) tal-Kapitolu 39 tan-NM jirriżulta li dan il-kapitolu ma jinkludix “oġġetti ta’ Kapitolu 90 (per eżempju, elementi ottiċi, frejms tan-nuċċalijiet, għodod tad-disinn) [...]”.
8 Il-Kapitolu 90 tat-tieni parti tat-Taqsima XVIII tan-NM isemmi b’mod partikolari l-klassifikazzjoni ta’ “Strumenti u apparat ottiku, fotografiku, ċinematografiku, ta’ kejl, ta’ verifika, ta’ preċiżjoni, mediku jew kirurġiku, bċejjeċ u aċċessorju tiegħu”.
9 Fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-intestatura 9018, in-NM kienet tipprovdi s-segwenti:
“9018 Strumenti u apparat użati fi xjenzi mediċi, kirurġiċi, dentali jew veterinarji, inkluż apparat xintigrafiku, apparat elettromediku ieħor u strumenti għal eżamijiet tal-vista:
[…]
9018 20 00 - […]
- Siringi, labar, kateteri, kannuli u strumenti simili:
[…]
9018 39 00 ‑ oħrajn
[…]
9018 90 − strumenti u apparat oħrajn:
[…]
9018 90 30 – Kliewi artifiċjali”.
10 In-noti li jinsabu fil-Kapitolu 90 tan-NM jinkludu b’mod partikolari l-iżviluppi sussegwenti li jikkonċernaw il-bċejjeċ u l-aċċessorji tal-oġġetti li jaqgħu taħt dan il-kapitolu:
“2. Suġġett għal nota 1 hawn fuq, bċejjeċ u aċċessorji għal magni, apparat, strumenti jew oġġetti ta’ dan il-kapitlu għandhom ikunu kklassifikati skond dawn ir-regoli:
a) Bċejjeċ u aċċessorji li huma oġġetti nklużi f’xi wieħed mit-titli ta’ dan il-kapitlu jew ta’ Kapitlu 84, 85 jew 91 (ħlief titlu 8485, 8548 jew 9033) għandhom fil-każi kollha ikunu kklassifikati fit-titli rispettivi tagħhom;
b) Bċejjeċ u aċċessorji oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, strument jew apparat, jew ma’ għadd ta’ magni, strumenti jew apparat ta’ l-istess titlu (inkluż magna, strument jew apparat ta’ titlu 9010, 9013 jew 9031) għandhom ikunu kklassifikati mal-magni, strumenti jew apparat ta’ dak it-tip;
ċ) Il-bċejjeċ u l-aċċessorji l-oħrajn kollha għandhom ikunu kklassifikati f’titlu 9033.”
In-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8473
11 Skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kumitat imsemmi “Kumitat tas-Sistema Armonizzata” kompost mir-rappreżentanti ta’ kull parti kontraenti, ġie mwaqqaf fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali. Ix-xogħol tiegħu jikkonsisti, b’mod partikolari, li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u li jifformula noti ta’ spjega, opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni u opinjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA.
12 Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija konvenzjoni, kull parti kontraenti tintrabat li n-nomenklaturi tariffarji u l-istatistiċi tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l‑intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew emenda, kif ukoll il-kodiċijiet konnessi magħhom, u li ssegwi l-ordni numerika ta’ din is-sistema. L‑istess dispożizzjoni tistabbilixxi li kull parti kontraenti tintrabat ukoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma temendax il-portata tagħhom.
13 In-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8473 tipprovdi li:
“L-aċċessorji ta’ din l-intestatura jistgħu jikkonsistu kemm f’partijiet ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermettu li l-magni jiġu adattati għal xogħol partikolari, kemm f’mekkaniżmi li jagħtu possibbiltajiet addizzjonali, kemm ukoll f’dispożittivi ta’ natura li jiżguraw servizz partikolari flimkien mal-funzjoni prinċipali tal-magna”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 Bejn ix-xahar ta’ Mejju tas-sena 2001 u dak ta’ Diċembru tas-sena 2003, Unomedical importat fid-Danimarka, boroż li titbattal fihom l-awrina għall-kateteri u ta’ boroż ta’ tbattil għall-apparat tad-dijalisi.
15 Skont il-qorti tar-rinviju, il-boroż li titbattal fihom l-awrina għall-kateteri huma boroż li jesgħu żewġ litri, maħsuba għall-pazjenti fis-sodda. Huma mmanifatturata mill-plastik u minn komponenti fformati mill-plastik permezz ta’ injezzjoni. Il‑boroż huma ddisinjati b’mod li jiffunzjonaw b’kateter bużżieqa standard, iżda huma importati u mibjugħa mingħajr kateter. L-għan tagħhom huwa li jiġbru l‑awrina u fl-istess waqt jiżgura ambjent sterili madwar il-kateter u jippermettu wkoll l-osservazzjoni, il-kejl u l-ġbir ta’ kampjuni tal-awrina miġbura.
16 Il-parti ta’ fuq ta’ dawn il-boroż hija mgħammra minn żennuna li fuqha hija mwaħħla kannula bbilanċjata b’mod li tikkorrispondi għall-fluss tal-awrina. Wieħed mit-truf tal-kannula huwa mgħammar b’konnettur iddisinjat sabiex jiġi konness ma’ kateter bużżieqa standard u sabiex ukoll jippermetti t-teħid ta’ kampjuni tal-awrina. Barra minn hekk, valv kontra l-fluss, maħsub biex jipprevjeni l-awrina milli terġa’ tmur lura fil-boroż lejn il-bużżieqa tal-awrina, ġie inkluż f’dawn il-boroż. Fit-tarf ta’ isfel tagħhom, dawn tal-aħħar huma mgħammra wkoll b’żennuna li fuqha huwa mwaħħal valv ta’ fluss użat sabiex ibattal il‑kontenut tagħhom. Dawn il-boroż jitbattlu regolarment u huma, fil-prinċipju, mibdula darba fil-ġimgħa.
17 Rigward il-boroż ta’ tbattil għall-apparat tad-dijalisi, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dawn il-boroż għat-tisfija tad-demm bi proċess ta’ dijalisi huma ddisinjati b’mod li jadattaw ruħhom għall-apparat tad-dijalisi li għandu l-għan li jippurifika d-demm tal-pazjent u li jiġbed mill-ġisem il-likwidi żejjed, meta l-kliewi tal-pażjent ma għadhomx kapaċi jwettqu din il-funzjoni. Dawn il-boroż tal-plastik, li jesgħu żewġ litri, iservu biex jinġabar il-likwidu żejjed iffiltrat mill-apparat tad-dijalisi. Matul l-użu, dawn il-boroż huma mdendla minn ganċ fil-qiegħ tal-apparat tad-dijalisi u huma mgħammra minn żennuna li fit-tarf tagħha huwa ffissat konnettur, użat għall-konnessjoni tal-borża mal-apparat innifsu.
18 L-apparat ta’ dijalisi huwa ġeneralment mgħammra b’mekkaniżmu li jimpedixxi jew jinterrompi, b’mod elettroniku, id-dijalisi f’każ li jkun hemm ħsara fis-sistema magħluqa minħabba nixxija jew arja fil-kannuli. Bl-istess mod, l-apparat ta’ dijalisi huma mmanifatturati b’mod li jieqfu jew li jsemmgħu allarm f’każ ta’ saturazzjoni tal-boroż tad-dijalisi jew f’każ li dawn il-boroż ma humiex mehmuża sew.
19 Għall-importazzjoni ta’ dawn l-oġġetti, bejn l-1 ta’ Mejju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2003, l-Uffiċċju Reġjonali tad-Dwana ta’ Nordsjælland, f’Elseneur, (Told-Skat Nordsjælland, Reġjun Helsingør), qies li l-boroż għandhom jiġu kklassifikati fis-subintestatura tariffarja 3926 90 99 tan-NM, bħala “plastik u oġġetti tiegħu”, talab dazju doganali ta’ 6.5 % skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 179, u rettifika, ĠU 1997 L 179, p. 11, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).
20 Billi qieset li l-boroż importati għandhom jiġu kklassifikati, rispettivament, fis-subintestaturi 9018 39 00 00 tan-NM għall-boroż li titbattal fihom l-awrina mmanifatturati għall-kateteri u 9018 90 30 00 tan-NM għall-boroż ta’ tbattil maħsuba għall-apparat tad-dijalisi, bħala “boroż” u/jew “aċċessorji” ta’ kateter jew ta’ apparat ta’ dijalisi kif imsemmija mill-Kapitolu 90 ta’ din in‑nomenklatura, u għaldaqstant eżenti mid-dazji doganali, Unomedical ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Landsskatteretten. B’digriet tal-15 ta’ Novembru 2005, ikkonfermat id-deċiżjoni tat-Told‑Skat Nordsjælland, Reġjun Helsingør.
21 Sussegwentement, Unomedical appella quddiem l-Østre Landsret li, b’sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2007, ċaħad dan l-appell, Fid-deċiżjoni tagħhom, din il-qorti rreferiet b’mod partikolari għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 2002, Turbon International (C‑276/00, Ġabra p. I‑1389), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-kunċetti ta’ “bċejjeċ” u ta’ “aċċessorji” fir-rigward tal-intestatura tariffarja 8473 tan-NM, u qieset li ma kienx hemm raġuni suffiċjenti sabiex jiġu trasposti d-definizzjonijiet tal-imsemmija kunċetti għal intestaturi tariffarji oħra.
22 Madankollu, l-Østre Landsret qieset li l-funzjonament ta’ kateter ma jiddependix fuq jekk dan ikunx imwaħħal ma’ borża li titbattal fiha l-awrina bħal dik inkwistjoni fil-kawża inkwistjoni u kkonkludiet li dan it-tip ta’ boroż ma jistax jitqies bħala “aċċessorju” ta’ kateter. Rigward il-boroż maħsuba għall-apparat ta’ dijalisi, din il-qorti qieset li ma jikkontribwixxux għall-proċess ta’ dijalisi nnifsu u li ma jistgħux, għaldaqstant, jikkostitwixxu “biċċa” minn dan l-apparat. Għaldaqstant, skont l-Østre Landsret, iż-żewġ tipi ta’ boroż għandhom jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 39 tan-NM, bħala “plastik u oġġetti tiegħu”. Sussegwentement, Unomedical adit lill-Højesteret.
23 Fid-dawl tal-fatt li l-klassifikazzjoni tal-boroż inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ “bċejjeċ” u ta’ “aċċessorji” li jinsabu fil-Kapitolu 90 tan-NM, il-Højesteret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Borża tad-dijalisi, immanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal apparat ta’ dijalisi u tista’ tintuża biss permezz tiegħu, għandha tiġi klassifikata taħt
– il-Kapitolu 90 [tan-NM], fis-subintestatura [9010 90 30], bħala “bċejjeċ” u/jew “aċċessorju” għal apparat ta’ dijalisi, fis-sens tan-Nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tat-Tariffa Doganali Komuni,
jew
– il-Kapitolu 39, fis-subintestatura 3926 90 99 tan-Nomenklatura Magħquda, bħala plastik u oġġetti tiegħu?
2) Borża li titbattal fiha l-awrina, mmanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal kateter u konsegwentement tista’ tintuża biss – u fil-fatt hija użata biss - permezz ta’ katerer, għandha tiġi klassifikata taħt
– il-Kapitolu 90 [tan-NM], fis-subintestatura [9018 39 90 30], bħala “bċejjeċ” u/jew “aċċessorju” għal kateter, fis-sens tan-Nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tat-Tariffa Doganali Komuni,
jew
– il-Kapitolu 39, fis-subintestatura 3926 90 99 tan-Nomenklatura Magħquda, bħala plastik u oġġetti tiegħu?"
Fuq id-domandi preliminari
24 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2001 u l-31 ta’ Diċembru 2003, boroż ta’ tbattil tal-plastik għandhomx jitqiesu bħala “bċejjeċ” u/jew “aċċessorji” ta’ kateter jew ta’ apparat ta’ dijalisi, u, minħabba dan il-fatt, jaqgħux taħt l-intestatura 9018 tan-NM jew jekk dawn il-boroż għandhomx jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 3926 tan-NM bħala “oġġetti oħrajn tal-plastik”.
25 Qabel kollox, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jkun ibbażat, b’mod ġenerali, fuq il-karatteristiċi u fuq il-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti fil‑formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u fin-noti dwar taqsima jew dwar kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16; tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C‑376/07, Ġabra p. I‑1167, punt 31, kif ukoll tal-14 ta’ April 2011, British Sky Broadcasting Group u Pace, C‑288/09 u C‑289/09, Ġabra p. I‑0000, punt 60).
26 F’din il-kawża, fid-dawl tal-karatteristiċi fiżiċi tagħhom, hemm lok, fil-prinċipju, li l-boroż ta’ tbattil tal-plastik jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 39 tan-NM. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont in-nota 2(r) tal-Kapitolu 39 tan-NM, l-imsemmi kapitolu ma jinkludix l-artikoli tal-Kapitolu 90 tan-NM. Konsegwentement, għandu jiġi analizzat jekk l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati taħt dan il-Kapitolu 90, u b’mod partikolari taħt l-intestatura 9018 tan-NM.
27 Kif għamlu l-partijiet fil-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi nnotat li l-kateteri u l‑apparat ta’ dijalisi jaqgħu taħt l-intestatura 9018 tan-NM bħala “[s]trumenti u apparat użati fi xjenzi mediċi”. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9018 tan-NM tal-boroż li titbattal fihom l-awrina għall-kateteri u tal-boroż ta’ tbattil għall-apparat ta’ dijalisi hija għaldaqstant possibbli biss bil-kundizzjoni li l-imsemmija boroż jistgħu jitqiesu bħala “bċejjeċ” jew “aċċessorji”, rispettivament, ta’ kateter jew ta’ apparat ta’ dijalisi.
28 F’dan is-sens, in-nota 2(b) tal-Kapitolu 90 tan-NM tindika li “[b]ċejjeċ u aċċessorji oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, strument jew apparat, jew ma’ għadd ta’ magni, strumenti jew apparat tal-istess titlu [...], [...] għandhom ikunu kklassifikati mal-magni, strumenti jew apparat ta’ dak it-tip”.
29 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet il-qorti tar-rinviju, li r‑Regolament (KEE) Nru 2658/87, fil-verżjonijiet tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, ma jiddefinixxix il-kunċetti ta’ “bċejjeċ” u ta’ “aċċessorji”, fis-sens tal-Kapitolu 90 tan-NM. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-deċiżjoni dwar il‑portata ta’ dan il-kunċetti b’konnessjoni mal-intestatura 8473 tan-NM għall-klassifikazzjoni ta’ kontenituri tal-linka għal stampanti, indikat li l-kunċett ta’ “bċejjeċ” jimplika l-preżenza ta’ totalità li għall-funzjonament tiegħu huma indispensabbli u li l-kunċett ta’ “aċċessorji” jissupponi li jkun fil-preżenza ta’ organi ta’ tagħmir interkambjabbli li jippermetti li apparat jiġi adattat għal xogħol partikolari jew li jikkonferixxilu possibbiltajiet addizzjonali jew ukoll iqiegħdu f’pożizzjoni li jiżgura servizz partikolari b’relazzjoni mal-funzjoni prinċipali tiegħu (ara s-sentenza Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 32).
30 F’din il-kawża, l-ebda raġuni ma tippermetti li jiġi konkluż li l-imsemmija kunċetti ma jistgħux jingħataw definizzjoni identika fil-kuntest tal-intestaturi 8473 u 9018 tan-NM. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-istess definizzjonijiet għal dawn iż-żewġ intestaturi jiggarantixxu applikazzjoni koerenti u uniformi tat-Tariffa Doganali Komuni.
31 F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kunċett ta’ “bċejjeċ”, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA (C‑183/06, Ġabra p. I‑1559, punt 31), il‑Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkazzjoni li tuża dan il-kunċett kif iddefinit fis-sentenza Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, għall-intestatura 8473 tan-NM, fil-kuntest ta’ kwistjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ prodott fost subintestaturi differenti tal-Kapitolu 85 tan-NM.
32 Dwar il-kunċett ta’ “aċċessorjI”, fis-sentenza Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għat-termini tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8473 tan-NM sabiex tisabbilixxi d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett.
33 F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, kemm in-noti li jippreċedu l‑kapitoli tat-Tariffa Doganali Komuni, kif ukoll in-Noti ta’ Spjega tas-SA, jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Wiener SI, C‑338/95, Ġabra p. I‑6495, punt 11, u tas-7 ta’ Frar 2002, Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ element kuntrarju, għandha tiġi applikata d‑definizzjoni tal-kunċett ta’ “aċċessorji” mogħtija fis-sentenza Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, u li hija bbażata fuq Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8473, għall-intestatura 9018 tan-NM.
34 Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi rrilevat li n-nota 2(a) tal-Kapitolu 90 tan-NM, fir-rigward tal-Kapitoli 84, 85, 90 u 91 tan-NM, tirreferi għall-kunċetti ta’ “bċejjeċ” u “aċċessorji”, għaldalqstant tippermetti li jiġi dedott li l-imsemmija kunċetti għandhom l-istess tifsira f’dawn il-kapitoli.
35 Dwar il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jiġi kklassifikat la bħala “biċċa” u lanqas bħala “aċċessorju”, ta’ kateter (subintestatura 9018 39 00) jew ta’ apparat ta’ dijalisi (kilwa artifiċjali) (subintestatura 9018 90 30) rispettivament.
36 La l-borza li titbattal fiha l-awrina għall-kateteri u lanqas il-borża ta’ tbattil maħsuba għall-apparat tad-dijalisi ma huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ tali istrumenti jew apparat. Fil-fatt, jidher li l-funzjonament ta’ kateter ma jiddependix fuq il-preżenza ta’ borża li titbattal fiha l-awrina u, bl-istes mod, dak ta’ apparat ta’ dijalisi ma huwiex ikkundizzjonat mill-preżenza ta’ borża ta’ tbattil għall-apparat ta’ dijalisi, peress li l-proċess ta’ purifikazzjoni tad-demm huwa komplet fil-mument tal-użu ta’ din il-borża, li sservi biss biex tiġbor il-likwidi eliminati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C‑339/89, Ġabra p. I‑8947, punt 21 u Turbon International, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30).
37 Din il-konstazzjoni tal-aħħar ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-fatt li l-apparat ta’ dijalisi jiffunzjona biss fil-preżenza ta’ tali borża. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, li, fin-nuqqas ta’ mekkaniżmu ta’ siġurtà li bih huwa mgħammar l-imsemmi apparat, il-proċess ta’ dijalisi jista’ jsir mingħajr borża, peress li dan il-mekkaniżmu ta’ sigurtà jistabbilixxi biss rabta bejn l-apparat u l-imsemmija borża (ara, b’analoġija, is‑sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Turbon International, C-250/05, Ġabra p. I‑10351, punt 23).
38 Bl-istess mod, l-imsemmija boroż ma jippermettux li l-istrumenti u l-apparat imsemmi iktar ’il fuq jiġu adattati għal xogħol partikolari, u lanqas jikkonferulhom possibbiltajiet addizzjonali jew iqegħduhom f’pożizzjoni li jiżguraw servizz partikolari b’relazzjoni mal-għan prinċpali tagħhom. Fil-fatt, borża ta’ tbattil mehmuża ma’ kateter għandha l-għan uniku li tiġbor il-fluwidi eliminati wara li l-kateter wettaq il-funzjoni proprju tiegħu li jbattal l-awrina preżenti fil-bużżieqa tal-awrina. Rigward il-borża ta’ tbattil għall-apparat ta’ dijalisi, din ma tippermettix lil dan l-apparat li jwettaq funzjonijiet oħra ħlief dawk li għalihom huwa ddisinjat, li huwa l-purifikazzjoni tad-demm.
39 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, oġġetti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kklassifikati fil-Kapitolu 90 tan-NM. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 3926 tan-NM bħala “oġġetti tal-plastik”, u b’mod iktar speċifiku taħt is-subintestatura 3926 90 99 tan-NM.
40 Fi kwalunkwe każ, tali klassifikazzjoni hija kkorroborata minn opinjonijiet tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali u tal-Kumitat tas-SA li jikklassifikaw it-tip ta’ boroż bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt l-intestatura 3926 tan-NM.
41 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑opinjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kumitati, minkejja li ma humiex legalment vinkolanti, jikkostitwixxu madankollu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tal-Kodiċi Doganali mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jitqiesu bħala mezzi siewja għall-interpretazzjoni tal-imsemmi kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, BVBA Van Landeghem, C‑486/06, Ġabra p. I‑10661, punt 25, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Ecco Sko, C‑165/07, Ġabra p.I‑4037, punt 47, rispettivament).
42 Barra minn hekk, hemm lok li jiġi speċifikat li, kuntrarjament għall-argument sostnut minn Unomedical, dawn l-opinjonijiet interpretattivi, li ma tawx lok għall-adozzjoni ta’ regolament, jistgħu validament jintużaw fir-relazzjonijiet legali li jkunu nħolqu u ġew stabbiliti qabel l-adozzjoni tal-imsemmija opinjonijiet.
43 Konsegwentement, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li borża ta’ tbattil għad-dijalisi, immanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal apparat ta’ dijalisi (kilwa artifiċjali) u tista’ tintuża biss b’dan il-mod, bejn ix-xahar ta’ Mejju tas-sena 2001 u dak ta’ Diċembru tas-sena 2003, għandha tiġi klassifikata taħt is‑subintestatura 3926 90 99 ta’ din in-nomenklatura bħala “plastik u oġġetti tiegħu” u li borża li titbattal fiha l-awrina, immanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal kateter u konsegwentement tista’ tintuża biss b’dan il-mod, għall-istess perijodu, għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 3926 90 99 tal-imsemmija nomenklatura bħala “plastik u oġġetti tiegħu”.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana fil-verżjonijiet applikabbli għall-kawża prinċipali għandha tiġi interpretata fis-sens li borża ta’ tbattil għad-dijalisi, immanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal apparat ta’ dijalisi (kilwa artifiċjali) u tista’ tintuża biss b’dan il-mod, bejn ix-xahar ta’ Mejju tas-sena 2001 u dak ta’ Diċembru tas-sena 2003, għandha tiġi klassifikata taħt is-subintestatura 3926 90 99 ta’ din in‑nomenklatura bħala “plastik u oġġetti tiegħu” u li borża li titbattal fiha l‑awrina, immanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal kateter u konsegwentement tista’ tintuża biss b’dan il-mod, għall-istess perijodu, għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 3926 90 99 tal-imsemmija nomenklatura, fis-seħħ f’dak iż-żmien, bħala “plastik u oġġetti tiegħu”.
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.
Full & Egal Universal Law Academy