Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-5 ta’ Mejju 2011 – Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-200/10 P)
“Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratt dwar sostenn finanzjarju Komunitarju allokat lil proġett fil-kuntest tal-programm ‘eContent’ – Rexissjoni tal-kuntratt mill-Kummissjoni – Rimbors tal-ispejjeż eliġibbli – Motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali”
1. Proċedura - Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà - Eċċezzjoni mhux sostnuta minn argumenti preċiżi - Ċaħda tal-eċċezzjoni (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 91) (ara l-punti 17-19)
2. Appell - Aggravji - Ksur tal-obbligu li tingħata risposta għall-aggravji u għat-talbiet tal-partijiet - Aggravju intiż sabiex jipprova l-eliġibbiltà ta’ spejjeż li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ kuntratt dwar sostenn finanzjarju tal-Unjoni għal proġett fil-kuntest ta’ programm b’kontenut elettroniku - Nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni - Appell fondat (Artikolu 272 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58) (ara l-punti 32, 33, 42, 43)
3. Appell - Aggravji - Motiv ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell - Inammissibbiltà (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113(1)) (ara l-punti 67, 68)
4. Appell - Aggravji - Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti - Inammissibbiltà - Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti sottomessi lill-Qorti Ġenerali - Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58) (ara l-punti 81-84)
Suġġett
Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), tad-9 ta’ Frar 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T-340/07), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet rikors ibbażat fuq klawżola ta’ arbitraġġ intiża sabiex tikseb il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas, minn naħa, tas-somom allegatament dovuti lill-appellanti u, min-naħa l-oħra, tad-danni wara r-rexissjoni tal-kuntratt dwar sostenn finanzjarju Komunitarju allokat lill-proġett “e-Content Exposure and Business Opportunities” (“EEBO”) (Kuntratt Nru EDC-53007 EEBO/27873), konkluż fil-kuntest tal-Programm Komunitarju multiannwali intiż sabiex jistimola l-iżvilupp u l-użu tal-kontenut diġitali Ewropew fuq in-netwerks mondjali u sabiex jippromwovi d-diversità lingwistika fis-soċjetà tal-informazzjoni (Programm “eContent”).
Dispożittiv
1)
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-9 ta’ Frar 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni (T-340/07) hija annullata sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti deċiżjoni dwar it-talbiet ta’ Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE intizi, minkejja x-xoljiment tal-kuntratt EDC 53007 EEBO/27873, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta’ EUR 172 588.62, li tikkorrispondi għall-ispejjeż li għadhom ma ġewx irrimborsati mill-Kummissjoni u li ġew sostnuti minnha fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt.
2)
Il-kawża hija rrinvjata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-imsemmija talbiet ta’ Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE.
3)
L-ispejjeż huma rriżervati.
Full & Egal Universal Law Academy