Kawżi magħquda C-256/10 u C-261/10
David Barcenilla Fernández
u
Pedro Antonio Macedo Lozano
vs
Gerardo García SL
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León)
“Direttiva 2003/10/KE — Valuri ta’ espożizzjoni — Ħoss — Protetturi tas-smigħ — Effettività”
Sommarju tas-sentenza
1. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/10 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss)
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/10, Artikoli 3 u 5 sa 7)
2. Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 2003/10 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss)
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/10, Artikolu 5)
1. Id-Direttiva 2003/10/KE, dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) kif emendata bid-Direttiva 2007/30/KE, għandha tiġi interpretata fis-sens li min iħaddem fl-intrapriża li fiha l-livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum tal-ħaddiema għall-ħoss jaqbeż il-85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-użu tal-protetturi individwali tas-smigħ, ma jissodisfax l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva billi sempliċement iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema tali protetturi tas-smigħ li jippermettu li titnaqqas l-espożizzjoni ta’ kuljum għall-ħoss ta’ inqas minn 80 dB(A), peress li min iħaddem huwa obbligat li jimplimenta programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi biex titnaqqas espożizzjoni għall-ħoss bħal dan f’livell taħt il-85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ.
(ara l-punt 34 u dispożittiv 1)
2. Id-Direttiva 2003/10/KE dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss), kif emendata bid-Direttiva 2007/30, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma teżiġix li min iħaddem iħallas suppliment fil-paga lill-ħaddiema li huma esposti għal livell ta’ ħoss ta’ aktar minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ sempliċement minħabba li ma jkunx implimenta programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi biex jitnaqqas il-livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum għall-ħoss. Madankollu, id-dritt nazzjonali għandu jipprovdi mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li ħaddiem espost għal livell ta’ ħoss ’il fuq minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ, jistgħu jobbligaw u jġiegħlu lil min iħaddem, jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ prevenzjoni skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.
(ara l-punt 43, dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
19 ta’ Mejju 2011 (*)
“Direttiva 2003/10/KE – Valuri ta’ espożizzjoni – Ħoss – Protezzjoni tas-smigħ – Effettività”
Fil-Kawżi magħquda C‑256/10 u C‑261/10,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y León (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-21 ta’ April 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Mejju 2010, fil-proċeduri
David Barcenilla Fernández (C-256/10),
Pedro António Macedo Lozano(C-261/10)
vs
Gerardo García SL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, E. Juhász u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Spanjol, minn B. Plaza Cruz, bħala aġent,
– għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u M. Jacobs, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn M. Russo, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u G. Valero Jordana, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l‑interpretazzjoni tal‑Artikoli 3, 5, 6 u 7 tad-Direttiva 2003/10/KE, tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 2003, dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) (Is-Sbatax-il Direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 2003/10”).
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn Barcenilla Fernández (C‑256/10) u Macedo Lozano (C-261/10) u Gerardo García SL (iktar ’il quddiem “Gerardo”) dwar l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tħallas supplement fil-paga skont id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi għal tali żieda jekk il‑kundizzjonijiet tal‑post tax‑xogħol ikunu partikolarment iebsa.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2003/10:
“Il-livell ta’ esposizzjoni għall-ħoss jista’ effettivament jitnaqqas aktar billi jiġu nkorporati miżuri preventivi fid-disinn ta’ stazzjonijiet tax‑xogħol u postijiet tax-xogħol u billi jintgħażel apparat għax-xogħol, proċeduri u metodi sabiex tingħata prijorità għat-tnaqqis tar-riskji minn ras il-għajn. Dispożizzjonijiet li jirrelataw ma’ l-apparat tax-xogħol u metodi b’hekk jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ħaddiema involuti. Skond il-prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni kif preskritti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l‑introduzzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sugurezza u s-saħħa ta’ ħaddiema fuq ix-xogħol [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1 p. 349], miżuri kollettivi ta’ protezzjoni għandhom prijorità fuq miżuri individwali ta’ protezzjoni.”
4 Skont il-premessa 12 tad-Direttiva 2003/10:
“[...] Il-valuri stmati jew imkejla oġġettivament għandhom ikunu deċiżivi biex jinbdew l-azzjonijiet maħsuba fil-valuri ta’ azzjoni aktar baxxi u aktar għoljin ta’ esposizzjoni. Valuri ta’ limiti ta esposizzjoni huma meħtieġa biex tiġi evitata ħsara irriversibbli fis-smiegħ tal‑ħaddiema; il-ħoss li jasal fil-widna għandu jinżamm taħt il-valuri tal‑limiti ta’ esposizzjoni.”
5 L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Valuri ta’ limiti ta’ esposizzjoni u valuri ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni” jipprevedi:
“1 Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva il-valuri tal-limiti ta’ esposizzjoni u l‑valuri ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni fir-rigward tal-livelli ta’ kull jum ta’ esposizzjoni għall-ħoss u l-ogħla pressjoni tal-ħoss huma ffissati bħala:
(a) valuri ta’ limiti ta’ esponment: LEX, 8h = 87 dB(A) u ppeak = 200 Pa […] rispettivament;
(b) valuri ta’ fuq ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni: LEX, 8h = 85 dB(A) u ppeak = 140 Pa […] rispettivament;
(ċ) valuri aktar baxxi ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni: LEX, 8h = 80 dB(A) u ppeak = 112 Pa […] rispettivament.
2. Meta jiġu applikati l-valuri tal-limiti ta’ esposizzjoni, l‑istabbiliment ta’ l‑esposizzjoni effettiv tal-ħaddiem għandu jagħti kont ta’ attenwazzjoni provduti mill-protetturi individwali tas-smiegħ milbusa mill-ħaddiem. Il-valuri ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni m’għandhomx jagħtu kont ta’ l-effett ta’ xi protetturi bħal dawk.
[...]”
6 L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva intitolat “Dispożizzjonijiet immirati li jevitaw jew inaqqsu l-esposizzjoni” jipprevedi:
“1 Waqt li jingħata kont tal-progress tekniku u d-disponibilità ta’ miżuri li jikkontrollaw ir-riskju f’ras il-għajn, ir-riskji li joħorġu mill‑esposizzjoni għall-ħoss għandhom jiġu eliminati f’ras il-għajn jew imnaqqsa għal minimu..
It-tnaqqis ta’ dawk ir-riskji għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni preskritti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 89/391/KEE, u jagħti kont b’mod partikolari:
(a) metodi oħra tax-xogħol li jeħtieġu anqas esposizzjoni għall-ħoss;
(b) l-għażla ta’ apparat adattat għax-xogħol, li jkun jagħti kont tax‑xogħol li għandu jsir, li joħroġ minnu l-anqas ħoss possibbli, inkluża l-possibiltà li jintgħamel disponibbli għall-ħaddiema apparat tax-xogħol suġġett għad‑dispożizzjonijiet tal-Komunità bil-mira jew l-effett li jiġi limitat l‑esposizzjoni għall-ħoss;
(ċ) id-disinn u l-arranġamenti tal-postijiet tax-xogħol u l-istazzjonijiet tax-xogħol;
(d) informazzjoni adegwata u taħriġ li jgħallem lill-ħaddiema kif jużaw l‑apparat kif imiss sabiex jitnaqqas għal minimu –esposizzjoni tagħhom għall-ħoss;
(e) tnaqqis ta’ ħoss permezz ta’ mezzi tekniċi:
(i) tnaqqis tal-ħoss fl-arja, per eżempju permezz ta’ targi, għeluq u koperturi li jassorbu l-ħoss;
(ii) tnaqqis ta’ strutturi li jġorru l-ħoss, per eżempju permezz ta’ tmewwit jew iżolazzjoni;
(f) programmi adattati ta’ manutenzjoni għall-apparat tax-xogħol, il‑post tax-xogħol u s-sistemi tal-post tax-xogħol;
(g) organizzazzjoni tax-xogħol biex jitnaqqas il-ħoss:
(i) limitazzjoni tat-tul ta’ żmien u intensità għall-esposizzjoni;
(ii) skedi adattati tax-xogħol b’perjodi adegwati ta’ mistrieħ.
2. Fuq il-bażi ta’ l-istima tar-riskju msemmija fil-paragrafu 4, jekk il‑valuri ta’ fuq ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni jinqabżu, min iħaddem għandu jistabbilixxi u jimplimenta programm ta’ miżuri tekniċi u/jew ta’ organizzazzjoni maħsuba biex inaqqsu l-esposizzjoni għall-ħoss, waqt li jingħata kont b’mod partikolari tal-miżuri msemmija fil‑paragrafu 1.
[...]”
7 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/10 bit-titolu “Protezzjoni personali”, jipprevedi:
“1. Jekk ir-riskji li joħorġu minn esposizzjoni għall-ħoss ma jistgħux jiġu prevenuti b’mezzi oħra, protetturi ndividwali adattati, li jiffittjaw kif imiss tas-smiegħ għandhom jintgħamlu disponibbli għall-ħaddiema u wżati minnhom skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/656/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 dwar il-ħtiġiet minimi għas‑saħħa u s-sigurtà għall-użu minn ħaddiema ta’ apparat personali protettiv fuq il-post tax-xogħol (it-tielet Direttiva individwali skond it‑tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1 p. 349] u l-Artikolu 13(2) tad‑Direttiva 89/391/KEE u taħt il-kondizzjonijiet preskritti hawn taħt:
(a) meta l-esposizzjoni għall-ħoss jeċċedi l-valuri aktar baxxi ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni, min iħaddem għandu jagħmel disponibbli protetturi tas-smiegħ lill-ħaddiema;
(b) meta l-esposizzjoni għall-ħoss ikun daqsinsew jew ikun jeċċedi l‑valuri ta’ fuq ta’ azzjoni ta’ esposizzjoni, protetturi [i]ndividwali tas-smiegħ għandhom jintużaw;
[...]”
8 L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/10 intitolat “Limitazzjoni ta’ esposizzjoni” jipprevedi:
“1. Taħt ebda ċirkostanzi m’għandu l-esposizzjoni tal-ħaddiema kif stabbilit skond l-Artikolu 3(2) jeċċedi l-valuri tal-limitu ta’ esposizzjoni.
2. Jekk, minkejja l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din id‑Direttiva, esposizzjonii ’l fuq mill-valuri tal-limiti ta’ esposizzjoni jinkixfu, min iħaddem għandu:
(a) jieħu azzjoni immedjata biex inaqqas l-esposizzjoni taħt il-valuri tal-limitu ta’ esposizzjoni;
(b) jidentifika r-raġunijiet il għaliex ikun seħħ l-esposizzjoni żejjed; u
(ċ) jemenda l-miżuri ta’ protezzjoni u prevenzjoni sabiex jiġi evitat li dan jerġa’ jseħħ.”
Id-dritt nazzjonali
9 Id-Direttiva 2003/10 ġiet implementata permezz tad-Digriet Irjali Nru 286/2006 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kontra riskji relatati ma’ espożizzjoni għall-ħoss (Real Decreto 286/2006 sobre la protección de la salud y la seguridad de los trabajadores contra los riesgos relacionados con la exposición al ruido), tal-10 ta’ Marzu 2006 (BOE Nru 60, tal-11 ta’ Marzu 2006, p. 9842).
10 L-Artikolu 5(1), tad-Digriet Irjali Nru 286/2006 jiddistingwi l-valuri li jirriżultaw mill-azzjoni mill-valuri tal-limiti li fl-ebda każ ma għandhom jinqabżu. Skont l‑Artikolu 8 ta’ dan id-Digriet, il-limitu li ma għandux jinqabeż huwa stabbilit għal livell medju ta’ kuljum ta’ 87 dB (A) kuljum.
11 L-Artikolu 5(2), tad-Digriet Irjali Nru 286/2006 jipprevedi li “għall‑applikazzjoni tal-valuri tal-limiti ta’ espożizzjoni, l-istabbiliment ta’ espożizzjoni effettiv tal‑ħaddiem għandu jieħu inkunsiderazzjoni l‑attenwazzjoni tal-ħoss provduta mill-protetturi individwali tas-smigħ milbusa mill‑ħaddiem.”
12 L‑Artikolu 27 tal-Ftehim Kollettiv tal-provinċja fir-rigward tal-bini u xogħlijiet pubbliċi, tar-reġjun ta’ Palencia għall-perijodu 2007-2011 (iktar ’il quddiem il‑“Ftehim Kollettiv”) jipprovdi :
“1. Għandha titħallas, lil persuni li jaħdmu f’kundizzjonijiet eċċezzjonalment iebsa, tossiċi jew perikolużi, żieda ekwivalenti għal 20% tas‑salarju bażiku tagħhom. Jekk jeżerċitaw il‑funzjonijiet tagħhom matul nofs il-jum jew inqas, din iż-żieda tkun ta’ 10%.
[...]
3. Jekk il-kundizzjonijiet eċċezzjonali ta’ tbatija, tossiċità jew perikolu jegħbu għal xi raġuni jew oħra, iż-żieda msemmija aktar ’il fuq ma tibqax titħallas.
[...]”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
13 L-attività ta’ Gerardo, il-kumpannija li timpjega lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tikkonsisti fil‑manifattura ta’ materjali tal-ġebel mill-ġebel naturali. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali normalment jaħdmu fuq cutter awtomatiku.
14 Matul il-ġurnata tax-xogħol tagħhom, il-livell ta’ ħoss fuq ix-xogħol jaqbeż il‑medja ta’ kuljum ta’ 85 dB(A). Biex jirrimedjaw din is‑sitwazzjoni, Gerardo pprovditilhom tagħmir għall-protezzjoni individwali tas-smigħ. Minħabba l‑attenwazzjoni pprovduta minn dan it‑tagħmir, l‑espożizzjoni ta’ kuljum għall-ħoss tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tnaqqas għal livell ta’ inqas minn 80 dB(A).
15 Ir-rikorrenti talbu ħlas ta’ suppliment fil-paga skont l-Artikolu 27 tal‑Ftehim Kollettiv, minħabba li t-tbatija tal-post tax-xogħol tagħhom tirriżulta mill-fatt li huma esposti għal livelli ta’ ħoss li huma ogħla mill-medja ta’ kuljum ta’ 85 dB(A). It-talbiet tagħhom ġew miċħuda mill-Juzgado de lo Social, li sabet li Gerardo kkonformat mad-Digriet Irjali Nru 286/2006, li jittrasponi d-Direttiva 2003/10. Skont din il-qorti, l-effett ta’ attenwazzjoni tal-ħoss ipprovduta permezz tat-tagħmir ta’ protezzjoni tas‑smigħ għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet tal-post tax-xogħol għandhom jiġu kkunsidrati bħala iebsa.
16 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell quddiem il-qorti tar‑rinviju.
17 Din il-qorti rrilevat li ċ-ċaħda mill-Juzgado de lo Social tat-talbiet tar‑rikorrenti fil-kawża prinċipali hija konformi mal-ġurisprudenza riċenti tat-Tribunal Supremo, li tipprovdi li l-attenwazzjoni tal-ħoss ipprovduta minn tagħmir ta’ protezzjoni tas-smigħ invidiwali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddetermminat jekk il-ħaddiem huwiex espost għal kundizzjonijiet iebsa fil-post tax-xogħol tiegħu. Skont il‑qorti tar-rinviju, din il-ġurisprudenza tagħti interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ “tbatija” fid-dawl tad-Direttiva 2003/10 u tad-dritt nazzjonali li jittrasponiha li tiddeduċi minnhom li huma intiżi sabiex jipproteġu l‑ħaddiema kontra riskji għas-saħħa marbutin mal-espożizzjoni effettiva għall-ħoss. Minn dan jirriżulta nuqqas ta’ tbatija peress li l-protezzjoni individuali għas-smigħ tnaqqas il-ħoss li jasal fil-widna f’livell inqas minn 80 dB(A).
18 Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-deċiżjonijiet tat-Tribunal Supremo mad-Direttiva 2003/10. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tammetti li l-kawżi prinċipali jikkonċernaw il-ħlas tas-suppliment fil-paga, li bħala tali ma huwiex irregolat minn din id‑direttiva, tikkunsidra li l‑interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva hija prerekwiżit biex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali humiex intitolati għal dan is-suppliment fil-paga.
19 Fil-fatt, hija tikkunsidra li l-obbligu previst mill-Artikolu 27 tal-Ftehim Kollettiv li jitħallas suppliment fil-paga minħabba l-kundizzjonijiet iebsa tax-xogħol tiddependi fuq il-konformità minn min iħaddem tal-obbligi taħt id-Direttiva 2003/10 u d-Digriet Irjali Nru 286/2006. Meta min iħaddem jista’ jevita l‑obbligu li jħallas is-suppliment fil-paga biss minħabba li hu jkun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-impjegati tiegħu protezzjoni tas-smigħ anki jekk ma jkunx ikkonforma mal-obbligi tad‑direttiva fir-rigward tal-obbligi preventivi imposti minnha, dan ikun kontra l-effettività ta’ din id‑direttiva.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla y Leon iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi f’kull kawża li tressqu quddiem din il-qorti:
“1) L-Artikoli 3, 5(2), 6 u 7 tad-Direttiva 2003/10 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li impriża, fejn il-livell ta’ ħoss li għalih ikunu esposti l‑ħaddiema ta’ kuljum jaqbeż il-85 dB(A) (imkejjel mingħajr it-teħid inkunsiderazzjoni tal‑effetti ta’ protetturi tas‑smigħ), tosserva l-obbligi ta’ prevenzjoni ffissati mid-direttiva ċċitata iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet materjali ta’ xogħol meta hija tipprovdi protetturi tas-smigħ lil dawn il‑ħaddiema b’tali mod li, bis-saħħa tat-tnaqqis li jiggarantixxu dawn il-protetturi, il-ħoss li għalih ikunu esposti dawn il-ħaddiema ta’ kuljum jonqos għal inqas minn 80 dB(A)?
2) L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/10 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-programm ta’ miżuri tekniċi u/jew ta’ organizzazzjoni li għandu jiġi adottat minn impriża fejn il-livell ta’ ħoss li għalih ikunu esposti l-ħaddiema ta’ kuljum jaqbeż il-85 dB(A) (imkejjel mingħajr it-teħid inkunsiderazzjoni tal effetti ta’ protetturi tas‑smigħ), għandu l-għan li jnaqqas il-livell ta’ espożizzjoni għall-ħoss għal livell inqas minn 85 dB(A)?
3) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva, id‑Direttiva 2003/10 [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola jew prassi ġudizzjarja nazzjonali li teżenta lill‑impriża mill-ħlas ta’ kumpens finanzjarju, li din għandha, bħala prinċipju, tħallas lill-ħaddiema li ta’ kuljum ikunu esposti għal livell ta’ ħoss li jaqbeż il-85 dB(A), minħabba li din ipprovdiet protetturi tas-smigħ lil dawn il-ħaddiema li għandhom l-effett li jnaqqsu l-espożizzjoni ta’ kuljum għal inqas minn 80dB(A)?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
21 Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2003/10 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li min iħaddem, fl-intrapriża li fiha, il-livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum tal-ħaddiema għall-ħoss jaqbeż il-85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑effetti tal-użu tal-protetturi individwali tas-smigħ, jissodisfa l‑obbligi tiegħu taħt din id-direttiva bis-sempliċi tqiegħed għad-dispożizzjoni tal‑ħaddiema ta’ protezzjoni tas-smigħ biex inaqqsu l-espożizzjoni għall-ħoss ta’ kuljum għal taħt it-80 dB(A) u jekk l-Artikolu 5(2) tal‑imsemmija direttiva għandux jiġu interpretat fis-sens li huwa jimmira li jnaqqas l‑espożizzjoni għall-ħoss ta’ kuljum għal livell ta’ inqas minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑effetti tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ.
22 Bil-għan li tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar il-qafas regolatorju stabbilit mid-Direttiva 2003/10.
23 L-ewwel nett, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id‑direttiva, ir‑riskji li jirriżultaw minn espożizzjoni għall-ħoss huma eliminati f’ras il‑għajn jew imnaqqsa għall-minimu billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-progress tekniku u disponibbiltà tal-miżuri li jikkontrollaw ir‑riskju f’ras il-għajn.
24 F’dan il-kuntest, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1), jipprevedi li t‑tnaqqis tar-riskju huwa bbażat fuq il-prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni u jiddefinixxi miżuri biex jippromwovu dan l-għan.
25 Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/10, min iħaddem għandu jistabbilixxi u jimplementa programm ta’ miżuri intiżi biex inaqqsu l‑espożizzjoni għall-ħoss jekk il-valuri tal-espożizzjoni ogħla li jibdew l-azzjoni jinqabżu. F’dan il-kuntest, mill-Artikolu 3(1)(b) u mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, din l-espożizzjoni hija stabbilita għal 85 dB(A) li għandha titkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-użu ta’ protetturi individwali tas smigħ.
26 Sussegwentement, skont l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, protetturi individwali tas-smigħ jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema meta l‑espożizzjoni għall-ħoss teċċedi l-espożizzjoni li tibda l-azzjoni, “[j]ekk ir-riskji li joħorġu minn esposizzjoni għall-ħoss ma jistgħux jiġu prevenuti b’mezzi oħra”.
27 Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/10, l‑espożizzjoni tal-ħaddiem ma tista’ fl-ebda każ teċċedi l-limiti ta’ espożizzjoni, jiġifieri, li skont l‑Artikolu 3(1)(a) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) ta’ din id‑direttiva, huwa l‑livell ta’ 87 dB(A), imkejjel billi jittieħed inkunsiderazzjoni tal-effett tal-użu ta’ protetturi tas-smigħ.
28 Għalhekk, id-Direttiva 2003/10 tistabbilixxi ġerarkija bejn l-obbligi ta’ min iħaddem.
29 L-ewwel nett, min iħaddem huwa obbligat, skont l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva li jimplementa programm biex titnaqqas l-espożizzjoni għall‑ħoss fejn il‑ħaddiema huma esposti għal livell ta’ ħoss li jaqbeż il‑85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-użu tal-protetturi tas-smigħ.
30 Huwa biss sa fejn dan il-programm ma jippermettix li titnaqqas tali espożizzjoni għall‑ħoss, li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/10 jipprevedi, fit-tieni lok, l-obbligu addizzjonali li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema l-protetturi individwali tas-smigħ.
31 Fit-tielet u l-aħħar nett, l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprovdi l‑obbligi speċifiċi f’sitwazzjoni fejn l-użu ta’ protetturi individwali tas‑smigħ ma jipprevjenix li l-limiti tal-espożizzjoni jinqabżu.
32 B’hekk, mill-kliem u mill-istruttura ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li min iħaddem ma jissodisfax l-obbligi tiegħu taħt l‑Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/10 permezz tas-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-protetturi individwali tas-smigħ għall-ħaddiema, iżda għandu jimplementa programm biex titnaqqas l-espożizzjoni għall‑ħoss fejn ħaddiema huma esposti għal livelli ta’ ħoss li jaqbeż il‑85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l‑effett tal-użu tal-protetturi individwali tas-smigħ.
33 Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/10 hija sostnuta mill-premessa 10 tagħha li tipprovdi li din id-direttiva hija bbażata fuq il-kunċett ta’ prevenzjoni li jimplika li r-riskji huma mnaqqsa f’ras il-għajn u li l‑miżuri ta’ protezzjoni kollettivi għandhom prijorità fuq il-miżuri protettivi personali.
34 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi hija li d-Direttiva 2003/10 għandha tiġi interpretata fis-sens li min iħaddem fl-intrapriża li fiha l‑livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum tal-ħaddiema għall-ħoss jaqbeż il‑85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal‑użu tal-protetturi individwali tas-smigħ, ma jissodisfax l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva billi sempliċement iqiegħed għad-dispożizzjoni tal‑ħaddiema tali protetturi tas-smigħ li jippermettu li titnaqqas l-espożizzjoni ta’ kuljum tal-ħoss ta’ inqas minn 80 dB(A), peress li min iħaddem huwa obbligat li jimplementa programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi biex titnaqqas espożizzjoni għall-ħoss bħal dan f’livell taħt il-85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ.
Fuq it-tielet domanda
35 Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk id‑Direttiva 2003/10 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li timponi fuq min iħaddem, li ma jkunx implementa programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi biex jitnaqqas il-livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum għall‑ħoss, li jħallas suppliment fil-paga lill-ħaddiema li huma esposti għal livelli ta’ ħoss ogħla minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-użu ta’ protetturi tas-smigħ, anki jekk ikun qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawk il-ħaddiema tali protetturi tas-smigħ li għandhom l-effett li jnaqqsu l-espożizzjoni ta’ kuljum tal-ħoss għal livell inqas minn 80 dB(A).
36 Fir-rigward ta’ din id-domanda, għandu jitfakkar li skont il-Ftehim Kollettiv, suppliment fil-paga huwa dovut lill-ħaddiema li jaħdmu f’kundizzjonijiet eċċezzjonalment iebsa, fejn tali tbatija tista’ tirriżulta mill‑espożizzjoni għall-ħoss.
37 F’dan is-sens, il-qorti tar-rinviju rrilevat li, skont il-ġurisprudenza riċenti tat-Tribunal Supremo, ikun hemm nuqqas ta’ tali tbatija meta l‑protetturi individwali tas-smigħ ikollhom l-effet li jnaqqsu l-ħoss li jasal fil-widna f’livell inqas minn 80 dB(A). Skont il-qorti tar-rinviju, din ir‑regola hija bbażata fuq l‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/10 li l‑għan tagħha huwa li jipproteġi lill-ħaddiema kontra r-riskji għas-saħħa assoċjati mal-espożizzjoni attwali għall-ħoss. Issa, tali interpretazzjoni restrittiva jtellef mill-effettività ta’ din id-direttiva. Min iħaddem jista’ b’hekk jevita l-obbligu li jħallas is-suppliment fil-paga minħabba biss li hu jkun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-ħaddiema tiegħu protetturi individwali tas-smigħ anki jekk ma jkunx ikkonforma ma’ dak li teżiġi l‑imsemmija direttiva fir-rigward tal-obbligi preventivi imposta minnha.
38 F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat, kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni Ewropea, li d-Direttiva 2003/10 ma tirregolax, bħala tali, la l-ħlas tas-suppliment fil-paga minħabba t-tbatija fil-post tax xogħol li tirriżulta minn espożizzjoni għall-ħoss u lanqas il-kwistjoni sabiex jiġi magħruf jekk l effett ta’ protezzjoni tas-smigħ tista’ jew għandha tiġi kkunsidrata fid-determinazzjoni tal-limitu ta’ espożizzjoni għall-ħoss li jirriżulta fl-obbligu li jitħallas tali suppliment fil-paga.
39 Għalhekk, id-Direttiva 2003/10 ma teżiġix li nuqqas ta’ konformità minn min iħaddem, mal-obbligi preventivi imposti b’din id-Direttiva jkun punibbli permezz ta’ obbligu li jħallas suppliment fil-paga
40 Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, fir-rigward tad-domandi tal‑qorti tar-rinviju, li l-imsemmija obbligi preventivi għandhom l-għan li jnaqqsu kemm jista’ jkun, l‑espożizzjoni għall-ħoss f’ras il-għajn, bl‑implementazzjoni ta’ programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi, li huma parti mill-għan tad-Direttiva 2003/10 li tkun protetta s-saħħa tal‑ħaddiema.
41 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il‑libertà tal-għażla tal-metodi u tal-mezzi intiżi sabiex jiżguraw l‑implementazzjoni ta’ direttiva ma taffettwax l-obbligu li kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji għandhom li jadottaw kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw l-effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, b’mod konformi mal-għan intiż mid-direttiva (sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li jiżguraw, meta d-direttiva inkwistkoni tkun ħolqot drittijiet għall-individwi, li huma jkunu jistgħu jinvokawhom, jekk meħtieġ, quddiem il-qrati nazzjonali (sentenzi tat-30 ta’ Mejju, 1991, Il‑Kummissjoni vs Ġermanja, C‑361/88, Ġabra p. I‑2567, punt 15).
42 Minn dan isegwi li d-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat b’mod li jippermetti lill-ħaddiema li effettivament jobbligaw li min iħaddimhom, jikkonforma ruħu mal-obbligi preventivi imposti mid-Direttiva 2003/10 li għandha, kif jirriżulta mill-għaxar premessa, preċiżament bħala għan li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ħaddiema.
43 Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li d-Direttiva 2003/10 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma teżiġix li min iħaddem li jħallas suppliment fil-paga lill‑ħaddiema li huma esposti għal livelli ta’ ħoss ta’ aktar minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l‑effett tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ sempliċement minħabba li ma jkunx implementa programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi biex jitnaqqas il-livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum għall-ħoss. Madankollu, id-dritt nazzjonali għandu jipprovdi mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li ħaddiem espost għal livelli ta’ ħoss ’il fuq minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l‑effett tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ, jista’ jobbliga lil min iħaddem, jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ prevenzjoni skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id‑direttiva.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-Direttiva 2003/10/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 2003, dwar il-ħtiġiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l‑espożizzjoni ta’ ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (ħoss) (Is-Sbatax-il Direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), kif emendata bid-Direttiva 2007/30/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007, għandha tiġi interpretata fis-sens li min iħaddem fl-intrapriża li fiha il‑livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum tal-ħaddiema għall-ħoss jaqbeż il-85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-użu tal-protetturi individwali tas-smigħ, ma jissodisfax l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva billi sempliċement iqiegħed għad-dispożizzjoni tal- ħaddiema tali protetturi tas-smigħ biex jippermettu li titnaqqas l‑espożizzjoni ta’ kuljum tal-ħoss ta’ inqas minn 80 dB(A), peress li min iħaddem huwa obbligat li jimplimenta programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi biex titnaqqas espożizzjoni għall-ħoss bħal dan f’livell taħt il-85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑effetti tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ.
2) Id-Direttiva 2003/10 kif emendata bid-Direttiva 2007/30, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma teżiġix li min iħaddem iħallas suppliment fil-paga lill-ħaddiema li huma esposti għal livelli ta’ ħoss ta’ aktar minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ sempliċement minħabba li ma jkunx implimenta programm ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi biex jitnaqqas il-livell ta’ espożizzjoni ta’ kuljum għall-ħoss. Madankollu, id-dritt nazzjonali għandu jipprovdi mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li ħaddiem espost għal livelli ta’ ħoss ’il fuq minn 85 dB(A), imkejjel mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett tal-użu ta’ protetturi individwali tas-smigħ, jistgħu jobbligaw u jġiegħlu lil min iħaddem, jikkonforma ruħu mal-obbligi ta’ prevenzjoni skont l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy