Kawża C-284/10
Telefónica de España SA
vs
Administración del Estado
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)
“Direttiva 97/13/KE — Qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet — Taxxi u tariffi applikabbli għall-impriżi li għandhom awtorizzazzjonijiet ġenerali — Artikolu 6 — Interpretazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas ta’ taxxa annwali kkalkolata abbażi ta’ preċentwali tad-dħul gross mill-operat”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Settur tat-telekomunikazzjonijiet — Qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali — Direttiva 97/13 — Taxxi u tariffi applikabbli għall-impriżi li għandhom awtorizzazzjoni ġenerali
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/13, Artikolu 6)
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi taxxa fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, ikkalkolata kull sena u abbażi tad-dħul gross mill-operat tal-operaturi suġġetti għat-taxxa, li hija intiża biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-proċeduri ta’ ħruġ, ġestjoni, kontroll u implementazzjoni ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, sakemm id-dħul kollu miksub minn dan l-Istat Membru permezz ta’ tali taxxa ma jaqbiżx dawn l-ispejjeż amministrattivi kollha, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
Fil-fatt, dawn l-ispejjeż għandhom ikunu ibbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti. Madankollu, id-Direttiva 97/13 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li għandu jkun hemm korrelazzjoni preċiża bejn l-ammont tat-taxxa imposta fuq operatur taxxabbli u l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-imsemmija awtorità nazzjonali kompetenti u relattivi għal dan l-operatur għal perijodu determinat, peress li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 97/13 ma timponi tali korrelazzjoni.
(ara l-punti 20, 28, 35 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
21 ta’ Lulju 2011 (*)
“Direttiva 97/13/KE – Qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet – Taxxi u tariffi applikabbli għall-impriżi li għandhom awtorizzazzjonijiet ġenerali – Artikolu 6 – Interpretazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas ta’ taxxa annwali kkalkolata abbażi ta’ preċentwali tad-dħul gross mill-operat”
Fil-Kawża C-284/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura
Telefónica de España SA
vs
Administración del Estado,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn D. Šváby, President tal-Awla, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Mejju 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Telefónica de España SA, minn J. A. García San Miguel y Orueta, procurador, assistit minn M. Ferre Navarrete, abogado,
– għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo u M. Muñoz Pérez, bħala aġenti,
– għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u S. Gonçalves do Cabo, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u G. Valero Jordana, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Telefónica de España SA (iktar ’il quddiem “Telefónica”) u l-Administración del Estado fir-rigward tal-istimi tat-taxxa maħruġa mill-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (il-Kummissjoni tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem il-“KST”), dwar is-sena finanzjarja 2000, sabiex titħallas taxxa li huma suġġetti għaliha l-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali u ta’ liċenzji individwali għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet lil terzi.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 97/13
3 Mill-ewwel premessa tad-Direttiva 97/13 jirriżulta li din kienet tipprevedi “liberalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi u tal-infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet minn issa sal-1 ta’ Jannar 1998, bi perijodi ta’ tranżizzjoni għal ċerti Stati Membri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
4 Skont it-tielet premessa ta’ din id-direttiva, “huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali mogħtija mill-Istati Membri fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
5 Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 97/13 kienet tispeċifika li “huwa neċessarju li mal-awtorizzazzjonijiet jiġu stipulati xi kundizzjonijiet sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess pubbliku għall-benefiċċju tal-utenti tat-telekomunikazzjonijiet” u li “is-sistema regolamentari fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet […] għandha tikkunsidra l-bżonn li tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda kif ukoll l-applikazzjoni mifruxa tal-progress teknoloġiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
6 Il-ħames premessa tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi li din “konsegwentement, sejra tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għad-dħul ta’ operaturi ġodda fis-suq, bħala parti mill-iżvilupp tas-soċjetà tal-informatika” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
7 It-tnax-il premessa tad-Direttiva 97/13 tipprovdi li “kull taxxa jew tariffa imposta fuq l-impriżi fil-kuntest tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
8 Għal dak li jirrigwarda t-taxxi u t-tariffi applikabbli għall-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ġenerali, l-Artkolu 6 tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi li:
“Bla ħsara għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-provvista ta’ servizz universali b’mod konformi mal-Anness, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taxxi imposti fuq l-impriżi għall-finijiet tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jkollhom bħala l-uniku għan tagħhom li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-infurzar tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali applikabbli. Dawn it-taxxi għandhom jiġu ppubblikati b’mod xireaq u dettaljat biżżejjed sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
9 Fir-rigward tat-taxxi u tat-tariffi applikabbli għal-liċenzji individwali, l-Artikolu 11(1) tal-istess direttiva kien jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull taxxa imposta fuq l-impriżi bħala parti mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun intiża biss biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-infurzar tal-liċenzji individwali applikabbli. It-taxxi applikabbli għal liċenzja individwali għandhom ikunu proporzjonali mal-volum ta’ xogħol involut u għandhom jiġu ppublikati b’mod xieraq u dettaljat biżżejjed sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
Id-Direttiva 2002/20/KE
10 Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), tipprovdi, fil-premessa 31 tagħha, li:
“[…] Kull ħlas amministrattiv applikabbli għandu jkun konformi mal-prinċipji ta’ sistema ġenerali ta’ awtorizzazzjoni. Eżempju ta’ alternattiva ġusta, sempliċi u trasparenti għal dawn il-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-ħlasijiet tista’ tkun formula ta’ distribuzzjoni relatata mal-qligħ fuq il-bejgħ. Fejn il-ħlasijiet amministrattivi jkun baxxi ħafna, ħlasijiet b’rata fissa, jew ħlasijiet li jikkombinaw bażi ta’ rata fissa ma’ l-element relatat mal-qligħ fuq il-bejgħ tista’ wkoll tkun adatta”.
11 Fir-rigward tal-imsemmija ħlasijiet amministrattivi, l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej:
“1. Kull ħlas amministrattiv impost fuq impriżi li jfornu servizz jew network taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali jew li lilhom ikun ingħata dritt ta’ użu, għandu:
a) fit-total, ikopri biss l-ispejjeż amministrattivi magħmula fl-amministrazzjoni, kontroll u infurzar ta’ l-iskema ta’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u tad-drittijiet ta’ użu u l-obbligi speċifiċi kif imsemmija f’Artikolu 6(2), […] u
b) jiġi mpost fuq impriżi ndividwali b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat li jimminimizza spejjeż amministrattivi addizzjonali u l-ħlasijiet li jġibu magħhom.
2. Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jimponu ħlasijiet amministrattivi, għandhom jippublikaw rapport ta’ kull sena ta’ l-ispejjeż amministrattivi tagħhom u tas-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura. Fid-dawl tad-differenza bejn is-somma totali tal-ħlasijiet u l-ispejjeż amministrattivi, għandhom isiru l-aġġustamenti xierqa”.
Id-dritt nazzjonali
12 L-Artikolu 71 tal-liġi ġenerali 11/1998, tal-24 ta’ April 1998, dwar it-telekomunikazzjonijiet (BOE Nru 99, tal-25 ta’ April 1998, p. 13909, iktar ’il quddiem il-“liġi 11/1998”), jipprovdi:
“Bla ħsara għall-kontribuzzjoni finanzjarja li tista’ tiġi imposta fuq l-operaturi għall-finanzjament tas-servizz universali, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39 u tat-Titolu III, kull pussessur ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ta’ liċenzja individwali għall-provvista ta’ servizzi lil terzi għandu jħallas lill-amministrazzjoni ġenerali tal-Istat taxxa annwali, li ma tistax taqbeż 2 ‰ tad-dħul gross mill-operat, li għandha tkopri l-ispejjeż, inklużi tal-ġestjoni, tal-[KST] involut fl-implementazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji u ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali stabbiliti minn din il-liġi.
Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, dħul gross ifisser id-dħul kollu li jdaħħal il-pussessur tal-liċenzja jew tal-awtorizzazzjoni mill-operat ta’ netwerk jew mill-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi.
It-taxxa għandha titħallas kull sena. Il-proċedura għall-ġbir tagħha għandha tiġi stabbilita b’regolament.
Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, il-liġi dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għandha tiddetermina kull sena, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn ir-riżorsi li jirriżultaw mill-ġbir tat-taxxa u l-ispejjeż għall-ħruġ u l-kontroll tal-użu tal-liċenzji individwali u tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali, ir-rata li għandha tiġi applikata għad-dħul gross mill-operat li jagħmel l-operatur, sal-massimu stabbilit f’dan l-artikolu, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-taxxa.
Id-differenza bejn ir-riżorsi inklużi fil-baġit u dawk realment miġbura għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex titnaqqas jew tiżdied ir-rata li għandha tiġi ddeterminata fil-liġi dwar il-baġit ġenerali tal-Istat tas-sena ta’ wara. L-għan huwa li jinstab bilanċ bejn ir-riżorsi miġbura mit-taxxa u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-attività msemmija iktar ’il fuq tal-[KST]”.
13 Din id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar ġiet implementata mid-digriet irjali 1750/1998, tal-31 ta’ Lulju 1998, li jirregola t-taxxi stabbiliti mil-liġi 11/1998 (BOE Nru 205, tas-27 Awwissu 1998, p. 29227). L-Artikoli 3 sa 8 tiegħu jipprovdu:
“Artikolu 3. Avveniment li jiġġenera t-taxxa
L-attività mwettqa mill-[KST] sabiex timplementa s-sistema tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew tal-liċenzji individwali għall-provvista ta’ servizzi lil terzi hija l-avveniment li jiġġenera t-taxxa.
Artikolu 4. Persuni taxxabbli
Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jippossjedu awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali għall-provvista ta’ servizzi lil terzi huma persuni taxxabbli.
Artikolu 5. Bażi ta’ stima
Il-bażi ta’ stima hija kkostitwita mid-dħul gross mill-operat iffatturat matul is-sena korrispondenti, kif iddefinit fl-Artikolu 71 tal-liġi [11/1998].
Artikolu 6. Rata
Ir-rata applikabbli inizjalment hija dik stabbilita fil-paragrafu 1 tat-tielet dispożizzjoni tranżitorja, sakemm ma tiġix sostitwita minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data rilevanti.
Artikolu 7. Tariffa
It-tariffa għandha tkun l-ammont li jirriżulta meta r-rata fis-seħħ skont il-liġijiet korrispondenti dwar il-baġit ġenerali tal-Istat tiġi applikata lill-bażi ta’ stima.
Artikolu 8. Ħlas
It-taxxa hija eżiġibbli fil-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.
Madankollu, jekk, għal raġuni imputabbli lill-pussessur, l-awtorizzazzjoni jew il-liċenzja jiġu kkanċellati qabel il-31 ta’ Diċembru, it-taxxa tkun eżiġibbli fid-data meta dan il-fatt jiġri”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 Telefónica ppreżentat appell amministrattiv quddiem l-Audiencia Nacional kontra l-istimi tat-taxxa li nħarġu kontriha mill-KST li ġie miċħud minn sentenza ta’ din il-qorti tal-10 ta’ Frar 2004, għar-raġuni li kien hemm korrispondenza totali bejn l-avveniment li ġġenera t-taxxa, jiġifieri l-pussess ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew liċenzji individwali, u l-bażi ta’ stima, ikkostitwita mid-dħul gross riċevut mill-pussessur tal-awtorizzazzjoni jew tal-liċenzja. Telefónica appellat minn din is-sentenza fuq punt ta’ liġi quddiem it-Tribunal Supremo.
15 Peress li qies li l-eżitu tal-kawża quddiemu jiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 97/13, it-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Id-Direttiva [97/13], b’mod partikolari, l-Artikolu 6 tagħha, tippermetti li l-Istati Membri jobbligaw lil proprjetarju ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jħallas taxxa annwali ikkalkulata abbażi ta’ perċentwali tad-dħul gross ta’ operazzjoni fatturata matul is-sena rilevanti, li ma jistax jaqbeż it-2 ‰, intiża sabiex tkopri l-ispejjeż, inklużi dawk ta’ ġestjoni, magħmula mill-korp ta’ telekomunikazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ sistema ta’ liċenzjar u ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, kif previst mill-Artikolu 71 tal-[Liġi 11/1998]?”
Fuq id-domanda preliminari
16 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi taxxa fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, ikkalkolata kull sena abbażi tad-dħul gross mill-operat tal-operaturi suġġetti għat-taxxa u intiża biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-applikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali u ta’ liċenzji individwali.
17 F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat minn qabel li, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika kemm għall-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali kif ukoll għall-pussessuri ta’ liċenzji individwali, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/13 dwar it-taxxi imposti fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali.
18 Hekk kif jirriżulta mill-premessi 1, 3, 4 u 5 tad-Direttiva 97/13, din hija parti mill-miżuri meħuda għal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-servizzi u tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet. Għal dan il-għan, hija stabbiliet qafas komuni applikabbli għas-sistemi ta’ awtorizzazzjonijiet intiż li jiffaċilita b’mod sinjifikattiv id-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda. Dan il-qafas jipprovdi, minn naħa, regoli dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet u l-kontenut tagħhom u, min-naħa l-oħra, regoli dwar in-natura jew il-portata tal-piżijiet finanzjarji relatati ma’ dawn il-proċeduri, li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-impriżi fis-settur tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2003, Albacom u Infostrada, C‑292/01 u C‑293/01, Ġabra p. I‑9449, punti 35 u 36, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 2011, Telefónica Móviles España, C‑85/10, p. I‑0000, punt 20).
19 Il-qafas komuni li d-Direttiva 97/13 hija intiża li timplementa ma tkun ta’ ebda effett jekk l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw il-piżijiet fiskali li għandhom iħallsu l-impriżi fis-settur. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jirċievu taxxi jew tariffi oħra minħabba l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, għajr dawk previsti mid-Direttiva 97/13 (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, Nuova società di telecomunicazioni, C‑339/04, Ġabra p. I‑6917, punt 35 u Telefónica Móviles España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).
20 Dawn il-piżijiet għandhom, hekk kif ġie ppreċiżat fil-premessa 12 tad-Direttiva 97/13, ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti. Barra minn dan, dawn ma għandhomx ikunu ta’ natura li jostakolaw l-għan tal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq li timplika ftuħ sħiħ tiegħu għall-kompetizzjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Albacom u Infostrada, punt 37, kif ukoll Telefónica Móviles España, punt 22).
21 Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-taxxi imposti mill-Istati Membri fuq l-impriżi pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13 jipprovdi li, minbarra l-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-provvista tas-servizz universali, dawn għandhom biss bħala għan li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali.
22 Mit-termini tal-imsemmi artikolu jirriżulta li dawn it-taxxi jistgħu jkopru biss l-ispejjeż marbutin ma’ erba’ attivitajiet amministrattivi, jiġifieri l-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-implementazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali applikabbli.
23 Għalkemm tali taxxi jistgħu jkopru spejjeż amministrattivi msejħa “ġenerali”, dawn madankollu għandhom ikunu relatati biss mal-erba’ attivitajiet imsemmija fil-punt preċedenti u dawn it-taxxi b’hekk ma jistgħux jinkludu spejjeż relatati ma’ attivitajiet oħra, bħall-attività ġenerali ta’ sorveljanza tal-awtorità regolatorja nazzjonali u, b’mod partikolari, il-kontroll tal-abbużi eventwali minn pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, dan it-tip ta’ kontroll imur lil hinn mix-xogħol li huwa strettament iġġenerat mill-implementazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali (ara, b’analoġija, fir-rigward tat-taxxi imposti skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/13, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor, C‑392/04 u C‑422/04, Ġabra p. I‑8559, punti 32, 34 u 35).
24 Barra minn hekk, it-taxxi imposti fuq l-impriżi bħala parti mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ġenerali għandhom, skont it-termini stess tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13, jiġu ppubblikata b’mod xieraq u ddettaljat biżżejjed sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment.
25 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13 la jipprovdi għal mod speċifiku ta’ determinazzjoni tal-ammont ta’ tali taxxa u lanqas għall-metodi tal-ġbir tagħha.
26 Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet tal-awtorità nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-ġestjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali li l-ammont tagħha għandu jiġi ddeterminat skont kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti.
27 Minn dan jirriżulta wkoll li tali taxxa tista’ tkopri biss l-ispejjeż li jirriżultaw mill-attivitajiet amministrattivi msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza. B’hekk, id-dħul kollu li jiksbu l-Istati Membri mit-taxxa inkwistjoni ma jistax jaqbeż l-ispejjeż kollha marbutin ma’ dawn l-attivitajiet amministrattivi, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
28 Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Telefónica fl-osservazzjonijeit bil-miktub tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 97/13 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li għandu jkun hemm korrelazzjoni preċiża bejn l-ammont tat-taxxa imposta fuq operatur taxxabbli u l-ispejjeż effettivament sostnuti mill-imsemmija awtorità nazzjonali kompetenti u relattivi għal dan l-operatur għal perijodu determinat, peress li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 97/13 ma timponi tali korrelazzjoni.
29 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-Direttiva 97/13 tiddikjara sempliċiment, fl-Artikoli 6 u 11, li t-taxxi imposti fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali kif ukoll fuq il-pussessuri ta’ liċenzji individwali jistgħu jkollhom “bħala […] għan” biss li jkopru l-ispejjeż amministrattivi marbutin, rispettivament, mal-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-implementazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali applikabbli jew ta’ liċenzji individwali. Min-naħa l-oħra, għalkemm it-tieni sentenza tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva tipprovdi espressament li l-ammont tat-taxxa mitlub għandu jkun proporzjonali mal-volum ta’ xogħol meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39), min-naħa l-oħra għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6 ma jimponix il-ħtieġa ta’ relazzjoni proporzjonali bejn it-taxxa applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali mogħtija lil operatur taxxabbli u l-volum tax-xogħol meħtieġ mill-ħruġ, il-ġestjoni, il-kontroll u l-implementazzjoni tagħhom.
30 Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 12 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, li, għalkemm id-direttiva hija inapplikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, jipprovdi fil-paragrafu (1)(b) tiegħu li t-taxxi amministrattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni ġenerali għandhom jitqassmu bejn l-impriżi individwali b’mod proporzjonat. Minn dan jirriżulta li l-kriterju ta’ proporzjonalità, previst f’dan l-Artikolu 12, jirrigwarda t-tqassim, bejn il-persuni taxxabbli, tal-ispejjeż amministrattivi u mhux ir-relazzjoni bejn it-taxxa applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-volum ta’ xogħol meħtieġ.
31 Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Istati Membri għandhomx id-dritt jiddeterminaw, kif tagħmel il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ammont ta’ din it-taxxa abbażi tad-dħul gross mill-operat tal-persuni taxxabbli, għandu jiġi kkunsdirat, minn naħa, hekk kif irrilevaw il-Gvern Spanjol u dak Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, li dan huwa kriterju oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju. Min-naħa l-oħra, dan il-kriterju ta’ determinazzjoni ma huwiex, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, għalkollox indipendenti mill-ispejjeż sostnuti mill-awtorità nazzjonali kompetenti.
32 F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 97/13 ma tistax tipprekludi lill-Istati Membri milli jiddeterminaw l-ammont ta’ taxxa skont l-Artikolu 6 ta’ din l-istess direttiva abbażi tad-dħul gross mill-operat tal-persuni taxxabbli.
33 Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 31 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, li permezz tagħha d-dħul mill-bejgħ jista’ jiġi kkunsidrat bħala kriterju ġust, sempliċi u trasparenti għat-taqssim bejn il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali ta’ tali taxxa.
34 Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-Istati Membri jistgħux jimponu fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali l-ħlas ta’ taxxa annwali li tkopri l-ispejjeż amministrattivi, għandu jiġi rrilevat li tista’ tiġi imposta fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjoni ġenerali taxxa intiża biex tkopri, minbarra l-ispejjeż għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ġenerali, l-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-ġestjoni, il-kontroll u l-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni matul il-perijodu ta’ validità tagħha. Dawn huma l-ispejjeż marbutin mal-attivitajiet li huma, bħala regola ġenerali, eżerċitati b’mod kontinwu wara l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ġenerali. Minħabba f’hekk, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13 ma jistax jipprekludi li tiġi imposta fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, perjodikament, taxxa intiża biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-proċeduri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, bħat-taxxa annwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
35 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi taxxa fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, ikkalkolata kull sena u abbażi tad-dħul gross mill-operat tal-operaturi suġġetti għat-taxxa, li hija intiża biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-proċeduri ta’ ħruġ, ġestjoni, kontroll u implementazzjoni ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, sakemm id-dħul kollu miksub minn dan l-Istat Membru permezz ta’ tali taxxa ma jaqbiżx dawn l-ispejjeż amministrattivi kollha, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
36 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi taxxa fuq il-pussessuri ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali, ikkalkolata kull sena u abbażi tad-dħul gross mill-operat tal-operaturi suġġetti għat-taxxa, li hija intiża biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-proċeduri ta’ ħruġ, ġestjoni, kontroll u implementazzjoni ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, sakemm id-dħul kollu miksub minn dan l-Istat Membru permezz ta’ tali taxxa ma jaqbiżx dawn l-ispejjeż amministrattivi kollha, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy