Kawża C-309/10
Agrana Zucker GmbH
vs
Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)
“Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea — Regolament (KE) Nru 320/2006 — Artikolu 11 — Eċċess ta’ dħul għall-fond għar-ristrutturar — Assenjazzjoni lill-FAEG — Prinċipji ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi u ta’ proporzjonalità — Obbligu ta’ motivazzjoni — Arrikkiment indebitu”
Sommarju tas-sentenza
1. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor — Ammont temporanju, dovut mill-impriżi, għar-ristrutturazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 11)
2. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor — Ammont temporanju, dovut mill-impriżi, għar-ristrutturazzjoni
(Artikolu 37 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, Artikolu 11)
3. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Regolament li jistabbilixxi skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor
(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, premessa 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) u Artikolu 11)
4. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor — Ammont temporanju, dovut mill-impriżi, għar-ristrutturazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, Artikolu 11)
5. Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Zokkor — Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor — Ammont temporanju, dovut mill-impriżi, għar-ristrutturazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 320/2006, Artikolu 11)
1. L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea u li jemenda r-Regolament Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li jinġabar l-ammont temporanju kollu, anki fl-eventwalità fejn il-fond għar-ristrutturar temporanju jesperjenza eċċess ta’ dħul.
Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmi Artikolu 11(1) jipprovdi li l-impriżi li jkollhom kwota għandhom iħallsu, għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, ammont temporanju li jiġi ffissat, fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, 2007/2008 u 2008/2009. Min-naħa l-oħra, l-eventwalità ta’ eċċess ta’ dħul li joriġina minn dan l-ammont temporanju meta mqabbel mal-infiq marbut mal-finanzjament ta’ miżuri ta’ ristrutturar li għalih huwa ddestinat, ġie previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-istess regolament, li jipprovdi li kull ammont disponibbli bħala fond għar-ristrutturar wara l-finanzjament tal-imsemmi nfiq għandu jiġi assenjat lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 11 u mit-tqassim tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta b’mod ċar li l-ammont temporanju għandu jitħallas mill-impriżi kkonċernati matul is-snin kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija u għandhom iħallsu l-ammont sħiħ.
(ara l-punti 20-22, u d-dispożittiv 1)
2. L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea li jemenda r-Regolament Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, ma jipprekludix il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi.
Intiż sabiex jikkontribwixxi għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità, il-ġbir ta’ ammont temporanju dovut, skont l-imsemmi Artikolu 11, mill-impriżi għar-ristrutturazzjoni, jikkostitwixxi miżura ta’ politika agrikola komuni adottata regolarment fuq il-bażi tal-Artikolu 37 KE. Il-fatt li jkun hemm eċċess ta’ dħul fit-tmiem ta’ tali skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni multiannwali u li dan l-eċċess jiġi assenjat lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 320/2006, ma jikkontestax il-kompetenza tal-leġiżlatur Ewropew sabiex jadotta din il-miżura u ma jċaħħadhiex min-natura tagħha ta’ miżura agrikola. Fil-fatt, l-eċċess eventwali jibqa’ jkun iddestinat sabiex jiffinanzja biss miżuri li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni.
(ara l-punti 29, 30, 32, 33, u d-dispożittiv 2)
3. L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea li jemenda r-Regolament Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, ma għandu l-ebda irregolarità fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Ċertament, il-premessa 2, li tikkonċerna l-arranġamenti finanzjarji tal-imsemmija skema, ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom, hekk kif jipprovdi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmi regolament, kull ammont disponibbli fil-fond għar-ristrutturar wara l-iffinanzjar tal-infiq, għandu jiġi assenjat lill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG). Madankollu, fid-data rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ dan l-att, jiġifieri d-data tal-adozzjoni tiegħu, kienet biss l-eżistenza ta’ eċċess residwu eventwali tal-fond għar-ristrutturar wara l-implementazzjoni ta’ dan l-infiq li kienet prevedibbli. Għalhekk, id-deċiżjoni li dan l-eċċess jiġi assenjat lill-FAEG, li l-fond għar-ristrutturar jagħmel parti minnu, saret biss fuq għażla teknika li għaliha ma kinitx meħtieġa raġuni speċifika.
(ara l-punti 37-39, u d-dispożittiv 2)
4. L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea u li jemenda r-Regolament Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, u l-ġbir tal-ammont temporanju b’applikazzjoni ta’ dan ma jistgħux jitqiesu li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fil-fatt, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun obbligat jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li tkun se tiġi adottata u l-effetti tagħha ma jistgħux ikunu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ biss tiġi kkritikata jekk din kienet tidher manifestament żbaljata fid-dawl tal-elementi li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Issa l-imsemmi ammont temporanju ġie ffissat fuq il-bażi tal-effetti futuri tal-iskema ta’ ristrutturazzjoni stabbilita minn dan ir-regolament mingħajr ma dawn l-effetti jkunu jistgħu jiġu previsti b’eżattezza. Billi l-evalwazzjoni tal-infiq u tad-dħul meħtieġ sabiex jagħmel tajjeb għalihom ma dehritx li kienet manifestament żbaljata fid-dawl tal-elementi li kellu l-leġiżlatur Komunitarju fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 320/2006, peress li l-ammont ta’ eċċess ma kienx biżżejjed sabiex juri l-eżistenza ta’ tali żball, ma jidhirx li l-iffissar tal-ammont temporanju kien manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan intiż ta’ finanzjament, mill-produtturi, tal-imsemmija skema temporanja.
(ara l-punti 45, 46, 48, 50, 51, u d-dispożittiv 2)
5. Minkejja li kien hemm eċċess ta’ fondi għar-ristrutturazzjoni, il-ġbir tat-tieni rata tal-ammont temporanju għas-sena 2008/2009, previst bl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea u li jemenda r-Regolament Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, ma huwiex nieqes minn bażi legali valida. Konsegwentement, dan ma jikkostitwixxix arrikkiment indebitu tal-Unjoni li jista’ leġittimament jissostanzja azzjoni għal ħlas lura u, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi evalwata l-validità tal-imsemmi Artikolu 11 peress li dan jikkostitwixxi l-bażi legali għal dan il-ġbir. Fil-fatt, sabiex tintlaqa’, azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni teħtieġ il-prova ta’ arrikkiment min-naħa tal-Unjoni mingħajr bażi legali valida u ta’ tifqir tal-applikant marbut mal-imsemmi arrikkiment.
(ara l-punti 53, 54, u d-dispożittiv 2)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
28 ta’ Lulju 2011 (*)
“Zokkor – Skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea – Regolament (KE) Nru 320/2006 – Artikolu 11 – Eċċess ta’ dħul għall-fond għar-ristrutturar – Assenjazzjoni lill-FAEG – Prinċipji ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi u ta’ proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Arrikkiment indebitu”
Fil-Kawża C-309/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2010, fil-proċedura
Agrana Zucker GmbH
vs
Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn K. Schiemann, President tal-Awla, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Marzu 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Agrana Zucker GmbH, minn P. Pallitsch u C. Pitschas, avukati,
– għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u K. Tsagkaropoulos, bħala aġenti, assistiti minn V. Mereas, konsulent legali,
– għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Sitbon u Z. Kupčová, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u P. Rossi, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, li jistabilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità Ewropea li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 335M, p. 29).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn Agrana Zucker GmbH (iktar ’il quddiem “Agrana Zucker”) kontra deċiżjoni tal-Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft (Ministru Federali tal-Agrikoltura, tal-Foresti, tal-Ambjent u tal-Ilma) tal-10 ta’ Diċembru 2009 li timponi t-tieni rata tal-ammont temporanju għar-ristrutturazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ammont temporanju” għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009.
Il-kuntest ġuridiku
3 Ir-Regolament Nru 320/2006, fil-premessi 1, 2 u 4 tiegħu tistabbilixxi b’mod partikolari dan li ġej:
“(1) [...] Sabiex is-sistema Komunitarja tal-produzzjoni u l-kummerċ taz-zokkor tiġi konformi mal-ħtiġiet internazzjonali u tkun żgurata l-kompetittività tagħha fil-futur huma meħtieġ li jibda l-proċess ta’ ristrutturar profond li jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità tal-produzzjoni li ma tħallix profitt fil-Komunità. Għal dan il-għan, bħala prekondizzjoni għall-implimentazzjoni ta’ organizzazzjoni ġdida, funzjonanti u komuni tas-suq taz-zokkor għandha tkun stabbilita skema temporanja, separata u awtonoma għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità. [...]
(2) Għandu jitwaqqaf fond temporanju għar-ristrutturar sabiex jiffinanzja l-miżuri ta’ ristrutturar għall-industrija taz-zokkor Komunitarja. Minħabba raġunijiet ta’ ġestjoni finanzjarja sana l-fond għandu jifforma parti mit-Taqsima tal-Garanzija tal-FAEGG u għalhekk ikun irregolat mill-proċeduri u l-mekkaniżmi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414] u, sa mill-1 ta’ Jannar 2007, tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [ĠU L 335M, p. 29].
[...]
(4) Il-miżuri ta’ ristrutturar previsti minn dan ir-Regolament għandhom ikunu finanzjati billi jinġabru ammonti temporanji minn dawk il-produtturi taz-zokkor, ta’ l-isoglukożju u tax-xiropp ta’ l-inulina li eventwalment ser jibbenefikaw mill-proċess ta’ ristrutturar. Minħabba li dan l-ammont jaqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ħlasijiet tradizzjonalment magħrufin fil-qafas ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni rigward iz-zokkor, il-qligħ li jirriżulta mil-ġbir tiegħu għandu jkun ikkunsidrat bħala “dħul assenjat” kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74]”
4 Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 320/2006:
“1. B’dan huwa stabbilit il-fond temporanju għar-ristrutturar ta’ l-industrija taz-zokkor fil-Komunità (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ bħala l-‘fond għar-ristrutturar’).
Il-fond għar-ristrutturar għandu jifforma parti mit-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija. Sa mill-1 ta’ Jannar 2007 huwa għandu jifforma parti mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG).
2. Il-fond għar-ristrutturar għandu jiffinanzja n-nefqa li tirriżulta mill-miżuri previsti taħt l-Artikoli 3, 6, 7, 8 u 9 [ta’ dan ir-Regolament].
3. L-ammont għar-ristrutturar temporanju msemmi fl-Artikolu 11 għandu jkun dħul assenjat lill-fond għar-ristruttrar skond l-Artikolu 18(2) tar-Regolament […] Nru 1605/2002.
Kwalunkwe ammont li jista’ jkun disponibbli fil-fond għar-ristrutturar wara l-finanzjament tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2 għandu jkun assenjat lill-FAEG.
[...]”
5 L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 320/2006 jipprovdi:
“1. Kwalunkwe impriża li tipproduċi z-zokkor […] li għaliha tkun ġiet allokata kwota sa l-1 ta’ Lulju 2006, għandha tkun intitolata għall-għajnuna ta’ ristrutturar għal kull tunnellata tal-kwota rrinunzjata, previst li matul waħda mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, 2007/2008, 2008/2009 u 2009/2010 hi:
a) tirrinunzja l-kwota assenjata lilha minn waħda jew aktar mill-fabbriki u żżarma għal kollox il-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħha tal-fabbriki kkonċernati;
b) tirrinunzja l-kwota assenjata minnha lil waħda jew iktar mill-fabbriki tagħha, parzjalment iżżarma l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati u ma tużax il-kumplament tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati għall-produzzjoni ta’ prodotti koperti mill-organizzazzjoni tas-suq komuni għaz-zokkor,
jew
ċ) tirrinunzja parti mill-kwota assenjata minnha lill-fabbriki u ma tużax il-faċilitajiet ta’ produzzjoni ta’ produzzjoni tal-fabbriki kkonċernati għall-irfinar taz-zokkor mhux maħdum.
[...]”
6 Min-naħa tagħhom, l-Artikoli 6 sa 9 tar-Regolament Nru 320/2006 jipprovdu għal għajnuniet differenti għad-diversifikazzjoni u għajnuniet tranżitorji li, hekk kif joħroġ mill-Artikolu 10(1) u (3), tal-imsemmi regolament, huma indipendenti mill-għajnuna prevista fl-Artikolu 3 u jistgħu jingħataw, bħal din tal-aħħar, matul il-perijodi ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 sa 2009/2010 sal-limiti ta’ kreditu disponibbli fil-fond għar-ristrutturar.
7 L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 jipprovdi:
“1. Għandu jitħallas ammont temporanju […] għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni għal kull tunnellata ta’ kwota minn dawk l-impriżi li għalihom kienet allokata kwota.
Il-kwoti li kienu rinunzjati minn impriża sa minn sena ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari skond l-Artikolu 3(1) m’għandhomx ikunu soġġetti għall-ħlas ta’ ammont temporanju […] għal din is-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni u għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni sussegwenti.
2. L-ammont temporanju […] għaz-zokkor […] għandu jkun stabbilit bħala:
– EUR 126,40 t-tunnellata tal-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007,
– EUR 173,8 t-tunnellata tal-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2007/2008,
– EUR 113,3 t-tunnellata tal-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009.
[...]”
8 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1261/2007, tad-9 ta’ Ottubru 2007, li jemenda r-Regolament Nru 320/2006 (ĠU L 283, p. 8), li permezz tiegħu ġew adottati ċerti miżuri intiżi sabiex itejbu l-funzjonament tal-iskema ta’ ristrutturar, fil-premessa 1 tiegħu jistabbilixxi:
“Ir-Regolament [...] Nru 320/2006 [...] ġie adottat bil-għan li jippermetti lill-produtturi taz-zokkor l-inqas kompetittivi biex iċedu l-produzzjoni tagħhom tal-kwota. Madankollu, ir-rinunzja tal-kwoti taħt dak ir-Regolament ma laħqitx il-livell li kien mistenni fil-bidu.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Permezz ta’ deċiżjoni tal-Agrarmarkt Austria (korp li jqassam l-għajnuna), tat-28 ta’ Settembru 2009, kif irrettifikata b’deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2009, Agrana Zucker intalbet tħallas it-tieni rata tal-ammont temporanju għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, għall-ammont ta’ EUR 15 908 561.77.
10 Kontra din id-deċiżjoni, Agrana Zucker ippreżentat ilment li ġie miċħud b’deċiżjoni tal-Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft tal-10 ta’ Diċembru 2009, li hija s-suġġett tar-rikors li tressaq quddiem il-qorti tar-rinviju.
11 Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li Agrana Zucker tikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni billi tistrieħ b’mod partikolari fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, C‑33/08 (Ġabra p. I‑5035), li kkonfermat, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 320/2006 u mill-premessa 4 ta’ dan tal-aħħar, li d-dħul mill-ammont temporanju għar-ristrutturazzjoni huwa “dħul assenjat” fis-sens tar-Regolament Nru 1605/2002 u li huwa intiż li jiżgura l-awtofinanzjament tal-miżuri ta’ ristrutturar previsti mir-Regolament Nru 320/2006. Minn dan, Agrana Zucker tiddeduċi li, skont interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, ma hemmx lok li jinġabar ammont temporanju meta dan evidentement ma għadux neċessarju sabiex jiġu ffinanzjati l-imsemmija miżuri. Dan huwa l-każ, fir-rigward tat-tieni rata tal-ammont temporanju għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009, li jwassal għal eċċess evidenti għall-fond għar-ristrutturar.
12 Quddiem il-Verwaltungsgerichtshof, Agrana Zucker issostni b’mod partikolari, li l-ammont temporanju ma jiġi assenjat lil ebda spiża oħra, minkejja t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 320/2006, li jipprovdi għall-assenjazzjoni tal-bilanċ tal-fond għar-ristrutturar, wara l-finanzjament tal-miżuri ta’ ristrutturar, lill-FAEG.
13 Fl-eventwalità fejn l-irkupru tat-tieni rata tal-ammont temporanju għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 ma jkollhiex tiġi eskluża totalment jew fl-eventwalità fejn id-determinazzjoni definittiva tagħha ma jkollhiex tiġi emendata skont ir-rendikont finali tal-fond għar-ristrutturar, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006, skont din, jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-kompetenza li tiġbor taxxa ġenerali li ma sservix għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ ristrutturar tas-suq Ewropew taz-zokkor.
14 Barra minn hekk, Agrana Zucker issostni li, fl-eventwalità fejn l-imsemmi artikolu jkollu jiġi interpretat kif tixtieq l-amministrazzjoni konvenuta fil-kawża prinċipali, allura dan ikun illegali peress li l-obbligu ta’ motivazzjoni jkun inkiser.
15 Il-qorti tar-rinviju tosserva li Agrana Zucker uriet li, b’differenza għas-sitwazzjoni eżaminata fil-kawża li wasslet għas-sentenza Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, il-bżonnijiet ta’ finanzjament ta’ miżuri ta’ ristrutturar kienu diġà ġew koperti totalment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tindika li ma hijiex f’pożizzjoni li tirrispondi għall-punti ta’ liġi mqajma f’dan il-każ fuq il-bażi tal-istandards applikabbli u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
16 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) L-Artikolu 11 tar-Regolament […] Nru 320/2006 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont temporanju għar-ristrutturar għaz-zokkor u x-xiropp tal-inulina stipulat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ta’ EUR 113.30 għal kull tunnellata tal-kwota għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 għandu jiġi impost fi kwalunkwe każ u fl-intier tiegħu, anki jekk tali ħlas iwassal għal eċċess (sostanzjali) fil-bilanċ tal-fond tar-ristrutturar u ma tkunx mistennija żieda ulterjuri tal-ħtiġijiet finanzjarji?
2) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv: l-Artikolu 11 tar-Regolament […] Nru 320/2006 jikser il-prinċipju li l-Komunità tista’ taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha, peress li din id-dispożizzjoni tista’, permezz tal-ammont temporanju għar-ristrutturar, tintroduċi taxxa ġenerali li ma hijiex limitata għall-ispiża finanzjarja li ssir għall-benefiċċju tal-persuni mitluba jħallsu t-taxxa?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
17 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li l-ammont temporanju jinġabar kollu, anki fl-eventwalità fejn il-fond għar-ristrutturar ikun ser jesperjenza eċċess ta’ dħul.
18 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Elleniku jsostnu li minn interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 jirriżulta li l-ammont temporanju ma għandux jinġabar jekk ma jkunx manifestament neċessarju għall-finanzjament tal-miżuri ta’ ristrutturar previsti fl-imsemmi regolament. Barra minn hekk, l-impriżi li jipproduċu z-zokkor ma għandhomx ikunu marbuta li jħallsu t-tieni rata tal-ammont temporanju għas-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2008/2009 peress li tali ġbir iwassal sabiex ikun hemm eċċess ta’ fondi għar-ristrutturar. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dan il-ġbir huwa kuntrarju, b’mod partikolari, għall-prinċipju ta’ awtofinanzjament li dwaru l-Qorti tal-Ġustizzja diġà esprimiet ruħha fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll fis-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2008, Zuckerfabrik Jülich et (C‑5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06, Ġabra p. I‑3231), u tal-20 ta’ Mejju 2010, Agrana Zucker (C‑365/08, p. I‑4341), li jimplika bilanċ fil-baġit bejn l-infiq sostnut u d-dħul miġbur.
19 Sussidjarjament, Agrana Zucker issostni li wara l-għeluq tal-miżuri għar-ristrutturazzjoni għandu jsir rendikont definittiv tal-fond għar-ristrutturar u li l-eċċess għandu jingħata lura lill-produtturi li jkunu ħallsu l-ammont temporanju. B’mod iktar sussidjarju, hija tqis li, wara t-trasferiment tiegħu lill-FAEG, l-eċċess għandu jservi biss għall-finanzjament tal-infiq involut għall-organizzazzjoni tas-swieq fis-settur taz-zokkor.
20 F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 320/2006 jipprovdi li l-impriżi li jkollhom kwota għandhom iħallsu, għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni, ammont temporanju li jiġi ffissat, fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007, 2007/2008 u 2008/2009, u, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra l-eventwalità ta’ eċċess ta’ dħul li joriġina mill-ammont temporarju meta mqabbel mal-infiq marbut mal-finanzjament ta’ miżuri ta’ ristrutturar li għalih huwa ddestinat, billi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tal-istess regolament jipprovdi li kull ammont disponibbli bħala fond għar-ristrutturar wara l-finanzjament tal-imsemmi nfiq għandu jiġi assenjat lill-FAEG.
21 Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li ssuġġerew Agrana Zucker u l-Gvern Elleniku meta taw interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 320/2006, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament u mit-tqassim ta’ dan tal-aħħar jirriżulta b’mod ċar li l-ammont temporanju għandu jitħallas mill-impriżi kkonċernati matul is-snin kollha ta’ kummerċjalizzazzjoni msemmija u għandhom iħallsu l-ammont sħiħ, anki jekk minn dan jirriżulta eċċess ta’ dħul għall-fond għar-ristrutturar fit-tmiem tal-implementazzjoni tal-iskema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor stabbilita bl-imsemmi regolament.
22 Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li jinġabar l-ammont temporanju kollu, anki fl-eventwalità fejn il-fond għar-ristrutturar jesperjenza eċċess ta’ dħul.
Fuq it-tieni domanda
23 It-tieni domanda magħmula tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 hekk kif interpretat. Minkejja li din id-domanda tikkontempla b’mod formali l-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi biss, fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju u tal-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti, hemm lok li tiġi eżaminata l-validità tal-imsemmi artikolu anki fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-allegat arrikkiment indebitu tal-Unjoni.
Fuq il-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 fir-rigward tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi
24 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 jipprekludix il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi sa fejn dan jippermetti li tiġi stabbilita taxxa ġenerali, li ma tkunx limitata għall-finanzjament tal-infiq li għalih huwa ddestinat l-ammont temporanju.
25 Agrana Zucker u l-Gvern Elleniku jsostnu li l-ġbir ta’ taxxa li sservi sabiex tiffinanzja miżuri involuti barra mill-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor iwassal sabiex din it-taxxa tieħu xejra ta’ taxxa ġenerali li l-istabbiliment tagħha ma jkunx jaqa’ taħt il-kompetenzi tal-Unjoni.
26 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 320/2006, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qies neċessarju, sabiex is-sistema Komunitarja tal-produzzjoni u l-kummerċ taz-zokkor tiġi konformi mal-ħtiġijiet internazzjonali u sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tagħha fil-futur, li jinbeda proċess profond ta’ ristrutturar tas-settur li jwassal għal tnaqqis sinjifikattiv fil-kapaċità tal-produzzjoni li ma tħallix profitt fil-Komunità. Għal dan il-għan, permezz tal-imsemmi regolament huwa stabbilixxa skema temporanja, separata u awtonoma, ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).
27 Fil-kuntest ta’ din l-iskema temporanja, ir-Regolament Nru 320/2006 stabilixxa, kif stipulat fil-premessa 5 tiegħu, inċentiv ekonomiku, fil-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, għall-impriżi bl-iktar produttività baxxa sabiex jirrinunzjaw għall-produzzjoni tagħhom bi kwota. Għal dan il-għan, l-imsemmi regolament fl-Artikolu 3 tiegħu jipprovdi għal għajnuna għar-ristrutturazzjoni disponibbli matul erba’ snin ta’ kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri s-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2006/2007 sa 2009/2010, bil-għan li titnaqqas il-produzzjoni sakemm meħtieġ sabiex tintlaħaq sitwazzjoni tas-suq ibbilanċjata fil-Komunità (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).
28 Sabiex tiġi ffinanzjata din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kif ukoll l-għajnuna għad-diversifikazzjoni u l-għajnuna tranżitorja msemmija fl-Artikoli 6 sa 9 tar-Regolament Nru 320/2006, il-Kunsill stabbilixxa fond temporanju għar-ristrutturar u ddeċieda b’mod partikolari, hekk kif jissemma fil-premessa 4 tal-imsemmi regolament, li l-finanzjament ta’ dawn il-miżuri għandu jiġi żgurat billi jinġabru ammonti temporanji mingħand dawk il-produtturi taz-zokkor, tal-iżoglukożju u tax-xiropp tal-inulina li eventwalment ser jibbenefikaw mill-proċess ta’ ristrutturar. Id-dħul li jirriżulta minn dan huwa kkunsidrat bħala “dħul assenjat” fis-sens tar-Regolament Nru 1605/2002 (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
29 Hekk intiż sabiex jikkontribwixxi għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità, il-ġbir ta’ ammont temporanju jikkostitwixxi miżura ta’ politika agrikola komuni adottata regolarment fuq il-bażi tal-Artikolu 37 KE (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 9, u tas-26 ta’ Ġunju 1990, Zardi, C‑8/89, Ġabra p. I‑2515, punt 9).
30 Il-fatt li jkun hemm eċċess ta’ dħul fit-tmiem ta’ tali skema temporanja ta’ ristrutturazzjoni multiannwali, b’mod partikolari minħabba konkorrenza finalment inqas qawwija milli mistenni mill-produtturi għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni suġġetta għar-rinunzja tal-kwoti ta’ produzzjoni, u li dan l-eċċess jiġi assenjat lill-FAEG skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 320/2006, ma jikkontestax il-kompetenza tal-leġiżlatur Ewropew sabiex jadotta din il-miżura u ma jċaħħadhiex min-natura tagħha ta’ miżura agrikola.
31 Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data ta’ meta l-att ikun ġie adottat (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7) u ma tistax tiddependi b’mod partikolari, mill-kunsiderazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw l-effikaċità tagħha (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).
32 Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, meta jiġi assenjat lill-FAEG, li l-fond għar-ristrutturar jagħmel parti minnu, l-eċċess eventwali li jesperjenza dan tal-aħħar jibqa’ jkun iddestinat sabiex jiffinanzja biss miżuri li jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni.
33 Minn dan isegwi li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 ma jipprekludix il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi.
Fuq il-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni
34 Agrana Zucker u l-Gvern Elleniku essenzjalment isostnu li, skont il-preambolu tar-Regolament Nru 320/2006, l-ammont temporanju huwa stabbilit sabiex jiffinanzja l-miżuri għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor. Ir-raġuni tal-imsemmi regolament għaldaqstant hija żbaljata jew fiha lakuni jekk id-dħul li dan jiġġenera jista’ jitqassam għall-finanzjament ta’ miżuri oħra u għaldaqstant jitlef in-natura temporanja tiegħu.
35 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm ir-raġunijiet meħtieġa mill-Artikolu 296 KE għandhom juru b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtorità tal-Unjoni, l-awtur tal-att inkwistjoni, b’mod illi jippermetti li dawk ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel l-istħarriġ tagħha, din madankollu ma hijiex meħtieġa li tispeċifika l-elementi kollha ta’ liġi jew ta’ fatt rilevanti. L-osservanza tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont il-kuntest tagħha kif ukoll skont ir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u mhux biss b’riferiment għall-formulazzjoni tal-att. Peress li l-att ikkontestat joħroġ l-għan essenzjali intiż mill-istituzzjoni, ikun inutli li tiġi meħtieġa raġuni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li hija tkun adottat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punti 133 kif ukoll 134).
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan tal-iskema temporanja ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor stabbilita bir-Regolament Nru 320/2006 u l-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ inċentiv ekonomiku sabiex jiġu rrinunzjati l-kwoti u l-finanzjament ta’ miżuri ta’ ristrutturar mill-ġbir ta’ ammont temporanju, jikkostitwixxu s-suġġett, fil-preambolu tar-Regolament Nru 320/2006, tar-raġuni mfakkra fil-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza.
37 F’dak li jikkonċerna l-arranġamenti finanzjarji tal-imsemmija skema, il-premessa 2 tar-Regolament Nru 320/2006 tesponi li għandu jitwaqqaf fond temporanju għar-ristrutturar sabiex jiffinanzja l-miżuri ta’ ristrutturar tal-industrija taz-zokkor tal-Komunità u li, għal raġunijiet ta’ ġestjoni finanzjarja sana, dan il-fond għandu jifforma parti mit-Taqsima tal-“Garanzija” tal-FAEGG, u, sa mill-1 ta’ Jannar 2007, tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija, stabbilit bir-Regolament Nru 1290/2005.
38 Ċertament, din il-premessa 2 ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom, hekk kif jipprovdi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 320/2006, kull ammont disponibbli fil-fond għar-ristrutturar wara l-iffinanzjar tal-infiq, għandu jiġi assenjat lill-FAEG. Madankollu, qabelxejn għandu jiġi osservat li dan jindika li huwa għal raġunijiet ta’ ġestjoni finanzjarja sana li l-imsemmi fond jagħmel parti mill-FAEG, li ġie stabbilit sabiex jiżgura l-finanzjament tal-miżuri differenti tal-politika agrikola komuni, inklużi dawk li jaqgħu taħt l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor. Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li, fuq livell finanzjarju, ir-regolament huwa intiż essenzjalment li jiżgura l-kopertura tal-infiq kollu għar-ristrutturazzjoni li tagħhom huwa jipprevedi t-twettiq effettiv bl-għan li titnaqqas il-kapaċità ta’ produzzjoni li ma tħallix qligħ billi jinċentiva lill-produtturi sabiex jirrinunzjaw għall-produzzjoni bi kwota tagħhom. Fid-data rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ dan l-att, jiġifieri, hekk kif tfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, id-data tal-adozzjoni tiegħu, kienet biss l-eżistenza ta’ eċċess residwu eventwali tal-fond għar-ristrutturar wara l-implementazzjoni ta’ dan l-infiq li kienet għaldaqstant prevedibbli. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni li dan l-eċċess jiġi assenjat lill-FAEG, li l-fond għar-ristrutturar jagħmel parti minnu, saret biss fuq għażla teknika li għaliha ma kinitx meħtieġa raġuni speċifika.
39 Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 ma għandu l-ebda irregolarità fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Fuq il-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità
40 Agrana Zucker issostni li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 jipprekludi l-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk dak prodott mit-tieni rata tal-ammont temporanju għas-sena 2008/2009 ma jiġix assenjat u jista’ jiġi allokat għall-finanzjament tal-infiq involut barra mill-qafas tal-organizzazzjoni tas-swieq fis-settur taz-zokkor. Fil-fatt, mill-premessa 4 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-għan tal-ammont temporanju huwa li jimponi fuq il-produtturi li jiffinanzjaw in-nefqa tal-miżuri ta’ ristrutturar skont il-prinċipju ta’ awtofinanzjament. Billi, skont hi, l-imsemmija tieni rata ma hijiex meħtieġa għall-finanzjament ta’ dawn il-miżuri, il-ġbir tagħha, li jiġġenera eċċess konsiderevoli, huwa manifestament inadegwat sabiex jintlaħqu l-għanijiet segwiti. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta piż sproporzjonat fuq l-impriżi Ewropej li jipproduċu z-zokkor.
41 Skont il-Gvern Elleniku, il-ġbir ta’ ammont temporanju jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk dan il-ġbir ikun evidentement mhux xieraq sabiex jintleħqu l-għanijiet segwiti, bħalma jkun il-każ jekk ikun hemm eċċess ta’ dħul meta mqabbel mal-infiq marbut mal-miżuri għar-ristrutturazzjoni. It-trasferiment ta’ dan l-eċċess lill-FAEG jikkostitwixxi ksur ikkaratterizzat minn dan il-prinċipju, sa fejn dan ikun, fil-fehma tiegħu, miżura li tagħfas b’mod sproporzjonat fuq il-produtturi u li sservi sabiex jiġu segwiti għanijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor.
42 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-kamp, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 B’hekk, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk il-miżura adottata mil-leġiżlatur kinitx l-unika waħda possibbli jew l-aħjar possibbli, iżda jekk din kinitx manifestament inadegwata (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif jissemma fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fuq l-elementi ta’ fatti u ta’ liġi eżistenti fid-data meta l-att ġie adottat u ma tiddependix partikolarment mill-kunsiderazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw l-effikaċità tiegħu. Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun obbligat jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li tkun se tiġi adottata u l-effetti tagħha ma jistgħux ikunu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ biss tiġi kkritikata jekk din kienet tidher manifestament żbaljata fid-dawl tal-elementi li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi tal-21 ta’ Frar 1990, Wuidart et, C‑267/88 sa C‑285/88, Ġabra p. I‑435, punt 14; tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et, C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, Ġabra p. I‑4863, punt 43, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 84).
46 F’dan il-każ, minn dak li tfakkar fil-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ammont temporanju previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 għandu bħala għan il-finanzjament, mill-produtturi, tal-iskema temporanja għar-ristrutturazzjoni tal-industrija taz-zokkor fl-Unjoni, li jimplika bilanċ fil-baġit bejn l-infiq sostnut u d-dħul matul l-erba’ snin ta’ kummerċjalizzazzjoni li ttieħdu inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’Ġunju 2009, Agrana Zucker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).
47 Għal dan il-għan, id-dħul meħtieġ għall-finanzjament tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mħallsa mill-impriżi li ddeċidew li jirrinunzjaw għall-kwota tagħhom matul waħda minn dawn is-snin ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni bi previżjoni tal-infiq marbut ma’ din l-għajnuna, imwettqa, skont il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari skont l-għan kwantitattiv li jitneħħa z-zokkor bi kwota. Madankollu, it-twettiq effettiv ta’ dan l-infiq kien jiddependi fuq għażliet magħmula mill-impriżi, peress li r-Regolament Nru 320/2006 jistabbilixxi biss inċentiva waħda għar-rinunzja tal-kwoti.
48 F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont temporanju ġie ffissat fuq il-bażi tal-effetti futuri tal-iskema ta’ ristrutturazzjoni stabbilita minn dan ir-regolament mingħajr ma dawn l-effetti jkunu jistgħu jiġu previsti b’eżattezza.
49 Issa, fir-rigward tal-imsemmija effetti, huwa stabbilit li, hekk kif huwa kkonstatat fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 1261/2007, ir-rinunzja tal-kwoti ma laħqitx il-livell previst inizjalment u li, għaldaqstant, minkejja l-miżuri imposti minn dan ir-regolament sabiex jittejjeb il-funzjonament tal-iskema ta’ ristrutturazzjoni bl-għan li jitneħħa volum ta’ kwoti iktar sostanzjali, il-fond għar-ristrutturar esperjenza eċċess ta’ dħul li ma kienx previst.
50 Madankollu, mill-proċess ma jirriżultax li l-evalwazzjoni tal-infiq u tad-dħul meħtieġ sabiex jagħmel tajjeb għalihom kienet manifestament żbaljata fid-dawl tal-elementi li kellu l-leġiżlatur Komunitarju fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 320/2006, peress li l-ammont ta’ eċċess ma kienx biżżejjed sabiex juri l-eżistenza ta’ tali żball.
51 Għalhekk, ma jidhirx li l-iffissar ta’ ammont temporanju kien manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan intiż. Konsegwentement, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 u l-ġbir tal-ammont temporanju b’applikazzjoni ta’ dan ma jistgħux jitqiesu li huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fuq il-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 fir-rigward tal-allegat arrikkiment indebitu tal-Unjoni
52 Billi tqis li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 huwa invalidu minħabba nuqqas ta’ kompetenza u ta’ motivazzjoni kif ukoll minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, Agrana Zucker issostni li l-ġbir tat-tieni rata tal-ammont temporanju għas-sena 2008/2009 jikkostitwixxi arrikkiment indebitu għall-Unjoni u li għaldaqstant, l-impriżi li jipproduċu z-zokkor għandhom bażi fuqiex jitolbu r-rimbors ta’ din it-tieni rata miġbura b’mod illeċitu.
53 Madankollu, sabiex tintlaqa’, azzjoni għal ħlas lura bbażata fuq l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni teħtieġ il-prova ta’ arrikkiment min-naħa tal-Unjoni mingħajr bażi legali valida u ta’ tifqir tal-applikant marbut mal-imsemmi arrikkiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑47/07 P, Ġabra p. I‑9761, punti 46 u 49).
54 Issa, f’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet magħmula f’din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006 huwa validu fir-rigward b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi u ta’ proporzjonalità u li minkejja li kien hemm eċċess ta’ fondi għar-ristrutturar, il-ġbir tat-tieni rata tal-ammont temporanju għas-sena 2008/2009 ma huwiex nieqes minn bażi legali valida. Konsegwentement, il-ġbir ta’ din ir-rata ma jikkostitwixxix arrikkiment indebitu tal-Unjoni li jista’ leġittimament jissostanzja azzjoni għal ħlas lura u, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi evalwata l-validità tal-imsemmi Artikolu 11 peress li dan jikkostitwixxi l-bażi legali għal dan il-ġbir.
55 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-eżami tagħha ma stabbilixxa l-ebda element li jista’ jaffetwa l-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006.
Fuq l-ispejjeż
56 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006, li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm lok li jinġabar l-ammont temporanju kollu, anki fl-eventwalità fejn il-fond għar-ristrutturar temporanju jesperjenza eċċess ta’ dħul.
2) L-eżami tat-tieni domanda preliminari magħmula ma stabbilixxa l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 320/2006.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy