SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
1 ta’ Marzu 2012 ( *1 )
“Tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali — Direttiva 98/8/KE — Artikolu 2(1)(a) — Kunċett ta’ ‘prodotti bijoċidali’ — Prodott li jikkawża l-flokkulazzjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara, mingħajr ma jeqridhom, igerrixhom jew jirrendihom bla kapaċità li jagħmlu ħsara”
Fil-Kawża C-420/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura
Söll GmbH
vs
Tetra GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász, G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal Söll GmbH, minn P. Süss u R. Schlötter, avukati,
—
għal Tetra GmbH, minn K. Albers, avukat,
—
għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u M. Jacobs, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms u E. Manhaeve, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 3).
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Söll GmbH u Tetra GmbH dwar il-kummerċjalizzazzjoni, minn din tal-aħħar, tal-prodott kontra l-alka bl-isem TetraPond AlgoRem, li s-sustanza attiva tiegħu hija l-idrossiklorur tal-aluminju.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 98/8
3
Il-premessa 4 tad-Direttiva 98/8 tipprovdi:
“Billi r-reviżjoni tal-Kummisjoni wriet differenzi fis-sitwazzjoni regolatorja fl-Istati Membri; billi dawn id-differenzi jistgħu jikkonstitwixxu ostakoli mhux biss għall-kummerċ fil-prodotti bijoċidali imma fil-kummerċ tal-prodotti ttrattati bihom hekk illi b’hekk jiġi affettwat il-funzjonament tas-suq intern; billi, għalhekk, il-Kummisjoni pproponiet l-iżvilupp ta’ qafas ta’ regoli li għandhom x’jaqsmu mat-tqegħid fis-suq sabiex jintużaw il-prodotti bijoċidali, billi tieħu bħala kondizzjoni livell għoli ta’ protezzjoni għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent; [...]”
4
L-Artikolu 2(1)(a) u l-Artikolu 2(1)(d) ta’ din id-direttiva jipprovdu:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
Prodotti bijoċidali
Is-sustanzi attivi u t-tħejjijiet li jkun fihom sustanza attiva jew aktar, esibiti fil-għamla li fiha jkunu forniti lill-utent, maħsuba sabiex jeqirdu, igerrxu, jirrendu bla ħsara, jipprevjienu l-azzjoni, jew jeżerċitaw xorta oħra kontroll effettiv fuq kull organiżmu ta’ perikolu b’mezzi kimiċi jew bijoloġiċi.
Lista eżawrjenti ta’ 23 tip ta’ prodotti b’sett indikattiv ta’ deskrizzjonijiet ġewwa kull tip hija mogħtija fl-Anness V.
[…]
(d)
Sustanza Attiva
Sustanza jew mikro-organiżmu, inkluż mikrobu jew fungu, li jkollhom azzjoni ġenerali jew speċifika fuq jew kontra organiżmi ta’ ħsara.”
5
L-Artikolu 3(1) tad-direttiva msemmija huwa fformulat kif ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu illi prodott bijoċidali ma għandux jitqiegħed fis-suq u jiġi wżat fit-territorju tagħhom għajr jekk ikun ġie awtorizzat skond din id-Direttiva.”
6
L-Anness V tad-Direttiva 98/8, intitolat “It-tipi tal-prodotti bijoċidali u d-deskrizzjonijiet tagħhom kif riferiti fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva”, jipprovdi dan li ġej:
“Dawn it-tipi ta’ prodott jeskludu l-prodotti meta [li] jkunu koperti bid-Direttivi riferiti fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Direttiva [98/8] [...] u tal-modifiki sossegwenti tagħhom [meta jkunu intiżi għal użu ddefinit taħt dawn id-direttivi].
Il-grupp prinċipali 1: Id-diżinfettanti u l-prodotti bijoċidali b’mod ġenerali
[...]
It-tip ta’ prodott 2: Id-diżinfettanti taż-żona privata u taż-żona tas-saħħa pubblika [diżinfettanti użati fil-qasam privat u fil-qasam tas-saħħa pubblika] u prodotti bijoċidali oħra
Il-prodotti wżati għad-diżinfettazzjoni ta’ l-arja, ta’ l-uċuh, tal-materjali, tat-tagħmir u tal-għamara li mhumiex użati għall-kuntatt dirett ma’ l-ikel jew il-għalf fiż-żoni privati, pubbliċi jew industrijali, inklużi l-isptarijiet, kif ukoll il-prodotti wżati bħala algaċidi.
Iż-żoni ta’ l-użu jinkludu, fost ħwejjeġ oħra, pixxini tal-għawm, akwarji, ilma tajjeb għall-għawm u ilmijiet oħra; sistemi ta’ l-arja kkondizzjonata; ħitan u artijiet f’istituzzjonijiet tas-saħħa u istituzzjonijiet oħra; toilets kimiċi, ilma maħmuġ, skart ta’ l-isptarijiet, ħamrija jew substrati oħra (fil-playgrounds).”
7
Skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8, il-Kummissjoni kienet obbligata timplementa programm ta’ ħidma, fuq żewġ fażijiet, sabiex twettaq evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi kollha tal-prodotti bijoċidali li diġà kienu jinsabu fis-suq fl-14 ta’ Mejju 2000 (iktar ’il quddiem is-“sustanzi attivi eżistenti”).
8
L-ewwel fażi ta’ dan il-programm, implementata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1896/2000, tas-7 ta’ Settembru 2000, fuq l-ewwel fażi tal-programm rigward prodotti bijoċidali msemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 266), kienet intiża sabiex isir inventarju tas-sustanzi attivi eżistenti u sabiex jiġu identifikati dawk is-sustanzi li kellhom jiġu evalwati sabiex eventwalment jiġu inklużi fi tlieta mill-annessi tad-Direttiva 98/8, jiġifieri l-Anness I, intitolat “Il-lista tas-sustanzi attivi bi ħtiġiet miftiehma fil-livell Komunitarju li għandhom jiġu inklużi fil-prodotti bijoċidali”, l-Anness IA, intitolat “Il-Lista tas-sustanzi attivi bi ħtiġiet miftiehma fil-livell Komunitarju li għandhom jiġu inklużi fil-prodotti bijoċidali ta’ riskju baxx”, u l-Anness IB, intitolat “Il-Lista tas-sustanzi bażiċi bi ħtiġijiet [m]iftiehma fil-livell Komunitarju”. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1896/2000 jippreċiża l-modalitajiet li permezz tagħhom il-prodotturi, il-formulaturi u l-assoċjazzjonijiet, kif ukoll l-Istati Membri, għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar ix-xewqa tagħhom li tali sustanzi attivi eżistenti jiġu inklużi f’wieħed mill-annessi msemmija tad-Direttiva 98/8.
9
It-tieni fażi tal-programm imsemmi, implementata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003, tal-4 ta’ Novembru 2003, dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8 u li jemenda r-Regolament Nru 1896/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 41, p. 92), sussegwentement issostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007, tal-4 ta’ Diċembru 2007, dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8 (ĠU L 325, p. 3), wasslet għall-inklużjoni, fl-Anness I tar-Regolament Nru 2032/2003, tal-lista tas-sustanzi attivi eżistenti li kellhom ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni u għall-evalwazzjoni progressiva ta’ dawn tal-aħħar.
Ir-Regolament Nru 1896/2000
10
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1896/2000, intitolat “Identifikazzjoni tas-sustanzi attivi eżistenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull produttur ta’ sustanza attiva eżistenti mpoġġi [imqiegħda] fis-suq għall-użu ta’ [fi] prodotti bijoċidali għandu jidentifika li [din is-]sustanza attiva billi jissottometti lill-Kummissjoni l-informazzjoni fuq is-sustanza attiva li ssir riferenza għaliha fl-Anness I li għandha tkun riċevuta mhux iktar tard minn 18-il xahar wara li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ. Din il-ħtieġa m’għandix tapplika mas-sustanzi attivi eżistenti li m’għadhomx iżjed fis-suq wara t-13 ta’ Mejju 2000 jew bħala tali jew fi prodotti bijoċidali.
[...]”
11
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifikazzjoni ta’ sustanzi attivi eżistenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Produtturi, formulaturi u assoċjazzjonijiet li jixtiequ japplikaw għall-inklużjoni fl-Anness I jew l-Anness IA lid-Direttiva [98/8] tas-sustanza attiva eżistenti f’wieħed jew iżjed tipi ta’ prodott għandhom jinnotifikaw dik is-sustanza attiva lill-Kummissjoni billi jissottomettu informazzjoni li ssir riferenza għaliha fl-Anness II lir-Regolament li għandu jasal [li għandha tasal] mhux iktar tard minn 18-il xahar wara dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.
[...]”
Ir-Regolament Nru 1451/2007
12
L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1451/2007, intitolat “Sustanzi attivi eżistenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. Il-lista ta’ sustanzi attivi identifikati bħala disponibbli fis-suq qabel l-14 ta’ Mejju 2000 [u] bħala sustanzi attivi ta’ prodotti bijoċidali għal skopijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2)(ċ) u (d) tad-Direttiva [98/8] hija stabbilita fl-Anness I.
2. Il-lista eżawrjenti tas-sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu eżaminati skond il-programm ta’ reviżjoni hija stabbilita fl-Anness II.”
13
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Nuqqas ta’ inklużjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-Regolament u l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-prodotti bijoċidali li jkun fihom sustanzi attivi mhux elenkati f-Anness II ta’ dan ir-Regolament jew fl-Anness I jew IA tad-Direttiva [98/8] m’għandhomx jibqgħu jitqiegħdu fis-suq.
Fil-każ ta’ sustanza attiva elenkata fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għal dik is-sustanza li tkun relatata ma’ kull tip ta’ prodott mhux elenkat f’dak l-Anness.”
Id-dritt nazzjonali
14
Id-Direttiva 98/8 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Liġi dwar il-bijoċidi (Biozidgesetz), tal-20 ta’ Ġunju 2002 (BGB1. 2002 I, p. 2076), u ġiet implementata permezz tal-Liġi dwar il-prodotti kimiċi (Chemikaliengesetz), tat-2 ta’ Lulju 2008 (BGB1. 2008 I, p. 1146), kif emendata bil-Liġi tal-11 ta’ Awwissu 2010 (BGB1. 2010 I, p. 1163, iktar ’il quddiem il-“ChemG”).
15
Id-definizzjoni ta’ prodotti bijoċidali mogħtija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 ġiet trasposta, fid-dritt Ġermaniż, fl-Artikolu 3b(1)(1) tal-ChemG.
16
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li hija għandha tibbaża ruħha fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3b(1)(1) tal-ChemG.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17
Il-partijiet fil-kawża prinċipali huma impriżi kompetituri fil-kummerċjalizazzjoni ta’ prodotti kontra l-alka intiżi sabiex jintużaw fil-vaski, b’mod partikolari fil-vaski artifiċjali fil-ġonna, fil-pixxini naturali u fil-pixxini intiżi għall-għawm.
18
Tetra GmbH tikkummerċjalizza fil-Ġermanja prodott kontra l-alka bl-isem TetraPond AlgoRem li jinkludi l-idrossiklorur tal-aluminju. Meta jitħallat mal-ilma, dan il-prodott, idrossi tal-aluminju polikatjoniku li jinħall, jifforma, bi proċess ta’ idroliżi, depożitu kompost minn idrossi ta’ aluminju, liema depożitu ma jinħallx, u għalhekk huwa kimikament u bijoloġikament inattiv, u għandu forma ta’ xibka li tippermetti li l-alka li tkun fl-ilma tinġabar flimkien, proċess imsejjaħ “flokkulazzjoni”, b’mod mekkaniku u fiżiku, imsejjaħ “agglutinazzjoni”.
19
Skont il-qorti tar-rinviju, l-idrossiklorur tal-aluminju kien identifikat bħala “sustanza attiva eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1896/2000 u ġie inkluż fl-Anness I tar-Regolament Nru 1451/2007. Għall-kuntrarju, peress li ma kinitx innotifikata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1896/2000, din is-sustanza attiva ma kinitx inkluża fl-Anness II tar-Regolament Nru 1451/2007 u għalhekk tilfet il-kapaċità tagħha li tkun ikkummerċjalizzata bħala sustanza attiva bijoċidali, skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.
20
Fil-kuntest ta’ azzjoni dwar kompetizzjoni żleali mressqa quddiem il-Landgericht Hamburg, Söll GmbH issostni li, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1451/2007, il-prodott inkwistjoni ma jistax jitqiegħed fis-suq.
21
Għall-kuntrarju, Tetra GmbH issostni li l-prodott ikkummerċjalizzat minnha ma jistax jiġi kklassifikat bħala prodott bijoċidali fis-sens tad-Direttiva 98/8 sa fejn, għalkemm huwa minnu li meta l-prodott jitħallat mal-ilma tal-vaska jkun hemm reazzjoni kimika ta’ idroliżi, dan madankollu ma jkollu ebda effett kimiku fuq l-alka, liema alka sempliċement tifflokkulizza mingħajr ma tkun meqruda, imgerrxa, reża bla kapaċità li tagħmel ħsara jew miġġielda b’xi mod ieħor. Għall-kuntrarju, skont din il-kumpannija, l-alka tibqa’ tgħix f’din il-vaska u tkompli bil-fotosinteżi normali tagħha. Sakemm l-alka ma tinħariġx mill-ilma b’mod mekkaniku, hija tibqa’ tgħix fil-vaska.
22
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi u filwaqt li indikat li kienet qiegħda xxaqleb favur l-interpretazzjoni proposta mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-Landgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1.
Għall-kwalifika ta’ prodott bħala ‘prodott bijoċidal’ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva [98/8] huwa neċessarju li jkun hemm effett bijoloġiku jew kimiku dirett tal-prodott fuq l-istess organiżmu noċiv, li jeqirdu, igerrxu, jirrendih innokwu, li jipprevjeni l-azzjoni minnu jew li jeżerċita xorta oħra kontroll effettiv, jew f’dan ir-rigward huwa biżżejjed li l-prodott ikollu effett indirett fuq l-organiżmu noċiv?
2.
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kwalifika ta’ prodott bħala ‘prodott bijoċidal’ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva [98/8] tqis li huwa biżżejjed li jkun hemm effett bijoloġiku jew kimiku indirett fuq l-organiżmu noċiv: liema rekwiżiti għandhom ikunu imposti fuq l-effett indirett ta’ prodott fuq l-organiżmu noċiv, sabiex dan il-prodott jiġi kklassifikat bħala prodott bijoċidal kif definit fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva [98/8], jew huwa biżżejjed kwalunkwe effett indirett b’mod jew ieħor differenti, sabiex tiġi ġġustifikata l-kwalità ta’ bijoċidal?”
Fuq id-domandi preliminari
23
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 għandux jiġi interpretat fis-sens li jkopri l-prodotti li jkun fihom sustanzi attivi li, minħabba l-mod speċifiku tal-azzjoni tagħhom, ikunu intiżi li jaġixxu, b’mod kimiku jew bijoloġiku, fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti b’mod indirett biss u, jekk ikun il-każ, liema huma r-rekwiżiti li għalihom għandha tkun suġġetta tali azzjoni.
24
Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 jistabbilixxi d-definizzjoni tal-prodotti bijoċidali fuq il-bażi ta’ tliet elementi kumulattivi. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, l-ewwel nett, li dawn il-prodotti għandu jkollhom “sustanza attiva” kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(d) ta’ din id-direttiva. It-tieni nett, l-istess dispożizzjoni tidentifika l-għanijiet ta’ tali prodotti billi tirreferi, b’mod partikolari, għal lista eżawrjenti, li tinsab fl-Anness V tad-Direttiva 98/8, tad-diversi tipi ta’ prodotti bijoċidali. Fl-aħħar nett, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-metodu ta’ azzjoni tal-prodotti msemmija għandu jkun jew kimiku jew bijoloġiku.
25
Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tieni element ta’ din id-definizzjoni, li huwa s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 jipprovdi li tali prodotti għandhom ikunu “maħsuba sabiex jeqirdu, igerrxu, jirrendu bla ħsara, jipprevjienu l-azzjoni, jew jeżerċitaw xorta oħra kontroll effettiv fuq kull organiżmu ta’ perikolu”. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm ċerta diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan is-sens, uħud minn dawn il-verżjonijiet, b’mod partikolari bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bl-Olandiż, jissuġġerixxu li l-prodotti bijoċidali għandhom ikunu maħsuba sabiex ikollhom azzjoni diretta fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti. Għall-kuntrarju, verżjonijiet oħra, b’mod partikolari bl-Ingliż, bl-Ispanjol u bit-Taljan, jirreferu wkoll, f’termini iktar wiesgħa, għal effett ta’ kontroll ta’ dawn l-organiżmi permezz tal-prodotti bijoċidali.
26
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ ta’ diskrepanza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Laki, C-351/10, Ġabra p. I-5495, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27
F’dan id-dawl, mill-premessa 4 tad-Direttiva 98/8 jirriżulta li l-kuntest leġiżlattiv dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali jikkunsidra “bħala kondizzjoni livell għoli ta’ protezzjoni għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent”. Issa, tali livell ta’ protezzjoni jista’ jkun ippreġudikat serjament jekk il-klassifikazzjoni ta’ prodotti bijoċidali tiġi rriżervata esklużivament għall-prodotti li jkun fihom sustanza attiva jew iktar u li jeżerċitaw azzjoni kimika jew bijoloġika diretta fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti u jekk din il-klassifikazzjoni tkun eskluża fir-rigward tal-prodotti li, għalkemm ikollhom xorta waħda sustanza attiva jew iktar, jeżerċitaw l-azzjoni kimika jew bijoloġika tagħhom fuq l-organiżmi msemmija b’mod indirett biss. Fil-fatt, hija l-preżenza nfisha tas-sustanza attiva bħala tali, fi prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tista’ tkun ta’ perikolu għall-ambjent, irrispettivament mill-kwistjoni jekk din is-sustanza taġixxix b’mod dirett jew indirett fuq l-organiżmi li jkunu fil-mira tal-prodott inkwistjoni.
28
Barra minn hekk, mil-lista tal-għanijiet tal-prodotti bijoċidali li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jkopri l-prodotti kollha li jkun fihom sustanza attiva jew iktar u li jaġixxu b’mod kimiku jew bijoloġiku meta dawn ikunu maħsuba li jipproduċu effett detrimentali fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti. Mill-klassifikazzjoni fi gradi, fid-deskrizzjoni tal-għanijiet ta’ tali prodotti, magħmula f’din id-dispożizzjoni, li jvarjaw mill-qerda tal-organiżmi ta’ ħsara sal-prevenzjoni kontrihom, u, iktar minn hekk, mill-fatt li din id-dispożizzjoni tirreferi, fl-aħħar lok, għall-prodotti li jaġixxu “xorta oħra” fuq dawn l-organiżmi ta’ ħsara, jirriżulta li tali effett tal-prodott imsemmi, anki jekk limitat għall-possibbiltà li jiġi eżerċitat kontroll aħjar fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira ta’ dawn il-prodotti jew għat-tħaffif tal-eliminazzjoni tagħhom, huwa biżżejjed. Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” tirriżulta wkoll mill-kunċett ta’ “sustanza attiva”, kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 98/8.
29
Fir-rigward ta’ prodott kontra l-alka bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-proċess, li, minn naħa, fil-mument li dan il-prodott jitħallat mal-ilma, ikun hemm azzjoni kimika, jiġifieri idroliżi. Min-naħa l-oħra, din l-idroliżi twassal sabiex tinħoloq tip ta’ xibka maħsuba sabiex, fit-tieni stadju, l-alka tinġabar flimkien fil-wicc tal-ilma permezz ta’ azzjoni mekkanika u fiżika, imsejħa flokkulazzjoni, sabiex b’hekk l-alka tkun tista’ titneħħa mill-ilma. B’hekk, għalkemm huwa minnu li l-azzjoni kimika tas-sustanza attiva inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tattakkax direttament l-alka, xorta jibqa’ l-fatt li din l-azzjoni tikkontribbwixxi għat-tneħħija tagħha mill-ilma.
30
Fid-dawl tar-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn l-azzjoni kimika u l-effetti tagħha li jippermettu li jiġi eżerċitat kontroll aħjar fuq l-organiżmi ta’ ħsara fil-mira ta’ din l-azzjoni, prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat li huwa maħsub sabiex jaġixxi b’mod kimiku fuq l-organiżmi msemmija.
31
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri anki l-prodotti li jaġixxu biss b’mod indirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira tagħhom meta dawn il-prodotti jkun fihom sustanza attiva jew iktar li toħloq azzjoni, kimika jew bijoloġika, li tagħmel parti integrali minn sensiela ta’ azzjonijiet b’rabta kawżali bejniethom li l-għan tagħhom ikun li jiġi prodott effett detrimentali fir-rigward tal-organiżmi msemmija.
Fuq l-ispejjeż
32
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-kunċett ta’ “prodotti bijoċidali” li jinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri anki l-prodotti li jaġixxu biss b’mod indirett fuq l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu fil-mira tagħhom meta dawn il-prodotti jkun fihom sustanza attiva jew iktar li toħloq azzjoni, kimika jew bijoloġika, li tagħmel parti integrali minn sensiela ta’ azzjonijiet b’rabta kawżali bejniethom li l-għan tagħhom ikun li jiġi prodott effett detrimentali fir-rigward tal-organiżmi msemmija.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy