Kawża C-435/10
J.C. van Ardennen
vs
Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep)
“Direttiva 80/987/KEE — Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Kumpens għal insolvenza — Ħlas suġġett għall-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex impjieg”
Sommarju tas-sentenza
Politika soċjali — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega — Direttiva 80/987 — Limitazzjoni tal-obbligu ta’ ħlas mill-istituzzjonijiet ta’ garanzija
(Direttiva tal-Kunsill 80/987, kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/74, Artikoli 3 u 4)
L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987, dwar il‑protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata bid‑Direttiva 2002/74, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà, għall‑ħaddiema li min jimpjegahom huwa insolventi, li jinvokaw id-dritt sħiħ tagħhom għall-ħlas ta’ krediti ta’ paga mhux imħallsa, mhux ikkontestati u rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-obbligu li jirreġistraw bħala persuna li qed tfittex impjieg.
Fil-fatt, huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987, li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan. Dan l-Artikolu 4 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u konformi mal-għan soċjali tagħha, li huwa dak li jiġi żgurat minimu ta’ protezzjoni lill-ħaddiema kollha. Għal dan il-għan, il każijiet li fihom huwa permess li jiġi limitat l-obbligu ta’ ħlas mill-istituzzjonijiet ta’ garanzija huma elenkati b’mod eżawrjenti fid Direttiva 80/987 u d-dispożizzjonijiet ikkonċernati għandhom jiġu interpretati b’mod strett, fid-dawl tan-natura derogatorja tagħhom u tal-għan ta’ din id direttiva. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li jmur kontra l-għan tad-Direttiva u partikolarment l-Artikoli 3 u 4 tiegħu, li dan jiġi interpretat b’tali mod li ħaddiem, minħabba fin-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex impjieg f’terminu previst, ikun suġġett għal nuqqas ta’ rimbors fiss u awtomatiku tal-krediti ta’ paga tiegħu, mhux ikkontestati u rikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u li għalhekk ma jistax jibbenefika mill-garanzija għat-telf ta’ pagi li huwa jkun effettivament sostna matul il-perijodu ta’ referenza.
(ara l-punti 30, 31, 34, 35, 39 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
17 ta’ Novembru 2011 (*)
“Direttiva 80/987/KEE – Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Kumpens għal insolvenza – Ħlas suġġett għall-kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex impjieg”
Fil-Kawża C‑435/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura
J. C. van Ardennen
vs
Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen, minn M. Mollee, bħala aġent,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u F. Wilman, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4, 5 u 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il‑protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217), kif emendata bid‑Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 261, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 80/987”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. C. van Ardennen u r-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (il-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-Istitut li jamministra l-assigurazzjonijiet għall-impjegati, iktar ’il quddiem l-“UWV”) fir-rigward tar-rifjut ta’ din l-aħħar li tħallsu l‑kumpens għal insolvenza kollu minħabba li ma rreġistrax bħala persuna li qed tfittex impjieg mas-Centrale organisatie voor Werk en Inkomen (Organizzazzjoni ċentrali tax-xogħol u tad-dħul, iktar ’il quddiem is-“CWI”) fit-terminu previst.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l‑istituzzjonijiet tal-garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4, il-ħlas tal‑pretensjoniet pendenti li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ l-impjieg jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjonijiet ta’ l-impjieg.
Il-pretensjonijiet li l-kontroll tagħhom jittieħed mill-istituzzjoni tal-garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlasijiet li jkollhom x’jaqsmu mal‑perjodu taż-żmien ta’ qabel u/jew, meta japplika, wara data mogħtija stabbilita mill-Istati Membri.”
4 L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jiddisponi:
“1. L-Istati Membri għandhom jkollhom il-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet tal-garanzija riferiti fl-Artikolu 3.
2. Meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-għażla riferita fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perjodu taż-żmien li fih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perjodu taż-żmien li jkopri l-ħlas ta’ l-aħhħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ l-impjieg qabel u/jew wara d-data riferita fl-Artikolu 3. L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perjodu minimu taż-żmien ta’ tliet xhur f’perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur.
L-Istati Membri li għandhom perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18-il xahar jistgħu jillimitaw il-perjodu taż-żmien li fih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanziji għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perjodi taż-żmien li huma l-aktar favorevoli għall-impjegat jintużaw għall-kalkolu tal-perjodu minimu taż-żmien.
3. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni tal-garanzija. Dawn il-limiti massimi ma għandhomx jaqgħu taħt livell li huwa kompatibbli soċjalment ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva.
Meta l-Istati Membri jeżerċitaw din il-għażla, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi wżati sabiex jiġu stabbiliti l-limiti massimi.”
5 Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva:
“L-Istati Membri għandhom ifasslu regoli dettaljati għall-organizzazzjoni, iffinanzjar u tħaddim ta’ l-istituzzjonijiet ta’ garanzija, li jissodisfaw b’mod speċjali l-prinċipji li ġejjin:
a) l-assi ta’ l-istituzzjonijiet għandhom ikunu indipendenti mill-kapital li qed jitħaddem mill-persuna li tħaddem u ma jkunx aċċessibbli għall-proċeduri ta’ l-insolvenza;
b) min iħaddem għandu jikkontribwixxi għall-iffinanzjar, sakemm dan ma jkunx kopert għal kollox mill-awtoritajiet pubbliċi.
ċ) ir-responsabbilitajiet ta’ l-istituzzjonijiet m’għandhomx jiddipendu fuq jekk l-obbligazzjonijiet ta’ kontribuzzjonijiet għall-iffinanzjar ġewx sodisfatti jew le.”
6 L-Artikolu 10 tad-Direttiva 80/987 jipprovdi:
“Din id-Direttiva ma taffetwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:
a) li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi;
b) li ma jaċċettawx jew inaqqsu r-responsabbiltà msemmija fl-Artikolu 3 jew l-obbligazzjoni ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 7 jekk ikun jidher li ma jkunx ġustifikat li wieħed jissodisfa l-obbligazzjoni minħabba li jkun hemm irbit speċjali bejn l-impjegat u min iħaddem u interessi komuni li jirriżultaw minn kollużjoni bejniethom;
ċ) biex tiċħad jew tnaqqas ir-responsabbiltà riferita fl-Artikolu 3 jew l-obbligu tal-garanzija riferit fl-Artikolu 7 fil-każijiet fejn l-impjegat, f’ismu jew f’isimha jew flimkien mal-qraba viċini tagħhom, kienu s-sid ta’ parti essenzjali ta’ l-impriża jew tan-negozju ta’ min iħaddem u kellu influwenza konsiderevoli fuq l-attivitajiet tagħha.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Il-Kapitolu IV tal-liġi dwar il-qgħad (Werkloosheidswet, iktar ’il quddiem il-“WW”) jikkonċerna t-tkomplija tal-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ xogħol f’każ ta’ inkapaċità ta’ min jimpjega li jħallas. Skont l-Artikolu 61 tal-WW, li jagħmel parti minn dan il-Kapitolu IV, huwa intitolat għal kumpens kull ħaddiem li għandu pretensjoni għall-paga tiegħu, għal paga matul il-vaganzi tiegħu jew għal kumpens għall-vaganzi tiegħu mingħand min jimpjegah, li ġie ddikjarat fallut.
8 L-Artikolu 64 tal-WW jipprovdi li:
“1. Id-dritt għall-kumpens f’dan il-kapitolu jinkludi:
a. il-paga relatata għal massimu ta’ tlettax-il ġimgħa preċedenti qabel:
1. il-jum li fih ir-relazzjoni ta’ xogħol ġiet itterminata permezz ta’ tkeċċija;
2. il-jum li fih ir-relazzjoni ta’ xogħol ġiet itterminata bi ftehim reċiproku;
3. il-jum li fih ir-relazzjoni ta’ xogħol ġiet itterminata bl-operat tal-liġi jew
4. il-jum tax-xoljiment tal-kuntratt;
b. il-paga relatata għall-perijodu ta’ avviż massimu applikabbli għall-ħaddiem […]
c. il-paga matul il-vaganzi, l-allowance għall-vaganzi u s-somom li l-persuna li timpjega taf lil partijiet terzi fir-rigward tar-relazzjoni ta’ impjieg mal-ħaddiem […]”
9 Skont l-Artikolu 65 tal-WW:
“1. Huma kompletament imnaqqsa mill-kumpens imsemmi fl-Artikolu 64:
a. id-dħul mix-xogħol bħala ħaddiem jew għall-attivitajiet li għalihom il-ħaddiem ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tali, magħmula matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 64(1)(a) u (b);
[…]”
10 Jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-digriet dwar ir-reġistrazzjoni mas-CWI (Besluit registratie CWI, Nederlandse Staatscourant 2002, Nru 229) li l-ħaddiem li huwa intitolat għal kumpens taħt il-Kapitolu IV tal-WW huwa meħtieġ li jirreġistra bħala persuna li qed tfittex impjieg mas-CWI l-iktar tard sal-ewwel jum ta’ xogħol wara l-jum fejn il-perijodu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 64(1)(b) tal-WW beda jiddekorri.
11 L-Artikolu 40(1) tal-liġi dwar il-fallimenti (Faillissementswet) jiddisponi:
“Il-ħaddiema fis-servizz ta’ persuna falluta jistgħu jxolju l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom u, bl-istess mod, il-kuratur jista’ jxolji l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom fit-termini previsti hawn jew bil-liġi, sakemm, madankollu, il-kuntratt ta’ xogħol ikun jista’ fi kwalunkwe każ jiġi xolt permezz ta’ notifika ta’ sitt ġimgħat. […]”
12 L-Artikolu 3 tad-digriet li jistabbilixxi l-miżuri li jistgħu jiġu applikati mill-UWV (Maatregelenbesluit UWV, Nederlandse Staatscourant 2004, Nru 163) jistabbilixxi:
“[…]
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni inkorretta ta’ obbligu stabbilit fl-ewwel kategorija […] tal-WW […] u sakemm twissija hija kkunsidrata bħala suffiċjenti, l-ammont u t-tul huma li ġejjin:
[…]
c. 20 % fuq it-terminu tardiv b’massimu ta’ 52 ġimgħa jekk it-terminu previst jinqabeż b’iktar minn […] jum kalendarju.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 J. C. van Ardennen kien impjegat mill-1 ta’ Awissu 1985, fl-impriża Fruit Sellers International BV, iddikjarata falluta fit-28 ta’ Novembru 2006. Il-paga ta’ J. C. van Ardennen ġiet imħallsa b’mod sħiħ, għalhekk ma kienx hemm arretrati fil-pagi.
14 Wara li mingħajr suċċess ipprova joħloq impriża tiegħu stess, J. C. van Ardennen irreġistra mas-CWI fil-15 ta’ Mejju 2007, u fl-20 ta’ Mejju 2007 ressaq talba għal kumpens tal-qgħad. Huwa rreġistra lilu nniffsu bħala persuna li qed tfittex impjieg fid-29 ta’ Mejju 2007.
15 Fis-7 ta’ Ġunju 2007, J. C. van Ardennen ressaq talba għal kumpens għal insolvenza mal-UWV.
16 Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2007, l-UWV tat lil J. C. van Ardennen kumpens għal insolvenza għal krediti mhux imħallsa għall-perijodu mid-29 ta’ Novembru 2006 sat-12 ta’ Frar 2007. Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-UWV, dan il-perijodu jikkorrispondi għall-perijodu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 64(1)(b) tal-WW. Dan il-kumpens jinkludi l-ammonti li ġejjin, jiġifieri remunerazzjoni grossa ta’ EUR 26 505.15 li tirrappreżenta s-salarju, l-ispejjeż tal-karozza, il-paga matul il-vaganzi u l-allowance tal-vaganzi kif ukoll remunerazzjoni netta ta’ EUR 1 200 bħala rimbors ta’ spejjeż professjonali.
17 Madankollu, l-UWV naqqset din is-somma b’20 %, skont il-Kapitolu IV tal-WW, sabiex tissanzjona l-fatt li J. C. van Ardennen ma rreġistrax fit-terminu previst bħala persuna li qed tfittex impjieg.
18 L-ilment ta’ J. C. van Ardennen ġie miċħud mill-UWV permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2007, dejjem minħabba li l-WW timponi l-obbligu li persuna tirreġistra bħala li qed tfittex impjieg mas-CWI u li testendi din ir-reġistrazzjoni.
19 Ir-rikors ippreżentat minn J. C. van Ardennen kontra din id-deċiżjoni quddiem ir-Rechtbank ukoll ġie meqjus bħala bla bażi għall-istess raġuni, għalhekk huwa appella quddiem is-Centrale Raad van Beroep.
20 Skont l-ispjegazzjonijiet tal-UWV, b’mod konformi mal-Artikolu 65 tal-WW huma kompletament mnaqqsa mill-kumpens imsemmi fl-Artikolu 64 ta’ din il-liġi d-dħul mix-xogħol magħmul matul il-perijodu ta’ referenza. L-UWV tqis li l-obbligu li tirreġistra bħala persuna li qed tfittex impjieg huwa intiż sabiex tiżdied il-probabbiltà li l-ħaddiem inkwistjoni jsib xogħol matul dan il-perijodu u għalhekk l-ispejjeż fuq il-fond ta’ garanzija jibqgħu minimi.
21 Il-qorti tar-rinviju ssostni li tali ratio legis tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni jqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-dħul mix-xogħol li persuna tirċievi matul il-perijodu li fih tkun intitolata għal kumpens ta’ insolvenza tista’ tiġi dedotta minnha. Hija qed tirreferi għas-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1997, Maso et (C‑373/95, Ġabra p. I‑4051), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jipprojbixxi l-akkumulazzjoni ta’ ammonti ggarantiti permezz tad-Direttiva 80/987 b’kumpens bħalma huwa l-kumpens għall-mobilità inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, minħabba li dan il-kumpens ma jirriżultax minn kuntratt jew minn relazzjoni ta’ xogħol peress li din titħallas biss lill-ħaddiem wara t-tkeċċija tiegħu u ma hijiex intenzjonata biex tħallas għal attivitajiet imwettqa fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol.
22 Skont il-qorti tar-rinviju, jista’ jkun dedott b’mod impliċitu minn din is-sentenza, li tali akkumulazzjoni tista’ tiġi pprojbita jekk dawn kienu jipprovdu ħlas għall-attivitajiet imwettqa matul il-perijodu ta’ referenza.
23 Din l-istess qorti tqis li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 80/987 ma tipprojbixxix li tiġi adottata regola li għandha bħala għan tali projbizzjoni tal-kumulazzjoni. Fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva, jidher iġġustifikat li jitnaqqas mill-ammont tal-kumpens ta’ insolvenza d-dħul li l-ħaddiem effettivament irċieva matul il-perijodu ta’ notifika għal xogħol li wettaq minħabba li tali tnaqqis ma jirrigwardax il-protezzjoni minima ggarantita minn din id-direttiva.
24 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Arikoli 4, 5 u 10 tad-Direttiva 80/987 jippermettu lill-Istati Membri mhux biss li jistabbilixxu t-termini tal-organizzazzjoni, tal-iffinanzjar u tat-tħaddim tal-istituzzjonijiet ta’ garanzija, iżda f’ċerti ċirkustanzi, li jillimitaw ukoll il-protezzjoni li din id-direttiva tfittex li tiżgura lill-ħaddiema (ara, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ ċerti termini ta’ preskrizzjoni, is-sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2003, Pflücke, C‑125/01, Ġabra p. I‑9375, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Visciano, C‑69/08, Ġabra p. I‑6741). Il-qorti tar-rinviju żżid li hija ma hijiex f’pożizzjoni sabiex tistabbilixxi b’mod ċar jekk l-obbligu li tirreġistra bħala persuna li qed tfittex impjieg hija dispożizzjoni li Stat Membru jista’ jadotta b’mod ġenerali fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987.
25 Billi kellha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex impjieg sabiex tibbenefika mill-benefiċċju ta’ kumpens għal insolvenza u jitnaqqas l-ammont ta’ dan il-kumpens f’każ ta’ reġistrazzjoni tardiva, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Id-Direttiva [80/987], u b’mod partikolari l-Artikoli 4, 5 u 10 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li bħala regola ġenerali hija inkompatibbli magħhom sistema nazzjonali li tobbliga lill-ħaddiema, f’każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom, għall-eżerċizzju (totali) tad-dritt tagħhom għall-ħlas ta’ krediti ta’ paga mhux imħallsa, jirreġistraw bħala persuni li qegħdin ifittxu impjieg mhux iktar tard mill-ewwel ġurnata tax-xogħol wara l-ġurnata li fiha tkun intemmet ir-relazzjoni tax-xogħol, jew kellha b’mod raġjonevoli tintemm?
F’każ ta’ risposta negattiva:
2) Id-Direttiva dwar l-insolvenza, u b’mod partikolari l-Artikoli 4, 5 u 10 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija inkompatibbli magħhom sistema nazzjonali li timponi l-imsemmi obbligu ta’ reġistrazzjoni anki fuq il-ħaddiema li matul it-terminu ta’ notifika jkunu svolġew attività f’impriża jew fi professjoni indipendenti?
3) Id-Direttiva dwar l-insolvenza, u b’mod partikolari l-Artikoli 4, 5 u 10 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija inkompatibbli magħhom sistema nazzjonali li permezz tagħha, in-nuqqas jew id-dewmien fit-twettiq tal-imsemmi obbligu ta’ reġistrazzjoni jista’ jiddetermina n-nuqqas ta’ ħlas ta’ parti mill-benefiċċju tal-insolvenza, fejn fir-rigward tal-livell u tat-tul tal-imsemmija dispożizzjoni huwa deċiżiv anki l-mument li fih jiġi sodisfatt dan l-obbligu?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
26 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti essenzjalment tistaqsi, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà għall-ħaddiema li min jimpjegahom ikun insolventi, li jinvokaw id-dritt sħiħ tagħhom għall-ħlas ta’ krediti ta’ paga mhux imħallsa, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-obbligu li jirreġistraw bħala persuna li qed tfittex impjieg.
27 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-għan soċjali tad-Direttiva 80/987 huwa dak li jiġi ggarantit lill-impjegati kollha minimu ta’ protezzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega permezz tal-ħlas tal-krediti mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ xogħol u li jinvolvu r-remunerazzjoni li tirrigwarda perijodu ddeterminat (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Marzu 2004, Barsotti et, C‑19/01, C‑50/01 u C‑84/01, Ġabra p. I‑2005, punt 35, kif ukoll Visciano, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
28 Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex istituzzjonijiet ta’ garanzija jiżguraw, mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, il-ħlas tal-krediti mhux imħallsa tal-impjegati.
29 Fir-rigward tal-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess li J. C. van Ardennen ġie rrifjutat il-ħlas sħiħ tal-paga li jirrigwarda l-perijodu ta’ notifika, previst fl-Artikolu 64(1)(b) tal-WW, minħabba l-fatt li rreġistra tard bħala persuna li qed tfittex impjieg.
30 Għandu jiġi enfasizzat li jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikors ta’ J. C. van Ardennen għall-fondi ta’ garanzija huwa fondat minħabba fl-eżistenza ta’ kreditu mhux ikkontestat u li huwa rikonoxxut mil-leġiżlazzjoni nazzjonali Olandiża, jiġifieri l-Artikolu 64(1)(b) tal-WW. Il-ħlas ta’ tali kreditu, oġġettivament dovut mill-persuna li timpjega li saret insolventi, huwa kopert mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 u huwa ggarantit minn din tal-aħħar.
31 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987, li jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan. Tali limitazzjoni hija possibbli kemm f’dak li jirrigwarda t-tul tal-perijodu li ta lok għall-ħlas, skont l‑Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-limitu ta’ tali ħlas, skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva.
32 Id-Direttiva 80/987 teħtieġ f’dan l-istess Artikolu 4(3) li fejn Stat Membru jeżerċita s-setgħa tiegħu li jiffissa dan il-limitu, huwa għandu jikkomunikah lill‑Kummissjoni.
33 Jirriżulta mill-proċess li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprovdix limitu għal rimbors u għalhekk ma tirriżultax mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 80/987.
34 Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 80/987 għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv u konformi mal-għan soċjali tagħha, li huwa dak li jiġi żgurat minimu ta’ protezzjoni lill-ħaddiema kollha (ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, Regeling, C‑125/97, Ġabra p. I‑4493, punt 20). Għal dan il-għan, il‑każijiet li fihom huwa permess li jiġi limitat l-obbligu ta’ ħlas mill‑istituzzjonijiet ta’ garanzija huma elenkati b’mod eżawrjenti fid‑Direttiva 80/987 u d-dispożizzjonijiet ikkonċernati għandhom jiġu interpretati b’mod strett, fid-dawl tan-natura derogatorja tagħhom u tal-għan ta’ din id‑direttiva.
35 F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li jmur kontra l-għan tad-Direttiva 80/987 u partikolarment l-Artikoli 3 u 4 tiegħu, li dan jiġi interpretat b’tali mod li ħaddiem fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba fin-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex impjieg f’terminu previst mil-liġi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun suġġett għal nuqqas ta’ rimbors fiss u awtomatiku tal-krediti ta’ paga tiegħu u li għalhekk ma jistax jibbenefika mill-garanzija għat-telf ta’ pagi li huwa jkun effettivament sostna matul il-perijodu ta’ referenza.
36 Barra minn hekk, f’dak illi jirrigwarda l-ġurisprudenza invokata mill-qorti tar‑rinviju u ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi nnotat, kif ġie ġustament osservat mill-Kummissjoni, li obbligu ta’ reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex impjieg f’terminu speċifiku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jirriżulta fi tnaqqis tal-kumpens għal insolvenza imħallas ma huwiex komparabbli mat-terminu ta’ dekadenza jew ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ talba għal kumpens għal insolvenza.
37 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li fil-kawża prinċipali, il-ħlas ta’ somom ma jmurx lil hinn mill-għan soċjali tad-Direttiva 80/987, dan huwa ħlas li l‑Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri li jillimitaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Barsotti et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). Għalhekk, irrispettivament minn jekk id-Direttiva 80/987 tipprekludix regola li tipprovdi li d‑dħul li l-persuna kkonċernata tkun attwalment irċeviet matul il-perijodu ta’ notifika jitnaqqas mill-ammont tal-kumpens, regola nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tnaqqas l-ammont ta’ rimbors ta’ krediti ta’ paga b’mod fiss u awtomatiku direttament taffettwa l-livell minimu ta’ protezzjoni mfittex mid-Direttiva 80/987 fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega.
38 Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 10 tad-Direttiva 80/987 jippermetti lill‑Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu l-abbuż, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha xejn li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kull abbuż li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu l-għan li jevita. Barra minn hekk, waqt is-seduta, l-UWV espressament ikkonfermat li l-ġustifikazzjoni għal dan l-obbligu ma kien bl-ebda mod ibbażat fuq dan l-Artikolu 10.
39 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 80/987 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà, għall‑ħaddiema li min jimpjegahom huwa insolventi, li jinvokaw id-dritt sħiħ tagħhom għall‑ħlas ta’ krediti ta’ paga mhux imħallsa, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għall-obbligu li jirreġistraw bħala persuna li qed tfittex impjieg.
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
40 Fid-dawl tar-risposta fl-affermattiv mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda.
Fuq l-ispejjeż
41 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jkunu s-suġġett ta’ rimbors.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il‑protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata bid‑Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà, għall‑ħaddiema li min jimpjegahom huwa insolventi, li jinvokaw id-dritt sħiħ tagħhom għall-ħlas ta’ krediti ta’ paga mhux imħallsa, bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, għall-obbligu li jirreġistraw bħala persuna li qed tfittex impjieg.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy