Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Marzu 2012 — Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja
(Kawża C-574/10)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2004/18/KE — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Servizzi ta’ arkitettura u ta’ inġinerija — Provvista ta’ servizzi ta’ studju, ta’ ħolqien ta’ disinni u ta’ superviżjoni fir-rigward tal-proġett ta’ rinnovazzjoni ta’ bini pubbliku — Twettiq ta’ proġett f’diversi fażijiet, minħabba raġunijiet baġitarji — Valur tal-kuntratt”
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Kunċett (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikoli 2, 7(b), 9, 20 u 23 sa 55) (ara l-punti 37, 41-52 u d-dispożittiv)
Suġġett
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ksur tal-Artikoli 2, 9 u 20, flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) — Għoti, mill-muniċipalità ta’ Niedernhausen, mingħajr sejħa għal offerti fil-livell tal-Unjoni, ta’ diversi servizzi ta’ arkitettura marbuta ma’ proġett wieħed ta’ kostruzzjoni lil uffiċċju tal-inġiniera — Qsim tas-servizz mogħti — Determinazzjoni tal-valur tal-kuntratt.
Dispożittiv
1)
Minħabba l-fatt li l-muniċipalità ta’ Niedernhausen tat kuntratt ta’ servizzi ta’ arkitettura li jirrigwardaw ir-rinnovazzjoni ta’ bini pubbliku msejjaħ “Autalhalle” li jinsab fit-territorju ta’ din il-muniċipalità, li l-valur tiegħu kien jaqbeż il-limitu stabbilit fl-Artikolu 7(b) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], mingħajr ma wettqet sejħa għal offerti fil-livell tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 9 u 20, moqrija flimkien mal-Artikoli 23 sa 55 ta’ din id-direttiva.
2)
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy