13.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 63/32
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia provincial de Tarragona (Spanja) fl-4 ta’ Jannar 2010 — Proċeduri kriminali kontra Valentín Salmerón Sánchez
(Kawża C-1/10)
2010/C 63/53
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Audencia provincial de Tarragona.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Valentín Salmerón Sánchez
Konvenuti: Ministerio Fiscal u Dorotea López León
Domandi preliminari
(1)
Id-dritt tal-vittma li tiġi mifhuma, stabbilit fil-Premessa 8 tad-Deċiżjoni Kwadru (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa obbligu pożittiv, li għandhom l-awtoritajiet pubbliċi inkarigati li jipproċedu legalment kontra u jirreprimu l-atti kriminali, li jippermettu lill-vittma li tesprimi l-evalwazzjoni, ir-riflessjoni u l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-effetti diretti li jista’ jkollha fuq ħajjitha l-impożizzjoni ta’ miżuri repressivi fil-konfront tal-awtur tal-vjolenzi li miegħu għandha relazzjoni familjari jew affettiva stretta?
(2)
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu li l-Istati għandhom li jirrikonoxxu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittma jimponilhom li jieħdu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tagħha meta l-konsegwenzi kriminali tal-proċeduri jistgħu jikkompromettu fil-qofol tiegħu u direttament l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għall-iżvilupp liberu tal-personalità tagħha u tal-ħajja privata u familjari tagħha?
(3)
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux jirrifjutaw li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rieda ħielsa tal-vittma meta hija topponi l-impożizzjoni jew iż-żamma ta’ ordni ta’ protezzjoni, peress li l-aggressur huwa membru tal-familja tagħha, meta mhija kkonstatata l-ebda sitwazzjoni oġġettiva ta’ riskju ta’ reċedività, u meta jiġi kkonstatat li livell ta’ kompetenza personali, soċjali, kulturali u emotiva jeskludu l-possibbiltà tal-issuġġettar tal-awtur tal-vjolenzi, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, li r-rilevanza ta’ din il-miżura għandha tiġi kkonfermata f’kull każ fid-dawl tal-kategorija partikolari ta’ dawn l-atti kriminali?
(4)
L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JAI, sa fejn jipprovdi li l-Istati għandhom jiżguraw livell ta’ protezzjoni xieraq lill-vittma, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-impożizjoni ġeneralizzata u obbligatorja ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni jew ta’ trażżin minn kull kuntatt bħala pieni anċillari f’kull każ fejn persuna tkun vittma ta’ att kriminali mwettaq fil-kuntest familjari, fid-dawl tal-kategorija partikolari ta’ dan il-ksur, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, fis-sens li l-imsemmi Artikolu 8 jimponi evalwazzjoni individwalizzata li tippermetti li jiġi identifikat, każ b’każ, il-livell xieraq ta’ protezzjoni fid-dawl tal-interessi inkwistjoni?
(5)
L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Kwadru 2001/220/JAI għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-esklużjoni ġenerali tal-medjazzjoni matul il-proċeduri kriminali li jirrigwardaw atti kriminali mwettqa fil-kuntest familjari fid-dawl tal-kategorija partikolari ta’ dawn l-atti kriminali, jew inkella, bil-kontra ta’ dan, li hemm lok li l-medjazzjoni tiġi permessa wkoll f’dan it-tip ta’ proċeduri, billi jiġu evalwati, każ b’każ, l-interessi inkwistjoni?
(1) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2001/220/JAI, tal-15 ta’ Marzu 2001, dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri kriminali
ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4 p. 72
Full & Egal Universal Law Academy