1.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija) fit-13 ta’ Jannar 2010 — Károly Nagy vs Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal
(Kawża C-21/10)
2010/C 113/23
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Bíróság (l-Ungerija)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Károly Nagy
Konvenuta: Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal
Domandi preliminari
(1)
L-Artikoli 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 u [6]8 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 817/2004 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ programm speċifiku ta’ amministrazzjoni ta’ mergħa li taqa’ taħt l-għajnuna għall-ambjent agrikolu stabbilita mill-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, il-verifika tad-data li tinsab fid-databases ENAR [Egységes Nyilvántartási és Azonosítási Rendszer, Sistema unika ta’ identifikazzjoni u ta’ reġistrazzjoni], li hija stabbilita bl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 817/2004, għandha tinkludi l-ħlasijiet għal medda ta’ art li hija suġġett għar-rekwiżit ta’ densità ta’ bhejjem?
(2)
Iż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li, meta l-għajnuna tkun suġġetta għar-rekwiżit ta’ densità ta’ bhejjem, mingħajr ma tkun tirrigwarda l-ħlasijiet għal medda ta’ art, għandhom japplikaw ukoll it-transverifiki tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll?
(3)
Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kompetenti tista’, jew għandha, tivverifika l-eżistenza effettiva tar-rekwiżiti ta’ għajnuna indipendentement mis-sistema ENAR meta hija tiddeċiedi fuq l-għoti ta’ ħlasijiet għal medda ta’ art?
(4)
Fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, liema obbligu ta’ kontroll huwa impost fuq l-awtorità kompetenti skont l-obbligu ta’ kontroll u ta’ transverifika stabbilit mid-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija iktar ’il fuq? Jista’ l-kontroll ikun limitat biss għall-verifika tad-data tas-sistema ENAR?
(5)
Id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jimponu fuq l-awtorità nazzjonali obbligu ta’ informazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti eliġibbli għal għajnuna (bħal, pereżempju, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-ENAR)? Jekk iva, b’liema mod u sa fejn?
Full & Egal Universal Law Academy