1.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/16
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tad-Danimarka
(Kawża C-33/10)
2010/C 113/24
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Alcover San Pedro, H. Støvlbæk, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tad-Danimarka
Talbiet
—
tiddikjara illi, billi ma adottax il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġi żgurat illi sat-30 ta’ Ottubru 2007, il-permessi kollha jiġu kkunsidrati mill-ġdid, u fejn meħtieġ, aġġornati, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/1/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż;
—
tikkundanna lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri kollha jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimplementaw permess u/jew proċedura ta’ reviżjoni għal installazzjonijiet eżistenti sat-30 ta’ Ottubru 2007. Dan it-terminu ta’ żmien japplika mingħajr eċċezzjoni u d-direttiva ma tippermettix lill-Istati Membri sabiex jistrieħu fuq ċirkustanzi eċċezzjonali sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu.
Ma huwiex biżżejjed illi fid-Danimarka ġew adottati misuri sabiex jiġi żgurat l-għeluq tal-każijiet kollha relatati mal-osservanza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva sal-aħħar tal-2009. Lanqas ma tista’ tingħata importanza lid-dewmien ikkaġunat mir-riforma muniċipali fl-evalwazzjoni dwar jekk id-Danimarka naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(1). It-terminu stipulat sabiex installazzjonijiet jiġu legalizzati skada fit-30 ta’ Ottubru 2007 u kien notifikat lill-Istati Membri sa mit-22 ta’ Settembru 2005. Għalhekk, id-Danimarka kellha numru ta’ snin sabiex tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mad-direttiva.
Id-Danimarka ma kkontestatx in-nuqqas tagħha li timplementa rekwiżiti għall-għoti ta’ permessi għal installazzjonijiet eżistenti. Għalhekk ma huwiex ikkontestat illi numru sinjifikattiv mit-tmien installazzjonijiet Daniżi joperaw mingħajr permessi skont id-direttiva, kuntrarjament għall-Artikolu 5(1) tad-direttiva.
(1) ĠU 2008 L 24, p. 8.
Full & Egal Universal Law Academy