27.2.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 51/27
Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-40/10)
2010/C 51/43
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall, G. Berscheid u J.-P. Keppenne, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1296/2009, tat-23 ta’ Diċembru 2009, li jaġġusta b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009 ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi applikati għalihom (1), bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 1 u 3 tiegħu, filwaqt li jinżammu l-effetti tiegħu sal-adozzjoni mill-Kunsill ta’ regolament ġdid li japplika b’mod korrett l-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Anness XI tiegħu;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni titlob l-annullament parzjali tar-Regolament (UE) Nru 1296/2009 sa fejn il-Kunsill, minħabba raġunijiet ta’ opportunità politika, biddel f’dan ir-regolament l-ammonti tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet proposti mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ rata ta’ aġġustament ta’ 3.70 % — li tirriżulta mill-applikazzjoni mekkanika tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Anness XI tiegħu — għal ammonti korrispondenti għall-koeffiċjenti, mhux korrett, ta’ 1.85 %. Fl-opinjoni tal-Kunsill, din il-bidla hija ġġustifikata minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja kif ukoll mill-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni.
F’dak li jirrigwarda l-Artikoli 2 u 4 sa 17 tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tippreżenta motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tiegħu. Fil-fatt, il-Kunsill għandu kompetenza limitata f’dan ir-rigward, iktar u iktar fil-verżjoni attwali tar-Regolamenti tal-Persunal — fejn id-dettalji tal-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet jidhru fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — milli fil-passat, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, li bbażat ruħha fuq l-Artikolu 65 biss tar-Regolamenti tal-Persunal, diġà ikkonkludiet li l-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni mnaqqsa. Il-Kummissjoni tinvoka wkoll il-ksur tal-aspettativi leġittimi u tal-priniċpju “pater legem quam ipse fecisti”.
L-Artikolu 18 tar-regolament ikkontestat jikser, min-naħa tiegħu, l-Artikoli 3 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, billi jistabilixxi l-possibbiltà għal aġġustament intermedjarju tar-remunerazzjonijiet, lil’hinn mill-iskadenza annwali prevista fl-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u lil’hinn mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 4 sa 7 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.
(1) ĠU L 348, p. 10.
Full & Egal Universal Law Academy