17.4.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 100/24
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-50/10)
2010/C 100/36
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Alcover San Pedro u C. Zadra, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
tikkonstata li, peress li ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti josservaw, permezz ta’ permessi skont l-Artikoli 6 u 8 jew, kif xieraq, billi jikkunsidraw mill-ġdid u, fejn meħtieġ, billi jaġġornaw il-kundizzjonijiet, li l-installazzjonijiet eżistenti kollha fis-sens tal-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2008/1/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż, joperaw skont ir-rekwiżiti tal-Artikoli 3, 7, 9, 10 u 13, l-Artikolu 14(a) u (b) u l-Artikolu 15(2) tal-istess direttiva, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-Artikolu 5(1) tad-direttiva jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti josservaw, permezz ta’ permessi skont l-Artikoli 6 u 8 jew, kif xieraq, billi jikkunsidraw mill-ġdid u, fejn meħtieġ, billi jaġġornaw il-kundizzjonijiet, li sat-30 ta’ Ottubru 2007 l-installazzjonijiet eżistenti skont l-Artikolu 2(4) tal-istess direttiva joperaw skont ir-rekwiżiti tad-direttiva stess.
Madankollu, sa Jannar 2010, u b’mod partikolari sad-data li fih ġie ppreżentat dan ir-rikors, il-Gvern Taljan għadu ma wettaqx l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.
(1) ĠU L 24, p. 8
Full & Egal Universal Law Academy