1.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Frar 2010 — Land Hessen vs Franz Mucksch OHG, parti kjamata in kawża: Merck KG aA
(Kawża C-53/10)
2010/C 113/26
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesverwaltungsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Land Hessen
Konvenuta: Franz Mucksch OHG
Parti kjamata in kawża: Merck KG aA
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “SEVESO II” [Direttiva tal-Kunsill 96/92/KE, tad-9 ta’ Diċembru 1996, dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (1), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008 (2)] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligi li dan jimponi fuq l-Istati Membri, b’mod partikolari l-obbligu li fil-politika tagħhom dwar l-użu tal-art u fil-proċeduri ta’ implementazzjoni ta’ din il-politika jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonn, fuq medda twila ta’ żmien, li jinżammu distanzi xierqa bejn, minn naħa, l-istabbilimenti koperti minn din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-bini użat mill-pubbliku, japplikaw biss għall-awtoritajiet responsabbli għall-ippjanar dwar l-użu tal-art u li jkunu mitluba jiddeċiedu dwar dan l-użu fuq il-bażi ta’ bbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati kkonċernati, jew japplikaw ukoll għall-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għall-kostruzzjoni, li għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ kompetenza limitata dwar l-awtorizzazzjoni ta’ proġett f’żona li diġà hija mibnija?
(2)
Jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “SEVESO II” japplika wkoll għall-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ tal-permessi għall-kostruzzjoni, li għandhom jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ kompetenza limitata dwar l-awtorizzazzjoni ta’ proġett f’żona li diġà hija mibnija:
L-obbligi diġà msemmija jinkludu l-projbizzjoni li tiġi awtorizzata l-kostruzzjoni ta’ bini użat mill-pubbliku li — fid-dawl tal-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-ippjanar tal-użu tal-art — mhuwiex separat permezz ta’ distanza xierqa minn stabbiliment eżistenti meta fil-fatt numru ta’ bini komparabbli użat mill-pubblika diġà jinsab f’distanza mill-istabbiliment li mhijiex ikbar, jew li mhijiex ħafna ikbar, meta l-proġett il-ġdid ma jimponi ebda rekwiżit addizzjonali fuq l-operatur f’termini ta’ limitazzjoni tal-konsegwenzi ta’ aċċident u meta r-rekwiżiti marbuta mas-saħħa fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-akkomodazzjoni jkunu sodisfatti?
(3)
Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda:
Leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-kostruzzjoni ta’ bini użat mill-pubbliku għandha neċessarjament tiġi awtorizzata f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fid-domanda preċedenti tieħu suffiċjentement inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li tinżamm distanza xierqa?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 410
(2) ĠU L 311, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy