1.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/19
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2010 minn Agencja Wydawnicza Technopol sp. z o.o. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Novmbru 2009 fil-Kawżi T-425/07 u T-426/07, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (100)
(Kawża C-56/10 P)
2010/C 113/29
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Appellanti: Agencja Wydawnicza Technopol sp. z o.o. (rappreżentant: D. Rzążewska)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Novembru 2009, fil-Kawżi T-425/07 u T-426/07;
—
tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid; u
—
tornda lill-UASI jbati l-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 38(2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, għaliex meta ddikjarat li l-Bord tal-Appell ġustament talab li r-rikorrenti ma tinvokax id-drittijiet mhux esklużivi fuq l-elementi numeriċi 100 u 300, hija applikat kriterji legali żbaljati.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, applikat kriterji legali żbaljati meta ddeterminat li l-elementi li r-rikorrenti ntalbet tirrinuzja d-drittijiet fuqhom huma deskrittivi.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 7(1(ċ) u l-Artikolu 38(2) jew l-Artikolu 76 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, jew kisret dawn id-dispożizzjonijiet kollha, billi ma kkunsidratx b’mod adegwat il-prassi tal-UASI rigward ir-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jikkonsistu f’ċifri jew li jirreferu għall-kontenut ta’ pubblikazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy