27.3.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 80/22
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2010 minn Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert & Co. KG mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) mogħtija fit-30 ta’ Novembru 2009 fil-Kawża T-2/09: Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-73/10 P)
2010/C 80/38
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert & Co. KG (rappreżentanti: A. Rinne, Avukat, S. Kon, Solicitor, C. Humpe, Solicitor, C. Vajda QC)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-2/09, tat-30 ta’ Novembru 2009; u
—
tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament ta’ Weichert fil-Kawża T-2/09 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għal sentenza fuq it-talbiet ta’ Weichert għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-15 ta’ Ottubru 2008 (Każ COMP/39.188 — Banana) — sa fejn din tirrigwarda lil Weichert, jew
—
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għal sentenza fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ta’ Weichert fil-Kawża T-2/09.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddikkjarat ir-rikors inammissibbli fuq il-bażi li jista’ jkun hemm eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji fir-rigward tat-termini proċedurali fil-każ biss ta’ ċirkustanzi imprevedibbli jew li jammontaw għal forza maġġuri. Hija ssostni li tali approċċ huwa wisq ristrettiv u jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni jew li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq, l-importanza tad-dritt ta’ aċċess għal qorti f’proċeduri kriminali, il-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali u l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-bżonn imperattiv li jiġi evitat riżultat inġust.
Full & Egal Universal Law Academy