1.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/21
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2010 minn European Renewable Energies Federation ASBL (EREF) mid-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) tad-19 ta’ Novembru 2009 fil-Kawża T-40/08 — Euroepan Renewable Energies Federation ASBL (EREF) vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża C-75/10 P)
2010/C 113/33
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: European Renewable Energies Federation ASBL (EREF) (rappreżentant: J. Kuhbier, Rechtsanwalt)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tiddikjara n-nullità tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Novembru 2009 fil-Kawża T-40/08, EREF vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej;
—
tibgħat lura l-kawża quddiem is-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidieha;
—
tordna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż proċedurali marbuta mal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara n-nullità tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (iktar ’il quddiem il-“QPI”) tad-19 ta’ Novembru 2009 fil-Kawża T-40/08 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għar-rikunsiderazzjoni.
L-appellanti qiegħda tikkontesta l-konklużjoni tal-QPI li l-avukat tagħha, Dr. Fouquet, ma setgħatx tirrappreżentaha quddiem il-QPI u li r-rikors tagħha kien, għalhekk, inammissibbli.
Il-QPI tikkunsidra li peress li Dr Fouquet inħatret bħala direttriċi ta’ EREF fid-29 ta’ Ġunju 2004, hija ma setgħatx tibqa’ tiġi kkunsidrata bħala persuna terza indipendenti. L-appellanti ssostni li Dr Fouquet ma kinitx inħatret formalment bħala direttriċi ta’ EREF — taħt id-dritt Belġjan, tali ħatra kienet teħtieġ reġistrazzjoni uffiċjali mal-awtoritajiet kompetenti Belġjani. L-istatus ta’ Dr Fouquet bħala direttriċi ta’ EREF kien fit-titolu biss u ma kienx, jew kien biss b’mod limitat ħafna, marbut mas-setgħa ta’ rappreżentazzjoni.
L-appellanti ssostni wkoll li, anki jekk jitqies li l-pożizzjoni ta’ Dr Fouquet bħala direttriċi kienet ta’ natura formali, il-QPI applikat b’mod żbaljat il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-istatus ta’ avukat bħala parti terza indipendenti. Huwa sostnut li l-QPI fehmet b’mod żbaljat kemm is-sitwazzjoni legal tar-rappreżentant ta’ EREF quddiem il-Qorti u d-distribuzzjoni reali ta’ kompiti u obbligi bejn Dr Fouquet u EREF. Skont id-dritt Ġermaniż, il-pożizzjoni ta’ Dr Fouquet bħala direttriċi ta’ EREF kienet tippermettilha tirrappreżenta lill-appellanti quddiem il-Qorti.
Full & Egal Universal Law Academy