17.4.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 100/28
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-80/10)
2010/C 100/43
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Jimeno Fernández u A. Markouli)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li d-Digriet Ministerjali tar-Repubblika Ellenika Nru 552, tal-25 ta’ Awwissu 2004, kif emendat fit-8 ta’ Settembru 2008 u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2), (4), (5), u (7) tiegħu, l-Artikolu 5(4), (5), (6), u (7) tiegħu, u l-Artikolu 6(2) tiegħu, jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) u (6), tal-Artikolu 15(1), tal-Artikolu 16(1) u (2), u tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004;
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-digriet ministerjali inkwistjoni, dwar il-kontrolli uffiċjali fuq l-importazzjoni taċ-ċereali provenjenti minn Stati terzi, mhuwiex konformi ma’ ċerti dispożizzjonijiet partikolari tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.
Id-digriet ministerjali Grieg jipprovdi b’mod partikolari regoli ġenerali dwar il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi tal-lottijiet ta’ għalf u l-ikel li ma joriġinawx mill-annimali provenjenti minn Stati terzi, regoli li ma jagħtux lill-kontrolli fiżiċi li jsiru mill-awtorità kompetenti l-livell ta’ flessibbiltà u ta’ distinzjoni neċessarju għall-implementazzjoni tas-sistema prevista mill-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004.
Barra minn hekk, huwa jistabbilixxi regoli ġenerali għal dak li jirrigwarda l-konservazzjoni taħt kontroll uffiċjali ta’ dawn il-lottijiet, regoli li jipprovdu li l-lottijiet stess jitqiegħdu taħt kontroll uffiċjali fil-każ ta’ kontrolli ta’ rutina. Tali tqegħid mingħajr distinzjoni tal-lottijiet taħt kontroll uffiċjali fin-nuqqas ta’ suspett ta’ nuqqas ta’ konformità jew ta’ dubji jmur kontra l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Barra minn hekk, id-digriet ministerjali jawtorizza l-ħelsien tal-lottijiet kollha fl-iskadenza ta’ terminu ta’ sebat’ijiem ta’ xogħol, anki f’każ ta’ suspett ta’ nuqqas ta’ konformità jew ta’ dubji, u dan ukoll imur kontra l-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament.
Id-digriet ministerjali jipprovdi regoli speċifiċi għall-kontrolli tal-lottijiet provenjenti minn Stati terzi maħsuba sabiex tiġi identifikata l-preżenza ta’ organiżmi ġenetikament modifikati mhux awtorizzati. Dawn il-kontrolli għandhom isiru b’frekwenza ta’ 50 % għal-lottijiet ta’ qamħ u ta’ 100 % għal-lottijiet ta’ qamħirrum. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-perċentwali huma partikolarment għoljin u mhumiex kompatibbli mas-sistema stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 882/2004, b’mod partikolari l-Artikolu 16(1) u (2) tiegħu, u li dawn il-perċentwali jirriżultaw minn evalwazzjoni żbaljata tar-riskji u minn nuqqas ta’ distinzjoni.
Id-digriet jipprovdi li l-kontrolli tal-lottijiet tal-qamħirrum provenjenti mill-Bulgarija u mir-Rumanija, maħsuba sabiex tiġi vverifikata l-preżenza ta’ organiżmi ġenetikament modifikati mhux awtorizzati, għandhom isiru b’frekwenza ta’ 100 %. Il-Kummissjoni tikkunsidra li kontrolli b’frekwenza bħal din imorru kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, li jistabbilixxu li l-kontrolli tal-lottijiet provenjenti minn Stati Membri oħra għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskji, ma għandhomx ikunu diskriminatorji u għandhom ikunu proporzjonati.
Ir-Repubblika Ellenika ma tatx spjegazzjonijiet u informazzjoni suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati tad-digriet ministerjali dwar il-kontrolli uffiċjali fuq l-importazzjoni taċ-ċereali provenjenti minn Stati terzi u minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy