1.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/23
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Frar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Irlanda
(Kawża C-82/10)
2010/C 113/36
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: N. Yerrell, aġent)
Konvenuta: L-Irlanda
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li, billi naqset milli tapplika fl-intier tagħha l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni għall-impriżi ta’ assigurazzjoni mingħajr diskriminazzjoni, ir-Repubblika tal-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, b’mod partikolari, l-Artikoli 6, 8, 9, 13, 15, 16 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1973, dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja, kif sussegwentement emendata, u l-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357; u
—
tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li (i) il-Voluntary Health Insurance Board (Bord tal-assigurazzjoni tas-saħħa volontarja, iktar ’il quddiem il-“VHI”) ma setax jibqa’ jgawdi legalment minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 73/239/KEE b’effett mill-ewwel bidla fil-kapaċità tiegħu introdotta bid-dħul fis-seħħ tal-Voluntary Health Insurance (Amendment) Act 1996 (Att tal-1996 li jintroduċi emendi fir-rigward tal-assigurazzjoni tas-saħħa volontarja), u (ii) minn din id-data sar kompletament suġġett għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni, inklużi b’mod partikolari dawk dwar l-awtorizzazzjoni, is-sorveljanza finanzjarja, l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet tekniċi u marġni ta’ likwidità, inkluż il-fond ta’ garanzija.
VHI bħalissa għadu jwettaq l-operazzjonijiet kollha tiegħu mingħajr ma kiseb awtorizzazzjoni mill-Irish Financial Regulator (ir-regolatur finanzjarju Irlandiż), u mingħajr ma kkonforma ruħu, inter alia, mar-rekwiżiti meħtieġa ta’ likwidità.
Full & Egal Universal Law Academy