1.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 113/27
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2010 minn Media-Saturn-Holding GmbH mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża T-476/08 — Media-Saturn-Holding GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-92/10 P)
2010/C 113/42
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Media-Saturn-Holding GmbH (rappreżentanti: C.-R. Haarmann u E. Warnke, avukati)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla kompletament is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża T-476/08,
—
tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-28 ta’ Awwissu 2008 fil-Każ R 591/2008-4,
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa indirizzat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tal-appellanti għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, tat-28 ta’ Awwissu 2008, dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni tat-trade mark figurattiva “BEST BUY”. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat fil-liġi u b’mod li ma jistax jiġi ġustifikat ir-raġuni assoluta għar-rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks li ma jkollhomx karattru distintiv, prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”). Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet:
L-ewwel nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonstatat l-assenza ta’ karattru distintiv billi bbażat ruħha, b’mod inammissibbli, fuq evalwazzjoni ta’ trade mark differenti minn dik li għaliha saret l-applikazzjoni. Fl-eżami tal-karattru distintiv ittieħed bħala punt ta’ tluq sinjal kompost mill-element verbali “BEST BUY” miktub kif suppost u li kien is-suġġett ta’ proċeduri oħra quddiem il-Qorti Ġenerali. B’differenza minn dan is-sinjal l-ieħor, fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tal-appellanti, minħabba l-arranġament tal-ittri enfasizzati “B”, fejn din l-ittra hija l-ewwel ittra tal-kliem “BEST” u “BUY”, jista’ jiġi kkunsidrat li hemm allegat element verbali “BEST BUY” biss wara fażi ta’ riflessjoni. Minħabba li d-differenza li tirriżulta mill-kitba anormali u irregolari tista’ tkun biżżejjed sabiex tissodisfa l-minimu ta’ karattru distintiv meħtieġ, fl-eżami tal-karattru disintiv il-Qorti Ġenerali ma setgħatx tibbaża ruħha fuq deċiżjoni preċedenti li kienet tikkonċerna sinjal li ma kellux preċiżament dan l-element partikolari.
It-tieni nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma rrispettatx il-prinċipju li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza jew l-assenza tal-karattru disintiv ta’ trade mark komposta, huwa meħtieġ li jsir eżami tat-trade mark globali. Dan l-eżami globali ma sarx fis-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali evalwat kull element individwali sabiex tivverifika jekk element — waħdu — setax jagħti karattru distintiv lis-sinjal, li awtomatikament ma kienx il-każ meta fil-fehma tal-Qorti Ġenerali l-komponent, ikkunsidrat waħdu, ma kellux karattru distintiv. Ma sarx eżami tat-trade mark globali, eżami li ma kienx jista’ jeskludi li t-total tal-elementi individwali li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni kien jirriżulta fi trade mark li, meta kkunsidrata globalment, kienet tikkwalifika għal protezzjoni.
It-tielet nett, fl-eżami tal-karattru distintiv il-Qorti Ġenerali applikat kriterju strett wisq. Hija kkunsidrat li l-perċezzjoni tat-trade mark “prinċipalment” bħala slogan pubbliċitarju kienet biżżejjed sabiex tkun sodisfatta r-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Dan iżda jammonta għal applikazzjoni inkorretta tal-prinċipju legali stabbilit fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sens ta’ tifħir ta’ trade mark verbali ma jeskludix li din it-trade mark xorta waħda tista’ tkun adegwata sabiex tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew servizzi identifikati minnha. Il-pubbliku kkonċernat jista’ raġonevolment jipperċepixxi tali trade mark bħala slogan pubbliċitarju u bħala indikazzjoni ta’ oriġini kummerċjali fl-istess ħin. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kien imissha, minn tal-inqas, spjegat għaliex dan ma kienx il-każ fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy