22.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 134/18
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission (l-Awstrija) fit-23 ta’ Frar 2010 — Gentcho Pavlov u Gregor Famira vs Ausschuss der Rechtsanwaltskammer Wien
(Kawża C-101/10)
2010/C 134/28
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Gentcho Pavlov, Gregor Famira
Konvenut: Ausschuss der Rechtsanwaltskammer Wien
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 38(1) tal-Ftehim ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra (1) kellu jiġi applikat direttament, għall-perijodu bejn it-2 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006, fil-kuntest tal-proċedura għall-iskrizzjoni ta’ ċittadin Bulgaru fil-lista tal-avukati stagiaires?
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:
(2)
L-Artikolu 38(1) Ftehim ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra, jipprekludi, minn naħa, l-applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) u (5) tal-Österreichische Rechtsanwaltsordnung (Liġi Awstrijaka dwar l-avukati) li teżiġi, fost l-oħrajn, bħala kundizzjoni għall-iskrizzjoni, il-prova taċ-ċittadinanza Awstrijaka jew ta’ ċittadinanza li titqies ekwivalenti, fir-rigward tat-talba għall-iskrizzjoni fil-lista tal-avukati stagiaires Awstrijaċi u għall-kisba ta’ ċertifikat li jawtorizza r-rappreżentanza legali fis-sens tal-Artikolu 15(3) tal-Liġi Awstrijaka dwar l-avukati, imressqa fit-2 ta’ Jannar 2004, minn ċittadin Bulgaru impjegat ma’ avukat Awstrijak, u, min-naħa l-oħra, iċ-ċaħda ta’ din it-talba bbażata biss fuq iċ-ċittadinanza, minkejja l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra u minkejja l-fatt li l-applikant ġie awtorizzat jistabbilixxi ruħu u għandu permess ta’ xogħol?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 59, p. 201
Full & Egal Universal Law Academy